Language of document : ECLI:EU:C:2009:421

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C‑263/08

Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening

vs

Stockholms kommun genom dess marknämnd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta Domstolen (l-Isvezja)]

“Direttiva 85/337/KEE – Stima tal-impatt ambjentali – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2003/35/KE – Aċċess għall-ġustizzja – Dritt ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu kawża – Tifsira ta’ “pubbliku kkonċernat” – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-aċċess għall-ġustizzja lill-organizzazzjonijiet li jkollhom minn tal-inqas 2 000 membru”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-Högsta Domstolen (il-Qorti Suprema tal-Isvezja) tixtieq li jiġi kkonstatat jekk huwiex permissibbli taħt id-Direttiva 85/337, (2) kif emendata fl-2003 biex tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li leġiżlazzjoni nazzjonali tiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja biss fil-każ biss ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjoni tal-ambjent li jkollhom minn tal-inqas 2 000 membru.

2.        Qabel kollox, irid jiġi kkjarifikat ukoll jekk it-tħaffir għat-tqegħid taħt l-art ta’ kejbil tal-elettriku li jinsab fuq l-art u t-tneħħija tal-ilma ta’ taħt l-art, meħtieġ sabiex tinbena mina għall-kejbil, jikkostitwux “proġett” inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II għal din id-direttiva.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

3.        Fl-1998, il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri u 19-il Stat ieħor iffirmaw il-Konvenzjoni dwar Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwisjonijiet Ambjentali, magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dan l-istrument ġie adottat fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-konvenzjoni li ġiet konkluża fil-belt Daniża ta’ Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998. Hija daħlet fis-seħħ b’mod definittiv fit-30 ta’ Ottubru 2001.

4.        Il-premessi 7, 8, 13 u 18 fil-Preambolu għall-Konvenzjoni jistabbilixxu l-għanijiet tagħha:

“Wara li rikonoxxew li kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-ġid tiegħu jew tagħha, u d-dmir, kemm individwali u f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, li tħares u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,

Wara li kkunsidraw li, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan id-dmir, iċ-ċittadini jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni, ikunu intitolati li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jiġi rikonoxxut f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini jista’ jkollhom il-bżonn ta’ assistenza sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom,

[…]

Wara li rrikonoxxew ukoll l-importanza tar-rwoli rispettivi li ċittadini individwali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur privat jistgħu jilgħabu fil-protezzjoni tal-ambjent,

[…]

Filwaqt li għandhom interess li mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, inkluż organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi tiegħu jiġu mħarsa u l-liġi tiġi infurzata’.”

5.        L-Artikolu 2(4) u (5) tal-Konvenzjoni jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “pubbliku” u “pubbliku interessat [ikkonċernat]” kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni,

[…]

4.      “Il-pubbliku” jfisser persuna jew iktar fiżika jew ġuridika, u, skont il-liġi jew prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

5.      Il-“pubbliku ikkonċernat” ifisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx jiġi affettwat minn, jew li għandu interess fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent; għall-għanijiet ta’ din it-tifsira, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u li jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        L-Artikolu 9(2), (4) u (5) tal-konvenzjoni jinkludu d-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja kemm għal individwi u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll regoli li japplikaw għal proċeduri ġudizzjarji:

“2.      Kull Parti għandha, fi ħdan il-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tiżgura li membri tal-pubbliku interessat:

a)      li jkollhom interess suffiċjenti jew, alternattivament,

b)      li jinvokaw l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ Parti teħtieġ dan bħala prekundizzjoni, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja u/jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn hu hekk previst mil-liġi nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u indebboliment ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont il-ħtiġiet tal-liġi nazzjonali u b’mod konsistenti mal-għan li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat fi ħdan l-iskop ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-għanijiet tas-subparagrafu (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu indebboliti għall-għanijiet tas-subparagrafu (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw l-obbligu li jiġu eżawriti l-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv qabel ir-rikors għal proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta obbligu bħal dan ikun jeżisti taħt il-liġi nazzjonali.

4.      Barra minn hekk u bla ħsara għall-paragrafu 1 iktar ’il fuq, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż inġunzjonijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi, fil-ħin u m’għandhomx jiswew b’mod li jiġi prekluż l-użu tagħhom. Id-deċiżjonijiet taħt dan l-Artikolu għandhom jingħataw jew jiġu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet ta’ qrati, u kull fejn possibbli ta’ korpi oħrajn, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

5.      Sabiex tiżdied l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, kull Parti għandha tiżgura illi l-pubbliku jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu tagħrif dwar aċċess għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ta’ stħarriġ u għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza biex jitneħħew jew jiġu mnaqqsa ostakoli finanzjarji jew ta’ xort’oħra għall-aċċess għall-ġustizzja.” (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-Direttiva 85/337/KE, kif emendata mid-Direttiva 2005/35

7.        Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ingħatat effett fl-ordni legali Komunitarju permezz ta’ diversi strumenti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, fosthom id-Direttiva 2003/35. Din il-miżura temenda diversi direttivi li huma fis-seħħ, inkluża, dik l-iktar importanti għall-għanijiet tal-kawża preżenti, id-Direttiva 85/337 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.

8.        Il-premessi 3 u 4 fil-Preambolu għad-Direttiva 2003/35 jiddefinixxu l-għanijiet tal-inizjattiva, b’referenza għar-rwol li jilgħabu organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali:

“(3)      Il-parteċipazzjoni pubblika effettiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet tgħin lill-pubbliku li jesprimi, u lil min jagħmel id-deċiżjoni li jqis, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn id-deċiżjonijiet, biex b’hekk jiżdiedu l-kontabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tal-għemil tad-deċiżjonijiet u jikkontribwixxu għall-konoxxenza tal-kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda.

(4)      Il-parteċipazzjoni, inkluża l-parteċipazzjoni minn assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali, għandha għalhekk tiġi inkoraġġita, inkluża, fost ħwejjeġ oħra, l-edukazzjoni tal-pubbliku li tippromwovi l-ambjent.”

9.        Ir-riforma tal-2003 introduċiet fid-Direttiva 85/337, fost affarijiet oħra, it-tibdiliet li ġejjin għall-Artikoli 1 u 6 tagħha, u l-Artikolu ġdid 10a. L-Artikolu 1 jintroduċi t-tifsiriet ta’ “pubbliku” u “pubbliku interessat [ikkonċernat]”; l-Artikolu 6 jiddeskrivi fil-qosor il-forma li l-parteċipazzjoni fi ħdan il-proċeduri ta’ stima għandha tieħu kif ukoll il-provvista ta’ informazzjoni relatata magħha; u l-Artikolu 10a tagħti sustanza għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tad-Direttiva 85/337. Il-verżjoni emendata tipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

‘il-pubbliku’ ifisser: persuna jew iktar, naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

‘il-pubbliku interessat [ikkonċernat]’ ifisser: il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din [it-tifsira], l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”

[…]

Artikolu 6

[…]

2.      Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra [xierqa] bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif jista’ jiġi pprovvdut b’mod raġonevoli:

a)      fuq it-talba għall-kunsens dwar l-iżvilupp;

b)      il-fatt illi l-proġett huwa bla ħsara għall-proċedura ta’ l-istima tal-impatt ambjentali u, meta rilevanti, l-fatt li japplika l-Artikolu 7;

ċ)      id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, dawk li minnhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trasmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

d)      in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli, jew meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

e)      indikazzjoni tad-disponibbilità tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

f)      indikazzjoni dwar iż-żminijiet u l-postijiet meta u li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

g)      id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi fi kwadri raġonevoli taż-żmien, dan li ġej għandu jintgħamel disponibbli lill-pubbliku interessat:

a)      kull tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

b)      skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti prinċipali u l-pariri mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku interessat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

c)      skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent, it-tagħrif għajr dak riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 u li jintgħamel disponibbli biss wara ż-żmien li l-pubbliku interessat li jkun ġie mgħarraf skont l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-pubbliku interessat għandu jingħata opportunitajiet minn kmien[i] u effettivi għalbiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens fl-iżvilupp.

