Language of document : ECLI:EU:T:2022:421

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla Estiża)

6 ta’ Lulju 2022 (*)

“Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament – Rifjut tal-President tal-Parlament li jirrikonoxxi l-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u d-drittijiet assoċjati lil kandidati eletti – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑388/19,

Carles Puigdemont i Casamajó, residenti f’Waterloo (il-Belġju),

Antoni Comín i Oliveres, residenti f’Waterloo,

irrappreżentati minn P. Bekaert, G. Boye, S. Bekaert, avukati, u B. Emmerson, QC,

rikorrenti,

vs

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz, T. Lukácsi u C. Burgos, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IrRenju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, C. Iliopoulos (Relatur) u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres, jitolbu l-annullament, minn naħa, tal-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 tal-President tal-Parlament Ewropew li tirrifjutalhom il-benefiċċju tas-servizz ta’ akkoljenza u ta’ assistenza offrut lill-Membri tal-Parlament Ewropew li deħlin u l-għoti ta’ akkreditazzjoni temporanja u, min-naħa l-oħra, tar-rifjut tal-President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, li jinsab fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019.

 Ilkuntest ġuridiku

 IlProtokoll (Nru 7) dwar ilprivileġġi u limmunitajiet ta’ lUnjoni Ewropea

2        L-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”), jipprovdi kif ġej:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament […].

[…]”

 LAtt Elettorali

3        L-Artikolu 5 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU 1976, L 278, p. 5), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137, iktar ’il quddiem l-“Att Elettorali”), jipprovdi kif ġej:

“1.      It-terminu ta’ ħames snin li għalih il-membri tal-Parlament […] jiġu eletti għandu jibda mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni ta’ wara kull elezzjoni.

[…]

2.      Il-mandat ta’ kull membru tal-Parlament […] għandu jibda u jispiċċa fl-istess żmien bħall-perijodu msemmi fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni parzjalment mhux uffiċjali].”

4        L-Artikolu 7 tal-Att Elettorali jipprovdi kif ġej:

“1.       L-uffiċċju ta’ membru tal-Parlament […] għandu jkun inkompatibbli ma’ dak ta’:

–        membru tal-Gvern ta’ Stat Membru,

–        membru tal-Kummissjoni [Ewropea],

–        Imħallef, Avukat Ġenerali jew Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea],

–        membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–        membru tal-Qorti [Ewropea] tal-Awdituri,

–        Ombudsman [Ewropew],

–        membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew],

–        membru tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–        membru ta’ kumitati jew korpi oħra mwaqqfa skont it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-finijiet ta’ mmaniġġjar tal-fondi Komunitarji jew għat-twettiq ta’ ħidma amministrattiva diretta permanenti,

–        membru tal-Bord tad-Diretturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija jew impjegat tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–        uffiċjal jew impjegat attiv ta’ l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] jew tal-korpi speċjalizzati marbuta magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.      Mill-elezzjonijiet tal-Parlament […] Ewropew fl‑2004, l-uffiċċju ta’ membru tal-Parlament […] għandu jkun inkompattibli ma dak ta’ membru tal-Parlament nazzjonali.

[…]

3.      Barra minn hekk, kull Stat Membru jista’, fiċ-ċirkustanzi stipulati fl-Artikolu [8], jestendi fuq il-livell nazzjonali r-regoli relatati mal-inkompatibbiltà.

[…]” [traduzzjoni parzjalment mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 8 tal-Att Elettorali jipprovdi kif ġej:

“Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.

Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu akkont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m’għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni.”

6        L-Artikolu 12 tal-Att Elettorali jipprevedi dan li ġej:

“Il-Parlament […] għandu jivverifika l-kredenzjali tal-membri tal-Parlament […]. Għal dan il-għan, huwa għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jagħti deċiżjoni dwar xi kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att barra minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan l-att.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 13 tal-Att Elettorali jipprovdi kif ġej:

“1.      Siġġu […] jispiċċa vojt meta l-mandat ta’ membru tal-Parlament […] jispiċċa bħala riżultat ta’ riżenja, mewt jew tneħħija ta’ dak il-mandatt.

