Language of document : ECLI:EU:T:2018:879

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea CCB – Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea CB – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali – Reputazzjoni u karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (UE) 2017/1001) – It-tieni sentenza tal-Artikolu 75, u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru t-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1), u l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑665/17,

China Construction Bank Corp., stabbilita f’Beijing (iċ-Ċina), irrappreżentata minn A. Carboni u J. Gibbs, solicitors,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Groupement des cartes bancaires, stabbilit f’Pariġi (Franza), irrappreżentat minn C. Herissay Ducamp, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑14 ta’ Ġunju 2017 (Każ R 2265/2016‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Groupement des cartes bancaires u China Construction Bank,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ükelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Settembru 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Diċembru 2017,

wara s-seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑14 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti, China Construction Bank Corp., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li saret matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, taħt il-Klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957 kif irrevedut u emendat, u li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi bankarji; evalwazzjoni finanzjarja [assigurazzjoni, operazzjonijiet bankarji, proprjetà immobbli]; servizzi ta’ finanzjar u finanzjament; servizzi ta’ kards; depożiti ta’ oġġetti ta’ valur; stima ta’ oġġetti antiki; sensarija; servizzi ta’ garanzija; kuraziji”.

4        Fis‑7 ta’ Mejju 2015, l-intervenjent, Groupement des cartes bancaires, għamel oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea rreġistrata fit‑12 ta’ Novembru 1999 taħt in-Numru 269415 u li hija kif ġej:

Image not found

6        It-trade mark preċedenti kienet b’mod partikolari rreġistrata għas-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 36 li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Assigurazzjonijiet u finanzi, jiġifieri: servizzi ta’ assigurazzjoni, entità; ħruġ ta’ ċekkijiet tal-vjaġġaturi u ta’ ittri tal-kreditu; servizzi bankarji [finanzjarji], affarijiet monetarji, servizzi bankarji; servizzi ta’ fondi providenti; ġestjoni ta’ flussi bankarji u monetarji b’mezzi elettroniċi; servizzi ta’ kartiera elettronika; ħruġ u servizzi ta’ kards imħallsin minn qabel, kards tal-ħlas, ta’ kreditu, ta’ kontanti, b’ċirkwiti integrati, magnetiċi u kards tal-memorja; ħruġ ta’ kards tal-bank mhux elettroniċi; servizzi biex jinġibdu l-flus permezz ta’ kards b’ċirkwiti integrati, trasferimenti [elettroniċi] ta’ fondi; servizzi ta’ ħlas b’mezz elettroniku; servizzi ta’ pagament b’kards; servizzi ta’ cards imħallsa minn qabel; servizzi ta’ transazzjonijiet finanzjarji lil detenturi ta’ kards permezz ta’ ATMs; servizzi ta’ awtentikazzjoni u ta’ verifikazzjoni tal-partijiet; informazzjoni finanzjarja permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni; servizzi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ pagamenti permezz ta’ numri tal-kards; servizzi għall-ħlas remot sikur; informazzjoni finanzjarja jiġifieri ġbir ta’ informazzjoni u ta’ data finanzjarja”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien b’mod partikolari dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

8        Fl‑4 ta’ Ottubru 2016, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni għar-raġuni li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

9        Fil‑5 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikors.

11      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell qies li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kien dak tal-Unjoni Ewropea u li l-pubbliku rilevanti kien kompost parzjalment minn professjonisti u parzjalment minn konsumaturi finali jew mill-pubbliku inġenerali, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa għoli (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, taħt it-titolu “Reputazzjoni” (punti 22 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa qies, billi bbaża ruħu fuq diversi elementi pprovduti mill-intervenjent, li l-pubbliku Franċiż rilevanti jidentifika t-trade mark preċedenti bħala li hija l-inizjali “CB” li jiddefinixxi l-kard tal-ħlas tal-Groupement des cartes bancaires u invoka r-reputazzjoni tat-trade mark verbali CB għal servizzi inklużi fil-Klassi 36, kif stabbilit mir-Raba’ Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tiegħu tas‑27 ta’ Awwissu 2014 dwar il-Każ R 944/2013‑4, CCB vs CB (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell”).