5.      L-arranġamenti ddettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (per eżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku interessat jiġi kkonsultat (per eżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

6.      Għandhom jiġu pprovvduti kwadri raġjonevoli taż­-żmien għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku interessat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

[…]

Artikolu 10a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

a)      li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament;

b)      li jżommu l-indebboliment tad-dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kundizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista [proċedura ta’ stħarriġ] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida [jistħarreġ] l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-om[m]issjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rikużati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-om[m]issjonijiet.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet tal-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li kapaċi jiġu indebboliti għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista [stħarriġ] preliminari quddiem awtorità amministrattiva u m’għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista [stħarriġ] amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista [stħarriġ] ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-ef[f]ettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħrif prattiku disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji tar-rivista [stħarriġ].”

10.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda li ġiet rinvjata għal deċiżjoni preliminari, li mhijiex il-kwistjoni prinċipali f’dawn il-proċeduri, huwa meħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat il-punt 11 tal-Anness I u l-punt 10(1) tal-Anness II għad-Direttiva 85/337. L-Artikolu 4 tad-direttiva jimponi l-obbligu li titwettaq stima tal-impatt ambjentali, bl-Istati Membri jingħataw gradi ta’ diskrezzjoni li jvarjaw. Proġetti li f’kull każ għandhom ikunu soġġetti għal stima jinkludu, permezz tal-Anness I tad-Direttiva:

“11.      L-estrazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew skemi biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid lill-ilma tax-xorb/ta’ taħt l-art artifiċjali fejn il-volum ta’ ilma estratt jew enerġizzat mill-ġdid huwa ekwivalenti għal jew jaqbeż il-10 miljun metru kubu.”

11.      Fir-rigward ta’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal stima skont il-kriterji stabbiliti mill-Istati Membri, il-punt 10 tal-Anness II jinkludi:

“(l) L-estrazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u skemi biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid artifiċjalment lill-ilma tax-xorb mhux inklużi fl-Anness I.”

C –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12.      Il-Paragrafi 2 u 9 tal-Kapitolu 11 tal-Miljöbalken (il-Liġi dwar l-Ambjent) jistipulaw li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u l-provvista ta’ ilma biex jiżdied l-ammont ta’ ilma ta’ taħt l-art, u l-bini ta’ installazzjonijiet għal dan il-għan, jikkostitwixxu xogħlijiet relatati mal-ilma li jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-ippjanar.

13.      Il-Kapitolu 6 tal-Miljöbalken jinkludi dispożizzjonijiet rigward l-istima tal-impatt ambjentali. Il-Paragrafu 4 jipprovdi li persuni li jkollhom il-ħsieb li jwettqu xogħlijiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-ippjanar għandhom jikkonsultaw lill-Länsstyrelsen (awtorità reġjonali), lill-korp ta’ sorveljanza u lill-individwi li probabbilment se jkunu partikolarment ikkonċernati. Jekk, permezz tad-dispożizzjonijiet li jimplementaw il-Paragrafu 4 jew ta’ deċiżjoni tal-Länsstyrelsen, ix-xogħlijiet jista’ jkollhom it-tali riperkussjonijiet, għandhom jiġu kkonsultati wkoll l-awtoritajiet nazzjonali u muniċipali oħra, il-pubbliku u l-organizzazzjonijiet li probabbilment se jiġu affettwati.

14.      Il-Paragrafi 12 u 13 tal-Kapitolu 16, jirregolaw id-dritt li titressaq kawża quddiem il-qrati kontra riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet li jimplementaw il-Miljöbalken. Il-Paragrafu 12 jipprovdi għal dan id-dritt, filwaqt li l-Artikolu 13 jintroduci diversi restrizzjonijiet li jaffettwaw assoċjazzjonijiet li ma jagħmlux profitt li skont l-artikoli tal-assoċjazzjoni tagħhom għandhom l-għan tal-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent. B’mod partikolari, korpi bħal dawn huma meħtieġa taħt l-Artikolu 13(2) li jkunu ilhom “iwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-Isveżja sa mill-inqas tliett snin u li jkollhom minn tal-inqas 2 000 membru.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Il-Kunsill Muniċipali ta’ Stokkolma ta kuntratt sabiex jitqegħdu taħt l-art xi linji tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli bejn iż-żoni ta’ Hjorthagen u Fisksjöäng fit-Tramuntana ta’ Djurgården. Biex jitwettaq dan il-proġett, il-kuntrattur kellu jibni mina ta’ bejn wieħed u ieħor kilometru tul. Il-proġett kien jeħtieġ li kull ilma taħt l-art li jnixxi fil-mina tal-kejbil tal-elettriku u l-mina għall-aċċess tiegħu jitneħħew. Dan kien jeħtieġ ukoll il-bini u l-manutenzjoni, f’ċerti kostruzzjonijiet fiż-żona, ta’ faċilitajiet biex jitneħħa l-ilma u biex jiġi mgħoddi l-ilma fil-ħamrija jew fil-blat sabiex jagħmel tajjeb għal xi tnaqqis fl-ilma ta’ taħt l-art.

16.      Skont id-digriet tar-rinviju, il-Länsstyrelsen i Stockholms län (l-Awtorità Reġjonali ta’ Stokkolma) ikkunsidrat il-proposta u fis-27 ta’ Mejju kkonkludiet li x-xogħlijiet proposti kellhom effetti sinjifikattiv fuq l-ambjent.

17.      Fit-13 ta’ Diċembru 2006 il-miljödomstolen vid Stockholms tingsrätt (Awla tal-kawżi dwar l-ambjent tat-Tribunal ta’ Stokkolma: iktar ’il quddiem “il-miljödomstolen”) tat lill-Kunsill Muniċipali ta’ Stokkolma l-awtorizzazzjoni tal-ippjanar għax-xogħlijiet inkwistjoni. Matul din il-proċedura, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (l-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Djurgården-Lilla Värtans, iktar ’il quddiem id-“DVM”) ressqet sottomissjonijiet sabiex toġġezzjona kontra l-applikazzjoni.

18.      Id-DVM ikkontestat id-deċiżjoni tal-miljödomstolen quddiem il-Miljööverdomstolen (Svea hovrätt) (Awla tal-Appell tal-kawżi dwar l-ambjent tal-Qorti tal-Appell ta’ Svealand), li ddeċidiet li l-appell kien inammissibbli minħabba li d-DVM ma kellhiex locus standi biex tressaq il-kawża. Il-qorti ħadet il-pożizzjoni li l-appellanti naqset milli tissodisfa l-obbligu fl-Artikolu 13 tal-Kapitolu 16 tal-Miljöbalken ta’ minimu ta’ 2 000 membru sabiex tkun tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjonijiet taħt din il-leġiżlazzjoni.

19.      Id-DVM appellat mid-deċiżjoni tal-Miljööverdomstolen quddiem il-Högsta Domstolen (il-Qorti Suprema).

20.      Fid-dawl tal-argumenti li tressqu mill-partijiet, din il-qorti ddeċidiet li tirrinvija tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

‘(1)      Il-Punt 10 tal-Anness II għad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-ilma li jinvolvu t-tneħħija minn ġo mina għal kejbils tal-elettriku ta’ ilma ta’ taħt l-art li jnixxi fiha u l-infiltrazzjoni (provvista) ta’ ilma fl-art jew f’għolja biex jikkumpensa għal kull tnaqqis fl-ilma ta’ taħt l-art, u l-bini u l-manutenzjoni ta’ installazzjonijiet għat-tneħħija u għall-infiltrazzjoni?

