Language of document : ECLI:EU:C:2019:882

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-17 ta’ Ottubru 2019 (1)

Kawża C341/18

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

J. et

partijiet oħra:

C. u H. et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2016/399 – Artikolu 11(1) – Tifsira tat-terminu ‘ħruġ’ – Kontroll tal-fruntieri esterni – Ittimbrar tad-dokumenti ta’ vvjaġġar tal-baħħara – Waqt ta’ mmarkar tat-timbru – Mument tat-tluq miż-żona Schengen”






1.        B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) jitlob il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (2). Huwa jixtieq jivverifika t-tifsira tat-terminu “ħruġ” fir-rigward tal-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jimmarkaw timbru ta’ ħruġ mad-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ ċittadini ta’ Stati terzi meta jaqsmu l-fruntiera esterna u jħallu ż-żona Schengen.

2.        Iċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi fil-proċedura prinċipali jaħdmu bħala baħħara. Huma jaslu fiż-żona Schengen bi trasport bl-ajru u mbagħad jirreġistraw ma’ bastimenti li jkunu diġà assenjati magħhom bħala ekwipaġġ. Qabel ma jaslu l-baħħara, il-bastimenti jkunu fil-port, ittrakkati għal żmien fit-tul. Id-domanda li għandha tiġi ddeterminata hija jekk il-baħħara joħorġux miż-żona Schengen fil-mument li huma jirreġistraw mal-bastiment tagħhom bħala ekwipaġġ, jew jekk huma jitilqu biss meta jkunu qegħdin jaħdmu abbord bastiment u dan joħroġ mill-port.

 Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar

3.        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem il-“UNCLOS”) jipprovdi:

“(1)      Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelaġiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritti bħala il-baħar territorjali.

(2)      Din is-sovranità testendi għall-ispażju ta’ l-ajru ta’ fuq il-baħar territorjali kif ukoll għall-qiegħ u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu.

(3)      Is-sovranità fuq il-baħar territorjali hija eżerċitata bla ħsara għal din il-Konvenzjoni u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

4.        Skont l-Artikolu 3, kull Stat jista’ jistabbilixxi l-wisa’ tal-baħar territorjali sa limitu li ma jeċċedix 12-il mil nawtiku mil-linja tal-baħar baxx matul il-kosta.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Is-sistema Schengen – ħarsa ġenerali

5.        L-elementi ewlenin tas-sistema Schengen huma: it-tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni bejn l-Istati Membri parteċipanti (3); il-libertà ta’ vvjaġġar bejn dawn l-Istati Membri għal kwalunkwe persuni li jirrisjedu legalment fihom jew li jkunu qegħdin iżuruhom; u l-politika komuni ta’ viża għal żmien qasir. Regoli ddettaljati għas-sistema ta’ Schengen kienu inizjalment stabbiliti fil-Ftehim ta’ Schengen u fil-miżuri li kienu jimplimentawh (4). L-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen hija kkumplimentata mis-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen (“SIS”) – sistema għal ħruġ ta’ twissija għal ċaħda ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ Stati terzi, li għandhom bħala prinċipju, jiġu miċħuda mid-dħul (5). L-Unjoni Ewropea adottat ukoll ir-Regolament (UE) 2017/2226 (6), li jistabbilixxi b’mod partikolari, sistema ta’ data rigward id-dħul u ħruġ, li tirreġistra il-qsim ta’ ċittadini kollha ta’ Stati terzi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri esterni ta’ Schengen, sabiex tiddetermina jekk huma rrisjedawx għal żmien itwal minn dak permess għas-soġġorn tagħhom.

6.        Il-Konvenzjoni Schengen (Kapitolu 3, Artikoli 9 sa 18) oriġinarjament kienet tipprevedi dispożizzjonijiet dwar il-viżi (7). Is-sistema ta’ applikazzjoni għal viża hija sostnuta mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (iktar ’il quddiem il‑“VIS”) introdotta mir-Regolament (KE) Nru 767/2008 (8). Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 (9) jelenka dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom jew ma għandhomx bżonn viża sabiex jidħlu fit-territorju taż-żona Schengen.

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

7.        Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin, inklużi fil-premessi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huma rilevanti:

–        L-adozzjoni ta’ miżuri taħt l-Artikolu 77 TFUE, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda kontrolli fuq persuni li jaqsmu fruntieri interni, tagħmel parti mill-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni fejn ikun żgurat il-moviment liberu tal-persuni (10);

–        Il-politika komuni ta’ qsim ta’ fruntieri esterni hija miżura li tappoġġja l-ħolqien ta’ żona fl-Unjoni Ewropea fejn il-persuni jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu (11);

–        Miżuri komuni dwar il-qsim tal-fruntieri interni minn persuni u l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni għandhom jirriflettu l-acquis ta’ Schengen (12);

–        Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u għall-prevenzjoni ta’ kull theddida għas-sigurtà interna, għall-politika pubblika, għas-saħħa pubblika u għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri (13);

–        L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ kontroll fil-fruntieri esterni ma jikkostitwixxux ostakolu kbir għal skambji kummerċjali, soċjali u kulturali (14).

8.        Skont l-Artikolu 1, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi regoli sabiex ma jkunx hemm kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kontroll fil-fruntiera ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

9.        Id-definizzjonijiet li ġejjin huma stabbiliti fl-Artikolu 2:

“2.      ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]

6.      ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE u li mhix koperta mill-punt 5 ta’ [l-Artikolu 2]; (15)]

[…]

8.      ‘punt ta’ qsim tal-fruntiera’ tfisser kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni;

[…]

10.      ‘kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ [dan il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

11)      ‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu.”

10.      L-Artikolu 3 jipprovdi li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen japplika għal kwalunkwe persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni tal-Istati Membri (16).

11.      It-Titolu II huwa intitolat “Fruntieri Esterni”. Fil-Kapitolu I ta’ dan it-titolu (“Il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kondizzjonijiet għad-dħul”), l-Artikolu 5(1) jipprovdi li fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Ċerti eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu huma stabbiliti fl-Artikolu 5(2)(c) għal tipi speċifiċi ta’ fruntieri (bħal fruntieri tal-baħar) u kategoriji partikolari ta’ persuni (inklużi baħħara) (17).

12.      Ċittadini ta’ Stati terzi huma suġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 6. Dawn jinkludu pussess ta’ dokument ta’ vvjaġġar validu; viża valida (fejn meħtieġ); ġustifikazzjoni tal-għan u tal-kundizzjonijiet tas-soġġorn previst; il-fatt li ma jkunux persuni suġġetti għal allert tas-SIS; u li ma jitqisux bħala theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru (18).