12      Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali, il-Bord tal-Appell qies, minkejja l-karattru stilistiku ħafna tat-trade mark preċedenti, li din tal-aħħar titqies bħala li hija l-grupp ta’ ittri kbar “CB” u li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien aċċessorju fid-dawl tal-element dominanti kkostitwit mill-grupp ta’ ittri kbar “CCB” (punti 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa ddeduċa minn dan, essenzjalment, l-eżistenza ta’ ċertu xebh viżiv bejn it-trade marks f’kunflitt (punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li qies li dawn it-trade marks kienu, fuq il-livell fonetiku, simili fi grad ogħla mill-medju, peress b’mod partikolari li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tinkludi l-ittri tat-trade mark preċedenti, u wara li rrileva li ma kienx possibbli li jsir paragun kunċettwali peress li l-ebda sinjal ma kellu tifsira, il-Bord tal-Appell approva l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni magħmula mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (punti 34 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Wara li rrileva li l-identiċità tas-servizzi kkonċernati ma kinitx ikkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, fid-dawl ta’ din l-identiċità, tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza u tax-xebh tas-sinjali, id-differenzi bejn dawn is-sinjali u l-livell ta’ attenzjoni ogħla mill-medju tal-pubbliku rilevanti ma kinux suffiċjenti sabiex titneħħa l-probabbiltà ta’ konfużjoni mill-pubbliku rilevanti fi Franza (punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa żied li l-fatt li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark ma jintużawx regolarment mill-konsumaturi kien iżid il-possibbiltà li dawn il-konsumaturi, anki dawk li juru livell għoli ta’ attenzjoni, jieħdu żball minħabba l-memorja impreċiża tagħhom tal-konfigurazzjoni tat-trade marks (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

14      Wara xi rinunzji li saru matul is-seduta u li sar notament tagħhom fil-proċess verbali tas-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjent għall-ispejjeż.

15      L-EUIPO titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob, fid-dawl tal-preċiżjonijiet mogħtija matul is-seduta u li sar notament tagħhom fil-proċess verbali tas-seduta, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 kif ukoll tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru t-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 2017/1001) u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

18      Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu tiegħu li jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq motivi li l-partijiet setgħu jieħdu pożizzjonijiet dwarhom (it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009) kif ukoll dak li jillimita l-eżami tiegħu għall-motivi invokati mill-partijiet (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009), billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq id-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell u fuq l-assenza ta’ użu regolari tas-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 36, filwaqt li din id-deċiżjoni u din il-konstatazzjoni la kienu ġew invokati u lanqas prodotti jew ippruvati matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u li hija ma kellhiex l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tagħhom.

19      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami mwettaq mill-EUIPO huwa limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet.

20      Din id-dispożizzjoni tillimita l-eżami mwettaq mill-EUIPO f’żewġ aspetti. Hija tkopri, minn naħa, il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO, jiġifieri l-fatti u l-provi li dawn jistgħu validament ikunu bbażati fuqhom u, min-naħa l-oħra, il-bażi legali ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li l-istanza adita hija obbligata tapplika. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, billi jiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni li ttemm proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq ir-raġunijiet relattivi għal rifjut li l-parti kkonċernata invokat kif ukoll fuq il-fatti u l-provi relatati magħhom ippreżentati minn din il-parti (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Éditions Albert René vs UASI – Orange (MOBILIX), T‑336/03, EU:T:2005:379, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO jistgħu jkunu bbażati biss fuq motivi li l-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni dwarhom.

