Language of document : ECLI:EU:T:2021:153

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

24 ta’ Marzu 2021 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ April 2021]

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2014 – Miżuri tranżitorji dwar ċerti modalitajiet ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni – Bidla fl-iskema wara l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt – Kunċett ta’ ‘li wieħed ikun fil-kariga’”

Fil-Kawża T‑769/16,

Maxime Picard, residenti f’Hettange‑Grande (Franza), irrappreżentat minn M.‑A. Lucas u M. Bertha, avukati,

rikorrent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ April 2021] li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tat-tweġiba tal-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, min-naħa l-oħra, sa fejn ikun neċessarju, tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment tar-rikorrent tal‑1 ta’ April 2016 kontra d-deċiżjoni jew l-assenza ta’ deċiżjoni li tirriżulta mit-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger, N. Półtorak, O. Porchia (Relatriċi) u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Ir-rikorrent, Maxime Picard, huwa membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea.

2        Bejn April 2004 u Ġunju 2008, ir-rikorrent kien ġie rreklutat suċċessivament minn żewġ kumpanniji bħala aġent tas-sigurtà, jiġifieri, l-ewwel, mal-kumpannija Brinks sal‑31 ta’ Marzu 2006, u sussegwentement mal-kumpannija Group 4 Securicor (iktar ’il quddiem “G 4S”) mill‑1 ta’ April 2006. Matul dan il-perijodu, huwa kien tqiegħed għad-dispożizzjoni kemm taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), sabiex iwettaq kompiti ta’ natura amministrattiva marbuta mas-sigurtà, kif ukoll tal-Kummissjoni, bħala ħarrieġ.

3        Wara li, fl‑2005, għadda mill-proċedura ta’ selezzjoni EPSO/CAST/25/05 mnedija mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) bil-għan li tiġi kkostitwita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għall-ewwel grupp ta’ funzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“GF I”), ir-rikorrent, fl‑2007, ipparteċipa fil-proċedura EPSO/CAST/27/07 li tagħti aċċess għat-tieni grupp ta’ funzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“GF II”).

4        Fl‑14 ta’ April 2008, ir-rikorrent kien ġie mistieden għal eżami orali ta’ selezzjoni bil-għan li timtela pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt GF II fi ħdan l-Unità 5 tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni. Huwa għadda minn dan l-eżami.

5        Fl‑10 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent kien ġie rreklutat, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2008, mill-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Unità 5 tal-PMO (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑2008”). Permezz ta’ dan ir-reklutaġġ, li sar permezz tal-proċedura ta’ selezzjoni EPSO/CAST/25/05, ir-rikorrent kien ġie kklassifikat fil-GF I, grad 1, skala 1, skont l-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

6        Fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni EPSO/CAST/27/07, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni kien ikkunsidra li ma kienx stabbilit li r-rikorrent kien issodisfa l-kundizzjoni ta’ tliet snin ta’ esperjenza professjonali xierqa fid-data limitu ta’ preżentazzjoni tal-kandidaturi prevista mis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess, minħabba li l-funzjonijiet tiegħu bħala impjegat tal-kumpanniji Brinks u G 4S eżerċitati fi ħdan iċ-CDT apparentement kienu dawk ta’ aġent tas-sigurtà, li jaqgħu taħt il-GF I.

7        Il-kuntratt tal‑2008 ġġedded tliet darbiet għal żmien determinat, u permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2011, għal żmien indeterminat.

8        Fil‑15 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrent ipparteċipa f’kumitat ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid imniedi mill-Unità 5 tal-PMO bil-għan li jiġi offrut klassifikazzjoni mill-ġdid lejn il-GF II. Huwa kien ġie kkunsidrat bħala eliġibbli bla ħsara għall-konferma mid-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-Unità 7 tal-PMO inkarigata mir-riżorsi umani ressqet talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid lil dan id-direttorat ġenerali.

9        Permezz ta’ posta elettronika tad‑9 ta’ Diċembru 2011 tad-DĠ “Riżorsi Umani”, ir-rikorrent kien ġie informat biċ-ċaħda tat-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għal eliġibbiltà fid-data limitu ta’ iskrizzjoni tas‑27 ta’ April 2007 għall-proċedura EPSO/CAST/27/07, jiġifieri esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin.

10      Is-sena ta’ wara, f’Ġunju 2012, ir-rikorrent bagħat lill-Unità 7 tal-PMO dikjarazzjoni ta’ esperjenza professjonali, bid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2012, maħruġa miċ-CdT. Din id-dikjarazzjoni kienet tkopri l-perijodu mix-xahar ta’ April 2004 sax-xahar ta’ Lulju 2007 li matulu r-rikorrent kien ġie impjegat mill-kumpanniji Brinks u G 4S (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). L-imsemmija dikjarazzjoni kienet intiża sabiex tiċċertifika li r-rikorrent fir-realtà kien wettaq kompiti li jaqgħu taħt il-GF II u mhux il-GF I.

11      Fuq il-bażi ta’ din l-istess dikjarazzjoni, l-Unità 7 tal-PMO talbet, fl-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2012, b’mod informali, lid-DĠ “Riżorsi Umani” jeżamina mill-ġdid it-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid miċħuda fl‑2011 (ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq).

