Language of document : ECLI:EU:C:2014:2110

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentata fit-3 ta’ Lulju 2014 (1)

Kawża C‑169/14

Juan Carlos Sánchez Morcillo,

María del Carmen Abril García

vs

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Castellón (Spanja)]

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal‑konsumaturi — Mezzi adegwati u effettivi sabiex ma jibqgħux jintużaw klawżoli inġusti — Limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ appell minn deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Prinċipju ta’ effettività — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Opportunitajiet ugwali għall-partijiet”





1.      Il-kwistjonijiet dwar il-konsegwenzi u l-limiti, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jirriżultaw mid‑Direttiva 93/13/KEE (2), sikwit jiġu sottomessi quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja. Din il-kawża toffri l-possibbiltà lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega li l-kontroll tad-dritt dwar il-konsumatur tal-Unjoni fuq id-dritt proċedurali tal-Istati Membri ma huwiex mingħajr limiti.

2.      L-imsemmija kawża tagħmel riferiment dirett għall-emenda leġiżlattiva Spanjola li tirriżulta mis-sentenza Aziz (3). Permezz ta’ din is-sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli sa dakinhar ma dehritx li kienet konformi mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn kienet tagħmilha impossibbli jew eċċessivament diffiċli, fil‑proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju mibdija mill-bejjiegħa jew mill-fornituri u li fihom il-konsumaturi jkunu l-konvenuti, l-applikazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 għandha l-għan li tagħti lill‑dawn tal-aħħar. Wara din is-sentenza, il-leġiżlatur Spanjol emenda ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili applikabbli għall‑proċeduri ta’ eżekuzzjoni, sabiex jippermetti li titressaq oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, filwaqt li żamm dispożizzjonijiet oħra minnhom.

3.      Huwa d-dispożittiv introdott b’din il-liġi li minn issa ’l quddiem qed jiġi kkontestat minn ċerti qrati nazzjonali (4), u b’mod partikolari mill-qorti tar-rinviju. Fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk, fl-ewwel lok, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, li jużaw mezzi adegwati u effettivi sabiex ma jibqgħux jintużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri u, fit-tieni lok, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li ma tistipulax li l-konvenut fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja jista’ jressaq appell mid-deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu għall-imsemmija eżekuzzjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 93/13

4.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill‑konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il‑klawżoli inġusti.ˮ

5.      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l‑kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituriˮ.

B –    Id-dritt Spanjol

6.      Il-Liġi 1/2013 hija intiża, skont l-espożizzjoni tal-motivi tagħha, sabiex tadotta diversi miżuri intiżi sabiex itaffu s-sitwazzjoni tad-debituri ipotekarji li, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jonoraw l-obbligi finanzjarji tagħhom. Dejjem skont l-espożizzjoni tal-motivi, l-għan ta’ din il-liġi huwa li temenda l‑proċedura ta’ sekwestru ipotekarju sabiex tirrimedja ċerti aspetti li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li ġew eżaminati fis-sentenza Aziz (EU:C:2013:164).

7.      Il-Liġi 1/2013 temenda b’mod partikolari l-Artikolu 695 tal‑Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (5), li, fil-qasam tas-sekwestru ipotekarju, illum jipprovdi kif ġej:

“Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni

1.      Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta tkun ibbażata fuq il-motivi li ġejjin:

(1)      l-estinzjoni tal-garanzija jew tal-obbligu ggarantit, […];

(2)      żball fid-determinazzjoni tal-ammont dovut, […];

(3)      f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ beni mobbli ipotekati jew li fuqhom tkun saret garanzija mingħajr teħid ta’ pussess, il-kostituzzjoni, fuq dawn il-beni, ta’ garanzija, ipoteka mobbli jew immobbli, jew sekwestru oħra iskritti qabel l-obbligu li fir-rigward tiegħu tkun infetħet il-proċedura, biċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni korrispondenti;

(4)      in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li ppermettiet li jiġi stabbilit l-ammont dovut.

2.      Ladarba tiġi magħmula l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, is-Secretario Judicial għandu jissospendi l-eżekuzzjoni u jsejjaħ lill‑partijiet sabiex jidhru quddiem il-qorti li ħarġet l-ordni ta’ eżekuzzjoni. Iċ-ċitazzjoni għandha ssir mill-inqas erbat ijiem qabel is‑seduta inkwistjoni. F’din is-seduta, il-qorti għandha tisma’ lill‑partijiet, tilqa’ d-dokumenti ppreżentati u tadotta d-deċiżjoni li hija tqis xierqa, permezz ta’ digriet, fit-tieni jum.

3.      Id-deċiżjoni li tilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-ewwel u t-tielet motivi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu twassal għas-sitwazzjoni fejn ma hemmx lok li ssir l‑eżekuzzjoni; dik li tilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq it-tieni motiv tistabbilixxi l-ammont li fir-rigward tiegħu l-eżekuzzjoni għandha titkompla.

Jekk jintlaqa’ r-raba’ motiv, jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jekk il-klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni. Jekk le, l-eżekuzzjoni titkompla filwaqt li tiġi eliminata l-applikazzjoni tal-klawżola inġusta.

4.      Id-deċiżjoni li tordna li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew li tiddikjara l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta tista’ tiġi appellata.

Ħlief f’dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet dwar l-oppożizzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu appellati u l-effetti tagħhom huma esklużivament limitati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni li fil-kuntest tagħha ngħataw.ˮ

II – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.      Il-kawża prinċipali toriġina minn kwistjoni bejn Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (iktar ’il quddiem il-“BBVAˮ) u J. C. Sánchez Morcillo u M. del Carmen Abril García (iktar ’il quddiem ir-“rikorrentiˮ) fil-kuntest ta’ każ ta’ oppożizzjoni għal sekwestru ipotekarju fir-rigward tad-dar prinċipali ta’ dawn tal-aħħar.