2.      Suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Att, kull Stat Membru jista jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili ta’ kwalunkwe siġġu li jispiċċa vojt ma tul it-terminu ta’ ħames snin tal-offiċċju li hemm referenza għalih f’Artikolu [5] għall-kumplament ta’ dak il-perijodu

3.      Meta l-liġi ta’ Stat Membru tgħamel dispożizzjoni espliċita għat-tneħħija tal-mandatt ta’ membru tal-Parlament […], dak il-mandatt għandu jispiċċa permezz ta’ dawk id-dispożizzjonijiet legali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lil-Parlament […] b’dan.

[…]”

 IrRegoli ta’ Proċedura talParlament Ewropew (20192024)

8        L-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament applikabbli għad-disa’ leġiżlatura (2019‑2024) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), bit-titolu “Verifika ta’ kredenzjali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Wara l-elezzjonijiet ġenerali għall-Parlament […], il-President [tal-Parlament] għandu jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jgħaddu lill-Parlament mingħajr dewmien l-ismijiet tal-Membri eletti sabiex il-Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament b’effett mill-ftuħ tal-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet.

Fl-istess ħin, il-President [tal-Parlament] għandu jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għad-dispożizzjoniiet rilevanti tal-Att [Elettorali] u jistedinhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw kull inkompatibbiltà mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament […]

2.      Kull Membru li l-elezzjoni tiegħu jiġi mgħarraf biha l-Parlament għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub, qabel jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament, li huwa ma għandu ebda kariga inkompatibbli mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament […] fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) tal-Att [Elettorali]. Wara l-elezzjonijiet ġenerali, din id-dikjarazzjoni għandha ssir, fejn hu possibbli, mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament wara l-elezzjonijiet. Sakemm il-kredenzjali ta’ Membru jkunu ġew ivverifikati jew tkun ingħatat deċiżjoni fuq kwalunkwe tilwima u kemm-il darba jkun iffirma minn qabel id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija aktar ‘l fuq, il-Membru għandu jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu u għandu jgawdi mid-drittijiet kollha marbuta ma’ dak is-siġġu.

Fejn ikun stabbilit minn fatti vverifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku li Membru jkollu kariga inkompatibbli mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament […], fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2) tal-Att [Elettorali], il-Parlament, abbażi ta’ tagħrif provdut mill-President tiegħu, għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ post vakanti.

3.      Abbażi ta’ rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika l-kredenzjali mingħajr dewmien u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta’ kull wieħed mill-Membri tiegħu li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar kwalunkwe kontestazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Att [Elettorali], għajr dawk li, skont dak l-Att, jaqgħu esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dak l-Att.

Ir-rapport tal-kumitat għandu jkun ibbażat fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ tal-elezzjoni min-naħa ta’ kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti u l-ismijiet ta’ kwalunkwe sostituti flimkien mal-ordni tagħhom skont ir-riżultat tal-votazzjoni.

Il-validità tal-mandat ta’ Membru ma tistax tiġi kkonfermata jekk ma jkunux saru ddikjarazzjonijiet bil-miktub rikjesti taħt dan l-Artikolu u l-Anness I ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

[…]”

9        L-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, bit-titolu “Azzjoni urġenti mill-President [tal-Parlament] għall-asserzjoni tal-immunità” jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Bħala kwestjoni ta’ urġenza, meta jkun hemm ċirkostanzi li fihom jiġi arrestat Membru jew il-libertà tiegħu jew tagħha tal-moviment tkun tnaqqset f’dak li jkun jidher bħala ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru, il-President [tal-Parlament], wara li jikkonsulta mal-president u mar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista’ jieħu inizjattiva għall-asserzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President [tal-Parlament] għandu jinnotifika lill-kumitat b’dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

[…]”

10      L-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, bit-titolu “Proċeduri dwar l-immunità” jipprovdi kif ġej:

“1.      Kwalunkwe talba indirizzata lill-President [tal-Parlament] minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

2.      Bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba tista’ ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura.

[…]”

11      Fl-aħħar, l-Artikolu 4(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, bit-titolu “Kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-Parlament […] fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta’ interessi”, jistabbilixxi dan li ġej:

“Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Membri għandhom ikunu personalment responsabbli għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ interessi finanzjarji lill-President qabel it-tmiem tal-ewwel perjodu ta’ sessjoni wara l-elezzjoni tal-Parlament […] (jew, fil-kors tal-leġiżlatura, fi żmien 30 jum wara li jkunu ħadu l-kariga fil-Parlament), permezz tal-formola adottata mill-Bureau skont l-Artikolu 9. Huma għandhom jgħarrfu lill-President b’kull bidla li taffettwa d-dikjarazzjoni tagħhom sa tmiem ix-xahar ta’ wara dak li fih tkun seħħet kull bidla.”