12      Madankollu, id-DĠ “Riżorsi Umani” qajjem dubji dwar il-possibbiltà li jimmodifika l-pożizzjoni tiegħu, peress li d-dikjarazzjoni taċ-CdT kienet ġiet prodotta ħames snin wara l-fatti, ma kinitx maħruġa mill-persuni li kienu impjegaw lir-rikorrent (il-kumpanniji Brinks u G 4S), iżda mill-klijent tagħhom, iċ-CdT, u kien jidher li tikkontradixxi dikjarazzjoni iktar antika stabbilita minn G 4S fl‑2008. Wara dan it-teħid ta’ pożizzjoni informali, l-Unità 7 tal-PMO ma ressqitx talba uffiċjali għal klassifikazzjoni mill-ġdid favur ir-rikorrent.

13      Fl‑2014, l-Unità 7 tal-PMO ressqet quddiem id-DĠ “Riżorsi Umani” talba għal reklutaġġ f’pożizzjoni GF II, sostnuta b’dikjarazzjoni ġdida maħruġa direttament mill-kumpannija Brinks, bid-data tal‑31 ta’ Marzu 2014, li kienet tikkonferma l-informazzjoni pprovduta fl‑2012 miċ-CdT, madankollu mingħajr ma tippreċiża n-natura tal-kompiti mwettqa mir-rikorrent impjegat bħala aġent tas-sigurtà.

14      B’kunsiderazzjoni ta’ dan l-element il-ġdid u sa fejn din id-dikjarazzjoni ftit kienet iddettaljata, id-DĠ “Riżorsi Umani” ikkuntattja lill-kumpannija Brinks sabiex jivvalida l-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni. Finalment, dan wassal, fil‑25 ta’ April 2014, għall-konferma tad-dikjarazzjonijiet tal‑31 ta’ Marzu 2014 tal-kumpannija Brinks u ta’ dik tal‑1 ta’ Ġunju 2012 taċ-CdT mill-Kap tar-Riżorsi Umani tal-kumpannija Brinks, li ppreżenta elementi li jagħtu prova li r-rikorrent kien effettivament wettaq kompiti “xierqa” li jaqgħu taħt il-GF II matul il-perijodu kollu tal-kuntratt tiegħu ma’ din il-kumpannija, jiġifieri mill‑1 ta’ April 2004 sal‑31 ta’ Marzu 2006.

15      Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni u wara att ġdid ta’ kandidatura li r-rikorrent seta’ jippreżenta sa fejn kien jinsab fid-database kkostitwita fi tmiem il-proċedura EPSO/CAST/27/07, li l-validità tagħha kienet ġiet imġedda sal-aħħar ta’ Diċembru 2016, fis‑16 ta’ Mejju 2014, id-DĠ “Riżorsi Umani” offra lir-rikorrent kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, li dan tal-aħħar iffirma fl-istess ġurnata, fuq il-bażi tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014”). Dan il-kuntratt, għal żmien indeterminat, ħa effett fl‑1 ta’ Ġunju 2014, bi klassifikazzjoni tar-rikorrent fil-GF II, fil-grad 5, skala 1.

16      Fl‑20 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014. Huwa sostna, essenzjalment, li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, li kien jikklassifikah fil-GF II, kellu jieħu effett mill‑1 ta’ Lulju 2008, data li fiha inizjalment kien ġie rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-GF I.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2014, ikkomunikata lir-rikorrent fil‑11 ta’ Diċembru 2014, id-Direttur tad-Direttorat B tad-DĠ “Riżorsi Umani”, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħad l-imsemmi lment, prinċipalment, bħala inammissibbli minħabba tardività, u sussidjarjament, bħala infondat.

18      Ir-rikorrent ma ressaqx kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra din id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2014, li għalhekk kienet saret definittiva.

19      Sadanittant, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġew emendati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2013 u huwa applikabbli, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti f’din il-kawża, mill‑1 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem ir-“riforma tal‑2014”).

20      Wara r-riforma tal‑2014, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’riferiment tal-Artikolu 109(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiddefinixxi rata annwali ġdida ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.8 %, inqas favorevoli mir-rata preċedenti ta’ 1.9 %. Barra minn hekk, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-età tal-irtirar għal 66 sena, kontra t-63 sena ta’ qabel.

21      Madankollu ġiet prevista skema tranżitorja. Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-“[m]iżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni” jipprevedi li l-uffiċjali “li daħlu fis-servizz fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013” għandhom ikomplu jiksbu drittijiet għall-pensjoni bir-rata annwali ta’ kisba ta’ 1.9 %, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 77 il-ġdid. Barra minn hekk, skont it-tabella li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali li fl‑1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 35 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età […] [ta’] 64 sena u 8 xhur” (iktar ’il quddiem l-“Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal” kif ukoll id-“dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar”). Finalment, l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 22(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar “għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

22      Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent, li kellu dubji dwar l-implikazzjonijiet li r-riforma tal‑2014 seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni tiegħu wara l-iffirmar tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, talab spjegazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016”) lill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Unità 4 tal-PMO (iktar ’il quddiem l-“amministratur tat-taqsima ‘Pensjonijiet’”).

23      Permezz ta’ posta elettronika tal-istess ġurnata, l-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” ikkonferma lir-rikorrent li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienu nbidlu minħabba t-tibdil fil-kuntratt u li, għaldaqstant, fir-rigward tiegħu, l-età normali tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni kienu saru, rispettivament 66 sena u 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016”).