9.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-9 ta’ Ġunju 2003, BBVA, permezz ta’ att notarili, ikkonkluda kuntratt ta’ self b’garanzija ipotekarja mar-rikorrenti. Permezz ta’ dan il-kuntratt, BBVA sellef is‑somma ta’ EUR 300 500 lill-imsemmija rikorrenti, li ntrabtu li jirrimborsawha sat-30 ta’ Ġunju 2028 permezz ta’ 360 pagamenti mensili. Ir-rikorrenti għamlu tajjeb għal dan l-obbligu permezz ta’ ipoteka fuq il-proprjetà u d-dar tagħhom. Skont l-Artikolu 6(a) tal-kuntratt ta’ self, f’każ li d‑debituri jonqsu mit-twettiq tal-obbligi ta’ ħlas tagħhom u fejn BBVA ikollu jiddikjara l-iskadenza antiċipata tal-obbligu ta’ rimbors, l‑interessi moratorju jkunu ta’ 19 % fis-sena, filwaqt li r-rata tal‑interessi legali applikabbli fi Spanja, matul il-perijodu rilevanti, kien ta’ 4 %.

10.    Minħabba n-nuqqas min-naħa tad-debituri li jwettqu l-obbligu tagħhom li jħallsu l-pagamenti mensili skont kif miftiehem, BBVA, fil-15 ta’ April 2011, ressaq talba ta’ sekwestru ipotekarju kontra r-rikorrenti sabiex dawn jiġu ordnati jħallsu u sabiex dan jiġi segwit bil‑bejgħ bis-subbasta tal-proprjetà ipotekata bħala garanzija fir-rigward tal-obbligu tar-rimbors tagħhom.

11.    Il-Juzgado de Primera Instancia n°3 de Castellón, (qorti tal-prim’istanza Nru 3 Castellón, Spanja), li kienet adita mill-eżami ta’ din it-talba, fetaħ il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju u, wara li awtorizza l-eżekuzzjoni, ordnat lir-rikorrenti sabiex iħallsu.

12.    Ir-rikorrenti dehru waqt il-proċedura u fit-12 ta’ Marzu 2013, opponew għas-sekwestru ipotekarju, billi allegaw, essenzjalment, l‑ewwel nett li t-titolu ppreżentat, jiġifieri kopja tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, ma kellux saħħa eżekuttiva u li, konsegwentement, l-ordni ta’ eżekuzzjoni kienet nulla u, it-tieni nett, li l-Juzgado de Primera Instancia n° 3 Castellón, ma kinitx il-qorti kompetenti.

13.    Fid-19 ta’ Ġunju 2013, il-Juzgado de Primera Instancia n 3 de Castellón ta digriet li permezz tiegħu ċaħad l-oppożizzjoni u ordna t‑tkomplija tal-eżekuzzjoni fuq id-dar li ngħatat bħala garanzija.

14.    Ir-rikorrenti appellaw minn din id-deċiżjoni. Peress li r-rikors tal‑appell ġie ddikjarat ammissibbli, ġie rrinvijat, għal deċiżjoni, lill‑Audiencia Provincial de Castellón (qorti provinċjali ta’ Castellón).

15.    Din il-qorti rrilevat li l-Artikolu 695(4) tal-LEC jippermetti lill‑parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni li tappella mid-deċiżjoni li tilqa’ l-oppożizzjoni u li tordna li titwaqqaf il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju jew li tikkonstata l-eżistenza ta’ klawżola inġusta, iżda, filwaqt li teskludi l-possibbiltà ta’ appell fil-każijiet l-oħra, ma tippermettix lill-konvenut għall-eżekuzzjoni li jappella mid-deċiżjoni li tkun kontrih.

16.    Billi qieset li din id-dispożizzjoni tista’ ma tkunx konformi mal‑għan tal-protezzjoni segwit mid-Direttiva 93/13 kif ukoll mad-dritt ta’ rimedju effettiv stabbilit bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kartaˮ), l-Audiencia Provincial de Castellón iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri, jipprekludi dispożizzjoni proċedurali bħall-Artikolu 695(4) tal-[LEC] li, fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw rikors kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ beni ipotekati jew mogħtija b’rahan, jippermetti li jitressaq appell biss mid-digriet li jiddeċiedi t-tmiem tal-proċedura jew li klawżola abbużiva [inġusta] ma tiġix applikata, u li jeskludi t-tressiq ta’ appell fil-każijiet l-oħra, bil‑konsegwenza immedjata li, filwaqt li l-persuna li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tappella fil-każijiet fejn l-oppożizzjoni tal-konvenut għall‑eżekuzzjoni tintlaqa’ u fejn jiġi deċiż li l-proċedura tintemm jew li ma tiġix applikata klawżola inġusta, il-konsumatur li huwa konvenut għall-eżekuzzjoni ma jistax jappella meta l-oppożizzjoni tiegħu tiġi miċħuda?

2)      Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni [...] fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi li tinsab fid-Direttiva 93/13, il-prinċipji ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ dritt għal smigħ xieraq u għal opportunitajiet ugwali għall-partijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2) jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 695(4) tal-[LEC] li, fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw rikors kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ beni ipotekati jew mogħtija b’rahan, jippermetti li jitressaq appell biss mid-digriet li jiddeċiedi t-tmiem tal-proċedura jew li klawżola abbużiva ma tiġix applikata, u li jeskludi t-tressiq ta’ appell fil-każijiet l-oħra, bil-konsegwenza immedjata li, filwaqt li l-persuna li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tappella fil-każijiet fejn l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni tintlaqa’ u fejn jiġi deċiż li l-proċedura tintemm jew li ma tiġix applikata klawżola inġusta, il-konvenut għall-eżekuzzjoni ma jistax jappella meta l-oppożizzjoni tiegħu tiġi miċħuda?ˮ

17.    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2014, it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex tintuża l-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet milqugħa.

18.    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn BBVA, ir-rikorrenti, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea.