(2)      Jekk ir-risposta għad-Domanda Nru 1 tkun fl-affermattiv: Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/37 – li f’ċerti ċirkustanzi l-pubbliku kkonċernat għandu jkollu aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi biex jikkontesta l-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjoni – timplika li hemm ukoll l-obbligu li l-pubbliku interessat għandu jkollu d-dritt li jikkontesta deċiżjoni ta’ qorti fi proċedimenti dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-ippjanar f’kawża fejn il-pubbliku interessat kellu l-opportunità li jipparteċipa fl-eżami mill-qorti tal-kwistjoni tal-awtorizzazzjoni tal-ippjanar u li jippreżenta l-fehmiet tiegħu lil din il-qorti?

(3)      Jekk ir-risposti għad-Domandi Nru 1 u 2 ikunu fl-affermattiv: l-Artikoli 1(2), 6(4) u 10a tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jiġu stipulati obbligi nazzjonali differenti fir-rigward tal-pubbliku kkonċernat imsemmi fl-Artikoli 6(4) u 10(a), bil-konsegwenza li assoċjazzjonijiet żgħar għall-protezzjoni tal-ambjent, li huma stabbiliti lokalment, għandhom dritt jipparteċipaw fil-proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(4) fir-rigward ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent f’qasam li fih l-assoċjazzjoni hi attiva iżda m’għandhomx dritt li jippreżentaw rikors bħal dak imsemmi fl-Artikolu 10a?”

21.      Il-Gvern Svediż, id-DVM u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta li nżammet fis-7 ta’ Mejju 2009 dawn il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali.

III – Fuq l-ewwel domanda

22.      Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, kif emendata. Id-domanda tagħha tikkonċerna l-portata tal-Punt 10(1) tal-Anness II għad-direttiva, li jeħtieġ li titwettaq stima tal-impatt ambjentali (iktar ’il quddiem “SIA”) skont il-kriterji stabbiliti mill-Istati Membri fir-rigward ta’ “estrazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew skemi [artifiċjali] biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid lill-ilma ta’ taħt l-art”. Essenzjalment, il-qorti ta’ rinviju ssaqsi jekk “estrazzjoni” hijiex neċessarjament limitata b’referenza għall-użu possibbli tal-ilma għal skop ta’ profitt, jew jekk bil-kontra, tistax issir għall-iskop uniku li jitneħħa l-ilma sabiex il-mina tinżamm f’kundizzjoni. Id-digriet tar-rinviju jiċċita xi differenzi f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Punt 10(1) bħala r-raġuni għall-inċertezza tagħha.

23.      Kemm il-Gvern Svediż kif ukoll il-Kummissjoni jieħdu l-pożizzjoni li l-proġett inkwistjoni jaqa’ fl-ambitu tal-Anness II. DVM ma tesprimi ebda opinjoni dwar dan il-punt.

24.      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni targumenta li l-interpretazzjoni restrittiva mressqa mill-qorti tar-rinviju ma hi evidenti f’ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 85/337, kif emendata. Jekk kellu jqum xi dubju minn waħda mit-traduzzjonijiet, il-Kummissjoni taqbel mal-Isvezja li t-tali diskrepanza ma tistax twassal għal interpretazzjoni restrittiva dwar il-portata tad-direttiva.

25.      Naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern Svediż.

26.      Intqal kemm-il darba fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 85/337 “għandha portata estensiva u għan wiesgħa”(4). Wara din id-dikjarazzjoni hemm il-preokkupazzjoni fondata li interpretazzjoni restrittiva tad-Direttiva 85/337, kif emendata, tfisser li proġetti li mingħajr ebda dubju jkollhom impatt ambjentali ma jkunux jeħtieġu SIA. Riżultat bħala dan imur kontra l-veru għan tad-direttiva, li tipprova tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali mill-aspett preventiv, fuq il-bażi li “l-aħjar politika ambjentali tikkonsisti fil-prevenzjoni minn ras il-għajn tal-ħolqien ta’ tniġġis jew inkonvenjenzi, milli f’li wara tipprova tieħu azzjoni kontra l-effetti tagħhom”(5).

27.      Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Punt 10(1) tal-Anness II u tad-dispożizzjoni korrispondenti fl-Anness I mhumiex differenti b’mod sinjifikattiv. Il-Kummissjoni għandha raġun meta tgħid li d-dubji mressqa mill-qorti tar-rinviju ma joriġinawx mit-traduzzjonijiet differenti. Ma sibt ebda verżjoni lingwistika li fiha l-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art hija limitata għal skop partikolari, inqas u inqas għal skop ta’ profitt sussegwenti(6).

28.      Bil-kontra, il-Punt 10 tal-Anness II, li jikkonċerna “proġetti ta’ infrastruttura” jkopri 13-il tip ta’ proġett, li minnhom tlieta biss huma limitati għat-twettiq ta’ xi skop speċifiku. B’hekk il-paragrafu (g) isemmi “digi u stallazzjonijiet oħra ddisinjati bil-ħsieb li jżommu l-ilma jew jaħżnuh fuq bażi fit-tul” (7). Il-paragrafu (k) isemmi “xogħol kostali biex jikkumbatti t-tagħwir/erożjoni u xogħlijiet marittimi kapaċi jbidlu l-kosta” (8). Fl-aħħar nett, il-paragrafu (h) isemmi “[l]inji tat-tramm, ferroviji fil-għoli jew taħt l-art, linji tal-kejblijiet fil-għoli jew linji simili ta’ tip partikolari, użati esklussivament jew fil-biċċa l-kbira għat-trasport tal-passiġġieri” (9). Dawn id-dispożizzjonijiet jikkuntrastaw bil-qawwa mas-subparagrafu (l) inkwistjoni, li r-redazzjoni tiegħu ma tagħmel ebda referenza għall-konsegwenzi u għall-iskop tal-estrazzjoni tal-ilma u skemi ta’ infiltrazzjoni.

29.      Barra minn hekk, kif ġie osservat b’mod korrett mill-Kummissjoni matul is-seduta, l-iskop ta’ proġett huwa aspett li mhuwiex konness ma impatt ambjentali li dan jista’ jkollu. Għalkemm l-iskop jindika l-għan li jridu jinkiseb, dan jista’ jkun għal kollox mhux relatati mal-effetti li dan il-proġett potenzjalment jista’ jkollu fuq l-ambjent naturali. B’hekk ma naħsibx li din il-kunsiderazzjoni għandu jkollha inċidenza fuq l-interpretazzjoni tal-annessi għad-direttiva.

30.      Abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-interpretazzjoni tal-Anness II fit-totalità tiegħu, huwa ċar li proġett għall-“estrazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew skemi [artifiċjali] biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid lill-ilma ta’ taħt l-art” m’għandux bħala l-għan uniku u esklużiv tiegħu l-użu tar-riżorsi tal-ilma għal skop ta’ profitt. Inkella l-Punt 10(1) tal-Anness II ikun japplika biss għal numru limitat ta’ proġetti u dan ikun imur kontra l-portata “wiesgħa” li d-Direttiva 85/337, kif emendata, għandha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq.

31.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jien nikkonkludi, b’risposta għall-ewwel domanda, li punt 10 tal-Anness II għad-Direttiva 85/337, kif emendata, għandu jiġi interpretat li jfisser li jinkludi xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ilma li jinvolvu t-tneħħija minn mina għal kejbils tal-elettriku ta’ ilma ta’ taħt l-art li jnixxi fiha u l-infiltrazzjoni (provvista) ta’ ilma fl-art jew f’għolja biex jikkumpensa għal xi tnaqqis fl-ilma ta’ taħt l-art, u l-bini u l-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet għat-tneħħija u l-infiltrazzjoni.