 IlLiġi Elettorali Spanjola

12      L-Artikolu 224 tal-Ley orgánica 5/1985 de Régimen Electoral General (il-Liġi Organika 5/1985 dwar is-Sistema Elettorali Ġenerali), tad‑19 ta’ Ġunju 1985 (Boletín Oficial del Estado Nru 147, tal‑20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110, iktar ’il quddiem il-“Liġi Elettorali Spanjola” jistabbilixxi dan li ġej:

“1. Il-Junta Electoral Central [(il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja)] għandha, sa mhux iktar tard minn għoxrin jum wara l-elezzjonijiet, twettaq l-għadd tal-voti fuq livell nazzjonali, talloka s-siġġijiet rispettivi lil kull wieħed mill-kandidati u tiddikjara l-kandidati eletti.

2. Fi żmien ħamest ijiem mid-dikjarazzjoni tagħhom, il-kandidati eletti għandhom jaħilfu jew iwegħdu li josservaw il-Kostituzzjoni [Spanjola] quddiem il-[Kummissjoni Elettorali Ċentrali]. Fi tmiem dan it-terminu, il-[Kummissjoni Elettorali Ċentrali] għandha tiddikjara vakanti s-siġġijiet allokati lill-Membri tal-Parlament […] li ma jkunux ħalfu jew wegħdu li josservaw il-Kostituzzjoni [Spanjola] u tiddikjara sospiżi l-prerogattivi kollha li huma seta’ kellhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom, sakemm huma jieħdu dan il-ġurament.

[…]”

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

13      C. Puigdemont i Casamajó, kien il-President tal-Generalitat de Cataluña (il-Generalità ta’ Cataluña, Spanja) u A. Comín i Oliveres kien membru tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) meta ġiet adottata l-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña li Tirregola r-Referendum Dwar l-Awtodeterminazzjoni), tas‑6 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7449A tas‑6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u l-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña, de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña Dwar it-Tranżizzjoni Ġuridika u Funzjonali tar-Repubblika) tat‑8 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7451A, tat‑8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll meta, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, sar ir-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, sadanittant, ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

14      Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u wara ż-żamma tal-imsemmi referendum, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċeduri kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom ir-rikorrenti, billi qiesu li dawn kienu wettqu atti li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt ir-reati ta’ “sedizzjoni” u ta’ “miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi”.

15      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Lulju 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddikjarat lir-rikorrenti kontumaċi, wara li huma kienu ħarbu minn Spanja, u ssospendiet il-proċeduri kriminali miftuħa kontrihom sakemm huma jinstabu.

16      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ħarġu bħala kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament li nżammu fi Spanja fis‑26 ta’ Mejju 2019 (iktar ’il quddiem l-“elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019”), fil-lista tal-koalizzjoni Lliures per Europa (Junts), li huma kienu qegħdin imexxu.

17      Wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, il-lista msemmija iktar ’il fuq irċeviet 1 018 435 vot u kisbet żewġ siġġijiet fil-Parlament.

18      Fid‑29 ta’ Mejju 2019, il-President tal-Parlament fil-kariga f’dik id-data (iktar ’il quddiem l-“ex President tal-Parlament”) ta istruzzjoni interna lis-Segretarju Ġenerali tal-istituzzjoni (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019”) intiża li tirrifjuta, lill-kandidati kollha eletti fi Spanja, l-aċċess għall-“Welcome Village” kif ukoll l-assistenza mogħtija mill-istituzzjoni lill-kandidati li jkunu għadhom kif ġew eletti fil-Parlament (iktar ’il quddiem is-“servizz speċjali ta’ akkoljenza”) u li tissospendi l-akkreditazzjoni tagħhom sakemm il-Parlament ikun uffiċjalment irċieva konferma tal-elezzjoni tagħhom skont l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali. B’applikazzjoni ta’ din l-istruzzjoni, ir-rikorrenti ma setgħux jibbenefikaw mis-servizz speċjali ta’ akkoljenza u, għaldaqstant, ġew miċħuda l-aċċess għall-“Welcome Village” kif ukoll l-għoti ta’ akkreditazzjoni u ta’ badge temporanji.