19.    BBVA, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li saret fit-30 ta’ Ġunju 2014.

III – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda: rispett tal-prinċipju ta’ effettività

20.    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mad‑Direttiva 93/13 ta’ regola proċedurali nazzjonali, f’dan il-każ l‑Artikolu 695(4) tal-LEC, li tillimita, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju, id-dritt ta’ appell lill-parti li kontra tagħha jingħata digriet fis-sens li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew dwar l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta. Fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju hija effettivament tal-opinjoni li din id-dispożizzjoni potenzjalment tipprekludi d-dritt tad‑debituri li jkollhom aċċess għal tieni istanza ta’ qorti, minkejja li dan id-dritt huwa rrikonoxxut fil-konfront tal-kredituri, u fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ eventwali klawżola inġusta.

21.    Għandu jiġi nnotat li jidher li l-qorti tar-rinviju telqet mill‑premessa li l-emenda leġiżlattiva li saret bil-Liġi 1/2013 ma tikkunsidrax biżżejjed il-konklużjonijiet li għandhom jinġibdu mis‑sentenza Aziz (EU:C:2013:164). Fil-fatt, l-Artikolu 695(4) tal-LEC, li, fil-kuntest tal‑proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, ma jippermettix lill-konvenut għall-eżekuzzjoni jappella mid-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu, jikkomprometti l-effettività tal-protezzjoni tal‑konsumatur li tirriżulta mid-Direttiva 93/13.

22.    Preliminarjament, u minkejja li din il-kwistjoni ma ssemmietx mill-qorti tar-rinviju, jidhirli utli li fil-qosor tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara ruħha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il‑konformità, fir-rigward tal-imsemmija direttiva, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati.

23.    Fil-fatt, BBVA, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, isostni li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 695(4) tal‑LEC, hija dispożizzjoni imperattiva li ma tidher fl-ebda kuntratt u li, għalhekk, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Huwa jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza mogħtija reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Barclays Bank (6).

24.    Jien nfakkar li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, hija rrilevat, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari kienu ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja u ma kienu riprodotti mkien fil‑kuntratt prinċipali (7), it-tieni nett, li l-ebda waħda minn dawn id‑dispożizzjonijiet ma kienet tirrigwarda l-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, it-tielet nett, li l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu applikabbli mingħajr xi bidla tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jew tal-portata tagħhom miftiehma kuntrattwalment. Kien għalhekk leġittimu li jkun hemm assunzjoni li l-ekwilibriju kuntrattwali ġie rrispettat (8).

25.    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, “[i]l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id‑Direttivaˮ. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tat-tlettax‑il premessa tal-istess direttiva li tindika b’mod partikolari li “‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħraˮ.

26.    F’dan il-każ, huwa għalhekk leġittimu li jiġi mistoqsi jekk id‑Direttiva 93/13 hijiex applikabbli. Fil-fatt jidher li la l-partijiet fil‑kawża prinċipali u lanqas il-Juzgado de Primera Instancia n° 3 de Castellón ma semmew, b’xi mod jew ieħor, l-eżistenza ta’ klawżoli li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13. Il-konvenuti fil‑proċedura ta’ sekwestru ipotekarju kienu, f’dan ir-rigward, sempliċement indikaw li t-titolu invokat insostenn tat-talba għas-sekwestru ipotekarju kien ivvizzjat b’nuqqas proċedurali u li, barra minn hekk, il-Juzgado de Primera Instancia n° 3 de Castellón ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi. Barra minn hekk, ir-riferiment li sar mill-qorti tar-rinviju għall-punt 1 tal-Anness tad-Direttiva 93/13, li jsemmi, fost il-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)(q) tal-istess direttiva, dawk li għandhom l-għan li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħorˮ jista’ jkun konkluż li dak li huwa kkontestat f’din il-kawża ma jirriżultax mill-kuntratt ta’ self ipotekarju li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali, iżda mid-dispożizzjonijiet imperattivi tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

27.    Madankollu, peress li fid-deċiżjoni tar-rinviju ssemmiet il‑klawżola ta’ interessi moratorji ta’ 19 % li tinsab fil-kuntratt ta’ self ipotekarju u li, wara kollox, il-kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali għandhom preżunzjoni ta’ rilevanza, ma għandux jiġi eskluż li f’din il-kawża hija kkontestata n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżola kuntrattwali dwar il-kalkolu tal-interessi moratorji, sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dawk li ġew irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Banco Español de Crédito (9) u Aziz (10). Dawn il-kawżi huma relatati preċiżament ma’ kwistjonijiet fejn il-qorti tar-rinviju staqsiet dwar il‑portata tas-setgħat mogħtija lilha bid-Direttiva 93/13 sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ta’ interessi moratorji.

28.    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l‑applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 għall-kawża prinċipali għalhekk ma għandhiex tiġi skartata a priori.

29.    Wara li ġie spjegat dan, se nkompli issa dwar il-mertu tal‑kwistjoni billi nesponi qabel xejn xi kunsiderazzjonijiet dwar is-sens u l-portata tas-sentenza Aziz.

1.      Is-sens u l-portata tas-sentenza Aziz dwar l-effettività fir-rigward tad-Direttiva 93/13 tal-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju

30.    Infakkar li fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza Aziz, fl-espożizzjoni ta’ dak li jiena kont semmejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Macinský u Macinská (11), il-kwistjoni li biha kienet adita l-Qorti tal-Ġustizzja kienet taqa’ fil‑kuntest tal-problematika ġenerali tas-setgħat u l-obbligi li għandha l-qorti nazzjonali fl-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil‑kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Kienet tirrigwarda b’mod iktar speċifiku li jiġu stabbiliti r-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq il-qorti adita minn proċedura fuq il-mertu marbuta ma’ dik ta’ sekwestru ipotekarju, sabiex ikun żgurat, jekk ikun il-każ, l-effett utli tad-deċiżjoni dwar il‑mertu li tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv u, għalhekk, tal-ftuħ tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni (12).

