Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Civil Division) (England and Wales) fis-7 ta' Novembru 2008 - Maria Teixeira vs London Borough of Lambeth, Secretary of State for the Home Department

(Kawża C-480/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (Civil Division).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Maria Teixeira.

Konvenuti: London Borough of Lambeth, Secretary of State for the Home Department.

Domandi preliminari

F'ċirkustanzi fejn (i) ċittadina tal-Unjoni Ewropea waslet fir-Renju Unit (ii) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ħadmet matul ċerti perijodi fir-Renju Unit (iii) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea waqfet milli taħdem, iżda ma telqitx mir-Renju Unit (iv) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ma żammitx l-istatus tagħha bħala ħaddiem u m'għandha l-ebda dritt ta' residenza taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE1 u lanqas id-dritt li tirrisjedi b'mod permanenti taħt l-Artikolu 16 ta' din l-istess direttiva (v) it-tifel/tifla taċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea beda/bdiet l-edukazzjoni fi żmien meta din iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ma kinitx taħdem, iżda segwa/segwiet l-istudji tiegħu/tagħha fir-Renju Unit matul perijodi li fihom iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ħadmet fir-Renju Unit, (vi) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea hija l-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel/tifla tagħha u (vii) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea u t-tifel/tifla tagħha mhumiex fil-pożizzjoni li jmantnu lilhom infushom:

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn dritt ta' residenza fir-Renju Unit jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38 tad-29 ta' April 2004?;

jew

(i) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn dritt ta' residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 19682, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkollha tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38 tad-29 ta' April 2004; u

(ii) jekk iva, hija għandu jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta' residenza maħsub u assigurazzjoni tal-mard kompluta fl-Istat Membru ospitanti?

(iii) jekk iva, it-tifel/tifla għandu/għandha jkun beda/bdiet l-istudji f'mument meta ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea kienet taħdem, sabiex jibbenefika/tibbenefika minn dritt ta' residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew huwa suffiċjenti li ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tkun ħadmet f'ċerti mumenti wara li t-tifel/tifla beda/bdiet l-istudji tiegħu/tagħha?

(iv) id-dritt ta' residenza li ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minnu minħabba l-fatt li hija tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel/tifla li jsegwi/ssegwi l-istudji, jispiċċa meta t-tifel/tifla jilħaq/tilħaq l-età ta' tminxtax-il-sena?

3) jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, is-sitwazzjoni hija differenti f'ċirkustanzi bħal dawk fil-każ preżenti fejn it-tifel/tifla beda/bdiet l-istudji qabel id-data li fiha d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, tad-29 ta' April 2004, kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri, iżda li l-omm ma saritx il-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel/tifla u ma talbitx id-dritt ta' residenza minħabba li hija kienet il-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel/tifla sa Marzu 2007, jiġifieri wara d-data li fiha d-direttiva kellha tiġi trasposta?

____________

1 - Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 158, p. 77)

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2)