13.      L-Artikolu 8(1) jipprovdi li moviment transkonfinali fi fruntieri esterni huwa suġġett għal kontrolli mill-gwardji tal-fruntiera, imwettqa konformement mal-Kapitolu II (“Kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul”) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Skont l-Artikolu 8(3), iċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi huma suġġetti għal verifiki bir-reqqa mad-dħul u mal-ħruġ miż-żona Schengen. Il-verifiki bir-reqqa jinkludu verifikazzjoni li l-persuna kkonċernata għandha dokument validu sabiex taqsam il-fruntiera; dokumentazzjoni ġenwina għall-ivvjaġġar; u (meta possibbli) u li ma hijiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà interna jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kawlunkwe Stat Membru. Verifiki bir-reqqa oħra mal-ħruġ jistgħu jinkludu verifikazzjoni li l-individwu huwa fil-pussess ta’ viża valida u li ma eċċediex it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen, u konsultazzjoni tas-sistemi ta’ allert rilevanti (19).

14.      Fil-Kapitolu II, l-Artikolu 11 jipprovdi:

“1.      Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u l-ħruġ. B’mod partikolari timbru tad-dħul jew ħruġ għandu jsir fuq:

(a)      id-dokumenti li fuqhom ikollhom viża valida, u li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera;

[…]

3.      M’għandu jkun hemm l-ebda timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ:

[…]

(c)      fuq dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ baħħara li huma preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru biss meta l-bastiment tagħhom jidħol f’port u jkunu fiż-żona tal-port fejn daħal il-bastiment;

(d)      fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri ta’ bastimenti tal-kruċiera li mhumiex soġġetti għall-verifiki fuq il-fruntiera skont il-punt 3.2.3 tal-Anness VI;

[…]”

15.      Skont l-Artikolu 19 (parti minn Kapitolu IV “Regoli speċifiċi għall-verifiki fuq il-fruntiera”), regoli speċifiċi għall-fruntieri tal-baħar japplikaw għall-verifiki, kif ipprovdut fil-punt 3 tal-Anness VI. Il-proċeduri ta’ verifiki ġenerali jipprovdu: “[v]erifiki fuq bastimenti għandhom jitwettqu fil-port tal-wasla jew tat-tluq, jew f’żona maħsuba għal dak il-għan, li tkun tinsab eżatt fil-qrib tal-bastiment jew abbord il-bastiment fl-ilmijiet territorjali kif iddefinit mill-[UNCLOS]. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitwettqu wkoll verifiki waqt il-qsim jew, mal-wasla jew t-tluq tal-bastiment, fit-territorju ta’ pajjiż terz […] [b’mod partikolari, il-kaptan tal-bastiment] għandu jħejji lista tal-membri tal-ekwipaġġ u ta’ kwalunkwe passiġġier li jkun fiha l-informazzjoni mitluba fil-formoli 5 (lista tal-membri tal-ekwipaġġ) u 6 (lista tal-passiġġieri) tal-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (Konvenzjoni tal-FAL)(20)] kif ukoll, fejn applikabbli, in-numru tal-viża jew tal-permess ta’ residenza: […]” (21)

16.      Skont l-Artikolu 20 u l-punt 3 tal-Anness VII, regoli speċifiċi japplikaw għal kontrolli fuq baħħara: kif ġej “[b]’deroga mill-Artikoli 5 u 8, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-baħħara li jkollhom dokument tal-identità tal-baħħara maħruġ skont [id-dritt internazzjonali (22)] u l-dritt nazzjonali rilevanti, sabiex jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri billi jinżlu l-art biex jibqgħu fiż-żona tal-port fejn jidħlu l-bastimenti tagħhom jew fil-muniċipalitajiet ta’ madwar, jew joħorġu mit-territorju tal-Istati Membri billi jirritornaw abbord, mingħajr ma jippreżentaw irwieħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera, bil-kondizzjoni li huma jkunu jidhru fuq il-lista tal-ekwipaġġ, li tkun ġiet sottomessa minn qabel għal verifika mill-awtoritajiet kompetenti, tal-bastiment tagħhom”.

 Il-Kodiċi dwar il-Viżi

17.      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (23), jipprovdi li l-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu minn jew għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum (24).

18.      L-Artikolu 2(2)(a) jiddefinixxi “viża” bħala li tfisser “awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’ tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur”.

19.      Skont l-Artikolu 35, viżi jistgħu jinħarġu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri f’każijiet eċċezzjonali.

20.      L-Artikolu 36 jipprovdi li baħħar li huwa mitlub li jkollu viża meta jaqsam il-fruntieri esterni taż-żona Schengen waqt tranżitu, tista’ tinħariġlu viża fuq il-fruntiera jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35(1), u jkun qiegħed jaqsam il-fruntiera sabiex jimbarka, jerġa’ jimbarka jew jiżbarka minn fuq bastiment li fuqu huwa ser jaħdem jew fejn ħadem bħala baħħar. Meta jkunu qegħdin joħorġu viża, l-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw ir-regoli previsti fl-Anness IX tal-Kodiċi dwar il-Viżi (25).

 Id-Direttiva 2010/65/UE

21.      Id-Direttiva 2010/65/UE dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (26) għandha l-għan li tissemplifika, tarmonizza u tirrazzjonalizza l-proċeduri amministrattivi u l-formalitajiet dikjaratorji applikati lit-trasport marittimu, billi tistandardizza t-trażmissjoni elettronika tad-data lil bastimenti li jkunu qegħdin jaslu fi u jitilqu minn portijiet li jinsabu fi Stati Membri.

22.      Skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw informazzjoni sottomessa fil-formoli FAL għat-twettiq tal-formalitajiet ta’ rappurtar. L-Anness tad-Direttiva jelenka l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-formola FAL sabiex dawk il-formalitajiet jiġu osservati. Din l-informazzjoni tinkludi notifikazzjoni ta’ bastimenti li qegħdin jaslu fi jew jitilqu minn portijiet fi Stati Membri (Parti A, punt 1); verifiki fuq il-fruntieri ta’ persuni kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (Parti A, punt 2); u l-Lista tal-Ekwipaġġ (Parti B, punt 5).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

23.      F’diversi dati matul Jannar, Frar u Marzu 2016, numru ta’ ċittadini ta’ Stati terzi daħlu l-Pajjiżi l-Baxxi mill-ajruport ta’ Schiphol u vvjaġġaw lejn il-port ta’ Rotterdam. Dawk kollha kkonċernati ġew irreklutati bħala ekwipaġġ fuq bastimenti u mpjegati sabiex jaħdmu fuq bastimenti li kienu diġà rmiġġati f’Rotterdam. Huma vvjaġġaw mill-ajruport ta’ Schipol sal-port, fejn irreġistraw bħala membri tal-ekwipaġġ fl-istess ġurnata li huma waslu l-Pajjiżi l-Baxxi. Il-bastimenti kkonċernati kienu ddestinati għall-ibħra internazzjonali u kienu ser jitilqu mill-ibħra territorjali tal-Pajjiżi l-Baxxi f’mument mhux magħruf mill-baħħara fid-data li fiha waslu l-Pajjiżi l-Baxxi.

24.      Uħud mill-baħħara qattgħu l-perijodu kollu tal-kuntratt tagħhom jaħdmu abbord bastimenti li baqgħu rmiġġati f’Rotterdam. Fit-tmiem tal-perijodu ta’ servizz tagħhom abbord, huma telqu mill-Pajjiżi l-Baxxi (u allura miż-żona Schengen) bl-ajruplan mill-ajruport ta’ Schiphol. Oħrajn, wara li qattgħu ħin jaħdmu abbord il-bastiment irmiġġat f’Rotterdam, baqgħu abbord u ħallew l-ibħra territorjali tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala membri tal-ekwipaġġ fuq dak il-bastiment.

