Language of document : ECLI:EU:C:2010:83

Kawża C-480/08

Maria Teixeira

vs

London Borough of Lambeth

u

Secretary of State for the Home Department

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ residenza — Ċittadina ta’ Stat Membru li ħadmet fi Stat Membru ieħor u li baqgħet hemm wara t-tmiem tal-attività professjonali tagħha — Tifel li jsegwi taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti — Nuqqas ta’ mezzi ta’ għajxien — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Direttiva 2004/38/KE”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt tat-tfal ta’ ħaddiem li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ospitanti — Dritt ta’ residenza sabiex jiġu segwiti korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 12)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Ċittadin ta’ Stat Membru li kien impjegat fl-Istat Membru ospitanti — Ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tat-tifel tiegħu li jkun qed isegwi studji f’dan l-Istat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikoli 10 u 12; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 7)

3.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel li jeżerċita d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 12)

4.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel li jkun qed isegwi studji fl-Istat Membru ospitanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 12)

5.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel li jkun qed isegwi studji fl-Istat Membru ospitanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 12)

1.        It-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkunu stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru filwaqt li l‑ġenitur tagħhom kien jeżerċita dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l‑Istat Membru, għandhom id-dritt li jgħixu hemmhekk sabiex isegwu korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità. Il-fatt li fil-frattemp il-ġenituri ta’ dawn it-tfal ikunu ddivorzjaw u l-fatt li l-ġenitur li eżerċita d-dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant ma għadux iwettaq attività ekonomika fl-Istat Membru ospitanti ma għandhom ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

(ara l-punt 37)

2.        Ċittadin ta’ Stat Membru li kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih it-tifel tiegħu jsegwi xi studji jista’ jinvoka, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dan it-tifel, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal‑moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir‑Regolament Nru 2434/92, mingħajr ma jkun neċessarju li jissodisfa l‑kundizzjonijiet iddefiniti fid-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal‑familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221, 68/360, 72/194, 73/148, 75/34, 75/35, 90/364, 90/365 u 93/96.

Fil-fatt, id-dritt irrikonoxxut mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 lit-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l‑edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jimplika neċessarjament li dan it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill‑persuna li effettivament tkun responsabbli għall-kura tiegħu u, għalhekk, li din il‑persuna tkun tista’ tgħix miegħu fl-imsemmi Stat Membru matul l-istudji tiegħu. L-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu għandha titwettaq b’mod awtonomu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw b’mod espress il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Tali awtonomija tal-imsemmi Artikolu 12 fir-rigward tal‑Artikolu 10 tal-istess regolament, li issa huwa mħassar, ma tiddaħħalx indiskussjoni mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, skont it-tielet premessa tagħha, din id-direttiva għandha b’mod partikolari l-għan li tissemplifika u li ssaħħaħ id-dritt tal‑moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Issa, l-issuġġettar tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-direttiva msemmija jkollu bħala effett li d-dritt ta’ residenza tat-tfal tal-ħaddiema migranti fl-Istat Membru ospitanti bil-għan li jibdew jew li jsegwu hemmhekk l-istudji tagħhom u d-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tagħhom jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu japplikaw għalihom qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva.

(ara l-punti 39, 53, 54, 60, 61, dispożittiv 1)

3.        Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l‑ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel li jeżerċita d-dritt li jsegwi l‑istudji tiegħu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il‑libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l‑ġenitur għandu jiddisponi minn riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru waqt ir-residenza tiegħu, u minn assigurazzjoni medika komprensiva f’dan l-Istat.

Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1612/68, u b’mod partikolari tal-Artikolu 12 tiegħu, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv u ma għandux jiċċaħħad mill-effett utli tiegħu.

(ara l-punti 67, 70, dispożittiv 2)

4.        Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li jibbenefika minnu l‑ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant, waqt li dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, ma huwiex suġġett għall‑kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel kien iwettaq, fil-ġurnata li fiha dan tal-aħħar beda l-istudji tiegħu, attività professjonali fil-kwalità ta’ ħaddiem migrant fl-imsemmi Stat Membru.

Fil-fatt, id-dritt għall-aċċess tat-tifel għall-edukazzjoni abbażi tal‑Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92, ma jiddependix miż-żamma tal-kwalità ta’ ħaddiem migrant tal-ġenitur ikkonċernat. It-tfal tal-ex ħaddiema migranti jistgħu għaldaqstant jinvokaw id‑drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 12 fuq l-istess bażi bħat-tfal ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema migranti. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li t-tifel li jsegwi xi studji fl‑Istat Membru ospitanti jkun stabbilixxa ruħu f’dan tal-aħħar filwaqt li wieħed mill-ġenituri tiegħu kien jeżerċita dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant. B’hekk, id-dritt tat-tifel li jgħix f’dan l-Istat Membru sabiex isegwi xi studji hemmhekk, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, u, konsegwentement, id-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tiegħu, ma jistax għaldaqstant jiġi suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel ikun wettaq, fid-data li fiha dan tal-aħħar ikun beda l-istudji tiegħu, attività professjonali bħala ħaddiem migranti fl-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punti 73-75, dispożittiv 3)

5.        Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l‑ġenitur li għandu l-kura effettiva ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant, meta dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, jintemm meta dan it-tifel isir maġġorenni, sakemm it-tifel ma jibqax ikollu bżonn tal-preżenza u tal‑kura ta’ dan il-ġenitur sabiex ikun jista’ jsegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu.

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-għeluq ta’ età maġġorenni ma għandu ebda effett dirett fuq id-drittijiet mogħtija lit-tifel mill-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92. Fid-dawl tal-għan u tal-iskop tagħhom, kemm id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni stabbilit fl‑Artikolu 12 kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrelattiv tat-tifel ikomplu jeżistu sakemm it-tifel ikun spiċċa l-istudji tiegħu.

It-tieni nett, anki jekk it-tifel li sar maġġorenni huwa, bħala prinċipju, preżunt li jista’ jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu stess, id-dritt ta’ residenza għall-ġenitur li għandu l‑kustodja ta’ tifel li jeżerċita d-dritt tiegħu li jsegwi l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, jista’ madankollu jiġi estiż lil hinn minn din l-età meta t-tifel jibqa’ jkollu bżonn il-preżenza u l-kura ta’ dan il‑ġenitur sabiex ikun jista’ jsegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu. Hija l‑qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex effettivament il-każ.

(ara l-punti 78, 79, 86, 87, dispożittiv 4)