22      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li d-dritt għal smigħ, kif stabbilit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, jestendi għall-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll għall-provi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni, madankollu dan ma japplikax għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni tkun biħsiebha tadotta. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jisma’ lil rikorrenti fuq evalwazzjoni fattwali li tagħmel parti mill-pożizzjoni finali tiegħu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-fatt li parti ma setgħetx tagħti l-opinjoni tagħha dwar affermazzjonijiet li ma jikkostitwixxux raġuni awtonoma tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li jagħmlu parti mir-raġunament tal-Bord tal-Appell dwar l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, filwaqt li din il-parti setgħet tiegħu pożizzjoni fuq ir-raġunijiet dwar il-paragun tas-sinjali li d-deċiżjoni hija bbażata fuqhom, ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2008, Demp vs UASI – Bau How (BAU HOW), T‑106/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:14, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell, hemm lok jiġi rrilevat, bħall-EUIPO u l-intervenjent, li dan tal-aħħar invoka u kkomunika l-imsemmija deċiżjoni insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu (osservazzjonijiet tal‑10 ta’ Novembru 2015 insostenn tal-oppożizzjoni), sussegwentement bi tweġiba għar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (osservazzjonijiet tas‑17 ta’ Frar 2017).

24      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell f’dan il-każ validament ibbaża ruħu fuq din l-informazzjoni invokata minn parti fit-tilwima. Hemm lok jiżdied li, sa fejn hija biss id-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell innifsu li ġiet invokata u mhux il-provi kollha kkomunikati matul il-proċedimenti li taw lok għal dik id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell, ġustament, sempliċement għamel riferiment għall-konklużjoni tal-evalwazzjoni magħmula fl-imsemmija deċiżjoni insostenn tal-evalwazzjoni tiegħu stess tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

25      Minn dan isegwi wkoll u neċessarjament li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-oppożizzjoni kif ukoll fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-motivi tiegħu jagħmlu riferiment għad-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell, li tagħti b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar din id-deċiżjoni tal-aħħar. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti kienet barra minn hekk f’pożizzjoni informata dwar id-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell, inkluż l-elementi kollha li ttieħdu inkunsiderazzjoni fiha, għaliex hija kienet parti mill-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

26      Jista’ jiżdied li, anki jekk dawn il-possibbiltajiet ta’ teħid ta’ pożizzjoni dwar id-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell ma kinux meqjusa bħala suffiċjenti sabiex jiġi rrispettat id-dritt tar-rikorrenti għal smigħ, id-deċiżjoni kkontestata xorta ma tkunx ivvizjata minħabba dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Australian Gold vs UASI – Effect Management & Holding (HOT), T‑611/13, EU:T:2015:492, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, bħalma ser jiġi stabbilit fil-punt 47 iktar ’il quddiem li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza huma fondati indipendentement mill-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell, il-proċedura amministrattiva inkwistjoni ma setgħetx twassal għal riżultat differenti li kieku r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq din id-deċiżjoni wara osservazzjonijiet tal-intervenjent bi tweġiba għar-rikors tagħha quddiem il-Bord tal-Appell.

27      Fir-rigward, fit-tieni lok, għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ użu regolari tas-servizzi mitluba li jaqgħu taħt il-Klassi 36, ċertament jista’ jiġi aċċettat, bħalma argumentat ir-rikorrenti, li din il-konstatazzjoni la ġiet invokata bħala tali quddiem il-Bord tal-Appell u lanqas stabbilita bi provi matul il-proċedimenti li taw lok għad-deċiżjoni kkontestata.

28      Għandu madankollu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni inkwistjoni la tikkostitwixxi l-“bażi fattwali” tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq u lanqas “raġuni indipendenti” tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens ta’ dik imsemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq. Bħalma jirrileva b’mod rilevanti l-EUIPO, din il-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ użu regolari tas-servizzi inkwistjoni hija marbuta, f’dan il-każ, mal-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti jiftakar immaġini mhux perfett tat-trade marks inkwistjoni, kunsiderazzjoni li għandu jiġi enfasizzat barra minn hekk li hija bbażata fuq il-possibbiltajiet rari, ammessi b’mod ġenerali, li jitwettaq paragun dirett tat-trade marks u li hija kkonfermata f’dan il-każ mill-użu mhux regolari tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, EU:T:2002:262, punt 28, u tas‑17 ta’ Settembru 2008, FVB vs UASI – FVD (FVB), T‑10/07, mhux ippubblikata, EU:T:2008:380, punti 29 u 56).

29      Minn dan isegwi li, billi bbaża ruħu fuq l-assenza ta’ użu regolari tas-servizzi inkwistjoni, il-Bord tal-Appell, minn naħa, ma eċċediex l-limiti tal-bażi fattwali tal-eżami tiegħu u, min-naħa l-oħra, ma kellux l-obbligu jisma’ lir-rikorrenti fuq il-konstatazzjoni inkwistjoni.