25.      Il-baħħara kienu speċjalisti tal-bini li x-xogħol tagħhom kien jinvolvi, b’mod partikolari, armar ta’ pjattaformi taż-żejt (riggijiet) u pajpijiet fil-baħar. Ix-xogħol tagħhom kien jikkonsisti wkoll fi preparazzjoni ta’ bastiment rmiġġat għal vjaġġ ġdid. It-tul tax-xogħol u l-ħin li matulu l-bastiment kien sorġut kien jiddependi fuq il-kobor tax-xogħlijiet u l-bastiment ikkonċernat. Din il-prattika ta’ xogħol u mpjieg ma kinitx ġdida. Il-baħħara kienu jagħmlu talba liz-Zeehavenpolitie Rotterdam (il-Pulizija tal-Port Marittimu ta’ Rotterdam (“iz-ZHP”)) sabiex temetti u timmarka timbru ta’ ħruġ fid-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom. Sal-bidu tal-2016, il-baħħara kienu dejjem jirċievu timbru ta’ ħruġ fid-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom fil-mument li fih huma kienu jirreġistraw bħala ekwipaġġ ta’ bastiment f’Rotterdam (“il-prattika l-qadima”).

26.      Wara din id-data, iz-ZHP irrifjutat it-talbiet kollha bħal dawn minħabba li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat meta l-bastiment ikkonċernat kien ser iħalli l-port (“il-prattika l-ġdida”).

27.      Bħala ċittadini ta’ Stati terzi, il-baħħara setgħu joqogħdu fiż-żona Schengen għal massimu ta’ 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (27). Il-baħħara saħqu li l-effett ta’ din il-prattika l-ġdida huwa li jitnaqqas il-perijodu ta’ soġġorn awtorizzat meta pparagunat mal-prattika l-qadima, għaliex iż-żmien traskors ix-xogħol abbord il-bastiment bħala membru tal-ekwipaġġ issa kien ser jingħadd ma’ dak il-perijodu ta’ 90 jum. Barra minn hekk, peress li kellhom jistennew perijodu ta’ 180 jum qabel ma jirritornaw fiż-żona Schengen huma kienu jaħdmu inqas u korrispondentement jirċievu inqas dħul (28).

28.      F’Lulju 2016, l-Istaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi), (iktar ’il-quddiem “l-Istaatssecretaris”), iddikjara inammissibbli l-appelli amministrattivi mressqa minn diversi operaturi ta’ bastimenti (C. u H. et, “l-operaturi”) kontra deċiżjoni taz-ZHP dwar ir-rifjut tat-talbiet għall-emissjoni ta’ timbri ta’ ħruġ. L-Istaatssecretaris iddikjara wkoll l-appelli amministrattivi mressqa mill-baħħara infushom (J. et) bħala infondati.

29.      B’erba’ sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2017, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) tat deċiżjoni dwar l-appelli tal-operaturi li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Istaatssecretaris bħala infondata. Madankollu, dik il-qorti ddeċidiet li l-appelli tal-baħħara kienu fondati. L-Istaatsecretaris imbagħad appellat minn dawn is-sentenzi tal-aħħar filwaqt li l-operaturi ppreżentaw appell inċidentali quddiem il-qorti tar-rinviju.

30.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi li l-port ta’ Rotterdam huwa parti mill-fruntiera esterna taż-żona Schengen għall-finijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u li bħala medja, 160 bastiment isorġu għal perijodi twal f’dak il-port. Din tinnota li l-Koninklijke Vereniging van Nederlandse Reders (“l-Assoċjazzjoni Rjali ta’ Sidien ta’ Bastimenti fil-Pajjiżi l-Baxxi”) ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li portijiet oħra Ewropej jimmarkaw timbru ta’ ħruġ fuq dokumenti ta’ vvjaġġar tal-baħħara fil-mument li fih jirreġistraw bħala ekwipaġġ. Il-qorti tar-rinviju espressament irrifjutat is-sottomissjoni tal-Istaatssecretaris li l-kontropartijiet taz-ZHP fl-Istati Membri l-oħra mhux neċessarjament jimmarkaw timbru ta’ ħruġ meta jirreġistraw bħala membri tal-ekwipaġġ.

31.      Il-qorti tar-rinviju esprimiet il-fehma li jekk il-mument meta l-baħħara joħorġu miż-żona Schengen għall-finijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ikun stabbilit b’mod differenti fil-portijiet tad-diversi Stati Membri, dan joħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għall industrija offshore tal-Unjoni.

32.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk tqis li sabiex tiġi solvuta l-kawża prinċipali huwa neċessarju li tfittex il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, partikolarment it-tifsira tat-terminu “ħruġ” f’dik id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, hija ressqet id-domanda segwenti lil Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 11(1) ta[l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz li preċedentement daħal fiż-żona Schengen, pereżempju minn ajruport internazzjonali, joħroġ fis-sens tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen hekk kif, bħala baħħar, jingħaqad ma’ bastiment li diġà jinsab f’port marittimu li huwa fruntiera esterna, indipendentement minn jekk, u jekk iva meta, huwa ser jitlaq minn dan il-port marittimu fuq dan il-bastiment? Jew, sabiex ikun hemm ħruġ, għandu l-ewwel jiġi stabbilit li l-baħħar ser jitlaq il-port marittimu fuq il-bastiment ikkonċernat, u jekk iva, japplika terminu li fih it-tluq għandu jseħħ u f’liema mument għandu jitqiegħed it-timbru ta’ ħruġ? Jew għandu mument ieħor, f’kundizzjonijiet differenti jew le, jitqies bħala ‘ħruġ’?”

33.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn J. et u minn C. u H. et (il-baħħara u l-operaturi tal-bastimenti), mill-Gvern Ġermaniż, Grieg u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet attendew is-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2019 u ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

34.      Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċedura prinċipali, f’liema mument għandu jiġi mmarkat timbru ta’ ħruġ fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ baħħara skont l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen? Filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax in-nazzjonalitajiet tal-baħħara individwalment ikkonċernati, mid-deskrizzjoni tal-fatti jidher li huma kollha ċittadini ta’ Stati terzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1) u l-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001. Għaldaqstant, huma persuni li huma mitluba jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Istati Membri (29). Kwalunkwe viża bħal din għandha tiġi ppreżentata għal spezzjoni u ttimbrar mad-dħul u mal-ħruġ miż-żona Schengen (30).

35.      L-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi ċerti eċċezzjonijiet speċifiċi għal dawk ir-regoli. Skont l-Artikolu 11(3)(c), ebda timbru ta’ dħul jew ħruġ ma għandu jiġi mmarkat fid-dokumenti ta’ vvjaġġar tal-baħħara li huma preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru biss meta l-bastiment tagħhom jissoġġorna u (jibqa’) fiż-żona portwali fejn daħal il-bastiment. Huwa paċifiku li din l-eċċezzjoni ma hijiex applikabbli hawnhekk.