IV – Fuq it-tieni domanda

32.      Sussegwentement il-Högsta Domstolen issaqsi jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata, jippermettix lill-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” aċċess dirett għall-qrati mingħajr ebda restrizzjoni meta l-pubbliku jkun ipparteċipa fil-proċedura tal-permess tal-ippjanar.

33.      B’mod iktar speċifiku – u din hi l-kwistjoni ċentrali li ġiet imqajjma mill-qorti tar-rinviju – għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337 kif emendata, applikat flimkien mal-Artikolu 1(2) li jipprovdi sabiex organizzazzjonijiet ambjentali jipparteċipaw bħala l-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” fil-proċeduri amministrattivi għall-permess tal-ippjanar, joperax bħala ċavetta universali li tiftaħ awtomatikament il-bibien għal stħarriġ ġudizzjarju kif previst fl-Artikolu 10a.

34.      Madankollu, qabel kollox se jkolli nittratta punt preliminari, jiġifieri n-natura ġudizzjarja jew amministrattiva tal-miljödomstolen. Dan il-korp li jifforma parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Madankollu fil-każ preżenti, huwa ta l-permess tal-ippjanar għal proġett ta’ tqegħid ta’ kejbil taħt l-art u ta’ estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. Huwa meħtieġ li jiġi kkjarifikat dan il-punt, ’il għaliex jekk dan aġixxa bħala korp ġudizzjarju, ikun japplika l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 kif emendata minflok l-Artikolu 6. B’hekk it-tieni domanda rinvjata għal deċiżjoni preliminari ma jkun fiha ebda sens.

A –    Jekk il-miljödomstolen hijiex ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja

35.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337, kif emendata, jikkonċerna proċedura amministrattiva li ġġib flimkien il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha bl-iskop li tittieħed deċiżjoni dwar il-politika ambjentali. Peress li l-awtoritajiet amministrattivi jeżerċitaw diskrezzjoni wiesgħa meta jwettqu stima ambjentali li twassal għal deċiżjoni ta’ żvilupp, il-leġiżlazzjoni tippromwovi kemm jista’ jkun parteċipazzjoni possibbli sabiex jiġi żgurat li l-miżura adottata tkun legali kif ukoll korretta minn perspettiva teknoloġika, soċjali, ekonomika u oħrajn. Min-naħa l-oħra, proċeduri ġudizzjarji jinvolvu tilwima bejn il-partijiet li tiffoka b’mod prinċipali fuq punti ta’ dritt u l-applikazzjoni sussegwenti tagħhom, għal fatti partikolari.

36.      F’dan il-każ, kollox jindika li l-miljödomstolen wetqet funzjonijiet amministrattivi fil-kuntest tal-proċedura tal-permess tal-ippjanar.

37.      Il-Miljöbalken talloka ċerti funzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza lil korpi ġudizzjarji li jispeċjalizzaw f’materji ambjentali. F’dan il-każ, il-miljödomstolen, li hija parti mis-sistema ġudizzjarja Svediża, wetqet funzjonijiet amministrattivi li jwasslu għall-għoti jew ir-rifjut tal-permess tal-ippjanar fir-rigward ta’ proġett, abbażi tal-impatt ambjentali tiegħu. Hekk kif osservat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u kif spjega l-aġent tal-Gvern Svediż waqt is-seduta, il-fatt li l-miljödomstolen hija korp ġudizzjarju ma jipprekludihiex milli taġixxi bħala korp amministrattiv skont id-dispożizzjonijiet tal-Miljöbalken(10).

38.      F’dan il-każ, huwa evidenti li l-miljödomstolen wetqet funzjonijiet mhux ġudizzjarji. B’hekk, id-deċiżjoni li ħadet matul il-proċedura tal-ippjanar, li hi s-suġġett ta’ din il-kawża, tifforma parti mill-“proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent” imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337, kif emendata.

B –    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337, kif emendata, bħala pass neċessarju lejn l-aċċess għall-ġustizzja

39.      Fir-risposta għat-tieni domanda, se niffoka fuq ir-redazzjoni tal-emendi għad-Direttiva 85/337 u fuq l-għanijiet li dawn fittxew li jiksbu.

40.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, li juża l-istess tifsiriet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jagħmel distinzjoni bejn il-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” u “l-pubbliku” sabiex jiddistingwi bejn dawk li għandhom interess dirett dwar jekk proġett ambjentali għandux jimxi ’il quddiem jew le u dawk li mhumiex ikkonċernati b’dan il-mod bil-proġett. Biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-assoċjazzjonijiet ambjentali, l-Artikolu 1(2) jispeċifika li “l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali” huma “il-pubbliku interessat [ikkonċernat]”.

41.      Il-konsegwenzi prattiċi tal-portata tat-tifsira ta’ “il-pubbliku interessat [ikkonċernat]” jinsabu fl-Artikoli 6 u 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata. L-Artikolu 6 jagħti lill-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” id-dritt għal aċċess ta’ informazzjoni ambjentali (11), u għal parteċipazzjoni effettiva fil-proċedura amministrattiva li qed tevalwa l-proġett (12). L-Artikolu 10a jieħu din l-idea fuq livell ogħla u jiggarantixxi aċċess għall-qrati, jew korpi ekwivalenti, lit-tali persuni, sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ deċiżjonijiet taħt id-Direttiva 85/337, kif emendata, sa kemm huma jkunu sofrew “l-indebboliment ta’ dritt”(13) jew għandhom “interess suffiċjenti” (14).

42.      B’differenza ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent dejjem għandhom l-istatus ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” sa kemm, skont l-Artikolu 1(2), dawn jissodisfaw “kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali”. L-Artikolu 10a jipprovdi espressament li kull organizzazzjoni ambjentali li tissodisfa din it-tifsira titqies li għandha “drittijiet li kapaċi li jiġu indebboliti” jew “interess” li jitqies li hu “suffiċjenti”.

43.      B’hekk dawn l-organizzazzjonijiet għandhom dritt awtomatiku ta’ aċċess għall-ġustizzja (15). Is-suppożizzjoni favur organizzazzjonijiet ambjentali li ġiet introdotta permezz tal-Artikolu 1(2), moqrija flimkien mal-Artikolu 10a, tfisser li dawn jibbenefikaw minn sistema iktar vantaġġjuża minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jippromwovux il-protezzjoni tal-ambjent.

44.      Fil-qosor, bis-saħħa tal-istatus tagħha bħala “pubbliku interessat [ikkonċernat]”, organizzazzjoni mhux governattiva li tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva tal-istima ambjentali lanqas ma għandha problema li tipprova locus standi adegwat jekk tiddeċiedi li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi quddiem il-qrati. Madankollu, l-aċċess għall-qrati ma jirriżultax mill-parteċipazzjoni preċedenti tagħha fl-istadju amministrattiv. Ir-redazzjoni tal-Artikolu 10a pjuttost tindika li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tgħaddi mill-‘bibien prinċipali’ għal quddiem il-qrati jekk tissodisfa l-ħtiġiet tal-Artikolu 1(2), u tikseb l-istatus ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]”.

45.      Barra minn hekk, ma naħsibx li l-fatt li l-kliem inizjali tal-Artikolu 10a jagħti dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja “skont [...] is-sistema legali nazzjonali” jfisser li dan jagħti lill-Istati Membri marġni addizzjonali ta’ manuvra meta jittrasponu din id-dispożizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, din il-frażi sservi sabiex tenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja japplikaw fi ħdan il-qafas proċedurali ta’ kull Stat Membru. Dan ifisser li persuni fiżiċi u ġuridiċi u organizzazzjonijiet ambjentali, jibqgħu suġġetti għar-regoli dwar ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, skadenzi, locus standi eċċ, li huma parti mil-liġi proċedurali domestika.

46.      Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti tal-Gvern Svediż jistgħu jiġu miċħuda mingħajr ebda diffikultà.