30      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

31      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, taħt l-inċiż (i) tal-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-inċiż (i) tal-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament 2017/1001), trade marks preċedenti għandhom ifissu t-trade marks tal-Unjoni Ewropea li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, skont il-pubbliku rilevanti kif iqis is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi li jiddenotaw (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi identiċità jew xebh tat-trade marks f’kunflitt u identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jiddenotaw. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-mod kif il-konsumatur medju jqis it-trade marks tal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni għandu rwol deċiżiv fl-evalwazzjoni globabli tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn professjonisti u mill-pubbliku inġenerali u li għandu livell għoli ta’ attenzjoni (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-kunsiderazzjoni għandha tiġi kkonfermata, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tas-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2015, AgriCapital vs UASI – agri.capital (AGRI.CAPITAL), T‑514/13, EU:T:2015:372, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Ir-rikorrenti ma tikkontestax barra minn hekk id-definizzjoni mill-Bord tal-Appell tat-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri t-territorju tal-Unjoni, peress li huwa biżżejjed li tkun teżisti raġuni relattiva għal rifjut f’parti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO bil-bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Ir-rikorrenti tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, dik tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt kif ukoll l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ.

 Fuq il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

38      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fuq il-konklużjonijiet dwar ir-reputazzjoni, kif esposti fid-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell, minkejja b’mod partikolari li inkwistjoni f’dik id-deċiżjoni kien hemm trade mark differenti mit-trade mark preċedenti. Hija tikkritikah ukoll li ma identifikax is-servizzi li fil-konfront tagħhom huwa qies li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni u tqis li l-provi prodotti ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita r-reputazzjoni għas-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti. Ir-rikorrenti tikkritika fl-aħħar nett il-fatt li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, minkejja li l-unika rilevanza għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni hija d-determinazzjoni tal-karattru distintiv imsaħħah tagħha.

39      Hemm lok jiġi rrilevat, preliminarjament, bħalma jenfasizza b’mod rilevanti l-EUIPO, li l-kunċetti ta’ “reputazzjoni” u ta’ “karattru distintiv għoli” huma marbuta mill-qrib. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta fil-fatt li r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti tista’ tikkontribwixxi għall-karattru distintiv għoli tagħha u, għaldaqstant, iżżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark u trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, EU:T:2003:288, punt 44, u tas‑27 ta’ Marzu 2012, Armani vs UASI – Del Prete (AJ AMICI JUNIOR), T‑420/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:156, punt 33). Il-karattru distintiv għoli ta’ trade mark għaldaqstant seta’ jiġi rrikonoxxut minħabba r-reputazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2011, PJ Hungary vs UASI – Pepekillo (PEPEQUILLO), T‑580/08, EU:T:2011:227, punt 91, u tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Panrico vs UASI – HDN Development (Krispy Kreme DOUGHNUTS), T‑534/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:751, punt 60).

40      Mill-ġurisprudenza tirriżulta wkoll differenza ta’ enfażi bejn ir-reputazzjoni u l-karattru distintiv għoli ta’ trade mark, iktar minn differenza ta’ natura. Fil-fatt ġie deċiż, minn naħa, li l-eżistenza ta’ karattru distintiv ogħla min-normal, minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu ta’ trade mark fis-suq, tippreżupponi neċessarjament li din it-trade mark tkun magħrufa mill-inqas minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollha reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001) (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, EU:T:2006:202, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ġie deċiż, min-naħa l-oħra, billi sar riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, General Motors (C‑375/97, EU:C:1999:408, punti 26 u 27), li ddeċidiet dwar ir-reputazzjoni, li l-fatturi rilevanti sabiex jiġi evalwat l-akkwist ta’ karattru distintiv għoli minħabba l-użu kienu l-istess bħal dawk rilevanti sabiex tiġi evalwata r-reputazzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha kif ukoll l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2006, VITACOAT, T‑277/04, EU:T:2006:202, punt 35).