19      Fit‑13 ta’ Ġunju 2019, il-Junta Electoral Central (il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja) adottat deċiżjoni fil-forma ta’ “[d]ikjarazzjoni tal-Membri eletti fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet li seħħew fis‑26 ta’ Mejju 2019” (Boletín Oficial del Estado Nru 142, tal‑14 ta’ Ġunju 2019, p. 62477, iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019”). Id-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 kienet tindika li, skont l-Artikolu 224(1) tal-Liġi Elettorali Spanjola, u skont id-data indikata fid-dikjarazzjonijiet ikkonsolidati trażmessi minn kull waħda mill-kummissjonijiet elettorali provinċjali, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali kienet ippreparat dikjarazzjoni tal-voti ġdida fuq livell nazzjonali fl-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, allokat is-siġġijiet korrispondenti lil kull wieħed mill-kandidati u ddikjarat il-kandidati eletti msemmija b’isimhom, li fosthom kien hemm ir-rikorrenti. Id-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 kienet indikat ukoll li s-sessjoni li matulha l-kandidati eletti kienu ser jieħdu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola, kif meħtieġ mill-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, kienet ser isseħħ fis‑17 ta’ Ġunju 2019.

20      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti talbu lill-ex President tal-Parlament, essenzjalment, jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, jirtira l-Istruzzjoni tiegħu tad‑29 ta’ Mejju 2019 sabiex huma jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-bini tal-Parlament u jibbenefikaw mis-servizz speċjali ta’ akkoljenza u jagħti istruzzjoni lis-servizzi tal-Parlament jippermettulhom jieħdu pussess tas-siġġijiet tagħhom u jgawdu d-drittijiet marbuta mal-kwalità tagħhom ta’ Membri tal-Parlament sa mit‑2 ta’ Lulju 2019, data tal-ewwel seduta plenarja wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019.

21      Fil‑15 ta’ Ġunju 2019, l-imħallef inkwirenti tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ċaħad talba tar-rikorrenti intiża għall-irtirar tal-mandati ta’ arrest nazzjonali maħruġa kontrihom mill-qrati kriminali Spanjoli sabiex huma jkunu jistgħu jiġu ġġudikati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq.

22      Fis‑17 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali nnotifikat lill-Parlament il-lista tal-kandidati eletti fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019”), li ma kinitx tinkludi isem ir-rikorrenti.

23      Fl‑20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, essenzjalment, irrifjutat lir-rikorrenti l-possibbiltà li jieħdu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola, meħtieġ mill-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub magħmula quddiem nutar fil-Belġju jew permezz ta’ mandatarji nnominati permezz ta’ att notarili fil-Belġju, minħabba li dan il-ġurament huwa att li għandu jsir personalment quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali.

24      Fl-istess jum, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali nnotifikat lill-Parlament deċiżjoni li fiha hija kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux ħadu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola u, skont l-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, iddikjarat vakanti s-siġġijiet allokati lir-rikorrenti fil-Parlament kif ukoll iddikjarat is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha li huma setgħu jkollhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom sakemm huma jkunu ħadu dan il-ġurament.

25      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti talbu lill-ex President tal-Parlament jadotta b’urġenza, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, kull miżura neċessarja sabiex jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom u, b’mod partikolari, sabiex jiġu difiżi dawn il-privileġġi u immunitajiet, jiddikjara li l-mandati ta’ arrest nazzjonali li huma kienu s-suġġett tagħhom jiksru l-privileġġi u l-immunitajiet li huma kienu jibbenefikaw minnhom skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, jiddikjara li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-istess protokoll kien jipproteġi lill-Membri tal-Parlament Ewropew minn kull restrizzjoni ġudizzjarja tal-libertà ta’ moviment tagħhom li tista’ timpedixxihom milli jwettqu l-formalitajiet neċessarji sabiex huma jkunu jistgħu jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom u, fl-aħħar, jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu immedjatament lill-awtoritajiet Spanjoli kompetenti.