47.      Il-Gvern Svediż jibbaża ruħu fuq l-għanijiet differenti segwiti mill-Artikoli 6 u 10a u mid-dispożizzjonijiet relatati fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Huwa jsostni wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tagħti aċċess prattikament illimitat lill-“pubbliku” matul l-istadju amministrattiv tal-proċedura tal-istima ambjentali. L-Isvezja targumenta li l-fatt li l-leġiżlazzjoni tagħha tagħti protezzjoni ikbar mill-Konvenzjoni u mid-direttiva f’dan ir-rigwardd jippermettilha tapplika l-Artikolu 10a b’mod iktar restrittiv.

48.      Jien ma naqbilx.

49.      It-teżi tal-Gvern Svediż tinjora fatt wieħed li ma jistax jiġi miċħud: ir-rikorrenti f’din il-kawża hija organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ambjent. Ladarba jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Artikolu 1(2), it-tali organizzazzjonijiet ikollhom l-istatus ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” (16). Bħala tali għandhom kemm id-dritt li jiġu informati u li jipparteċipaw fl-istadju amministrattiv, kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-qrati sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi.

50.      L-użu ta’ tifsira waħda ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” fid-Direttiva 85/337 jgħin sabiex jiġu mħarsa l-għanijiet tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li organizzazzjonijiet ambjentali għandhom jissodisfaw tifsira separata, li hi differenti minn dik applikabbli għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, sabiex jikkwalifikaw bħala “pubbliku interessat [ikkonċernat]” jikkonferma li l-leġiżlazzjoni tagħti lil dawn l-organizzazzjonijiet rwol speċjali ta’ sorveljanza. Li kieku dan l-istatus, ladarba jingħata, kellu jiġi sussegwentement ikkategorizzat, fejn kull Stat Membru jitħalla jinterpreta t-tifsira kif jixtieq hu fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva, wieħed ikun qed imur kontra dan il-ħsieb.

51.      Għaldaqstant nikkonkludi li “il-pubbliku interessat [ikkonċernat]” kif applikat għal organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent għandu jiġi interpretat b’mod uniformi f’kull parti tad-Direttiva 85/337, kif emendata(17). Li kieku din it-tifsira kellha tiġi ttrattata b’mod differenti fil-każ tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 10a, it-test kien jgħid dan espressament.

52.      B’hekk, fil-qosor: b’mod ġenerali, parteċipazzjoni preċedenti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337, kif emendata, fiha nnifisha ma tiggarantix aċċess għall-ġustizzja mingħajr restrizzjonijiet min-naħa tal-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” taħt l-Artikolu 10a. Madankollu, organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent li tissodisfa t-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, għandha dritt awtomatiku ta’ aċċess għall-ġustizzja taħt l-Artikolu 10a (18).

V –    It-tielet domanda

53.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-Högsta Domstolen tixtieq li jiġi kkonstatat jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata, jippermettix li Stati Membri jintroduċu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-ġustizzja fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet ambjentali ġaladarba jkunu pparteċipaw fil-proċedura tal-permess tal-ippjanar.

54.      Il-Kummissjoni u l-Iżezja ppreżentaw osservazzjonijiet li jsostnu pożizzjonijiet konfliġġenti.

55.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 10a jagħti aċċess usa lill-organizzazzjonijiet ambjentali meta mqabbla ma’ individwi. B’hekk timponi limitazzjonijiet ulterjuri fuq id-diskrezzjoni tal-Istati Membri u tipprekludihom milli jadottaw restrizzjonijiet li jmorru kontra l-għanijiet tad-direttiva. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi tirrestrinġi l-aċċess għall-ġustizzja għal dawk l-organizzazzjonijiet ambjentali li għandhom minimu ta’ 2 000 membru, il-leġiżlatura Svediża qed tikser id-dritt Komunitarju.

56.      L-Isvezja tenfasizza r-rabta bejn l-Artikolu 6 u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata, u ssostni li s-sistema iktar protettiva tagħha fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva ma tfissirx neċessarjament li l-aċċess għall-ġustizzja għandu jitqies fl-istess termini. Għaldaqstant l-Isvezja targumenta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw kundizzjonijiet iktar rigorużi fir-rigward ta’ locus standi quddiem korpi ġudizzjarji milli quddiem korpi amministrattivi. Din il-pożizzjoni, li hija identika għall-pożizzjoni tal-Isvezja fir-rigward tat-tieni domanda, twassal lill-Isvezja sabiex issostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija kompatibbli mad-Direttiva 85/337, kif emendata.

57.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337 fih innifsu ma joperax bħala ċavetta universali li tiggarantixxi aċċess għall-ġustizzja għal kull persuna li taqa’ taħt it-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]”(19). Madankollu, l-Artikolu 10a jipprovdi għal sistema ta’ aċċess dirett u mingħajr restrizzjonijiet għall-ġustizzja għal dawk l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom l-istatus ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” skont l-Artikolu 1(2) (20). B’hekk, jekk id-direttiva tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jirrestrinġu l-locus standi ta’ organizzazzjonijiet ambjentali biex iressqu kawżi, din l-awtorizzazzjoni ma tinsabx fl-Artikolu 10a iżda fit-tifsira nnifisha ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” kif applikata fir-rigward ta’ dawn il-korpi u prevista fl-Artikolu 1(2).

58.      Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet għandi nanalizza l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri meta jittrasponu din it-tifsira fis-sistema legali domestiċi tagħhom (21). Madankollu, għandi nikkumplementa l-interpretazzjoni litterali tat-test billi neżamina l-għanijiet segwiti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mid-direttiva fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ambjentali.

A –    Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u l-istħarriġ ġudizzjarju f’materji ambjentali

59.      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali huma bbażati fuq il-premessa li l-ambjent naturali huwa proprjetà ta’ kulħadd. Il-prevenzjoni tal-ħsara ambjentali hi r-responsabbiltà tas-soċjetà pjuttost milli ta’ individwi jew ta’ interessi separati. Meta jiġu kkunsidrati minn dil-perspettiva d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus u tad-Direttiva 85/337, kif emendata, jagħtu forma legali għal-loġika tal-azzjoni kollettiva (22). L-individwu huwa protett billi jaġixxi fi grupp u l-grupp jissaħħaħ bil-membri individwali tiegħu. B’hekk kemm l-individwu u l-interess ġenerali jiġu protetti aħjar; u l-benefiċċji għal kull min hu kkonċernat huma iktar miż-żvantaġġi. Għaldaqstant iż-żewġ miżuri jagħtu rwol iktar importanti lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali.

60.      Din il-pożizzjoni għandha implikazzjonijiet oħra li għandhom jiġu kkunsidrati.

61.      L-ewwel nett, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent huma l-espressjoni ta’ dawn l-interessi kollettivi. Peress li jirrappreżentaw numru ta’ partijiet u interessi differenti, huma jipproteġu għanijiet ġenerali. Dan jagħtihom id-“dimensjoni kollettiva” meħtieġa (23). Dawn iġibu magħhom ukoll għarfien speċjalizzat li hu ta’ għajnuna fid-distinzjoni bejn kawżi importanti u kawżi inqas importanti. Huma jitkellmu b’leħen wieħed f’isem ħafna nies, b’livell ta’ speċjalizzazzjoni teknika li ħafna drabi mhijiex disponibbli għall-individwu. B’hekk, jistgħu jirrazzjonalizzaw il-mod li bih diversi interessi konfliġġenti jiġu espressi u tittieħed azzjoni dwarhom quddiem l-awtoritajiet.