41      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu b’mod rilevanti, sabiex jevalwa jekk it-trade mark preċedenti kellhiex karattru distintiv għoli, fuq l-elementi allegati mill-intervenjenti sabiex tistabbilixxi r-reputazzjoni tagħha.

42      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, u huwa aċċettat bejn il-partijiet, li l-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza kemm fuq il-provi intiżi li jistabbilixxu din ir-reputazzjoni pprovduti mill-intervenjent, meħuda u analizzati fil-punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fuq id-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell, imsemmija fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Ir-rikorrenti tikkontesta l-użu ta’ dawn iż-żewġ argumenti bħala bażi tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

44      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi intiżi li jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza, hemm lok jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti ma tikkontestax li dawn il-provi kienu jippermettu li tiġi stabbilita tali reputazzjoni għal uħud mis-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 36. Fil-fatt hija sempliċement tikkritika l-assenza ta’ identifikazzjoni tas-servizzi kkonċernati tal-Klassi 36 u għaldaqstant l-assenza li jiġi stabbilit il-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti għal dawn is-servizzi kollha.

45      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandha ssir fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri u li huma s-sors ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-identiċità tagħhom jew ix-xebh tagħhom mal-prodotti jew mas-servizzi koperti minn din it-trade mark. F’dan il-każ, mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrepeti f’dan ir-rigward id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jirriżulta li s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark ġew meqjusa bħala identiċi għas-“servizzi bankarji [finanzjarji], affarijiet monetarji, servizzi bankarji” koperti mit-trade mark preċedenti (ara wkoll il-punti 37 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata), li għandu jiġi kkonfermat. Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ma kienx obbligat jevalwa l-eżistenza ta’ karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti għas-servizzi kollha li jaqgħu taħt il-Klassi 36 koperti mill-imsemmija trade mark. Għaldaqstant, ġustament, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (punti 4, 22 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata) u bħalma kkonferma l-EUIPO matul is-seduta, huwa eżamina r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fil-konfront tas-servizzi finanzjarji, tas-servizzi monetarji u tas-servizzi bankarji.

46      Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement targumenta li l-provi prodotti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma kinux juru l-użu tat-trade mark preċedenti għas-“servizzi bankarji [finanzjarji], affarijiet monetarji, servizzi bankarji” u, sabiex tagħmel dan, hija tagħmel riferiment, mingħajr ebda preċiżjonijiet oħrajn, għall-osservazzjonijiet tal-intervenjent insostenn tal-oppożizzjoni tagħha. Issa, tali elementi ma jippermettux li tiġi mminata l-informazzjoni pprovduta mill-intervenjent dwar in-numru ta’ kards ta’ kreditu fis-suq li għandhom is-sinjal figurattiv preċedenti (iktar minn 62 miljun fl‑2014), dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa b’dawn il-kards (iktar minn 10 biljun fl‑2014) u dwar ir-rwol essenzjali tal-intervenjent – li jippreżenta ruħu f’ċerti dokumenti bħala li huwa l-“Groupement des cartes bancaires CB” ‑ fis-sistema ta’ pagamenti Franċiża u fit-tranżazzjonijiet b’kards ta’ kreditu fi Franza, li l-Bord tal-Appell b’mod rilevanti ddeduċa minn dan l-intensità tal-użu tat-trade mark preċedenti għas-servizzi msemmija iktar ’il fuq u l-livell ta’ għarfien meħtieġ mill-pubbliku rilevanti Franċiż kif ukoll, għaldaqstant, ir-reputazzjoni tagħha fi Franza (punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara wkoll il-punt 40 iktar ’il fuq).