24      Fl‑4 ta’ April 2016, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016, ikkomunikata lir-rikorrent fis‑26 ta’ Lulju 2016, id-Direttur tad-Direttorat E tad-DĠ “Riżorsi Umani”, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħad l-imsemmi lment, prinċipalment, bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju, u sussidjarjament, bħala infondat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016”).

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

27      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

28      Fl‑24 ta’ April 2017, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, li fihom jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew mill-inqas tinkludiha mal-eżami fuq il-mertu;

–        tilqa’ t-talbiet tar-rikors tiegħu.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2017, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, wara li sema’ lill-partijiet, li jissospendi l-kawża fuq il-bażi tal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm id-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża T‑128/17, Torné vs Il‑Kummissjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

30      Wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il‑Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), u fin-nuqqas ta’ preżentata ta’ appell kontra din tal-aħħar, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi tal-imsemmija sentenza għal din il-kawża fit-terminu stabbilit.

31      Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Mejju 2019, konformement mal-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) inkludiet mal-eżami fuq il-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u rriżervat l-ispejjeż.

32      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2019, l-Imħallef Relatur ippropona lill-partijiet li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju dwar it-tilwima. Ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn il-partijiet sabiex jiġu eżaminati dawn il-possibbiltajiet.

33      Fis‑27 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fil‑15 ta’ Ottubru u fis‑26 ta’ Novembru 2019, rispettivament.

34      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ieħor, li kien ġie assenjat lill-Ewwel Awla fil-formazzjoni l-ġdida tagħha, li din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

36      Fit‑28 ta’ April 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

37      Fl-istess ġurnata, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, staqsiet lill-partijiet jekk xtaqux li jinstemgħu waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali minkejja l-kriżi tas-saħħa marbuta mal-COVID‑19.

38      Il-Kummissjoni u r-rikorrent wieġbu fit‑30 ta’ April u fid‑29 ta’ Lulju 2020, rispettivament, li xtaqu li jinstemgħu.

39      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fit‑3 ta’ Ġunju 2020, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

40      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2020.

41      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni li tiffissa minn qabel ċerti elementi tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu jew in-nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni imposta mir-Regolamenti tal-Persunal b’riżultat tal-messaġġ mibgħut fl‑4 ta’ Jannar 2016 lir-rikorrent mill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” li jinformah, bi tweġiba għat-talba tiegħu tal-istess jum, li l-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kien inbidel b’riżultat tal-ingaġġ tiegħu mill-ġdid fil-GF II b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2014, li l-età pensjonabbli tiegħu kienet saret 66 sena u li r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienet saret 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014;

–        tannulla, sa fejn ikun neċessarju, id-deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Kummissjoni, sa fejn hija tiċħad bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju u sussidjarjament bħala infondat l-ilment tar-rikorrent tal‑1 ta’ April 2016 kontra d-deċiżjoni jew l-assenza ta’ deċiżjoni li tirriżulta mit-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

43      Fil-kuntest tal-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà misluta mill-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kummissjoni ttenni u tiżviluppa l-argumenti tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fir-risposta.

44      Ir-rikorrent, minn naħa, jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, isostni li l-argumenti tal-Kummissjoni li jinsabu fir-risposta dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52, u tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 26).

46      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok, għall-finijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li qabel kollox jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrent, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, konsegwentement, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà relatata magħha kkontestata mir-rikorrent, peress li r-rikors, fi kwalunkwe każ u għall-motivi esposti iktar ’il quddiem, huwa infondat.

 Fuq ilmertu

47      Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament, minn naħa, tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, min-naħa l-oħra, sa fejn ikun neċessarju, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016.

48      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tat-tieni u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 109 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn jirriżulta mit-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 li d-data tad-dħul fis-servizz meħuda inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kienet dik tal‑1 ta’ Ġunju 2014, data tal-bidu tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, filwaqt li kellha titqies id-data tal‑1 ta’ Lulju 2008, data li fiha huwa inizjalment daħal fis-servizz tal-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-GF I.

49      Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, it-tnejn li huma bbażati fuq żball ta’ liġi, l-ewwel waħda minħabba li d-data ta’ dħul fis-servizz imsemmija fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun dik tal-ewwel reklutaġġ, it-tieni waħda minħabba li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, li għandu l-għan u l-effett li jikklassifika mill-ġdid lir-rikorrent mingħajr bidla sostanzjali fil-funzjonijiet, ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-kontinwità fil-karriera tiegħu.

50      B’mod iktar speċifiku, insostenn tal-ewwel parti, ir-rikorrent josserva, b’mod preliminari, li t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 eskludietu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għas-sempliċi raġuni li huwa kien aċċeda fl‑1 ta’ Ġunju 2014 għall-GF II bl-effett ta’ kuntratt ġdid li, kif kien ġie ppreċiżat fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016, temm il-kuntratt preċedenti u kien jikkostitwixxi reklutaġġ ġdid.

51      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, anki kieku kellu jitqies li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kien jikkostitwixxi reklutaġġ ġdid fid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2014, id-data tad-dħul fis-servizz imsemmija fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija manifestament id-data tar-reklutaġġ inizjali tal-uffiċjali u, b’analoġija, tal-membri tal-persunal l-oħra, inklużi l-membri tal-persunal bil-kuntratt, u mhux id-data li fiha uffiċjal jista’ jaċċedi, wara li jkun għadda minn kompetizzjoni ġenerali, għal pożizzjoni li tagħmel parti minn grad jew minn grupp ta’ funzjonijiet ogħla minn dak tal-pożizzjoni li inizjalment kien irreklutat għaliha, jew, b’analoġija, id-data li fiha membru tal-persunal bil-kuntratt jaċċedi, wara li jkun għadda minn proċedura ġenerali ta’ selezzjoni, għal pożizzjoni li taqa’ taħt grupp ta’ funzjonijiet ogħla, konformement mal-Artikolu 87(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

52      Għaldaqstant, skont ir-rikorrent, billi jitqies bħala prinċipju li, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, kull bidla fl-istatus jew fit-tip ta’ kuntratt fi ħdan il-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandha titqies bħala interruzzjoni fil-kontinwità tas-servizz li tagħti lok għall-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli fid-data tal-bidu tal-kuntratt il-ġdid, il-PMO u d-DĠ “Riżorsi Umani” wettqu żball ta’ liġi u interpretaw ħażin il-kunċett ta’ dħul fis-servizz li jinsab fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, insostenn ta’ din il-konklużjoni, ir-rikorrent jirreferi, minn naħa, għas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, De Luca vs Il‑Kummissjoni (T‑563/10 P, EU:T:2011:746, punti 46 u 48 sa 52), u, min-naħa l-oħra, għas-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, (T‑231/14 P, EU:T:2015:639, punt 40), u tal‑5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, EU:F:2014:10, punti 46 sa 48).

53      Fir-replika, ir-rikorrent jippreċiża li l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu applikabbli għalih bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’tali mod li l-kundizzjoni speċifika ta’ applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma hijiex nieqsa.

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel, huwa jsostni li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li sabiex l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw għar-rikorrent, huwa ma kellux biss ikun fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013, iżda kellu wkoll jibqa’ fil-kariga fl-istess kwalità wara din id-data, jikkostitwixxi argument nieqes kemm fil-fatt, peress li kien għadu membru tal-persunal bil-kuntratt GF I fl‑1 ta’ Jannar 2014, kif ukoll fid-dritt, minħabba li, essenzjalment, il-Kummissjoni żżid mat-test tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg il-kundizzjoni li wieħed jibqa’ fil-kariga fl-istess kwalità wara din id-data. L-istess jgħodd għall-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-espressjoni “impjegat qabel id-dħul fis-seħħ [tal-emendi magħmula għar-Regolamenti tal-Persunal bir-Regolament Nru 1023/2013]” li tinsab fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013.

55      It-tieni, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni tipproċedi għal interpretazzjoni abbużiva tal-posta elettronika tiegħu tal‑4 ta’ Jannar 2016 bħala li kienet ibbażata biss fuq il-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 u tinjora l-argument tiegħu intiż sabiex isostni li kien minħabba l-kuntratt tiegħu tal‑10 ta’ Ġunju 2008 u mhux dak tas‑16 ta’ Mejju 2014 li huwa kien fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa jsostni wkoll li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 ma kienx jikkostitwixxi dħul ġdid fis-servizz jew nuqqas ta’ kontinwità tal-ingaġġ tiegħu li minn dan kieku kien jirriżulta li l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jibqgħux applikabbli għalih. Il-fatt li jiġi sostnut, kif qiegħda tagħmel il-Kummissjoni, li l-applikabbiltà inizjali tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma teħtieġx biss li wieħed ikun fis-servizz jew fil-kariga lejlet id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, iżda wkoll li dan jibqa’ wara din id-data, jew li din l-applikabbiltà għandha tiġi evalwata skont il-pożizzjoni amministrattiva jew il-kuntratt tal-persuna kkonċernata meta s-sitwazzjoni tagħha tevolvi, jikkostitwixxi żbalji ta’ liġi. Ikun żball ta’ liġi wkoll li jitqies li kull bidla fl-istatus jew fil-kuntratt ittemm il-fatt li wieħed ikun fis-servizz jew fil-kariga, jew saħansitra twassal għal nuqqas ta’ kontinwità ta’ servizz jew ta’ funzjonijiet.

56      It-tielet, skont ir-rikorrent, mill-punti 90 sa 93 tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il‑Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), jirriżulta li n-neċessità li jiġu kkonċiljati l-għanijiet ta’ preżervazzjoni tad-drittijiet miksuba u ta’ kontroll tal-ispejjeż baġitarji teżiġi li jiġi kkunsidrat li l-kriterju li jippermetti li jiġi evalwat il-kunċett ta’ “persunal impjegat qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma” huwa l-affiljazzjoni u l-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni qabel din id-data, li l-espressjonijiet “impjegat qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma” u “dħul fis-servizz bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013” huma ekwivalenti, u li, għalkemm il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji jippreżupponi li l-persuna kkonċernata tkun għadha fil-kariga wara l‑31 ta’ Diċembru 2013, kuntratt ġdid ma’ persuna li timpjega ġdida li sar wara ma jostakolax dan, sakemm ma jinvolvix ksur tal-kontinwità fl-affiljazzjoni u l-kontribuzzjoni għal din l-iskema. Fir-rigward tar-rikorrent, peress li l-affiljazzjoni tiegħu u l-kontribuzzjoni tiegħu għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni ma kinux ġew interrotti mas-suċċessjoni tal-kuntratt tiegħu tas‑16 ta’ Mejju 2014 għal dak tal‑1 ta’ Lulju 2008, huwa għalhekk kien għadu fil-kariga fl‑1 ta’ Ġunju 2014 fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fis-servizz fis-sens tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Ir-raba’, ir-rikorrent isostni li l-konklużjoni ta’ tip ġdid ta’ kuntratt ma ttemmx l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda tippermetti evoluzzjoni tal-karriera tal-membri tal-persunal li ma tistax issir mod ieħor mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni.

58      Insostenn tat-tieni parti, ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li għalkemm, bl-effett tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, huwa ċertament aċċeda għal grupp ta’ funzjonijiet ogħla minn dak li inizjalment kien ġie rreklutat fih, wara li kien għadda minn proċedura ġenerali ta’ selezzjoni, dan il-kuntratt il-ġdid madankollu ma kienx jaqa’ fil-kuntest ta’ skema ta’ impjieg prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg għajr dik ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt u ma kienx jinvolvi waqfa fil-karriera tiegħu mmanifestata minn modifika sostanzjali tal-funzjonijiet tiegħu.

59      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, qabel kollox, li la nbidlet in-natura u lanqas inbidel il-livell tal-funzjonijiet tiegħu wara dan il-kuntratt. Sussegwentement, għalkemm il-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-GF I kienet intitolata b’mod differenti minn dik ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-GF II, li aċċeda għalih permezz tal-kuntratt il-ġdid, l-iskop ġenerali ta’ dawn iż-żewġ pożizzjonijiet kif ukoll ir-responsabbiltajiet konkreti li waqgħu fuqu kienu ddefiniti bi kliem strettament identiku fiż-żewġ deskrizzjonijiet tal-pożizzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ittra tas‑16 ta’ Mejju 2014, il-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kienu jinkludi klassifikazzjoni fil-grad 5, skala 1, li timplika, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ parti mill-esperjenza li kien kiseb mal-Kummissjoni fil-GF I u, min-naħa l-oħra, li din l-esperjenza kienet tal-livell tal-GF II.

60      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 la affettwa l-affiljazzjoni tiegħu u lanqas il-kontribuzzjoni tiegħu għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni.

61      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent kemm insostenn tal-ewwel parti kif ukoll tat-tieni parti.

62      Peress li ż-żewġ partijiet tal-motiv uniku huma marbuta mill-qrib, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

63      Din it-tilwima, essenzjalment, tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-iffirmar, minn membru tal-persunal bil-kuntratt bħar-rikorrent, ta’ kuntratt ġdid wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014, jirrappreżentax bidla fir-rabta ta’ impjieg mal-amministrazzjoni tal-Unjoni, li teskludi l-possibbiltà li l-imsemmi membru tal-persunal ikun jista’ jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.

64      B’mod preliminari, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, għaldaqstant, għandhom jiġu ppreċiżati liema huma l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw, skont l-imsemmi artikolu, l-applikazzjoni għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq lArtikolu 1(1) talAnness tal-Kondizzjonijiet talimpjieg u fuq ilkundizzjonijiet għall-applikazzjoni talArtikoli 21 u 22 talAnness XIII tarRegolamenti talPersunal għallmembri talpersunal loħra li jaqgħu taħt ilKondizzjonijiet talimpjieg

65      Fl-ewwel lok, kif imfakkar fil-punt 21 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013 “[l]-Artikolu 21, l-Artikolu 22, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 4, […] ta[l-]Anness [XIII tar-Regolamenti tal-Persunal] għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

66      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu, rispettivament, li l-uffiċjali li daħlu fis-servizz bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 għandhom dritt għal rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.9 % u li jekk kellhom 35 sena fl‑1 ta’ Mejju 2014 u daħlu fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, għandhom dritt għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 64 sena u 8 xhur.

67      Kif ippreċiżat fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, b’mod partikolari fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, “arranġamenti tranżitorji li jippermettu li r-regoli u l-miżuri l-ġodda jiġu applikati gradwalment, fir-rispett tad-drittijiet miksuba u tal-istennijiet leġittimi tal-persunal impjegat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi fir-Regolamenti tal-Persunal”.

68      Inkwantu dispożizzjonijiet tranżitorji, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn huma s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, minħabba n-natura derogatorja tagħhom (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen, C‑66/09, EU:C:2010:484, punt 33, u tas‑17 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑360/11, EU:C:2013:17, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Olesen vs Il‑Kummissjoni, T‑190/03, EU:T:2005:264, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu mingħajr ma din l-interpretazzjoni tkun tista’ tmur kontra l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll mis-sistema stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il‑Kummissjoni, T‑128/17, EU:T:2018:969, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fit-tielet lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda applikazzjoni b’analoġija tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’tali mod li l-Artikoli 21 u 22 ta’ dan l-aħħar anness japplikaw għall-imsemmija membri tal-persunal sa fejn huwa possibbli li tiġi stabbilita analoġija bejn dawn tal-aħħar u l-uffiċjali, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ persunal.

70      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar, b’mod preliminari, kif il-kategorija tal-membri tal-persunal hija differenti minn dik tal-uffiċjali.

71      F’dan ir-rigward, l-ewwel, hemm lok li jiġi rrilevat li d-definizzjoni ta’ kull waħda mid-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Unjoni, kemm bħala uffiċjali fil-veru sens tal-kelma, kif ukoll taħt il-kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tikkorrispondi għal ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li hija għandha l-missjoni li twettaq (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, EU:F:2006:105, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      B’mod partikolari, fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-membru tal-persunal bil-kuntratt, għall-finijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa l-membru tal-persunal mhux assenjat f’impjieg previst fit-tabella tal-persunal mehmuża mat-taqsima tal-baġit relatata mal-istituzzjoni kkonċernata u rreklutat sabiex jeżerċita funzjonijiet, jew part-time, jew full-time.

73      Barra minn hekk, mill-premessa 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48, u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), li introduċa l-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, jirriżulta li dawn tal-aħħar ġeneralment ikunu jeħtieġu jaħdmu taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew il-persunal temporanju. Iktar minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-istess premessa ta’ dan ir-regolament, id-drittijiet u l-obbligi tal-imsemmija membri tal-persunal bil-kuntratt kienu ddefiniti b’analoġija ma’ dawk tal-membri tal-persunal temporanju, partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-benefiċċji u l-allowances u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

74      Għall-kuntrarju, l-uffiċjali li, skont l-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal, “[huma] kull persuna li kien[et] [ġiet] maħtur[a], kif ipprovdut f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għal posizzjoni stabbilita fil-persunal ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’istrument maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dik l-istituzzjoni”, huma l-uniċi li jistgħu jeżerċitaw b’mod permanenti kompiti ta’ servizz pubbliku.

75      It-tieni, għandu jiġi enfasizzat li, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza, id-differenza bejn uffiċjali u membri tal-persunal ma tinsabx biss fin-natura tal-kompiti li għandhom il-missjoni li jwettqu, iżda wkoll, b’mod partikolari, fil-fatt li, filwaqt li r-rabta legali bejn uffiċjal u l-amministrazzjoni hija rregolata mir-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu jiġu emendati f’kull mument mil-leġiżlatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata), is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal irregolati mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija kkaratterizzata min-natura kuntrattwali tar-rabta ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, EU:F:2006:105, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Minn dan jirriżulta li, kif irrilevat il-Kummissjoni, ġustament, matul is-seduta, għalkemm l-uffiċjal jidħol u jibqa’ fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-Unjoni permezz ta’ att ta’ ħatra li ma jinbidilx għall-karriera kollha tiegħu, membru tal-persunal bil-kuntratt jidħol u jibqa’ fil-kariga permezz ta’ kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sakemm dan jibqa’ effettiv. Għalhekk, huwa permezz ta’ kuntratt fis-seħħ li huwa marbut mal-amministrazzjoni tal-Unjoni u li jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

77      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu jiġi interpretat fis-sens li jippreċiża li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-regoli tranżitorji previsti għall-uffiċjali fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal l-oħra għandhom ikunu “impjegati [fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”, jiġifieri għandhom ikunu rreklutati b’kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg f’din id-data.

78      F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux b’mod partikolari dwar x’għandu jinftiehem b’“impjegati [fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

79      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, il-membru tal-persunal mhux talli għandu jkun fil-kariga f’data partikolari, jiġifieri fil‑31 ta’ Diċembru 2013, iżda talli għandu jkun “għadu fil-kariga/għadu attiv”, jiġifieri jkun żamm l-istat ta’ servizz tiegħu kemm fil‑31 ta’ Diċembru 2013 kif ukoll wara din id-data. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, kull bidla fil-kuntratt tinvolvi terminazzjoni tar-rabta ta’ impjieg mal-amministrazzjoni tal-Unjoni b’tali mod li l-membru tal-persunal ma jistax jibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

80      Għall-kuntrarju, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, sabiex l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu applikabbli għal membru tal-persunal li jaqa’ taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa biżżejjed li dan tal-aħħar ikun irreklutat b’kuntratt fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 2013, indipendentement minn kwalunkwe bidla suċċessiva fil-kuntratt. Għaldaqstant, huwa jikkritika lill-Kummissjoni li żżid kundizzjoni supplimentari mal-kundizzjoni ta’ “impjegati [fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”, prevista mill-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri l-kundizzjoni li wieħed jibqa’ fil-kariga mingħajr interruzzjoni wara din id-data.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-Kummissjoni ma żżidx kundizzjoni, iżda sempliċement tinterpreta l-kunċett ta’ “b’analoġija” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jippreżumi li l-membri tal-persunal jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-uffiċjali. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ fejn il-membru tal-persunal ma jkunx iffirma kuntratt ġdid li jimplika l-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ġdida mal-amministrazzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kuntratt jikkorrispondi għall-istrument legali li permezz tiegħu relazzjoni ta’ xogħol bejn membru tal-persunal, minn naħa, u l-amministrazzjoni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, tikkonkretizza ruħha. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol tista’ ma tinbidilx, anki wara l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid distint formalment mill-kuntratt inizjali, bil-kundizzjoni li l-aħħar kuntratt ma jagħmilx bidla sostanzjali fil-funzjonijiet tal-membru tal-persunal, b’mod partikolari fil-grupp ta’ funzjonijiet, ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, T‑231/14 P, EU:T:2015:639, punt 40).

82      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma dispożizzjonijiet tranżitorji li japplikaw konformement mal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg b’analoġija għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 u li jibqgħu fiha, wara din id-data permezz ta’ kuntratt, kif inhu ddefinit fil-punt 81 iktar ’il fuq, sakemm il-pożizzjoni tagħhom tiġi eżaminata għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni.

83      Din l-interpretazzjoni tippermetti, minn naħa, li jiġi rrikonoxxut, filwaqt li jiġi segwit approċċ funzjonali, il-valur legali tal-iffirmar ta’ kuntratt ġdid fil-kuntest tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, min-naħa l-oħra, li jinżammu d-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi tal-persunal, konformement mal-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013.

84      Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014 jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

 Fuq issitwazzjoni tarrikorrent

85      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rikorrent kien ġie rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għall-ewwel darba fl‑2008 permezz ta’ kuntratt għal żmien determinat li ġġedded tliet darbiet, sussegwentement, għal żmien indeterminat, mit‑3 ta’ Mejju 2011. Dan il-kuntratt kien fis-seħħ sakemm ħa effett il-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, jiġifieri fl‑1 ta’ Ġunju 2014. Għalhekk, fil‑31 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent kien fil-kariga permezz tal-kuntratt iffirmat fl‑2008, jiġifieri l-kuntratt ta’ ingaġġ inizjali. F’din id-data, kien jeżerċita l-funzjonijiet, li jaqgħu taħt il-GF I, ta’ membru tal-persunal inkarigat minn kompiti manwali jew ta’ appoġġ amministrattiv imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju, kif previst fit-tabella tal-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

86      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fis‑16 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent iffirma dak li huwa stess jammetti li huwa “bla dubju kuntratt ġdid”. Dan huwa, b’mod partikolari u kif jikkonferma r-rikorrent, kuntratt ta’ ingaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat bi klassifikazzjoni fil-GF II, grad 5, skala 1, skont l-Artikolu 87(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 ta’ dan il-kuntratt il-ġdid jirriżulta li, permezz ta’ dan tal-aħħar, ir-rikorrent kien ġie rreklutat sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal inkarigat minn kompiti klerikali, segretarjali jew kompiti ekwivalenti, kif previst fit-tabella tal-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa wettaq ukoll perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur iċċertifikat b’rapport dwar il-perijodu ta’ prova. Għaldaqstant, kif ippreċiżat fil-punt 81 iktar ’il fuq, il-bidla fil-grupp ta’ funzjonijiet qajmet dubju dwar il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrent mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

87      Barra minn hekk, l-ebda argument imressaq mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni parti ma jista’ jipproduċi prova tal-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ xi kontinwità sostanzjali tal-funzjonijiet li kien eżerċita.

88      L-ewwel, kif imfakkar fil-punt 86 iktar ’il fuq, huwa stabbilit li, bl-effett tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, huwa aċċeda għal pożizzjoni li taqa’ taħt grupp ta’ funzjonijiet ogħla minn dak li inizjalment kien ġie rreklutat fih. It-tieni, kif jirrikonoxxi r-rikorrent, it-titolu tal-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-GF I kien differenti minn dak tal-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-GF II, fejn l-ewwel wieħed kien “assistent amministrattiv-spejjeż tal-esperti” filwaqt li t-tieni huwa “amministratur amministrattiv-spejjeż tal-esperti”. Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, permezz tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent kien ġie assenjat f’pożizzjoni oħra identifikata b’numru ieħor. It-tielet, il-fatt li d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tar-responsabbiltajiet li jinsabu fil-profil taż-żewġ pożizzjonijiet kienet ifformulata b’mod identiku, ma jipproduċix prova li r-rikorrent eżerċita sostanzjalment l-istess kompiti/funzjonijiet bħala membru tal-persunal bil-kuntratt li l-ewwel jaqa’ taħt il-GF I u sussegwentement taħt il-GF II.

89      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad 5, skala 1, tal-GF II, prevista fil-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, implikat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ parti mill-esperjenza miksuba fil-GF I, fatt li juri li l-imsemmija esperjenza kienet tal-livell tal-GF II. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kieku kellu jitqies li l-klassifikazzjoni prevista fil-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 implikat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ parti mill-esperjenza tar-rikorrent fl-GF I, dan il-fatt ma jinvolvix rikonoxximent, b’effetti ex tunc, tal-fatt li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent bħala membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu taħt il-GF I, taħt l-awspiċji ta’ kuntratt differenti, fir-realtà kienu jaqgħu taħt il-GF II. Għalhekk, mal-offerta ta’ kuntratt ġdid, l-esperjenza professjonali tittieħed inkunsiderazzjoni, mill-istituzzjoni, għas-sempliċi finijiet tal-klassifikazzjoni, b’effetti ex nunc. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni eventwali ta’ parti mill-esperjenza miksuba mir-rikorrent fil-kuntest tal-impjieg tiegħu fi ħdan il-GF I bħala li taqa’ fir-realtà taħt il-GF II ma jipproduċix prova li huwa eżerċita biss, mill‑1 ta’ Lulju 2008 sal-iffirmar tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, u għalhekk mingħajr nuqqas ta’ kontinwità, funzjonijiet li jaqgħu taħt il-GF II. Fil-fatt, ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda prova intiża sabiex tissostanzja din il-kontinwità.

