Language of document : ECLI:EU:C:2017:519

Kawża C‑392/16

Dumitru Marcu

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF)uDirecţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 199(1)(ċ) – Nuqqas ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT – Awtolikwidazzjoni – Natura ipotetika tad-domanda preliminari – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-6 ta’ Lulju 2017

Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Talba għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni manifestment inapplikabbli fil-kawża prinċipali – Inapplikabbiltà tal-Artikolu 199(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 135(1)(j) u (k), 137(1)(b) u (ċ) u 199(1)(ċ))

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (qorti tal-appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), hija inammissibbli.

Huwa biss meta l-Istat Membru kkonċernat ikun għażel li jagħti lill-persuni taxxabbli tiegħu l-għażla prevista fl-Artikolu 137 tad-Direttiva 2006/112 u biss meta wieħed minn dawn il-persuni taxxabbli jkun eżerċita din l-għażla, għal tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 135(1)(j) u (k) ta’ din id-direttiva, li l-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni jista’ jiġi applikat għal dawn it-tranżazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 199(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva.

Konsegwentement, għalkemm it-tranżazzjonijiet fil-kawża prinċipali, jew uħud minnhom, jirrigwardaw beni immobbli, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(j) u (k) tad-Direttiva 2006/112, fin-nuqqas tar-Rumanija li fil-leġiżlazzjoni tagħha tapplika l-fakultà prevista fl-Artikolu 137(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 li tagħti lill-persuni taxxabbli tagħha d-dritt tal-għażla għat-tassazzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jew fl-assenza ta’ talba espressa ta’ D. Marcu, konformement mal-Artikolu 137 ta’ din id-direttiva, li tiġi applikata l-VAT għal dawn it-tranżazzjonijiet, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 199(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva ma jkunux issodisfatti u, konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, kif previst minn din id-direttiva, ma jkunx applikabbli.

Jekk wieħed jippreżupponi, fit-tieni lok, li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw beni immobbli, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112, il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni xorta ma jkunx jista’ japplika għall-imsemmija tranżazzjonijiet, peress li dawn ma jidhrux fost it-tranżazzjonijiet limitattivament imsemmija fl-Artikolu 199(1)(a) sa (g) tad-Direttiva 2006/112.

(ara l-punti 47, 51, 52, 54 u d-dispożittiv)