47      Għaldaqstant, sa fejn dawn il-motivi għad-deċiżjoni kkontestata huma, fihom infushom, ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza, l-iżbalji li jistgħu jivvizzjaw il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata bbażata fuq id-Deċiżjoni CCB vs CB tar-Raba’ Bord tal-Appell huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr influwenza fuq din il-konklużjoni. L-argumenti kollha li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkritika l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jagħmlu riferiment għal din id-deċiżjoni għandhom, għaldaqstant u fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

48      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod korrett il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, li l-argumenti miġjuba mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment ma jippermettux li tiġi mminata l-konstatazzjoni li tipprovdi li t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn reputazzjoni fi Franza.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

49      Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li hemm ċertu xebh viżiv bejn is-sinjali f’kunflitt, billi ħa inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-evalwazzjoni tiegħu ta’ dan ix-xebh, billi analizza din it-trade mark preċedenti daqs li kieku kienet it-trade mark verbali CB u billi ffoka l-eżami tiegħu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fuq l-element verbali tagħha “ccb” mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni tal-element figurattiv tagħha. Hija tqis, barra minn hekk, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li s-sinjali kienu fonetikament simili f’livell ogħla mill-medju, peress li, fil-każ ta’ sinjali daqshekk qosra, id-differenza li tirriżulta miż-żieda ta’ ittra immedjatament titqies bħala sinjifikattiva. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-assenza ta’ influwenza tax-xebh kunċettwali fuq l-evalwazzjoni globali tax-xebh u tal-importanza tax-xebh viżiv fil-kuntest tal-paragun tat-trade marks figurattivi, il-Bord tal-Appell kellu jikkonkludi f’dan il-każ, l-iktar l-iktar, li s-sinjali kienu jixxiebhu fuq livell baxx ħafna.

50      Hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, EU:T:2003:264, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Bħalma targumenta ġustament ir-rikorrenti, għandha, ċertament, issir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ element ta’ trade mark kumplessa, li hija marbuta mal-possibbiltà li dan l-element jiddomina l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark, u l-analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, li hija marbuta mal-portata tal-protezzjoni mogħtija lil tali trade mark. Il-karattru distintiv ta’ trade mark kumplessa huwa eżaminat sa mill-istadju tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali u l-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C‑235/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2006:271, punt 43, u s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 58). Barra minn hekk, meta trade mark ikollha karattru distintiv, dan għandu jiġi attribwit lit-trade mark fit-totalità tagħha u mhux awtomatikament lill-elementi kollha li jiffurmawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Max Mara Fashion Group vs UASI – Mackays Stores (M & Co.), T‑272/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1020, punt 61, u tal‑14 ta’ Lulju 2017, Certified Angus Beef vs EUIPO – Certified Australian Angus Beef (CERTIFIED AUSTRALIAN ANGUS BEEF), T‑55/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:499, punt 22).

52      Madankollu, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li l-karattru distintiv għoli ta’ trade mark ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit, permezz ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi, il-karattru distintiv ta’ wieħed mill-elementi ta’ din it-trade mark. Fil-fatt, il-karattru distintiv għoli u a fortiori r-reputazzjoni ta’ sinjal jista’ jkollhom irwol fid-determinazzjoni tal-karattru distintiv ta’ element li jifforma s-sinjal inkwistjoni, sa fejn l-għarfien għoli tar-rabta stabbilita b’dan is-sinjal bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti u impriża ddeterminata jista’ jinfluwenza kif jitqiesu l-konnessjonijiet bejn id-diversi elementi li jiffurmaw is-sinjal inkwistjoni, b’mod partikolari l-karattru iktar distintiv ta’ wħud iktar milli ta’ oħrajn.

53      Ċertament, fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, CEDC International vs UASI – Fabryka Wódek Polmos Łańcut (WISENT) (T‑449/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:839, punt 65), invokata mir-rikorrenti kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kienu effettivament u bħala tali fatturi ta’ evalwazzjoni rilevanti tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara wkoll il-punt 51 iktar ’il fuq). Madankollu ma jistax jiġi dedott minn dik is-sentenza li l-karattru distintiv għoli jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv tal-elementi li jiffurmawha, determinazzjoni li hija għall-iskop tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, WISENT (T‑449/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:839, punt 66), il-Qorti Ġenerali stess ħalliet miftuħa l-possibbiltà ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni, peress li hija sempliċement qalet li l-EUIPO ma kienx obbligat, fiċ-ċirkustanzi ta’ dik il-kawża, jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv għoli jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti matul il-paragun tas-sinjali.