36.      Jien naqbel ma’ din il-fehma.

37.      Jidhirli li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 11(3)(c) tapplika għal baħħara meta jaslu abbord bastiment li jsorgi f’port fiż-żona Schengen. Huma jistgħu mbagħad jitolbu u jingħataw permess għall-inżul fuq l-art li jagħtihom id-dritt jinżlu minn fuq il-bastiment. Tali persunal jaqa’ fil-fatt taħt l-eċċezzjoni fl-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u taħt id-deroga fl-Artikolu 20 u l-punt 3 tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-baħħara fil-kawża prinċipali kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma ma baħħrux sal-port ta’ Rotterdam abbord bastiment. Huma waslu l-Pajjiżi l-Baxxi bl-ajru, fejn niżlu fl-ajruport ta’ Schiphol.

38.      Għaldaqstant, il-baħħara f’din il-kawża ma humiex qegħdin jippruvaw jibbażaw ruħhom fuq l-arranġamenti speċjali dwar permess għall-inżul fuq l-art li jagħtihom id-dritt jinżlu minn fuq il-bastiment, kif previst fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Huma qegħdin jaqsmu l-fruntiera esterna fil-port ta’ Rotterdam sabiex jirreġistraw bħala ekwipaġġ. Huma ma jkunux qegħdin jibbenefikaw minn interruzzjoni tad-doveri tagħhom abbord bastiment meta jiksbu permess sabiex jibbenefikaw mill-faċilitajiet taż-żona portwali.

39.      Bl-istess mod, jidhirli li l-qorti tar-rinviju hija korretta fil-fehma tagħha li l-Artikoli 35 u 36 tal-Kodiċi dwar il-Viżi (li jirregolaw ħruġ ta’ viżi fil-fruntieri esterni) ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-punt inkwistjoni. Skont l-Artikolu 35 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, f’każijiet eċċezzjonali l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu viżi fil-fruntiera esterna. L-Artikolu 36 u l-Anness IX tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprevedi speċifikament il-ħruġ ta’ dawn il-viżi lil baħħara fi tranżitu fl-fruntiera esterna. Madankollu, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax ħruġ ta’ viżi ta’ tranżitu. Pjuttost, id-domanda hija dwar jekk timbru ta’ ħruġ kellux jiġi mmarkat fid-dokument ta’ vvjaġġar meta huma rreġistraw bħala ekwipaġġ. Dawk iċ-ċirkustanzi ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ jekk il-baħħara kinux fi tranżitu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

40.      Fl-eżaminazzjoni tiegħi tat-tifsira tat-terminu “ħruġ” fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jien għalhekk mhux ser nirreferi iktar għall-iskema speċjali ta’ permess għall-inżul fuq l-art għall-baħħara jew għall-iskema għal ħruġ ta’ viżi fil-fruntiera esterna għal baħħara fi tranżitu.

 Fuq il-mertu

41.      Xi jfisser it-terminu “ħruġ” għall-finijiet tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?

42.      Din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ baħħara li jaslu fi Stat Membru bl-ajru. Huma jivvjaġġaw sal-bastiment tagħhom, li huwa diġà sorġut f’port li jifforma parti mill-fruntiera esterna ta’ Schengen. Huma jirreġistraw għal ċertu perijodu bħala ekwipaġġ abbord il-bastiment sorġut, għal raġunijiet ta’ xogħol. Uħud minnhom jirritornaw lejn Stat terz bl-ajru. Oħrajn ikomplu bħala ekwipaġġ fuq il-bastiment meta jħalli l-port (u ftit wara, l-ibħra territorjali tal-Pajjiżi l-Baxxi). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi ukoll għal gwida dwar kif għandu jiġi applikat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jekk il-baħħara jitqiesu li joħorġu miż-żona Schengen biss meta tkun magħrufa d-data li fiha ser jitlaq mill-port il-bastiment li jkunu qegħdin jaħdmu fuqu.

43.      Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi u l-operaturi jsostnu li f’tali ċirkustanzi l-baħħara “joħorġu” miż-żona Schengen meta jippreżentaw ruħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera u meta jirreġistraw bħala ekwipaġġ fuq bastiment sorġut f’port marittimu, bħal dak ta’ Rotterdam. Il-Gvern Grieg isostni dan l-argument.

44.      Il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ma jaqblux ma’ din il-fehma.

45.      Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li baħħara “joħorġu” miż-żona Schengen biss meta l-bastiment li jkunu rreġistraw miegħu jitlaq mill-port. Timbru ta’ ħruġ għalhekk għandu jiġi mmarkat fid-dokumenti ta’ vvjaġġar tal-baħħar biss meta tkun magħrufa d-data tat-tluq. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni wkoll li l-fatt dwar meta baħħar jirreġistra bħala ekwipaġġ u jħalli ż-żona tal-art portwali sabiex jaħdem abbord bastiment, ma jkunx jammonta għal “ħruġ” miż-żona Schengen fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Sabiex ċittadin ta’ Stat terz iħalli ż-żona Schengen, huwa għandu jaqsam il-fruntiera ġeografika esterna ta’ wieħed mill-Istati ta’ Schengen. Il-fruntiera esterna tal-baħar hija stabbilita b’referenza għall-UNCLOS u tinsab 12-il mil nawtiku mill-kosta (31). Sabiex jikseb timbru ta’ ħruġ, baħħar għandu jistabbilixxi li ser jitlaq miż-żona Schengen abbord il-bastiment inkwistjoni u li, ladarba jiġi mmarkat it-timbru ta’ ħrug, dan il-bastiment ser ivara (jew ineħħi l-ankra) (32) f’perijodu qasir wara dan.

46.      Il-Kummissjoni ssostni li baħħar ma joħroġx miż-żona Schengen fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen meta jirreġistra bħala ekwipaġġ. L-ewwel għandu jiġi stabbilit li l-baħħar kkonċernat ser iħalli l-port abbord il-bastiment, u li t-timbru rilevanti ser jiġi mmarkat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tiegħu biss meta l-varar ikun imminenti.

47.      L-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju u l-osservazzjonijiet magħmula mill-baħħara u mill-operaturi tal-bastimenti fis-seduta bħala risposta għad-domandi mill-Qorti tal-Ġustizzja jindikaw li l-baħħara normalment kienu jivvjaġġaw sal-port ta’ Rotterdam fl-istess ġurnata li fiha huma jaslu l-Pajjiżi l-Baxxi bl-ajru u li fiha kienu jiksbu t-timbru ta’ dħul tagħhom. Taħt il-prattika l-qadima, fl-istess ġurnata huma kienu jirreġistraw bħala ekwipaġġ, jiksbu timbru ta’ ħruġ miz-ZHP u jitilgħu abbord il-bastiment li kien sorġut għal żmien twil. Il-ħin traskors fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-finijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għalhekk qatt ma kien ikun iktar minn ġurnata. Taħt il-prattika l-ġdida, il-ħin tat-timbru ta’ dħul kien ser jibqa’ l-istess (mal-wasla), filwaqt li t-timbru ta’ ħruġ kien jiġi mmarkat biss wara li l-perijodu ta’ servizz abbord tal-baħħar kien ikun komplut jew meta l-bastiment li fuqu kien qiegħed jaħdem kien ser ikun varat. Konsegwentement, il-baħħara kienu jitilfu parti sostanzjali mid-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum permess taħt il-Kodiċi dwar il-Viżi (33). Għaldaqstant, huma kienu kapaċi jwettqu inqas perijodi ta’ servizz u d-dħul tagħhom kien korrispondentement inqas.