62.      It-tieni nett, din il-pożizzjoni fil-konfront tal-politika dwar l-ambjent hija intiża wkoll biex jissaħħaħ il-mod kif jaħdmu l-qrati. Billi jinkoraġġixxu lin-nies sabiex it-tilwim li jikkonċerna l-ambjent jiġi indirizzat permezz tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 85/337, kif emendata, jirrikonoxxu li dawn l-organizzazzjonijiet ma jgħabbux iż-żejjed jew jipparalizzaw il-qrati. Bil-kontra, iġibu flimkien it-talbiet ta’ ħafna individwi f’kawża waħda. Għalkemm huwa minnu li m’hemm xejn xi jżomm membri ta’ organizzazzjoni mhux governattiva milli jieħdu sehem ukoll fil-proċedimenti fuq bażi individwali, ir-riżultat kumplessiv ta’ din il-politika huwa li jinħoloq filtru li, fuq tul ta’ żmien, jassisti lill-qrati fix-xogħol tagħhom (24). Barra minn hekk, kif għadni kif indikajt, dawn l-assoċjazzjonijiet ta’ spiss ikollhom għarfien tekniku li individwi ġeneralment ma jkollhomx. L-inklużjoni ta’ din l-informazzjoni teknika fil-proċess hija vantaġġjuża, minħabba li tqiegħed lill-qorti f’pożizzjoni aħjar biex taqta’ l-kawża.

63.      It-tielet nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 85/337, kif emendata, ċaħdu l-introduzzjoni ta’ actio popolaris fir-rigward ta’ materji ambjentali. Minkejja li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw din il-proċedura disponibbli fis-sistemi legali domestiċi tagħhom, la d-dritt internazzjonali u lanqas dak Komunitarju ma għażlu li jagħmlu dan f’din l-istanza (25). Madankollu jidhirli li, preċiżament minħabba li din l-għażla ġiet miċħuda, l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus iddeċidew li jsaħħu r-rwol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent. Din il-formula ġiet adottata f’tentattiv sabiex jittieħed triq tan-nofs bejn il-pożizzjoni massimalista tal-actio popolaris u l-idea minimalista tal-azzjoni individwali disponibbli biss għal partijiet li jkollhom interess dirett fir-riskju (26). Fl-opinjoni tiegħi dan huwa kompromess sensibbli ħafna.

64.      Għal dawn ir-raġunijiet jien tal-fehma li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttiva 2003/35, għażlu deliberatament li jsaħħu r-rwol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent. Dan għamluh bil-ħsieb li l-involviment ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kemm fl-istadji amministrattivi u ġudizzjarji mhux biss isaħħaħ id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet iżda jikkontribwixxi wkoll sabiex il-proċeduri intiżi sabiex jipprevjenu l-ħsara ambjentali jitħaddmu aħjar.

65.      F’dan l-isfond, se nipproċedi sabiex neżamina jekk u sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-korpi hija suġġetta għal kundizzjonijiet.

B –    It-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, u “kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali” applikabbli għal organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent

66.      Kif diġà ntqal, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, jinkludi t-tifsira ta’ “pubbliku” u ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]”. L-aħħar tifsira tkompli biex tgħid li, minbarra persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma jew probabbilment jistgħu jiġu affetwati jew li jistgħu juru interess, “organizzazzjonijiet mhux governattivi li [...] jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali”, “jitqiesu li għandhom interess”. Għalhekk id-direttiva tintroduċi preżunzjoni favur dawn l-organizzazzjonijiet billi teżentahom milli juru li huma affettwati b’xi mod mid-deċiżjoni ambjentali li qed tittieħed.

67.      Madankollu, din it-tifsira żżid kwalifika importanti: li l-organizzazzjoni ambjentali għandha tissodisfa kull ħtieġa taħt il-liġi nazzjonali. L-Isvezja ssostni li din il-parti tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, tippermetti r-restrizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, li tillimita l-aċċess għall-ġustizzja minn organizzazzjonijiet mhux governattivi għal dawk li għandhom minn tal-inqas 2 000 membru.

68.      Naqbel mal-Isvezja u mal-Kummissjoni li din il-klawżola tagħti ċerta marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri.

69.      Naqbel ukoll mal-Kummissjoni Ewropea li, minkejja din il-marġni, l-Istati Membri għandhom jadottaw kull miżuri xierqa li huma konsistenti mal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 85/337, kif emendata, sabiex id-direttiva ssirx superfluwa.

70.      Fid-dawl ta’ dan, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 61 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, naħseb li huwa meħtieġ li tiġi użata l-kawtela meta jiġu definiti l-limiti tar-referenza għal “kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali”.

71.      It-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” probabbilment hija l-bażi ta’ dak li nbena mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mid-Direttiva 85/337, kif emendata. Kif ġie indikat fil-punti 40 sa 45 iktar ’il fuq, ladarba organizzazzjoni ambjentali jkollha dan l-istatus, il-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċeduri amministrattivi tiddeterminax l-aċċess sussegwenti tagħha għall-qrati hija irrilevanti. Dak li hu importanti huwa li l-organizzazzjoni tissodisfa t-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]”, u mhux jekk ipparteċipatx jew le fi stadju partikolari tal-proċedura.

72.      Minħabba l-importanza kbira li għandha din it-tifsira, jidhirli li hu evidenti li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 85/337, kif emendata – li l-għan iddikjarat tagħha huwa li tiġi żgurata “il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet [ambjentali]” u li tiġi inċentivata “b’mod partikolari [il-parteċipazzjoni ta’] għaqdiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent” (27), ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jkun iktar diffiċli għat-tali organizzazzjonijiet li jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba li t-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]”, hekk kif applikata għall-organizzazzjonijiet ambjentali, tiftaħ il-bieb għad-drittijiet sostantivi li inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus u fid-Direttiva 85/337, kif emendata, li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mod li bih l-Istati Membri jinterpretaw dan it-terminu (28).

73.      Meta l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, jagħmel referenza għal “kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali”, fl-opinjoni tiegħi, dan qiegħed jirreferi għal żewġ tipi ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, jeżistu dawk il-kundizzjonijiet relatati mal-konformità ma’ rekwiżiti nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni, tal-kostituzzjoni jew tar-rikonoxximent ta’ assoċjazzjonijiet, li l-għan tagħhom huwa li tinkiseb dikjarazzjoni legali dwar l-eżistenza ta’ korpi bħal dawn taħt il-liġi nazzjonali. Fit-tieni lok, jeżistu dawk il-kundizzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u dwar kif dawn huma konnessi mal-protezzjoni leġittima tal-interessi ambjentali. Hawnhekk jinsab l-element kruċjali tat-tifsira, peress li jistgħu jiġu introdotti restrizzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-konnessjoni li huma evidentement kontra l-għanijiet tad-Direttiva 85/337, kif emendata (li, skont l-Artikolu 10a jinkludu “li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat [ikkonċernat]”.

74.      Fil-fatt, meta liġi nazzjonali timponi kundizzjonijiet li jirrikjedu konnessjoni bejn l-organizzazzjoni u deċiżjoni ambjentali, dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 85/337, kif emendata. Għaldaqstant, mhuwiex xieraq li l-awtoritajiet jingħataw diskrezzjoni wiesgħa biex jeżaminaw, minn każ għal każ, jekk orgranizzazzjonijiet ambjentali għandhomx għanijiet leġittimi jew le. Lanqas ma’ huma aċċettabbli kundizzjonijiet ifformulati f’termini daqstant ambigwi jew inadegwati li jagħtu lok għall-inċertezza jew għal effetti diskriminatorji. Kull restrizzjoni li għandha l-effett li tfixkel pjuttost milli tiffaċilita l-aċċess għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji għal organizzazzjonijiet ambjentali għandha tiġi, iktar evidentement, miċħuda.

75.      L-Artikolu 13 tal-Kapitolu 16 tal-Miljöbalken jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn organizzazzjonijiet ambjentali. Waħda minnhom ġiet ikkontestata f’din il-kawża, jiġifieri l-obbligu li l-organizzazzjoni għandu jkollha minn tal-inqas 2 000 membru. Fid-dawl tal-analiżi tiegħi s’issa, fil-fehma tiegħi huwa ċar li din id-dispożizzjoni ma treġix l-iskrutinju taħt id-Direttiva 85/337, kif emendata.