54      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell seta’, mingħajr żball ta’ liġi, jibbaża ruħu fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza u, għaldaqstant, fuq l-importanza tal-għarfien tar-rabta stabbilita b’din it-trade mark mal-kards ta’ kreditu ddefiniti bl-inizjali CB tal-Groupement des cartes bancaires, sabiex jiddeduċi minn dan, ġustament, li l-pubbliku rilevanti, f’dak l-Istat Membru, iqis it-trade mark preċedenti bħala li hija l-element verbali ffurmat mill-inizjali CB (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Għaldaqstant huwa rrilevanti, fi kwalunkwe każ, li, f’deċiżjoni preċedenti (id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2004 fil-Każ R 149/2004‑1), l-Ewwel Bord tal-Appell, billi bbaża ruħu fuq territorju rilevanti li ma jinkludix lil Franza u mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, li kienet is-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark fil-kawża inkwistjoni, qies li l-pubbliku rilevanti ma jqisx din it-trade mark bħala li tirrappreżenta l-ittri kbar “C” u “B”.

56      Hemm lok jiġi rrilevat barra minn hekk li, billi ddeduċa mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza li l-pubbliku rilevanti f’dan l-Istat Membru jqisha bħala li hija l-inizjali CB, il-Bord tal-Appell għamel din il-kunsiderazzjoni b’mod supplimentari, bħalma jenfasizza l-użu tal-espressjoni avverbjali “barra minn hekk”, wara li spjega kif l-istilizzazzjoni ta’ din it-trade mark setgħet titqies bħala li tifforma l-element verbali “cb” (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Issa, minbarra argument bbażat fuq id-deċiżjoni msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq u miċħud fl-imsemmi punt, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda argument ta’ natura li jimmina din l-analiżi tal-aħħar.

58      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell, ġustament, wettaq il-paragun tas-sinjali f’kunflitt billi bbaża ruħu prinċipalment fuq l-element verbali “cb” tat-trade mark preċedenti.

59      Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell qies, ġustament, u mingħajr ma bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-element verbali tat-trade mark huwa bħala prinċipju iktar distintiv mill-element figurattiv meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, ikkritikata mir-rikorrenti, li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element distintiv u dominanti li għandu prinċipalment ikun is-suġġett tal-paragun mat-trade mark preċedenti kien ikkostitwit mill-element verbali “ccb”.

60      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tikkonstata essenzjalment ir-rikorrenti, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni la huwa l-element dominanti u lanqas l-element distintiv ta’ din it-trade mark. Minn naħa, huwa ma jiddominax it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, la permezz tad-daqs tiegħu, ekwivalenti għal dak tal-element verbali, u lanqas permezz tal-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark. Għall-kuntrarju, bħalma rrileva b’mod rilevanti l-Bord tal-Appell fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-pożizzjoni tiegħu fuq it-tieni ittra kbira “C” tal-element verbali, huwa jenfasizza din l-ittra, u dan iktar u iktar peress li jista’ jitqies bħala l-ittra “c” stilizzata. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-pubbliku rilevanti f’dan il-każ u bħalma rrileva l-EUIPO, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistax jitqies bħala li jfisser l-espressjoni Ċiniża li allegatament huwa jissimbolizza. Huwa ser jitqies pjuttost, fid-dawl tal-forom ġeometriċi sempliċi li huwa kompost minnhom, jiġifieri kwadru f’ċirku, bħala li jżejjen l-element verbali “CCB”, li jista’ jiġi osservat fir-rigward tiegħu li huwa ffurmat b’inizjali tad-denominazzjoni tar-rikorrenti u li huwa jistabbilixxi b’dan il-mod l-oriġini tas-servizzi koperti tal-impriża inkwistjoni, karatteristiku tal-kunċett ta’ karattru distintiv.

61      Minn dan jirriżulta li, fuq il-livell viżiv, il-Bord tal-Appell, ġustament, ikkonkluda li hemm ċertu xebh bejn is-sinjali f’kunflitt. Fil-fatt, fid-dawl tal-elementi distintivi tas-sinjali, bħalma identifikati fil-punti 54 u 60 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-elementi ta’ xebh marbuta mal-grupp ta’ ittri kbar komuni “CB” ma humiex ikkumpensati bid-differenzi li jirriżultaw miż-żieda tal-ittra kapitali “C” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mill-elementi figurattivi distinti taż-żewġ sinjali.