 L-interpretazzjoni ta’ “ħruġ”

48.      L-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi li d-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul (fi) u mal-ħruġ (miż)-żona Schengen. Il-kliem “dħul” u “ħruġ” ma humiex iddefiniti f’dan ir-regolament.

49.      Il-qorti tar-rinviju tibda l-evalwazzjoni tagħha tal-Artikolu 11(1) billi tqabbel id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-test. Hija tikkonkludi li kunsiderazzjoni tal-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Olandiż ma tagħti ebda indikazzjoni tat-tifsira tat-terminu “ħruġ”. Peress li ma hemmx diverġenza evidenti bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dik id-dispożizzjoni li eżaminajt (34), ma iniex ser insegwi iktar dik il-linja ta’ stħarriġ.

50.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ terminu leġiżlattiv għandha tiġi ddeterminata konformement mat-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha. It-tifsira abitwali ta’ “ħruġ” hija “tmur minn ġewwa għal barra” minn post, “ħruġ” huwa ukoll mifhum fis-sens ta’ “awtorizzazzjoni” jew “permess għat-tluq minn pajjiż” (35).

51.      Żewġ fehmiet kontradittorji ġew espressi fir-rigward tat-tifsira tat-terminu “ħruġ” fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni huma tal-fehma li li r-reġistrazzjoni bħala ekwipaġġ abbord bastiment f’punt ta’ qsim tal-fruntiera ma tikkostitwixxix ħruġ miż-żona Schengen. Il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu wkoll li sabiex joħorġu, il-baħħara jkollhom fiżikament jaqsmu l-fruntiera ġeografika esterna tal-baħar fuq il-bastiment ikkonċernat (“għażla 1”).

52.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (kemm il-baħħara kif ukoll l-operaturi), sostnuti mill-Greċja, jargumentaw li l-baħħara effettivament joħorġu miż-żona Schengen meta dawn jirreġistraw ma’ bastiment. It-timbru rilevanti għalhekk għandu jiġi mmarkat mad-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom f’dak il-mument (“għażla 2”). Jidhirli li ż-żewġ għażliet jaqgħu, b’mod plawżibbli, taħt it-tifsira kurrenti tat-terminu “ħruġ”. Għalhekk, il-kuntest u l-iskema leġiżlattiva tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ser ikunu l-fatturi determinanti f’deċiżjoni ta’ interpretazzjoni.

53.      Ser nibda billi neżamina l-għażla 1.

 Għażla 1

54.      L-attrazzjoni ovvja tal-għażla 1 hija r-rabta tal-ħruġ miż-żona Schengen mal-post fiżiku tal-persuna kkonċernata. Skont dan ir-raġunament, sakemm il-baħħar ikun fiżikament preżenti fil-port ta’ Rotterdam – jekk ikun miexi fuq il-moll, abbord bastiment sorġut mal-moll jew jaħdem fuq bastiment ankrat f’50 metru ilma – huwa xorta għadu ma “telaqx” mill-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, huwa ma huwiex intitolat ikollu timbru ta’ ħruġ immarkat fuq il-viża tiegħu, għaliex ikun għadu qiegħed juża l-viża tiegħu sabiex jissoġġorna fi Stat Membru tal-Unjoni.

55.      Madankollu, fuq eżaminazzjoni b’iktar reqqa, dan l-approċċ sempliċi ta’ “presenza fiżika” fir-rigward tal-kwistjoni legali għandu diffikultajiet.

56.      L-ewwel nett, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, “[....] anki fejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi jaqblu kompletament ma’ xulxin, [....] id-dritt [tal-Unjoni] juża terminoloġija li hija partikolari għalih. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li kunċetti legali mhux bilfors ikollhom l-istess tifsira fid-dritt [tal-Unjoni] u fid-dritt tad-diversi Stati Membri” (36). Għaldaqstant, it-terminu “ħruġ” fl-Artkolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ser ikollu tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Ma għandux neċessarjament l-istess tifsira fid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, ma jsegwix neċessarjament li t-terminu “ħruġ” fid-dritt tal-Unjoni għandu jkun sinonimu ma’ qsim tal-fruntiera ġeografika esterna ta’ Stat Membru kif stabbilit b’referenza għal UNCLOS (37). Għalhekk, il-fatt dwar jekk il-fruntiera esterna ta’ Schengen u l-fruntiera ġeografika esterna jikkoinċidux huwa rrilevanti.

57.      Għaldaqstant, jien ma naqbilx mal-argument ippreżentat mill-Ġermanja u mill-Pajjiżi l-Baxxi li jgħid li mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen isegwi li ċittadin ta’ Stat terz għandu jaqsam il-fruntiera ġeografika esterna ta’ wieħed mill-Istati Membri sabiex joħroġ miż-żona Schengen għall-finijiet tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament.

58.      It-tieni nett, kif sostna l-Avukat Ġenerali Fennelly fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (38), għandhom jiġu distinti żewġ aspetti meta persuna taqsam il-fruntiera. L-ewwel aspett huwa dak tal-ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru fis-sens fiżiku, mingħajr ma neċessarjment jaqsam f’punt ta’ kontroll fil-fruntiera. It-tieni aspett huwa dak ta’ ħruġ miż-żona Schengen fis-sens legali meta l-persuna kkonċernata taqsam f’punt ta’ kontroll fil-fruntiera u tkun suġġetta għall-verifiki neċessarji (39). Dawn il-proċeduri kollha ser jindikaw li l-persuna kkonċernata taqsam ukoll fiżikament il-fruntiera esterna taż-żona Schengen.

59.      Hawnhekk, il-qorti tar-rinviju titlob gwida speċifika dwar jekk huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-baħħara inkwistjoni qasmu l-fruntiera esterna kemm fis-sens fiżiku u kemm fis-sens legali (fl-istess ħin), sabiex jiġi mmarkat timbru ta’ ħruġ fid-dokumenti ta vvjaġġar tagħhom.

60.      Iċ-ċittadini ta’ Stat terz huma suġġetti għal kontrolli bir-reqqa waqt il-ħruġ, kif ipprovdut fl-Artikolu 8(3)(g) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dawn jinkludu verifikazzjoni li l-persuna kkonċernata tkun fil-pussess ta’ viża valida (Artikolu 8(3)(h)(i)). Kontrolli bħal dawn jagħmlu parti mit-tieni aspett: konferma li l-individwu jħalli ż-żona Schengen fis-sens legali. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (40),viża tawtorizza lid-detentur jgħaddi minn kontroll fil-fruntiera waqt id-dħul, mhux sempliċement sabiex jaqsam il-fruntiera ġeografika ta’ Stat Membru. Fejn ċittadin ta’ Stat terz joħroġ minn Stat Membru, il-proċess ta’ mmarkar ta’ timbru fuq id-dokument ta’ vvjaġġar jikkonferma li l-persuna li qiegħda titlaq hija l-istess individwu li daħal fiż-żona Schengen u jindika li ġie osservat il-perijodu li għalih inħarġet il-viża. Għalhekk, il-viża hija dokument legali li jawtorizza u jikkonferma passaġġ minn punt ta’ kontroll fil-fruntiera li jinsab fil-fruntiera esterna.

