Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2011 - United States Polo Association vs UASI - Polo/Lauren (Rappreżentazzjoni ta' żewġ plejers tal-polo)

(Kawża T-517/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United States Polo Association (Kentucky, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: P. Goldenbaum, I. Rohr u T. Melchert, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord tal-Appell: The Polo/Lauren Company, LP (New York, l-Istati Uniti)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-17 ta' Ġunju 2011, fil-Każ R 1107/2010-2;

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tbati l-ispejjeż tagħha, fil-każ li tintervjeni fil-proċeduri

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta żewġ plejers tal-polo, għal prodotti fil-klassi 3 - reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja Nru 5997473

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: reġistrazzjoni ta' trade mark Franċiża Nru 1441630 tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta plejer tal-polo, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 24, 25 u 35; reġistrazzjoni ta' trade mark Spanjola Nru 878316 tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta plejer tal-polo, għal prodotti fil-klassi 3; reġistrazzjoni ta' trade mark tar-Renju Unit Nru 2172123 tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta plejer tal-polo, għal prodotti fil-klassi 3; reġistrazzjoni ta' trade mark Ġermaniża Nru 1070650 tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta plejer tal-polo, għal prodotti fil-klassi 3; reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja Nru 4236527 tat-trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta flixkun bi plejer tal-polo, għal prodotti fil-klassi 3

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tar-Regoli 20(7) u 53(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, u ksur tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell innotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-partijiet fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni fid-19 ta' Lulju 2011 mingħajr ma kkunsidra t-talba konġunta tagħhom għal sospensjoni tal-proċedimenti ppreżentata fit-18 ta' Lulju 2011 u mbagħad ċaħad it-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi rrevokata d-deċiżjoni tiegħu u sabiex jilqa' t-talba għal sospensjoni. Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell iddeċieda b'mod żbaljat li r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kienet prekluża bl-Artikolu 8(1)(b). Ma hemm l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

____________