31.    Filwaqt li fakkret fil-limiti tal-awtonomija proċedurali li hija imposta bis-saħħa tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli sa dakinhar fil-qasam tas-sekwestru ipotekarju kienet tali li tikkawża preġudizzju għall-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 inkwantu kienet tagħmilha impossibbli għall-qorti li ser tiddeċiedi dwar il-mertu, li quddiemha l-konsumatur ikun ressaq talba sabiex klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv tiġi ddikjarata inġusta, li tagħti miżuri provviżorji li jistgħu jissospendu l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju jew li twaqqafha, meta l-għoti ta’ tali miżuri jirriżulta li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività kompleta tad-deċiżjoni finali tagħha (13).

32.    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża għalhekk sabiex tikkontesta, mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur, u a fortiori lill-qorti, li jinvokaw l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt sabiex ikun hemm oppożizzjoni għal proċedura ipotekarja. Ir-raġunament tal-Qorti tal‑Ġustizzja kien ibbażat b’mod partikolari fuq il-fatt li, fis-sistema applikabbli sa dak iż-żmien, il-konsumatur ma kienx f’pożizzjoni li jopponi — u l-qorti li tissospendi — sekwestru ipotekarju billi juża motivi relatati man-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ self ikkontestat. Kien każ ta’ sitwazzjoni li fiha kien jidher li hemm biss protezzjoni pekunjarja a posteriori, protezzjoni li ma kinitx ta’ natura li tista’ tkun mezz effettiv u adegwat sabiex ma jibqgħux jintużaw l-klawżoli pprojbiti bid-Direttiva 93/13.

33.    Fi kliem ieħor, huwa l-fatt li l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju kienet totalment maqtugħa mill-proċedura, dwar il-mertu mibdija mill‑konsumatur sabiex jikkonstata n-nullità ta’ ċerti klawżoli inġusti, li kien meqjus bħala problematiku, mill-perspettiva tal-protezzjoni li d‑Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi. Din il-protezzjoni hija bl-iktar mod ċar inkompleta peress li, minkejja r-rikors dwar il-mertu mressaq mid-debitur li ma ħallasx bil-għan li jiddikjara n-natura inġusta ta’ uħud mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, ma hemm xejn li jista’ jippermetti li titwaqqaf il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja ta’ proprjetà immobbli sekwestrata. Ma hijiex il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju fiha nnifisha li hija kkontestata, iżda r-rabta tagħha ma’ azzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola waħda jew iktar li jitqiesu inġusti.

2.      Evalwazzjoni tad-dispożizzjoni proċedurali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali

34.    Din il-kawża tirrigwarda kwistjoni differenti ferm minn dik eżaminata fil-kawża Aziz (EU:C:2013:164), għaliex din tirrigwarda biss ir-regola proċedurali li tinsab fl-Artikolu 695(4) tal-LEC, li ma tippermettix rikors għal istanza superjuri meta d-deċiżjoni tal-qorti mitluba tiddeċiedi dwar il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju tkun kontra l‑konsumatur debitur.

35.    L-Artikolu 695(4) tal-LEC huwa relatat ma’ punt li ma huwiex irregolat mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din id-direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni relatata man-numru ta’ istanzi inkarigati mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp tal‑applikazzjoni tagħha.

36.    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, din il-kwistjoni taqa’ fl-awtonomija proċedurali tal‑Istati Membri, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet ikkonċernati għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li m’għandhomx jagħmluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli biex jiġu eżerċitati drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (14).

37.    F’dan il-każ, jiena tal-opinjoni li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hija bl-ebda mod problematika mill-perspettiva tal‑osservanza ta’ dawn iż-żewġ prinċipji.

38.    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-protezzjoni tad‑drittijiet li l-ordinanament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lid-debituri huwa inqas favorevoli minn dik mogħtija mid-dritt intern f’azzjonijiet simili. Jidher li, mill-perspettiva tad-drittijiet proċedurali tal‑konsumatur, ir-regola applikabbli għall-motivi ta’ oppożizzjoni bbażati fuq id-Direttiva 93/13 hija komparabbli mar-regola applikabbli għall-motivi ta’ oppożizzjoni li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 695 tal-LEC jeskludi r-rikors ta’ appell ta’ konvenut fil-każijiet kollha, ħlief f’dak ibbażat fuq in-natura eventwalment inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tal-klawżoli tal‑kuntratt ipotekarju jew għal motivi ta’ oppożizzjoni oħra msemmija f’dan l-artikolu.

39.    Mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività, kif ser nispjega fl‑argumenti li ġejjin, ma hemm xejn li jippermetti minn qabel sabiex jiġi dedott li d-dritt nazzjonali msemmi fil-kawża għamel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid‑Direttiva 93/13.

40.    Sabiex nirrispondi għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, ser nittratta, l-ewwel nett, il-kwistjoni tad-dritt ta’ appell fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju u ser neżamina, sussegwentement, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ekwilibriju bejn il-kreditur u d-debitur f’sekwestru ipotekarju.

a)      Effettività u dritt ta’ appell tad-debitur fi proċedura ta’ sekwestru ipotekarju

41.    L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju tidher qed tissuġġerixxi (15), jiena tal-opinjoni li r-rekwiżiti, fil-qasam ta’ effettività tal-protezzjoni msemmija mid-Direttiva 93/13, li tirriżulta mis-sentenza Aziz (EU:C:2013:164) ġew kollha osservati bl-inklużjoni fl-LEC tal‑possibbiltà li jiġi invokat motiv ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ klawżoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju. Minn din is-sentenza ma hemm xejn li minnu jista’ jiġi dedott li, lil hinn minn din l-inklużjoni, il-leġiżlatur Spanjol kellu jinkludi dispożizzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jsir appell minn deċiżjoni dwar oppożizzjoni mqajma fil-kuntest ta’ tali proċedura.

42.    It-tieni nett, kif il-Kummissjoni semmiet, l-effettività tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li mingħajr dubju għandha bħala korrollarju d-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit bl‑Artikolu 47 tal-Karta, ma titlobx lill-Istati Membri sabiex jimplementaw livell doppju ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

43.    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (16), fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fid-dritt tal-Unjoni ma hemm ebda obbligu partikolari dwar in-numru ta’ gradi ta’ qrati li l‑Istati Membri għandhom jistabbilixxu. Huwa rrikonoxxut li l-għan tat‑trattati ma kienx li joħolqu mezzi legali oħrajn apparti dawk diġà stabbiliti, ħlief jekk ikun jirriżulta mill-istruttura ġenerali tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li ma jeżistix rimedju li jippermetti, mill-inqas b’mod inċidentali, li jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom iċ‑ċittadini taħt id-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-ebda dritt li għandu grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja sallum, tallinqas fil-qasam ċivili, ma ġie stabbilit bil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (17). Fir-realtà, il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva joffri lill-individwi dritt għal aċċess għal qorti u mhux għal diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni (18).

44.    It-tielet nett, nikkunsidra li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-konvenut fi proċedura ta’ sekwestru ipotekarju li jappella minn deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tiegħu, ma għandhiex l-effett li tagħmel l-applikazzjoni tad-drittijiet li huwa għandu mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

45.    Jekk isir riferiment, qabel kollox, għat-tagħlim li joħroġ mill‑ġurisprudenza, u b’mod partikolari, għal dak mis-sentenza Aziz (EU:C:2013:164), jidher li d‑drittijiet li l-konsumaturi għandhom bis-saħħa tad-Direttiva 93/13 huma protetti b’mod effikaċi, meta, minn naħa waħda, il-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jinvoka l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti quddiem il‑qorti adita sabiex teżamina l-oppożizzjoni għal sekwestru ipotekarju u li, min-naħa l-oħra, il-qorti tkun awtorizzata li tqajjem ex officio l‑eżistenza ta’ tali klawżoli u, jekk ikun il-każ, li tissospendi l‑eżekuzzjoni tas-sekwestru.

46.    Sabiex nerġgħu lura għall-kawża prinċipali, jidhirli li kemm id‑debituri kif ukoll il-qorti adita fl-ewwel istanza kellhom l-opportunità li jqajmu l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratt ta’ self imsemmi fil-kawża prinċipali.

47.    Huwa veru, ġie enfasizzat li, f’dan il-każ, hemm problema minħabba l-fatt li d-dritt nazzjonali applikabbli fil-mument tal‑proċedura tas-sekwestru ipotekarju ma kienx jistipula li l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt ta’ self ikkontestat setgħet tkun motiv ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tas-sekwestru ipotekarju jew setgħet titqajjem ex officio mill-qorti nazzjonali adita minn talba għal eżekuzzjoni ġudizzjarja.

48.    Barra minn hekk, minn provi prodotti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-qorti adita fl-ewwel istanza ma ddeċidietx dwar l-eżistenza ta’ eventwali klawżola inġusta fil-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49.    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta għalhekk li l-oppożizzjoni għall‑eżekuzzjoni tas-sekwestru ipotekarju kkontestata ġiet ippreżentata fit-12 ta’ Marzu 2013, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013. Ir‑rikorrenti għalhekk ma kinux f’pożizzjoni li jużaw in-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju insostenn tal‑oppożizzjoni tagħhom.

50.    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 (19), il-Juzgado de Primera Instancia n 3 de Castellón kien f’pożizzjoni li jevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali dwar l-interessi moratorji mill‑14 ta’ Mejju 2013. Il-possibbiltà li l-qorti adita mill-eżekuzzjoni teżamina l-imsemmija klawżola, tikkonstata jew le n-natura inġusta tagħha u, għalhekk, tiddeċiedi li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew li tissospendiha kienet għalhekk diġà teżisti fid-19 ta’ Ġunju 2013, data li fiha din iddeċidiet dwar l-oppożizzjoni għas-sekwestru ipotekarju.

51.    Bl-istess mod, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja kienet tagħti lill‑konsumatur il-possibbiltà li jressaq każ straordinarju ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ motivi ġodda ta’ oppożizzjoni previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 695(4) tal-LEC. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li juru l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’terminu ta’ xahar mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, jiġifieri bejn is-16 ta’ Mejju 2013 u s-16 ta’ Ġunju 2013.

52.    Ir-raba’ nett, l-impossibbiltà li jsir appell li biha huma ffaċċjati r‑rikorrenti ma għandhiex l-effett li ttellifhom minn kwalunkwe rimedju li jippermetti deċiżjoni dwar il-mertu tat-talba tagħhom li tiġi ddikjarata n-nullità ta’ klawżoli kuntrattwali li huma jqisu inġusti. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-irwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tiegħu u l-karatteristiċi partikolari tiegħu quddiem id-diversi qrati nazzjonali (20).

53.    Ma għandux jintesa li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan li tirkupra kreditu kopert b’titolu eżekuttiv li huwa preżunt bħala validu, hija, min-natura tagħha stess, differenti ferm mill-proċedura fuq il-mertu. Huwa d-debitur, li eventwalment iħoss li huwa ppreġudikat, li jibda azzjoni fuq il-mertu, li fil-kuntest tagħha l-qorti tista’ tirrikonoxxi kwistjonijiet relatati mal-eżistenza stess tad-dritt għal eżekuzzjoni.

54.    Kif semmiet il-Kummissjoni, il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju Spanjola tagħti l-possibbiltà li jsir dibattitu ġuridiku dwar il‑kwistjonijiet relatati mal-validità tal-kreditu u tal-kuntratt ta’ self fil‑kuntest ta’ proċedura fuq il-mertu kompletament kontradittorja. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 695(4) tal-LEC, għalkemm jindika li, minbarra l-każijiet fejn ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew ta’ inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta, id-digrieti li jiddeċiedu dwar l‑oppożizzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma humiex appellabbli, huwa jispeċifika espressament li “l-effetti tagħhom huma esklużivament limitati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni li fil-kuntest tagħha ngħataw.ˮ Fi kliem ieħor, f’każ fejn il-qorti adita mill-eżekuzzjoni tiċħad il‑pretensjonijiet tal-konsumatur debitur, l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jiġu limitati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

55.    Barra minn hekk, fil-każ fejn il-konsumatur jiddeċiedi li jibda proċedura ordinarja fuq il-mertu (proċedura għal dikjarazzjoni ta’ nullità) u li l-qorti li ser tiddeċiedi dwar il-mertu tiddikjara klawżola waħda jew iktar tal‑kuntratt ta’ self ipotekarju bħala nulla, għaliex inġusta, l-eżekuzzjoni ġudizzjarja tat-titolu li jinsab fl-imsemmi kuntratt inevitabbilment tiġi kkontestata u, bi probabbiltà kbira, tiġi sospiża. Anki jekk l‑introduzzjoni ta’ proċedura sabiex tiġi ddikjarata n-nullità abbażi tal‑eżistenza ta’ klawżoli inġusti ma għandhiex l-effett li tissospendi proċedura parallela ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja, l-effettività tal‑protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 hija, jidhirli, żgurata biżżejjed mill-possibbiltà addizzjonali offruta lill-konsumaturi u lill‑qorti, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni, li jopponu s-sekwestru ipotekarju. Is-sitwazzjoni li tinsab fil-kawża prinċipali hija differenti miċ-ċirkustanzi partikolari inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Aziz (EU:C:2013:164), fejn l-eżekuzzjoni tas-sekwestru ipotekarju ma setgħet bl-ebda mod tiġi sospiża.

b)      Effettività u eżistenza preżunta ta’ inugwaljanza proċedurali minħabba l-fatt ta’ possibbiltajiet ta’ appell offruti lill-kreditur fi proċedura ta’ sekwestru ipotekarju

56.    F’dan il-każ, huwa sostnut l-argument, b’mod partikolari mill‑Kummissjoni, li, meta lill-konsumatur tneħħilu kull possibbiltà ta’ appell kontra digriet li jiċħad l-oppożizzjoni tiegħu, filwaqt li jawtorizza lill-parti avversarja, jiġifieri l-bejjiegħ jew il-fornitur, sabiex jappella quddiem istanza superjuri f’każ ta’ deċiżjoni sfavorevoli għall-interessi tiegħu, l-Artikolu 695(4) tal-LEC ipoġġi lill-konsumatur f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbel mal-bejjiegħ jew il-fornitur. Ir-rifjut li tingħata l-possibbiltà ta’ appell minn deċiżjoni li tmur kontra l-interessi tagħha lill-waħda mill-partijiet, filwaqt li din il-possibbiltà tingħata lill‑parti avversarja, hija b’mod ċar kuntrarja għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet stabbilit bl-Artikolu 47(2) tal‑Karta. Huwa iktar u iktar hekk peress li d-Direttiva 93/13 għandha l‑għan speċifiku li tistabbilixxi ugwaljanza bejn il-konsumaturi u l‑bejjiegħa jew il-fornituri.

57.    Din il-preżentazzjoni tal-argument, minkejja li, a priori, tista’ tkun konvinċenti, fl-opinjoni tiegħi ġejja minn eżami superfiċjali tas‑sitwazzjoni li tinsab f’din il-kawża u, għar-raġunijiet segwenti, ma tikkonvinċinix.

58.    Ċertament, huwa veru li, kif il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem irrelevat fil-qasam kriminali (21), huma potenzjalment inkompatibbli mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet dispożizzjonijiet nazzjonali li joħolqu differenza bejn il-partijiet f’dak li jirrigwarda rimedji quddiem istanza superjuri.

59.    Madankollu, il-fatt li l-konvenuti fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jappellaw minn deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni tagħhom, filwaqt li d-deċiżjoni li tordna li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta tista’ tiġi appellata, huwa spjegabbli min-natura stess tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

60.    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tidħol fil-fatt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, li l-għan tagħha hija l-eżekuzzjoni, fuq it-talba ta’ kreditur, ta’ titolu eżekuttiv li jirriżulta minn ipoteka. Tali proċedura timplika neċessarjament li proprjetà tkun ġiet mgħobbija minn qabel b’garanzija u li l-kreditur jista’, b’dan it-titolu, f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq, mid-debitur, tal-obbligi ta’ rimbors tiegħu, juża titolu eżekuttiv ivvalidat b’att notarli u rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet. Huwa ġeneralment preżunt li d-dritt ibbażat fuq it-titolu huwa ċert u li dan it‑titolu għandu saħħa eżekuttiva (22).

61.    Fi kliem ieħor, il-fatt li l-possibbiltajiet ta’ appell huma limitati għall-każijiet fejn ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni totali jew parzjali huwa faċilment spjegabbli mill-fatt li, fid-dawl tat-titolu eżekuttiv privileġġjat li għandu l-kreditur, il-prinċipju għandu jibqa’ li ssir l-eżekuzzjoni.

62.    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ tali proċedura, li l-għan tagħha huwa limitat u li hija ta’ natura sommarja, il-qorti adita, bħala regola, ma tipproċedix b’eżami dwar il-mertu u l-motivi li jiġġustifikaw is‑sospensjoni għall-eżekuzzjoni huma limitati għal dawk previsti mill‑Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

63.    Il-“privileġġˮ apparenti li minnu jibbenefika l-kreditur, li, bid‑differenza tad-debitur, qed jingħata possibbiltà li jressaq appell ġdid kontra deċiżjoni li hija sfavorevoli fil-konfront tiegħu huwa spjegabbli għalhekk mill-fatt li l-proċedura ipotekarja hija intiża preċiżament sabiex tipproteġi lid-detentur ta’ titolu eżekuttiv privileġġjat. Hekk kif enfasizza l-Gvern Spanjol, il-kreditur ipotekarju għandu jkollu l‑possibbiltà li jsostni t-titolu eżekuttiv tiegħu fir-rigward ta’ deċiżjoni ġudizzjarja kuntrarja għall-ordni ta’ eżekuzzjoni preċedenti.

64.    Jekk ikun deċiż mod ieħor għalhekk ifisser li jiġu interpretati b’mod żbaljat id-drittijiet tad-detentur ta’ titolu eżekuttiv li l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju hija intiża tissalvagwardja, peress li tippermetti lid-debitur li jagħmel ostakoli għall-eżekuzzjoni u, għalhekk, għall‑implementazzjoni ta’ dritt preċedentement iddikjarat.

65.    Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tpoġġi lill-konsumatur f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ proċedurali (23).

66.    F’dan il-kuntest, jidhirli importanti li jitfakkar li s-sentenza Aziz (EU:C:2013:164) tirrikjedi sempliċement li, fl-imsemmija proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, ikun permissibbli li, insostenn ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, il-konvenuti għall-eżekuzzjoni jistgħu wkoll iressqu bħala motivi dawk relatati man-nullità tat-titolu jew tal-klawżoli minħabba n-natura inġusta tagħhom, jew li, fil-proċedura dwar il-mertu sussegwenti, tista’ tiġi adottata miżura provviżorja ta’ sospensjoni tas‑sekwestru ipotekarju jekk tintalab in-nullità ta’ klawżola ta’ dan it-tip, ħaġa li ma għamlux ir-rikorrenti f’dan il-każ. Il-Liġi 1/2013 tindirizza speċifikament dawn ir-rekwiżiti billi introduċiet, fost emendi oħra, motiv ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażat fuq in-natura inġusta ta’ kuntratt li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni.

67.    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 695(4) tal-LEC, li ma tippermettix, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, li jiġi ppreżentat appell ħlief kontra digriet li jiddeċiedi li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni.

B –    Fuq it-tieni domanda: rispett tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

68.    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet li jifforma parti mid-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit bl-Artikolu 47 tal-Karta.

69.    Qabel ma jiġi analizzat il-mertu tad-domanda magħmula, preliminarjament għandu jiġi stabbilit jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi f’dan is-sens li hija kkonfrontata b’sitwazzjoni ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta (24).

70.    Kif semmew il-BBVA u l-Gvern Spanjol, huwa permess li dan jiġi kkontestat, peress li, a priori, is-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni hawnhekk ma hijiex direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

71.    Huwa veru li ma għandux jintesa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha aċċettazzjoni wiesgħa ta’ dak li jaqa’ fil-kamp ta’ kompetenza tagħha, peress issa huwa stabbilit b’mod konkret li jkopri s-sitwazzjonijiet kollha ta’ “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoniˮ, b’din l-aħħar espressjoni tingħata definizzjoni wiesgħa (25).

72.    Madankollu, bid-differenza, pereżempju, tal-każ imsemmi fis‑sentenza Åkerberg Fransson, li tirrigwarda r-rabta eżistenti mal‑Artikoli 2, 250(1), u 273 tad-Direttiva 2006/112/CE (26) u l‑Artikolu 325 TFUE, ir-rabta, fil-kawża prinċipali, mad-Direttiva 93/13 hija diffiċilment identifikabbli, kif juri inċidentalment il-fatt li r‑riferiment għall-imsemmija direttiva, jidher li ġie inkluż fit-talba għal deċiżjoni preliminari wara osservazzjoni li saret minn BBVA matul il‑proċedura (27).

73.    Fil-fatt, huwa diffiċli li jiġi deċiż liema dispożizzjoni jew prinċipju tad-dritt tal-Unjoni qed jiġi kkontestat hawnhekk. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li semmejt bħala risposta għall-ewwel domanda, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-modalitajiet proċedurali ta’ eżekuzzjoni, il-kwistjoni ta’ dritt ta’ appell kontra deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni ta’ sekwestru ipotekarju hija rregolata mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Barra minn hekk, xejn ma jippermetti, fl-istat attwali tad-dritt tal‑Unjoni, li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 695(4) tal-LEC. Sempliċi riferiment ġenerali, mill-qorti tar-rinviju, għar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li tirriżulta mid-Direttiva 93/13 ma huwiex biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ruħha kompetenti sabiex tirrispondi.

74.    Jidhirli li l-kwistjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija relatata mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta’ rimedji disponibbli kontra deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar oppożizzjoni għal eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju, hija totalment irregolata mid-dritt nazzjonali u li din ma tirrigwardax “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoniˮ. Jekk ikun deċiż mod ieħor ifisser li jiġi interpretat b’mod żbaljat l‑Artikolu 51(1) tal-Karta, li jkollu l-effett li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lill hinn mill-kompetenzi tagħha (28).

75.    Fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tikkunsidra li hija kompetenti sabiex tirrispondi d-domanda, ma jidhirli li hemm xejn li jikkawża preġudizzju għall-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt għall-smigħ xieraq.

76.    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li ma hemmx iktar lok sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda.

77.    Fil-fatt, peress li ġie konkluż li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa b’mod komplet ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività, jidhirli li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk, barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tissodisfax id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit bl‑Artikolu 47 tal-Karta. Minkejja li din id-dispożizzjoni tkopri elementi differenti, il-portata tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva qed tiġi konfuża f’din il-kawża, li tirrigwarda l-possibbiltajiet ta’ appell applikabbli kontra deċiżjonijiet li jiddeċiedu dwar oppożizzjoni għal sekwestru ipotekarju, mal-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività li sar fir-risposta għall-ewwel domanda.

78.    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa relatat mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja stabbilit bl-Artikolu 47 tal-Karta, anki jekk jitqies li huwa applikabbli fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ma jipprekludix regola ta’ dritt nazzjonali bħall‑Artikolu 695(4) tal-LEC, li jippermetti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, li ma jitressaqx appell kontra d-digriet li jiddeċiedi li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni.