61.      Il-kawża preżenti tagħti lok (potenzjalment) għal kunsiderazzjoni għat-tielet aspett. Huwa wkoll neċessarju li jiġi stabbilit li l-persuna telqet mit-territorju ġeografiku tal-Istat Membru kif iddelimitat taħt id-dritt internazzjonali?

62.      Dan it-tielet aspett jidhirli li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jiddefinixxi l-fruntiera esterna għall-finijiet ta’ dan ir-regolament fl-Artikolu 2(2). L-għan huwa li jiġi kkontrollat il-qsim tal-fruntieri esterni ta’ Schengen, iktar milli l-fruntiera ġeografika esterna per se (fejn dawn it-tnejn ma jikkoinċidux).

63.      Jidhirli li l-għażla 1 tagħmel wisq enfasi fuq il-post fiżiku taċ-ċittadin ta’ Stat terz fiż-żona ġeografika tal-Istat Membru kkonċernat, iktar milli tevalwa l-każ ta’ dik il-persuna billi tirreferi għall-għanijiet ta’ kontroll fil-fruntiera u ta’ politika tal-viża li huma l-bażi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fir-rigward tal-kontroll tal-moviment ta’ ċittadini ta’ Stati terzi li joħorġu miż-żona Schengen. Għaldaqstant, ma iniex konvint li konċentrazzjoni fuq il-post fiżiku tal-baħħara, għad-detriment tal-ħtieġa li tingħata importanza lis-sens legali ta’ ħruġ mill-fruntiera esterna, li dik il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tirregola, huwa l-approċċ korrett.

64.      F’dan il-kuntest, huwa importanti li jitfakkar li ladarba baħħar jirreġistra bħala ekwipaġġ abbord bastiment, huwa ma huwiex l-kaptan tiegħu stess. Huwa ma jikkontrollax meta jaħdem ix-xift, meta jistrieħ, jew jekk (u jekk iva, meta u għal kemm) huwa jista’ jikseb permess għall-inżul fuq l-art. Huwa ma għandux sehem fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar jekk, waqt il-perijodu ta’ servizz tiegħu, il-bastiment jibqa’ fejn jinsab (sorġut mal-ġenb jew ankrat), jiġi spostat għal post ta’ rmiġġ ieħor jew iħalli l-port. Fi kliem ieħor, huwa jieqaf ikun kapaċi jiddeċiedi fuq il-post fiżiku tiegħu. Bħala ħaddiem u membru tal-ekwipaġġ, huwa suġġett għall-ordnijiet tal-kaptan tal-bastiment.

65.      Hawnhekk, analoġija imperfetta tista’ tkun ta’ għajnuna. Nimmaġinaw passiġġier tal-ajru (ċittadin ta’ Stat terz) li għadda miż-żona tal-kontrolli tas-sigurtà u tal-passaport u mbarka t-titjira għad-destinazzjoni tiegħu. Waqt li kien għaddej miż-żona tal-kontroll fuq il-passaport, ġie mmarkat timbru ta’ ħruġ mal-viża ta’ Schengen tiegħu. Ladarba l-passiġġier huwa abbord l-ajruplan, huwa jieqaf jikkontrolla l-post fiżiku tiegħu. Il-kaptan jiddeċiedi jekk u meta l-ajruplan jitlaq. Jekk hemm dewmien minħabba kontrolli tat-traffiku tal-ajru, il-kaptan jiddeċiedi jekk il-passiġġieri għandhomx jistennew b’paċenzja abbord l-ajruplan jew jekk (fil-każ li d-dewmien ikun wieħed twil), huma ser jiġux żbarkati u mbarkati mill-ġdid iktar tard. F’dan l-aħħar każ, wara l-iżbark il-passiġġier jerġa’ jkun fil-bini tal-ajruport, għalkemm fiż-“żona rriżervata għall-passiġġieri li diġà ġew ikkontrollati”. Huwa jkun liberu, jekk jagħżel hekk, li jerġa’ jgħaddi miż-żona tal-kontroll tal-passport għal darba oħra u jerġa’ jidħol fit-territorju tal-Istat Membru (f’dak il-punt, jiġi ttimbrat timbru ġdid tad-dħul mal-viża ta’ Schengen tiegħu). Madankollu, sakemm huwa jibqa’ “żona rriżervata għall-passiġġieri li diġà ġew ikkontrollati”, huwa ċar li jkun ħareġ – u dan irrispettivament mill-fatt li huwa ma jkunx iktar abbord l-ajruplan, iżda qiegħed jieħu kafe’ u xi ħaga tal-ikel fil-bini tal-ajruport.

66.      It-tielet nett, l-għażla 1 timplika li l-mument li fih il-baħħar joħroġ miż-żona Schengen huwa marbut mad-data tat-tluq tal-bastiment li fuqu jkun qiegħed jaħdem. Fuq livell prattiku, dan iwassal għal inċertezza. Huwa possibbli li d-data ta’ tluq tal-bastiment kif skedata tiġi identifikata, però ma hemmx garanzija li huwa ser jitlaq verament f’dik id-data. Fatturi bħat-temp u l-progress tax-xogħol abbord jistgħu jeżiġu skedar mill-ġdid tad-data tat-tluq.

67.      L-għażla 1 hija għalhekk inkonsistenti mal-obbligu msemmi fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jiġifieri l-immarkar ta’ timbri ta’ ħruġ b’mod sistematiku fid-dokumenti ta’ vvjaġġar. Jekk jiġi introdott kriterju bħal “ftit qabel it-tluq” (kif tissottometti l-Kummissjoni), dawn il-kliem jistgħu faċilment jiġu interpretati b’mod differenti fid-diversi Stati Membri u effettivament mill-awtoritajiet f’portijiet differenti fi Stat wieħed. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni tkun inkonsistenti mal-istabbiliment ta’ interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 11(1).

68.      Infakkar li, fir-rigward tal-fatti, hawn inkwistjoni żewġ kategoriji ta’ baħħara. Uħud jaslu bl-ajru, ilestu l-perijodu ta’ servizz tagħhom abbord u jitilqu bl-ajru. Oħrajn jaslu bl-ajru, jibdew il-perijodu ta’ servizz abbord u, qabel ma’ dan jispiċċa, jitilqu bil-baħar. L-għażla 1 twassal għal differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta’ baħħara. Jidher li distinzjoni bħal din ma kinitx teżisti taħt is-sistema preċedenti peress li ż-żewġ kategoriji kienu jiksbu timbri ta’ ħruġ fil-punt ta’ kontroll fil-fruntiera meta dawn kienu jirreġistraw bħala ekwipaġġ.