76.      Nibbaża din il-konklużjoni fuq iż-żewġ kriterji ta’ trasparenza u konsistenza mal-għanijiet tad-Direttiva 85/337.

77.      Il-ħtieġa li organizzazzjoni jkollha numru ta’ membri sabiex tikkwalifika bħala “pubbliku interessat [ikkonċernat]” tqajjem numru ta’ problemi minn perspettiva prattika. L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni Svediża ma tidhirx li tiddefinixxi t-terminu “membru” b’mod ċar. Meta ġie mistoqsi dwar dan il-punt, l-aġent tal-Isvezja kkonferma li t-terminu huwa ambigwu u t-tifsira tiegħu qatt ma ġie kkjarifikat mill-qrati Svediżi. It-tieni nett, ir-rekwiżit numeriku japplika biss għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li ma jagħmlux profitt. X’inhi l-pożizzjoni ta’ organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jagħmlu profitt? Meta l-aġent tal-Isvezja ġie mistoqsi dwar dan huwa ma ta ebda risposta. Għaldaqstant nikkonludi li, għalkemm is-sistema Svediża tista’ tkun oġġettiva, din hija nieqsa minn trasparenza u tagħti lok għall-inċertezza. Il-fatti juru b’mod evidenti l-iżvantaġġi tad-dispożizzjoni Svediża. Kif ġie rikonoxxut mill-aġent tal-Gvern Svediż waqt is-seduta, attwalment huma biss żewġ organizzazzjonijiet ambjentali li għandhom aċċess għall-qrati Svediżi taħt il-Miljöbalken (29).

78.      Din id-dispożizzjoni hija saħansitra iktar problematika meta titqies fid-dawl tal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-Direttiva 85/337, kif emendata. Leġiżlazzjoni li teħtieġ li organizzazzjoni ambjentali jkollha numru minimu ta’ membri qabel ma jkollha aċċess għall-qrati tista’ tagħlaq il-bieb għal ħafna gruppi li jkollhom interess leġittimu fl-aċċess għall-ġustizzja. F’din il-kawża, din id-dispożizzjoni tippenalizza bl-aħrax lil organizzazzjonijiet ambjentali lokali, billi ma tippermettilhomx aċċess għall-qrati anki fejn il-proġetti li jkunu qed jiġu evalwati jkollhom impatt esklużivament lokali (30). Barra minn hekk, l-effett prattiku tad-dispożizzjoni huwa li jiġu eliminati mill-perspettiva ġudizzjarja mhux biss organizzazzjonijiet ambjentali lokali iżda wkoll ħafna oħrajn li għandhom dimensjoni nazzjonali, jew saħansitra, dimensjoni internazzjonali (31). Fil-qosor, l-Artikolu 13 tal-Kapitolu 16 tal-Miljöbalken għandu effett li hu dijametrikament oppost għall-għanijiet segwiti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mid-Direttiva 85/337, kif emendata (32).

79.      Jekk dan ir-riżultat kienx deliberatament intenzjonat jew le mil-leġiżlatura Svediża, il-fatt hu li, fil-preżent, organizzazzjonijiet mhux governattivi Svediżi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent m’għandhomx aċċess għall-ġustizzja.

80.      Fl-aħħar nett, nixtieq inżid li, fl-opinjoni tiegħi, ir-riżultat kien ikun l-istess li kieku ma kellux ikun hemm dispożizzjoni speċifika bħall-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew bħall-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi bosta dikjarazzjonijiet fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu regoli proċedurali li jirrendu impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju (33). Id-Direttiva 85/337, li tintroduċi sistema ta’ evalwazzjoni ambjentali u li tagħti drittijiet, ma tibqax effettiva jekk is-sistema proċedurali domestika ma tiżgurax aċċess għall-qrati. Il-każ inkwistjoni huwa xhieda ċara li, peress li l-aċċess għall-ġustizzja sar impossibbli għal kważi l-organizzazzjonijiet ambjentali kollha, miżura bħal din tikser il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju.

81.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 10a, flimkien mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttiva 2003/35, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 13 tal-Kapitolu 16 tal-Miljöbalken, li permezz tagħha l-aċċess għall-ġustizzja huwa disponibbli biss għall-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ambjent li għandhom iktar minn 2 000 membru.

VI – Konklużjoni

82.      Għaldaqstant nipproponi li r-risposti għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu kif ġej:

1)      Il-Punt 10 tal-Anness II għad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata mid-Direttiva 2003/35, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi xogħlijiet ta’ estrazzjoni ta’ ilma minn mina għal kejbils tal-elettriku u ta’ introduzzjoni mill-ġdid b’mod artifiċjali ta’ ilma fl-art biex jikkumpensa għal xi tnaqqis fl-ilma ta’ taħt l-art, flimkien mal-bini u l-manutenzjoni tal-installazzjonijiet meħtieġa għal dawn l-operazzjonijiet. Mhuwiex neċessarju li l-ilma li jitneħħa jintuża b’mod partikolari jew iservi għal xi raġuni partikolari.

2)      F’termini ġenerali, parteċipazzjoni preċedenti taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttivi 97/11 u 2003/85, fiha nnifisha ma tiggarantix aċċess għal ġustizzja mingħajr restrizzjonijiet min-naħa tal-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” taħt l-Artikolu 10a. Madankollu, organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent li tikkonforma mat-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata mid-Direttiva 2003/85, għandha d-dritt ta’ aċċess awtomatiku għall-ġustizzja taħt l-Artikolu 10a.

3)      L-Artikolu 10a, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata mid-Direttivi 97/11 u 2003/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħal dik inkluża fl-Artikolu 13 tal-Kapitolu 16 tal-Miljöbalken, li permezz tagħha l-aċċess għall-ġustizzja huwa disponibbli biss għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent li għandhom minn tal-inqas 2 000 membru.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 1985 L 175, p. 40) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU 1997 L 73, p. 5) u mid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU 2003 L 156, p. 17).


3 –      Inqis li għandu jingħad li l-Isvezja għamlet riżerva għall-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jillimita “l-aċċess ta’ organizzazzjonijiet ambjentali għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja rigward dawk id-deċiżjonijiet dwar pjanijiet lokali li jeħtieġu stima tal-impatt ambjentali […]” Din ir-riżerva tikkonkludi billi tgħid: “Hija l-ambizzjoni tal-Gvern li l-Isvezja f’qasir żmien tikkonforma ruħha mal-Artikolu 9(2) fl-intier tiegħu.”


4 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-27/95, Ġabra I-5403, punt 31); is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, (C-435/97, Ġabra I-5613, punt 40); is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-474/99, Ġabra I-5293, punt 46); is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C-2/07, Ġabra I-1197, punt 32); is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C-142/07, Ġabra p. I‑6097, punt 28).


5 – Premessa Nru 1 fil-Preambolu għad-Direttiva 85/337.


6 – Il-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Olandiża, Portugiża, Finlandiża u Svediża ma jindikaw ebda skop speċifiku.


7 – Il-korsiv huwa tiegħi.


8 – Il-korsiv huwa tiegħi.


9 – Il-korsiv huwa tiegħi.


10 – Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenza amministrattiva tal-miljödomstolen hija bbażata fuq l-iskala tal-proġett inkwistjoni. L-istima fir-rigward ta’ proġetti fuq skala iżgħar taqa’ fil-kompetenza tal-korpi amministrattivi li huma separati mill-ġudikatura.


11 – Artikolu 6(3), (5) u (6).


12 – Artikolu 6(4), (5) u (6).


13 – Artikolu 10a(b).