26      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti, essenzjalment, tennew it-talbiet kollha mressqa preċedentement fl-ittri tagħhom tal‑14 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019 (ara l-punti 20 u 25 iktar ’il fuq), li kienu baqgħu mingħajr tweġiba.

27      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, l-ex President tal-Parlament wieġeb għall-ittri tar-rikorrenti tal‑14, tal‑20 u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, billi indikalhom, essenzjalment, li huwa ma setax jittrattahom bħala Membri futuri tal-Parlament, peress li isimhom ma kienx inkluż fil-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019”).

28      Wara din it-tweġiba, fit‑28 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors għal annullament (irreġistrat bin-numru T‑388/19) dirett, minn naħa, kontra l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 u, min-naħa l-oħra, kontra diversi atti inklużi fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, jiġifieri, essenzjalment, l-ewwel, ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019; it-tieni, id-dikjarazzjoni magħmula mill-ex President tal-Parlament li s-siġġu allokat rispettivament lil kull wieħed mir-rikorrenti kien vakanti; it-tielet, ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lil dawn tal-aħħar id-dritt li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament sa mill-bidu tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 u, ir-raba’, ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jieħu b’urġenza inizjattiva abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom.

29      Fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu wkoll talba għal miżuri provviżorji, irreġistrata bin-numru T-388/19 R.

30      Fit‑2 ta’ Lulju 2019 infetħet l-ewwel sessjoni tal-Parlament li kien għadu kif ġie elett wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019.

31      Permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Ottubru 2019, il-Membru tal-Parlament Ewropew D. Riba i Giner, li kienet qegħda taġixxi f’isem ir-rikorrenti, bagħtet lill-President il-ġdid tal-Parlament elett fit‑3 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem il-“President il-ġdid tal-Parlament”) u lill-President u lill-Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament talba magħmula minn 38 Membru tal-Parlament Ewropew ta’ diversi nazzjonalitajiet u minn diversi partiti politiċi, fosthom hija stess, intiża b’mod partikolari sabiex il-Parlament jiddefendi, abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, l-immunità parlamentari tar-rikorrenti, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

32      Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, l-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest internazzjonali kontra C. Puigdemont i Casamajó, sabiex huwa jkun jista’ jiġi ġġudikat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. Fl‑4 ta’ Novembru 2019, l-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ħareġ l-istess mandati ta’ arrest kontra A. Comín i Oliveres. Sussegwentement, ir-rikorrenti tqiegħdu taħt detenzjoni fil-Belġju, rispettivament, fis‑17 ta’ Ottubru u fis‑7 ta’ Novembru 2019 u nħelsu, fl-istess jum, taħt kundizzjonijiet.

33      Permezz ta’ żewġ ittri tal‑10 ta’ Diċembru 2019 miktuba f’termini simili, waħda indirizzata lil D. Riba i Giner u l-oħra lit‑38 Membru tal-Parlament, il-President il-ġdid tal-Parlament wieġeb għat-talba msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Essenzjalment, il-President il-ġdid tal-Parlament sostna, b’mod partikolari, li huwa ma setax jikkunsidra lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament fl-assenza ta’ komunikazzjoni uffiċjali tal-elezzjoni tagħhom mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-Att Elettorali.

34      Fl‑20 ta’ Frar 2020 ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament kontra l-ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2019 indirizzata lil D. Riba i Giner mill-President il-ġdid tal-Parlament (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), li ġie rreġistrat bin-numru T‑115/20.

35      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet li persuna li kienet ġiet uffiċjalment iddikjarata eletta fil-Parlament, iżda li ma kinitx ġiet awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali wara tali dikjarazzjoni, kif ukoll tmur il-Parlament sabiex tipparteċipa fl-ewwel sessjoni tiegħu, kellha titqies bħala li tibbenefika minn immunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

36      Waqt is-sessjoni plenarja tat‑13 ta’ Jannar 2020, il-Parlament ħa nota, wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), tal-elezzjoni tar-rikorrenti fil-Parlament b’effett mit‑2 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem it-“teħid ta’ nota tat‑13 ta’ Jannar 2020”).

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

38      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji, abbażi tal-Artikoli 278 u 279 TFUE, irreġistrata bin-numru T‑388/19 R.

39      Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (T‑388/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:467), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż. Ir-rikorrenti ppreżentaw appell kontra dan id-digriet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bin-numru C‑646/19 P(R).

40      Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2019:1149), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (T‑388/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:467), bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Settembru 2019, ir-Renu ta’ Spanja talab jintervjeni f’din il-kawża.

42      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2019 skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament ressaq, minn naħa, talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ parti mir-rikors u, min-naħa l-oħra, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għall-kumplament tar-rikors, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl‑4 ta’ Novembru 2019.

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Jannar 2020, il-Parlament talab lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors kollu. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fis‑7 ta’ Frar 2020.

44      Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Marzu 2020, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (T‑388/19 R‑RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2020:114), il-President tal-Qorti Ġenerali, huwa hu jiddeċiedi fuq il-kawża li ntbagħtet lura lill-Qorti Ġenerali wara d-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2019:1149), imsemmi fil-punt 40 iktar ’il fuq, iddeċieda li, fid-dawl tat-teħid ta’ nota tat‑13 ta’ Jannar 2020, ma kienx hemm iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

45      Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) iddeċidiet li tgħaqqad fuq il-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll it-talbiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2019 u tal‑20 ta’ Jannar 2020.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2020, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Renju ta’ Spanja jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament.

47      Il-Parlament ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Settembru 2020.

48      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta n-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Jannar 2021.

49      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Jannar 2021.

50      Il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Marzu 2021.

51      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Marzu 2021.

52      Il-Parlament ippreżenta l-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Marzu 2021.

53      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li huma wieġbu għalihom fit-termini stabbiliti.

54      Fuq proposta tas-Sitt Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

55      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2022. F’din l-okkażjoni, il-Parlament irtira t-talbiet tiegħu li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2019 u tal‑20 ta’ Jannar 2020.

56      Ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tad‑19 ta’ Settembru 2019;

–        tannulla l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019;

–        tannulla r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 iddikjarati uffiċjalment mir-Renju ta’ Spanja, inkluż fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019;

–        tannulla d-dikjarazzjoni tal-ex President tal-Parlament li s-siġġijiet tagħhom kienu vakanti, inkluża fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019;

–        tannulla r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxilhom id-dritt li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, inkluż fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019;

–        tannulla r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jieħu b’urġenza inizjattiva abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom, inkluż fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

57      Il-Parlament, sostnut, essenzjalment, mir-Renju ta’ Spanja, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

58      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi. L-ewwel motiv jirrigwarda l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 u huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20, tal-Artikolu 21 u tal-Artikolu 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura. It-tieni motiv jirrigwarda r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 uffiċjalment iddikjarati mir-Renju ta’ Spanja u huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 39(2) tal-Karta, tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 10(2) u (4), u tal-Artikolu 14(3) TUE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura. It-tielet motiv jirrigwarda l-allegata dikjarazzjoni tal-ex President tal-Parlament li s-siġġijiet tar-rikorrenti huma vakanti u huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 6(2), tal-Artikolu 8, tal-Artikolu 13 tal-Att Elettorali, moqrija flimkien mal-Artikolu 39(2) tal-Karta u mal-Artikolu 10(2) u (3) TUE. Ir-raba’ motiv jirrigwarda r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti d-dritt li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet Ewropej tas‑26 ta’ Mejju 2019 u huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) tal-Karta u mal-Artikolu 10(1) u (2) u mal-Artikolu 14(2) u (3) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura. Fl-aħħar, il-ħames motiv jirrigwarda r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura u huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija regoli, tal-Artikolu 39(2) tal-Karta, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

59      Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja jinvoka, prinċipalment, l-inammissibbiltà tar-rikors, minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors fir-rigward ta’ ċerti atti li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati.

60      Ir-rikorrenti jitolbu ċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Minn naħa, huma jsostnu li l-atti li huma qegħdin jitolbu l-annullament tagħhom huma identifikati b’mod ċar fir-rikors. Min-naħa l-oħra, ir-rikors huwa intiż kontra atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

61      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq is-suġġett tat-tilwima

62      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, minn naħa, ir-rikorrenti kkonfermaw li r-rikors tagħhom kien għadu dirett kontra l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 (ara t-tieni inċiż tal-punt 56 iktar ’il fuq).