69.      Barra minn hekk, kif irrimarkaw il-baħħara u l-operaturi tal-bastimenti waqt is-seduta, taħt l-għażla 1, il-fatt dwar jekk meta huwa l-mument li fih jiġi mmarkat timbru ta’ ħruġ jiddependi minn jekk jistax jiġi stabbilit li l-bastiment ikkonċernat effettivament telaq miż-żona Schengen. Għaldaqstant, ċittadini ta’ Stati terzi li jaħdmu abbord bastiment li jħalli Rotterdam għal Las Palmas (il-Gżejjer Kanarji u allura parti minn Spanja) ma jirċievux timbru ta’ ħruġ peress li huma jibqgħu fiż-żona Schengen. Madankollu, ċittadini ta’ Stati terzi li jaħdmu abbord bastiment li jħalli Rotterdam għal Kajr jiksbu timbru ta’ ħruġ (probabbilment) ibbażat fuq id-destinazzjoni ddikjarata tal-bastiment. Hawnhekk, niġbed l-attenzjoni għal dikjarazzjonijiet fix-xogħlijiet preparatorji tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li “minħabba d-definizzjoni ta’ fruntieri tal-baħar interni u esterni […] il-portijiet huma bħala regola dejjem ittrattati bħala fruntieri esterni; kwalunkwe bastiment għandu allura jiġi ċċekkjat ma’ kull dħul u ħruġ, peress li huwa impossibbli li jiġi aċċertat x’jiġri barra mill-port, jekk fl-ibħra territorjali jew f’ilmijiet internazzjonali (imbark/żbark ta’ persuni jew beni).” (41)

70.      Għaldaqstant, fuq eżaminazzjoni b’iktar reqqa, l-interpretazzjoni proposta fl-għażla 1 ma hijiex kompletament konsistenti mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-qsim tal-fruntiera esterna għal ħruġ miż-żona Schengen ma għandux jitqies bħala ekwivalenti għal qsim tal-konfini ġeografiċi ta’ Stat Membru.

 Għażla 2

71.      Skont l-għażla 2, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi joħorġu miż-żona Schengen meta jaqsmu punt ta’ kontroll fil-fruntiera fil-port u jirreġistraw bħala ekwipaġġ fuq il-bastiment li jkunu ġew assenjati miegħu.

72.      L-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jinqara fil-kuntest tal-Artikolu 2(2) tiegħu, li jipprovdi li fruntieri esterni jinkludu “portijiet tax-xmajjar”. Huwa paċifiku li l-port ta’ Rotterdam jaqa’ taħt dik id-definizzjoni.

73.      Skont l-Artikolu 3 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ir-Regolament japplika għal kwalunkwe persuna li taqsam il-fruntieri (interni u) esterni tal-Istati Membri. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-fruntieri għandhom jiġu maqsuma biss f’punti awtorizzati ta’ qsim tal-fruntiera waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Mad-dħul u mal-ħruġ, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma suġġetti għal kontrolli bir-reqqa kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-kuntest leġiżlattiv iktar wiesa’ jinkludi r-regoli tal-viża li jistabbilixxu kundizzjonijiet għad-dħul u għall-ħruġ miż-żona Schengen. Dawn ir-regoli huma kkumplimentati mis-sistemi VIS u SIS peress li jippermettu lill-Istati Membri jwettqu kontrolli sabiex jiżguraw li l-individwi kkonċernati ma jikkostitwixxux theddid għall-politika pubblika, għas-sigurtà interna u għas-saħħa pubblika tal-Istati Membri (premessa 6). Dawn il-kontrolli jitwettqu f’punt ta’ qsim tal-fruntiera (42).

74.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-fruntieri esterni jistgħu jiġu maqsuma biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera. Ma hemm xejn li jindika li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħtu lok għal waħda mid-derogi elenkati fl-Artikolu 5(2), inklużi dawk li huma speċifikament marbuta mal-baħħara (Artikolu 5(2)(c)) (43).

75.      Għaldaqstant, l-għażla 2 ma tikkompromettix l-għanijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-baħħara jaċċettaw li huma suġġetti għar-regoli normali: huma għandhom ikollhom viżi u dokumenti ta’ vvjaġġar validi; huma għandhom jgħaddu minn punt ta’ verifiki fil-fruntiera u għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli fil-fruntiera mad-dħul u mal-ħruġ; u d-dokumenti tagħhom għandhom ikunu ttimbrati skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għalhekk, ma tqum ebda kwistjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Il-baħħara kkonċernati jistgħu jiġu lokalizzati f’kull ħin u jibqgħu rreġistrati fis-sistema (44). L-unika kwistjoni tikkonċerna l-ħin u l-post li fih għandhom jitwettqu l-kontrolli fil-fruntiera. Madankollu, f’termini ekonomiċi, din il-kwistjoni hija importanti ħafna kemm għall-baħħara kif ukoll għall-operaturi.

76.      Jien inqis l-għażla 2 bħala aħjar mill-għażla 1.

77.      L-ewwel nett, l-għażla 2 hija konsistenti mal-kliem, mal-skema u mal-għanijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen; partikolarment peress li tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni fl-Artikolu 2(2) li tgħid li port marittimu jista’ jikkostitwixxi l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru, u r-regola li fruntieri esterni għandhom jiġu maqsuma biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera; il-port ta’ Rotterdam huwa wieħed minn dawn il-punti. L-għażla 1 ma tissodisfax dan il-kriterju.

78.      It-tieni nett, l-għażla 2 twassal kemm għal interpretazzjoni uniformi kif ukoll għal applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fl-Istati Membri kollha. Kontrolli jistgħu jitwettqu f’punt ta’ qsim tal-fruntiera (f’każijiet bħal dawn, fil-port) fejn iċ-ċittadini ta’ Stati terzi kkonċernati jirreġistraw bħala ekwipaġġ u jitilgħu fuq il-bastiment. Timbri jistgħu jiġu mmarkati b’mod sistematiku f’dak il-mument, kif jelenka l-Artikolu 11(1).

79.      It-tielet nett, l-għażla 2 toħloq inqas anomaliji mill-għażla 1, peress li l-ħin u l-post fejn għandu jsir l-immarkar ta’ timbri fid-dokumenti ta’ vvjaġġar, huwa ċert.

80.      Ir-raba’ nett, hemm il-vantaġġ prattiku li l-baħħara kollha jiġu ttrattati bl-istess mod. Ma ssirx distinzjoni bejn dawk li jitilqu bl-ajru wara li jlestu x-xogħol tagħhom u dawk li jbaħħru fuq il-bastiment meta dan jitlaq mill-port.

