Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' April 2010 - Nickel Institute vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-180/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nickel Institute (Toronto, il-Kanada) (rappreżentant: K. Nordlander, avukat, u H. Pearson, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E3/HP/psi -Ares(2010)65824, tat-8 ta' Frar 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti mitluba mir-rikorrenti bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SG.E3/HP/psi -Ares(2010)65824, tat-8 ta' Frar 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti mitluba mir-rikorrenti bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Din id-deċiżjoni kkonfermat, inter alia:

-    id-deċiżjoni tal-aġent Direttur Ġenerali tas-servizz legali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess sħiħ għal seba' dokumenti li jiżvelaw l-evalwazzjoni ta' dan is-servizz dwar l-abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE 2;

-    id-deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat D tad-DG Ambjent li tirrifjuta l-aċċess sħiħ għal żewġ dokumenti li jiżvelaw l-evalwazzjonijiet ta' Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, u

-    li l-Kummissjoni ma kellha ebda dokument, ebda rikordju jew korrispondenza (inkluż dokumenti li jsegwu jew kummentarji) li jinkludu evalwazzjoni tas-servizz legali dwar l-abbozz tad-Direttiva 2009/2/KE 3.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka diversi motivi :

L-ewwel nett, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, meta interpreta l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-opinjonijiet legali fir-rigward ta' numru mid-dokumenti mitluba.

Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, meta interpreta l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri legali fir-rigward ta' numru mid-dokumenti mitluba.

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi naqas milli jidentifika u jagħti aċċess għal dokumenti li fihom is-servizz legali jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)

2 - Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal- 21 ta' Awissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkjettar tas-sustanzi perikolużi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 246, p. 1)

3 - Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE, tal-15 ta' Jannar 2009, li temenda, bil-għan li tadattaha għall-progress tekniku, għall- 31 darba, id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 11, p. 6)