63      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti indikaw li, filwaqt li jżommu l-kapijiet ta’ talbiet imsemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, dak li huma kienu qegħdin jikkontestaw kien, essenzjalment, ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew sa mid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, inkluż fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019.

64      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreċiżaw li r-rifjut imsemmi iktar ’il fuq kien ipproduċa diversi konsegwenzi legali, fosthom ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi d-dritt tagħhom li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament kif ukoll ir-rifjut ta’ dan l-istess President li jadotta b’urġenza inizjattiva abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom.

65      Fl-aħħar, ir-rikorrenti kkonfermaw li, jekk, kuntrarjament għal dak li huma jallegaw, il-Qorti Ġenerali kellha tasal għall-konklużjoni li l-legalità tar-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew ma setgħetx tiġi kkontestata, ma jkunx hemm lok li tiġi eżaminata separatament il-legalità tal-atti msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq.

66      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti mfakkra fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies, essenzjalment, li huma ma humiex qegħdin jitolbu l-annullament tal-atti msemmija fit-tielet, fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt inċiż tal-punt 56 iktar ’il fuq, iżda biss l-annullament tar-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, li wassal għall-atti msemmija iktar ’il fuq.

67      Fit-tieni lok, fil-kontroreplika, il-Parlament invoka l-inammissibbiltà tal-kap ta’ talbiet li r-rikorrenti kienu invokaw għall-ewwel darba fir-replika, intiż għall-annullament, minn naħa, tal-allegat rifjut tal-ex President tal-Parlament li jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura u, min-naħa l-oħra, tal-allegata deċiżjoni ta’ dan il-president li ma jikkomunikax lill-kumitat responsabbli tal-Parlament l-allegata talba tagħhom għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

68      Fit-tweġiba tagħhom għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti indikaw li huma ma kinux qegħdin jitolbu l-annullament ta’ deċiżjoni eventwali tal-Parlament li tirrifjuta li tiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, peress li tali deċiżjoni, barra minn hekk, qatt ma ġiet adottata. Fil-fatt, huma sempliċement ikkontestaw il-fatt li l-ex President tal-Parlament ma kienx ikkomunika t-talba tagħhom għad-difiża tal-privileġġi u l-immunitajiet fis-seduta plenarja u ma kienx irreferiha lill-kumitat responsabbli, bi ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura. Essenzjalment, ir-rikorrenti ppreċiżaw li dan ukoll kien konsegwenza legali li tirriżulta mir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

69      Minn dan isegwi li, fir-replika, ir-rikorrenti la talbu l-annullament ta’ eventwali rifjut tal-ex President tal-Parlament li jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, u lanqas l-annullament tal-eventwali deċiżjoni ta’ dan il-president li ma jikkomunikax, f’seduta plenarja, l-allegata talba tagħhom għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet u li ma jirreferix din it-talba lill-kumitat responabbli tal-Parlament.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li dan ir-rikors huwa intiż, essenzjalment, għall-annullament, minn naħa, tal-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 u, min-naħa l-oħra, tar-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew, inkluż fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 (iktar’ il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”).

 Fuq innatura talatti kkontestati

71      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-ewwel, il-Parlament isostni li l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 hija att purament informattiv li sempliċement ifakkar lir-rikorrenti li, skont il-kuntest ġuridiku applikabbli, huma ma setgħux jiġu assimilati ma’ Membri tal-Parlament Ewropew li deħlin taħt id-disa’ leġiżlatura. It-tieni, il-Parlament jallega li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma tipproduċix effetti legali fir-rigward ta’ terzi, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u jitlob lill-Qorti Ġenerali teżamina ex officio jekk din hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

72      Ir-rikorrenti jitolbu li l-argumenti tal-Parlament għandhom jiġu miċħuda. L-ewwel, huma jsostnu, essenzjalment, li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, li jinsab fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, ma huwiex ta’ natura informattiva. Fil-fatt, dan ir-rifjut kien wassal għal bidla fis-sitwazzjoni legali tagħhom, għaliex dan kien ipprekludihom, b’mod partikolari, milli jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, milli jeżerċitaw il-mandat tagħhom u milli jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 hija att li jista’ jiġi kkontestat, peress li din ipprekludiethom milli jieħdu l-passi neċessarji sabiex jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom.