81.      Fl-aħħar nett, infakkar li l-qorti tar-rinviju ssostni li l-awtoritajiet portwali ta’ Rotterdam kienu jimmarkaw timbri ta’ ħruġ fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ baħħara, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-mument li huma jirreġistraw bħala baħħara; iżda li l-prattika inbidlet fil-bidu tal-2016. Ma huwiex ċar x’wassal għall-bidla. Ma kien hemm ebda indikazzjoni li kienet ibbażata fuq raġunijiet li kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-prattika l-ġdida ma taqbilx ma’ dik ta’ portijiet marittimi oħra fil-Pajjiżi l-Baxxi li jifformaw parti mill-fruntiera esterna, kif ukoll ma’ dik ta’ portijiet oħra bħal dawn fi Stati Membri oħra. Il-prattika l-ġdida tidher għalhekk li twassal għal distorsjonijiet li huma potenzjalment kuntrarji għall-għanijiet espressi fil-premessa 17 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (li jiġu evitati ostakoli kbar, b’mod partikolari, għall-kummerċ).

 Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat (il-Pajjiżi l-Baxxi)) kif ġej:

F’ċirkustanzi fejn ċittadin ta’ Stat terz li huwa baħħar jasal fi Stat Membru bl-ajru u sussegwentement jirreġistra bħala ekwipaġġ abbord bastiment diġà sorġut f’port li jikkostitwixxi fruntiera esterna, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera, l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna kkonċernata toħroġ miż-żona Schengen meta tirreġistra bħala ekwipaġġ, anki jekk il-mument li fih il-bastiment inkwistjoni ser jitlaq mill-port ma jistax jiġi stabbilit.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1).


3      Mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, 22 jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-acquis ta’ Schengen. Il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija huma fil-proċess li jsiru parteċipanti sħaħ. L-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera jipparteċipaw fl-acquis ta’ Schengen abbażi ta’ ftehimiet bilaterali mal-Unjoni. Ser nirreferi għall-Istati parteċipanti fl-acquis ta’ Schengen bħala “l-Istati Schengen” f’dan it-test. Nirrileva għal raġunijiet ta’ bon ordni li hemm arranġamenti partikolari għall-Irlanda u għar-Renju Unit. Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen, integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda u r-Renju Unit huma ntitolati jitolbu li jieħdu sehem f’uħud mill-miżuri jew fil-miżuri kollha ta’ Schengen. Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, dan l-Istat Membru ma jipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri proposti taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE (Politika u Azzjonijiet Interni tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja).


4      Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9). Il-Konvenzjoni għadha fis-seħħ, għalkemm din ġiet parzjalment issostitwita mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li rrevoka l-Artikoli 2 sa 8 tal-Konvenzjoni. Ara wkoll d-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta’ April 1999 dwar il-verżjonijiet defnittivi tal-Manwal Komuni u l-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni (SCH/Com-ex (99) 13) (ĠU 2000, L 239, p. 317). Verżjoni aġġornata tal-Manwal Komuni, mingħajr ċerti annessi kunfidenzjali, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2002, C 313, p. 97).


5      Ara l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4).


6      Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU 2017, L 327, p. 20).


7      Dawk ir-regoli kienu jkunu kkumplimentati mill-miżuri ta’ implimentazzjoni. Ara wkoll punt 17 iktar ’l isfel.


8      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU 2008, L 218 p. 60).


9      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik-il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 65).


10      Premessa 2.


11      Premessa 3.


12      Premessa 4.


13      Premessa 6.


14      Premessa 17.


15      L-Artikolu 2(5) jiddefinixxi persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni bħala “ċittadini tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal moviment liberu u li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad-29 ta’ April 2004] (Direttiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini), [flimkien ma’] ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, li skont xi ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u dawk il-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, għandhom id-drittijiet għal moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni”.


16      Dan bla ħsara għad-drittijiet ta’ persuni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni u d-dritt ta’ refuġjati u persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali.


17      Ara wkoll Artikoli 19 u 20 u Annessi VI u VII (punti 15 u 16 iktar ’l isfel).


18      Anness I jelenka b’mod mhux eżawrjenti d-dokumenti ta’ prova li ċittadin ta’ Stat terz jista’ jintalab jipproduċi.


19      Artikolu 8(3)(g) u (h). Fir-rigward tal-funzjonament tas-SIS, ara l-punt 5 iktar ’il fuq.


20      Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar l-Iffaċilitar tat-Traffiku Marittimu (FAL) adottata fid-9 ta’ April 1965, li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Marzu 1967.


21      Anness VI, punti 3.1.1 u 3.1.2 rispettivament.


22      L-istrumenti legal internazzjonali rilevanti huma l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dokumenti ta’ Identità tal-Baħħara Nru 108 (1958) u Nru 185 (2003), u l-Konvenzjoni FAL. L-għanijiet ewlenin ta’ din tal-aħħar huma l-prevenzjoni ta’ dewmien inutli fit-traffiku marittimu, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-garanzija tal-għola grad prattiku ta’ uniformità fil-formalitajiet jew u fil-proċeduri li jikkonċernaw it-traffiku marittimu. Ara wkoll il-punt 22 iktar ’l isfel.


23      Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).


24      Il-Kodiċi dwar il-Viżi japplika għal kwalunkwe ċittadin ta’ Stat terz li, skont ir-Regolament Nru 539/2001, jintalab ikollu viża fil-pussess tiegħu meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri.


25      L-Anness IX jistabbilixxi r-regoli għal ħruġ ta’ viżi fil-fruntiera lil baħħara fi tranżitu, fejn dawn l-individwi jkunu suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża.


26      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU 2010, L 283, p. 1).


27      Ara l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Il-qorti tar-rinviju tipprovdi wkoll li jekk il-baħħara jkollhom bżonn viża, it-tul tas-soġġorn awtorizzat ikun għalhekk ġeneralment iqsar, 45 jum f’perijodu ta’ 180 jum (ara l-punt 3.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju).


28      Ara wkoll il-punt 47 iktar ’l isfel.


29      Ara l-punti 6 u 12 iktar ’il fuq.


30      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


31      Ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq.


32      Id-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġerixxu li, filwaqt li wħud mill-bastimenti setgħu kienu sorġuti ħdejn xulxin mal-mollijiet, oħrajn kienu ankrati fiż-żona portwali iktar wiesgħa.


33      Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.


34      Mil-lingwi li jien għandi għad-dispożizzjoni tiegħi jien stabbilixxejt li s-segwenti termini huma użati: “udrejse” (id-Daniż); “dell’uscita’” (it-Taljan); “wyjazd” (il-Pollakk); “de saída” (il-Portuġiż); “vystup” (is-Slovakk); u “la salida” (l-Ispanjol).


35      The Concise Oxford English Dictionary.


36      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 19).


37      Ara l-punt 4 iktar ’il fuq.


38      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑170/96, EU:C:1998:43, punt 24).


39      L-Artikolu 2(8),(10) u (11) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ara ukoll l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.


40      Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑170/96, EU:C:1998:219, punt 23).


41      Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw iċ-ċaqliq ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri, COM(2004) 391 final, tas-26 ta’ Mejju 2004, p. 26.


42      Ara, barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda tar-Regolament 2017/2226, imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 5, li jipprevedi, fost l-oħrajn, sistema ta’ data ta’ dħul u ħruġ għar-reġistrazzjoni tal-qsim tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen miċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi.


43      Ara l-punti 11,16, u 34 sa 38 iktar ’il fuq.


44      Ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq.