Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Novembru 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-135/07, Smadja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-513/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: K. Herrmann u D. Martin, aġenti)

Appellata: Daniele Smadja (New Delhi, l-Indja)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta' Settembru 2008 fil-kawża F-135/07;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn D. Smadja;

tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma' din il-proċedura u ma' dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-11 ta' Settembru 2008, mogħtija fil-kawża Smadja vs Il-Kummissjoni, F-135/07, li permezz tagħha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Diċembru 2006, li ffissat il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-grad A*15, skala 1, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tad-29 ta' Settembru 2005, mogħtija fil-kawża T-212/02, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq żball ta' liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Il-Kummissjoni ssostni, fi tliet partijiet, li:

il-prinċipju ta' proporzjonalità ma jistax jiġi invokat meta dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Artikoli 3 u 4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tadotta atti ta' ħatra b'effett retroattiv;

il-prinċipju ta' proporzjonalità ma jistax iwassal sabiex tiġi nnegata l-awtorità ta' res judicata ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

il-prinċipju ta' proporzjonalità ma jistax jiġi invokat meta dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Artikolu 5(5) tal-Anness XIII, moqri flimkien mal-Artikolu 46(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, jeskludu, fil-każ preżenti, klassifikazzjoni fi skala ogħla mill-iskala 1.

____________