90      B’hekk, il-kuntratt il-ġdid, li permezz tiegħu r-rikorrent aċċeda għal grupp ta’ funzjonijiet ġdid, wassal, kif ippreċiżat fil-punt 81 iktar ’il fuq, għat-twaqqif tal-effetti kollha tal-kuntratt tal‑2008 li fuq il-bażi tiegħu huwa kien “[fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013” skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, għaldaqstant, għal terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

91      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li d-dħul fil-kariga minħabba l-kuntratt il-ġdid ma jaffettwax id-drittijiet miksuba mir-rikorrent taħt il-kuntratt tal‑2008 sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 fir-rigward tar-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni. Fil-fatt, mill-Artikoli 2 u 3 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal permezz tal-Artikolu 109 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jirriżulta li l-pensjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, bħar-rikorrent, tiddependi mit-total tar-rati annwali differenti ta’ kisba li kienu ġew akkreditati minn dan tal-aħħar matul kull sena ta’ servizz.

92      F’dan il-każ, peress li l-kuntratt iffirmat fis‑16 ta’ Mejju 2014 ħa effett fl‑1 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ibbenefika, sa din id-data, mill-iskema tal-pensjoni fis-seħħ qabel ir-riforma, filwaqt li, bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑1 ta’ Ġunju 2014, huwa bbenefika mill-istess skema bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tranżitorji. Għaldaqstant, fil-mument tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu, ir-rikorrent jista’ jibbenefika mir-rata ta’ kisba ta’ 1.9 % għas-snin ta’ servizz imwettqa taħt il-kuntratt tal‑2008, peress li din ir-rata tikkostitwixxi dritt miksub tar-rikorrent, iżda jibbenefika mir-rata ta’ kisba ta’ 1.8 % minn meta ħa effett il-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014.

93      Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqu żball ta’ liġi li l-PMO u d-DĠ “Riżorsi Umani” kkunsidraw li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, li permezz tiegħu r-rikorrent aċċeda għal grupp ta’ funzjonijiet ogħla, kien jagħti lok għal dħul ġdid fil-kariga għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li ma jippermettix lir-rikorrent jibbenefika mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.

94      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent.

95      L-ewwel, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq allegata analoġija mas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, De Luca vs Il‑Kummissjoni (T‑563/10 P, EU:T:2011:746), għandu jiġi enfasizzat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li din is-sentenza tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni fil-qasam tar-reklutaġġ bħall-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-klassifikazzjoni fi skala tal-uffiċjali inklużi f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l‑1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u t‑30 ta’ April 2006, għal uffiċjal attiv maħtur f’impjieg ieħor bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali u li għalih ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux dispożizzjonijiet speċifiċi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza ma tippreżenta l-ebda analoġija mal-kawża inkwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jaqgħu taħt il-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni għal membru tal-persunal bil-kuntratt.

96      It-tieni, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegata analoġija mas-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, (T‑231/14 P, EU:T:2015:639), u tal‑5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, EU:F:2014:10), għandu jiġi ppreċiżat, kif jirriżulta mill-punt 81 iktar ’il fuq, li dan l-argument huwa ineffettiv fil-każ inkwistjoni, sa fejn il-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 huwa kuntratt ġdid li jagħti lir-rikorrent aċċess għal funzjonijiet ġodda u, għaldaqstant, li jinvolvi t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

97      It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li kuntratt ġdid ma jipprekludix il-benefiċċju tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sakemm ma jinvolvix nuqqas ta’ kontinwità fl-affiljazzjoni u fil-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-imsemmija Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-membri tal-persunal ma tistax tiddependi mill-affiljazzjoni allegatament mhux interrotta mal-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, iżda mill-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol (ara l-punt 81 iktar ’il fuq).

98      Ir-raba’ u l-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent intiż, essenzjalment, sabiex isostni li l-konklużjoni ta’ tip ġdid ta’ kuntratt ma ttemmx l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda tippermetti evoluzzjoni tal-karriera tal-membri tal-persunal li ma tistax issir mod ieħor mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni, għandu jitfakkar li l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ma tinvolvix telf tad-drittijiet għall-pensjoni diġà miksuba. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kundizzjonijiet għall-affiljazzjoni mal-iskema tal-pensjoni huma, min-natura tagħhom u bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet miksuba, kundizzjonijiet li jistgħu jinbidlu fil-futur bir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

99      B’kunsiderazzjoni ta’ dan kollu li ntqal, għandu jiġi miċħud il-motiv uniku tar-rikors bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Maxime Picard huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Jaeger

Półtorak

Porchia

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Marzu 2021.

Firem


Werrej


Il fatti li wasslu għallkawża

Il proċedura u ttalbiet talpartijiet

Id dritt

Fuq l ammissibbiltà

Fuq il mertu

Fuq l Artikolu 1(1) talAnness tal-Kondizzjonijiet talimpjieg u fuq ilkundizzjonijiet għall-applikazzjoni talArtikoli 21 u 22 talAnness XIII tarRegolamenti talPersunal għallmembri talpersunal loħra li jaqgħu taħt ilKondizzjonijiet talimpjieg

Fuq is sitwazzjoni tarrikorrent

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.