IV – Konklużjoni

79.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Audiencia Provincial de Castellón hekk kif ġej:

La l-prinċipju ta’ effettività, flimkien mal-għan ta’ protezzjoni segwit mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u lanqas id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludu dispożizzjoni proċedurali nazzjonali li tillimita, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju, id-dritt ta’ appell għal dak kontra digriet li jiddeċiedi li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jew dwar l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3 – C‑415/11, EU:C:2013:164.


4 – Din il-kawża fil-fatt ma hijiex każ iżolat. Il-Liġi 1/2013 dwar miżuri intiżi li jsaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kiri soċjali (Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), tal-14 ta’ Mejju 2013 (BOE n°116, tal‑15 ta’ Mejju 2013, p. 36373, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/2013ˮ), hija kkontestata f’numru ta’ kawża preżentament pendenti quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja [ara, b’mod partikolari, il-kawża Caja Rurales Unidas (C‑645/13), li hija rinviju għal deċiżjoni preliminari li sar mill-Juzgado de Primera Instancia n° 34 de Barcelona fir-rigward ta’ kwistjoni analoga għal dik imqajma f’din il-kawża].


5 – (Ley de enjuiciamiento civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE n°7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575); liġi kif emendata bid-Digriet-Liġi 7/2013, tat-28 ta’ Lulju 2013 (BOE n° 155, tad-29 ta’ Ġunju 2013, p. 48767, iktar ’il quddiem l-“LECˮ).


6 – Sentenza Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279).


7Ibidem (punt 40).


8 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, b’mod differenti mill-kawża li wasslet għas‑sentenza RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 25), il-partijiet ma ftehmux dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistema prevista mil-leġiżlatur nazzjonali (sentenza Barclays Bank, EU:C:2014:279, punt 41).


9 – C‑618/10, EU:C:2012:349.


10 – EU:C:2013:164.


11 – C‑482/12, EU:C:2013:765, punti 72 et seq.


12 – Sentenza Aziz (EU:C:2013:164, punt 49).


13 ­– Ibidem punt 59.


14 – Sentenzi Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12); Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 39 u 43), kif ukoll van der Weerd et (C-222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28).


15 – L-Audiencia Provincial de Castellón tindika, fil-fatt, li l-leġiżlatur Spanjol għamel “traspożizzjoni żbaljataˮ tal-kriterji mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.


16 – C‑413/12, EU:C:2013:532, punt 23.


17Ibidem (b’mod partikolari, punti 23 u 29). F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija konvenzjoni ma jobbligax lill-Istati kontraenti sabiex joħolqu qrati ta’ appell u ta’ kassazzjoni fil-qasam ċivili (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Antonenko vs Russja, n°42482/02, 23 ta’ Mejju 2006).


18 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69).


19 – Skont din id-dispożizzjoni, “[d]in il-liġi tapplika għall-proċeduri ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ta’ eżekuzzjoni ipotekarja mibdija fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li fihom l-espulsjoni għadha ma ġietx implementataˮ. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu l-ġdid 552(1) tal-LEC, li jipprovdi b’mod partikolari li “[m]eta l-qorti tqis li waħda mill-klawżoli li tinsab f’wieħed mit-titoli eżekuttivi […] tista’ titqies bħala inġusta, għandha tinforma lill-partijiet fi żmien ħmistax-il ġurnataˮ.


20 – Ara s-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:2013:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, Berger vs Franza, Nru 48221/99, § 38, 3 ta’ Diċembru 2002.


22 – F’dan is-sens, it-titolu eżekuttiv li għandu dokument notarli u s-segwenti rikonoxximent tal-interess tal-kreditur għal eżekuzzjoni ġudizzjarja rapida huma elementi li ġew b’mod partikolari rrilevati mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Aziz (C‑415/11, EU:C:2012:700, punt 55). Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ dritt ibbażat fuq att notarali li jiggarantixxi kreditu stabbilit għandha, bħal dik ibbażata fuq sentenza, issir f’terminu raġonevoli (ara Qorti EDB, Estima Jorge vs Il-Portugal, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1998-II).


23 – Jiena nirrileva li, adit minn kwistjonijiet ta’ antikostituzzjonalità mqajma minn ċerti qrati Spanjoli, it-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali) (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi 41/1981, tat-18 ta’ Diċembru 1981, u 217/1993, tat-30 ta’ Ġunju 1993, kif ukoll id-digriet 113/2011, tad-19 ta’ Lulju 2011), enfasizzat in-natura sommarja li tikkaratterizza l-proċedura intiża għall-eżekuzzjoni ta’ garanzija reali reġistrata u l-fatt li l-konvenut fl-eżekuzzjoni dejjem għandu l-possibbiltà li jirrikorri għall-proċedura fuq il-mertu korrispondenti. Din il-parti, għalhekk ma għandhiex tinvoka fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, id-drittijiet tad-difiża. B’mod iktar preċiż, it-tieni Awla tat-Tribunal Constitucional, f’digriet tal-21 ta’ Lulju 1988, ikkonfermat il-kostituzzjonalità tal-impossibbiltà li jitressaq appell kontra deċiżjoni li tiddeċiedi dwar proċedura ta’ oppożizzjoni li tiddikjara li din ma tikkawżax preġudizzju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet.


24 – Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal‑Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d‑dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 16 et seq.).


26 – Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


27 – BBVA indika li, matul il-proċedura nazzjonali, il-qorti tar-rinviju kellha l-ħsieb li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari billi tinvoka biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr l-ebda riferiment għad-Direttiva 93/13. Kien wara osservazzjoni tal-BBVA li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li terġa’ tifformula mill-ġdid id-domanda sabiex tintroduċi fl-argument id-Direttiva 93/13.


28 – Sabiex jitfakkru l-prinċipji applikabbli reċentament, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pelckmans Turnhout (C‑483/12, EU:C:2014:304, punti 17 sa 21).