62      Bl-istess mod, fuq il-livell fonetiku, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li kien hemm xebh għoli bejn is-sinjali f’kunflitt. Fil-fatt, fid-dawl ukoll tal-elementi distintivi tas-sinjali u tal-pronunzjazzjoni tagħhom ittra ittra, aċċettata mir-rikorrenti, hemm lok jitqies li ż-żewġ sinjali huma ppronunċjati b’mod simili ħafna, peress li hija l-ittra “c” biss li hija rripetuta fil-pronunzjazzjoni tal-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, tali repetizzjoni tipprekludi li l-każ preżenti jiġi pparagunat mal-każ li fih tiżdied it-tielet ittra, differenti miż-żewġ ittri komuni għas-sinjali f’kunflitt. Għandu barra minn hekk jiġi ppreċiżat, ukoll kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma bbaża ruħu fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti sabiex iqis li r-repetizzjoni tal-ittra “c” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ titqies bħala żball ta’ pronunzjazzjoni (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Minn dan isegwi, fid-dawl barra minn hekk tal-impossibbiltà li jitwettaq il-paragun kunċettwali, mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li s-sinjali f’kunflitt kienu jixxiebhu.

64      Dan ikun japplika wkoll, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, fil-każ li kellha tingħata importanza kbira għall-paragun viżiv, peress li mill-punt 61 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li kien hemm ċertu xebh viżiv bejn is-sinjali f’kunflitt.

 Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

65      Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, b’mod żbaljat, li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni f’dak il-każ fid-dawl tal-iżbalji tiegħu fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti u fil-paragun tas-sinjali inkwistjoni. Hija żżid li l-Bord tal-Appell, minn naħa, wettaq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni b’mod żbaljat meta qies bħala stabbilita l-eżistenza ta’ tali probabbiltà u, min-naħa l-oħra, ħa inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, tal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ użu regolari tas-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 36.

66      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17, u tal‑14 ta’ Diċembru 2006, VENADO bil-bordura et, T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74).

67      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti (ara, b’mod partikolari, il-punti 48 u 63 iktar ’il fuq), iddeduċa ġustament l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mill-identiċità tas-servizzi kkonċernati, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza u x-xebh tas-sinjali f’kunflitt (punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Hemm lok jiżdied li din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-kritiċi indirizzati kontra l-konstatazzjoni mill-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ użu regolari tas-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 36. Fil-fatt, anki jekk jitqies, bħalma targumenta r-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell ikkonstata b’mod żbaljat li dawn is-servizzi ma kinux użati regolarment u b’mod żbaljat ħa inkunsiderazzjoni din l-assenza ta’ użu regolari, għandu jitfakkar li din il-konstatazzjoni sempliċement tikkorrabora, b’motiv supplimentari, il-kunsiderazzjoni ġenerali li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti jiftakar stampa perfetta tat-trade marks (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti, barra minn hekk, ma tikkontestax.

69      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tippretendi r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma wasalx għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni billi telaq mill-premessa li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jwassal kważi awtomatikament għal probabbiltà ta’ konfużjoni li huma biss differenzi ikbar bejn is-sinjali u s-servizzi jew karattru distintiv baxx tat-trade mark preċedenti li jistgħu jeskluduha. Dan l-argument huwa bbażat fil-fatt fuq qari żbaljat tal-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata. Billi indika f’dak il-punt li d-differenzi bejn is-sinjali u l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti ma kinux jippermettu li tiġi eskluża l-probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta mill-identiċità tas-servizzi, mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u mix-xebh bejn is-sinjali, il-Bord tal-Appell ma telaqx minn tali premessa, iżda sempliċement wettaq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens li fatturi li jixxiebhu b’mod sinjifikattiv huma kkumpensati, jew le, b’fatturi li jixxiebhu inqas jew li ma jixxiebhux (ara l-punt 66 iktar ’il fuq).

70      Hemm lok, konsegwentement, li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, għaldaqstant, ir-rikors fit-totalità tiegħu, jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      China Construction Bank Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.