14 – Artikolu 10a(b).


15 – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10a.


16 – Ara l-punti 40 sa 45 iktar ’il fuq.


17 – Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, 2000, p. 41 tgħid li: “ġaladarba OMG tissodisfa l-ħtiġiet stipulati, issir membru tal-“pubbliku interessat [ikkonċernat]” għall-iskopijiet kollha taħt il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (korsiv miżjud). Jekk il-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandha tifsira waħda ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” f’kull parti tad-dokument kollu, ir-riżultat għandu jkun l-istess fir-rigward tad-Direttiva 85/337, kif emendata.


18 – Il-pożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ organizzazzjoni ambjentali li mhumiex koperti bit-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” hi kwistjoni oħra. F’dan il-każ, it-tifsira rilevanti fi ħdan l-Artikolu 1(2) hija “il-pubbliku”, hekk kif ġie aċċettat mill-Isvezja matul is-seduta. F’dawn iċ­-ċirkustanzi, tqum problema oħra, b’mod partikolari jekk “il-pubbliku” jsirx “il-pubbliku interessat [ikkonċernat]” billi jipparteċipa fil-proċeduri tal-permess tal-ippjanar skont l-Artikolu 6 tad-direttiva. Il-Gwida għall-Implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus iċċitata iktar ’il fuq, tgħid b’awtoregolezza (p. 129) li “huwa konsistenti mal-għanijiet tal-Konvenzjoni li jiġi wieħed isostni li membru tal-pubbliku li attwalment jipparteċipa f’seduta taħt il-paragrafu 7 tal-Artikolu 6, [id-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 85/337, kif emendata] jikseb l-istatus ta’ membru tal-pubbliku interessat [ikkonċernat]. Dan hu loġikament sostnut mill-fatt li r-riżultati kollha tal-parteċipazzjoni pubblika għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità pubblika taħt il-paragrafu 8 tal-Artikolu 6”. Dan jimplika Stat bħall-Isvezja, li għażel li jittrasponi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337, kif emendata, b’mod wiesa’, billi ta livell għoli ta’ protezzjoni, ikollu l-obbligu li jitratta persuni fiżiċi u ġuridiċi li kienu pparteċipaw fil-proċedura tal-permess tal-ippjanar bis-saħħa tal-istatus tagħhom bħala “pubbliku”, bħala persuni li jkunu jagħmlu parti mill-“pubbliku interessat [ikkonċernat]”. Li kieku dan kellu jkun il-każ, dan ir-riżultat m’għandux neċessarjament iwassal (kif issostni l-Isvezja) sabiex il-qrati nazzjonali jitgħabbew iż-żejjed. Ħlief fil-każ tal-organizzazzjonijiet ambjentali, persuni li jiksbu l-istatus ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” huma wkoll meħtieġa li jkunu sofrew minn indebboliment ta’ dritt jew li jkollhom interess biżżejjed sabiex ikollhom aċċess għall-ġustizzja (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a). Madankollu, din it-tilwima tirrigwarda t-tifsira ta’ “pubbliku interessat [ikkonċernat]” fil-konfront ta’ organizzazzjoni ambjentali. Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li jiġi diskuss jekk, f’ċerti ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “pubbliku” jistax jinbidel f’“pubbliku interessat [ikkonċernat]”.


19 – Ara l-punti 40 sa 45 iktar ’il fuq.


20 – Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.


21 – Ara l-punt 64 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 – Olson, M., The Logic of Collective Action: Public Goods and the Theory of Groups, Harvard University Press, Cambridge, 1971.


23 – Ara l-punt 61 iktar ’il fuq, kif ukoll de Sadeleer, N., Soller, G. & Dross, M., Access to Justice in Environmental Matters and the Role of NGOs. Empirical Findings and Legal Appraisal, Europa Law Publishing, Groninga, 2005, p. 177.


24 – Dan jintwera permezz ta’ data empirika dwar l-effett tal-involviment ta’ organizzazzjonijiet ambjentali fl-istatistika tal-qrati li ġiet ippreżentata minn de Sadeleer, N., Soller, G. & Dross, M., op. cit., iktar ’il fuq, p. 165-170.


25 – F’dokument tal-2003, il-Kummissjoni ċaħdet l-idea li tinkludi actio popolaris f’xi strument li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-proposta tagħha għal direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali (COM[2003] 624 finali, tal-24 ta’ Ottubru 2003), il-Kummissjoni qalet li “l-‘actio popolaris’ mhijiex espressament meħtieġa taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għalhekk għandha titħalla għall-Istati Membri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Din id-dikjarazzjoni, li għandha d-data sussegwenti għal dik tal-proposta għal direttiva li finalment tat lok għad-Direttiva 2003/85, fl-opinjoni tiegħi hija rilevanti fir-rigward ta’ din il-kawża.


26 – Ebbesson, J., Access to Justice in Environmental Matters in the EU, Ed. Kluwer Law International, L-Aja, 2002, p. 29.


27 – Premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2003/35 (korsiv miżjud).


28 – Dette, B., ‘The Aarhus Convention and Legislative Initiatives for its Implementation’, in Ormond, T., Führ, M., Barth, R. (eds), Environmental Law and Policy at the Turn of the 21st Century. Liber amicorum Betty Gebers, Ed. Lexxion, Berlin, 2006, p. 78.


29 – L-Isvezja u l-Kummissjoni jsostnu li huma biss is-Sveriges ornitologiska förening (l-Assoċjazzjoni Ornitoloġika Svediża) u n-Naturskyddsföreningen (l-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tan-Natura) li jissodisfaw l-obbligu ta’ 2 000 membru. Skont l-Isvezja, huwa dejjem possibbli li organizzazzjonijiet lokali li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit jaġixxu permezz taż-żewġ organizzazzjonijiet li preżentement għandhom locus standi. Din il-pożizzjoni fl-opinjoni tiegħi hija għal kollox inadegwata u diffiċilment tista’ taqbel mal-ħsieb inerenti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus u fid-Direttiva 85/337, kif emendata.


30 – F’din il-kawża d-DVM hija organizzazzjoni lokali li qed tfittex li tikkontesta deċiżjoni li tikkonċerna ż-żona muniċipali li fiha hija bbażata.


31 – Kif ġie spjegat waqt is-seduta, organizzazzjoni bħal Greenpeace Svezja m’għandhiex il-locus standi meħtieġ biex tressaq kawża quddiem il-qrati skont il-kriterji stabbiliti mill-Miljöbalken.


32 – Il-Kummissjoni tindika korrettement li l-Gwida għall-Implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus iċċitata iktar ’il fuq talludi mingħajr riżervi għall-Artikolu 13 tal-Kapitolu 16 tal-Miljöbalken meta ssostni li “partijiet jistgħu jimponu ħtiġiet ibbażati fuq kriterji oġġettivi li ma jkunux jeskludu bla bżonn. Pereżempju, pajjiż tal-UNECE partikolari jeħtieġ li organizzazzjonijiet mhux governattivi ambjentali jkunu ilhom attivi f’dak il-pajjiż għal tliet snin u li jkollhom minn tal-inqas 2 000 membru. [...] Il-ħtieġa ta’ minimu ta’ membri tista’ [...] titqies li hija stretta żżejjed taħt il-Konvenzjoni”. Waqt is-seduta, l-aġent tal-Isvezja ma kellux l-intenzjoni (minkejja l-istedina tiegħi f’dan is-sens) li jibbaża ruħu fuq ir-riżerva mressqa mill-Isvezja għall-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Jidhirli li l-Isvezja nnifisha probabbilment għandha xi dubji dwar din.


33 – Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u van Veen (C-430/93 u C‑431/93, Ġabra I‑4705, punt 17); sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑129/000, Ġabra I‑14637, punt 25); sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra I‑2271, punt 43); sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra I‑4233).