73      Ir-Renju ta’ Spanja jqis, essenzjalment, li r-rikors huwa inammissibbli, minħabba li l-allegati effetti negattivi tal-atti kkontestati, allegati mir-rikorrenti, ma jirriżultawx minn dawn l-atti, iżda mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Spanjoli.

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, irrispettivament min-natura jew mill-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jkollhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar, huma meqjusa bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51; ara, ukoll, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għall-kuntrarju, kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, bħall-atti preparatorji, l-atti konfermattivi u l-atti ta’ pura eżekuzzjoni, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet kif ukoll, bħala prinċipju, l-istruzzjonijiet interni, ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il‑Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1995, Nutral vs Il‑Kummissjoni, C‑476/93 P, EU:C:1995:401, punt 30). Barra minn hekk, atti purament informattivi la jistgħu jaffettwaw l-interessi tad-destinatarju u lanqas ibiddlu s-sitwazzjoni legali tiegħu meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel huwa ma jkun irċieva l-imsemmija atti (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑15/11, EU:T:2012:661, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE timplika eżami tas-sustanza tiegħu u evalwazzjoni tal-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat taqa’ taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali tista’, jekk ikun il-każ, tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑14 ta’ Jannar 1992, ISAE vs VP u Interdata vs Il‑Kummissjoni, C‑130/91, EU:C:1992:7, punt 11, u tad‑19 ta’ Ottubru 2016, E‑Control vs ACER, T‑671/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:626, punt 91; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:298, punt 62, u fil-kawża BSH vs UASI, C‑43/15 P, EU:C:2016:129, punt 52).

78      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew, minn naħa, u l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019, min-naħa l-oħra, humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew

79      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew kellu diversi effetti legali, bħal, l-ewwel, l-impossibbiltà li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, it-tieni, id-dikjarazzjoni tal-ex President tal-Parlament li s-siġġijiet tagħhom kienu vakanti, it-tielet, ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jieħu b’urġenza inizjattiva abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom u r-raba’, l-assenza ta’ kommunikazzjoni f’seduta plenarja tat-talba tagħhom għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet, ibbażata fuq l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, u għar-riferiment tagħha lill-kumitat responsabbli tal-Parlament.

80      Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, isostni li, anki jekk jitqies li l-eżistenza tal-effetti allegati mir-rikorrenti hija stabbilita, dawn ma jirriżultawx mir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

–       Fuq ilkontenut talittra tas27 ta’ Ġunju 2019

81      Fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, qabel kollox, l-ex President tal-Parlament indika lir-rikorrenti li, fis‑17 u fl‑20 ta’ Ġunju 2019, l-awtoritajiet Spanjoli kienu informawh bir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet Ewropej li kienu saru fi Spanja. Sussegwentement, huwa fakkar lir-rikorrenti li, skont l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, “il-Parlament [kien] ħa nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u li, fl-ewwel lok, kienu l-qrati nazzjonali li kellhom jiddeċiedu fuq il-legalità tad-dispożizzjonijiet u tal-proċeduri elettorali nazzjonali”. Fl-aħħar nett, l-ex President tal-Parlament irrileva li l-ismijiet tar-rikorrenti ma kinux inklużi fil-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment lill-Parlament mill-awtoritajiet Spanjoli u li, “sakemm [jirċievi] komunikazzjoni ġdida mill-awtoritajiet Spanjoli, [huwa] attwalment ma [kienx] f’pożizzjoni li [jittrattahom] bħala Membri futuri tal-[Parlament] hekk kif [huma kienu talbu] fl-ittra tagħhom tal‑14 ta’ Ġunju 2019”.

82      B’hekk mill-kliem tal-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta li l-ex President tal-Parlament sempliċement ħa nota tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti uffiċjalment informata lilu mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019.

83      Barra minn hekk, mill-kliem tal-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta espressament li l-pożizzjoni espressa mill-ex President tal-Parlament setgħet tevolvi abbażi ta’ informazzjoni ġdida rċevuta min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli.

84      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kontenut tagħha, l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 kienet teskludi espressament kull natura deċiżjonali u definittiva tal-pożizzjoni tal-ex President tal-Parlament li kienet ġiet espressa fiha.

–       Fuq l-allegati effetti legali li jirriżultaw millittra tas27 ta’ Ġunju 2019

i)      Osservazzjonijiet preliminari

85      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u l-eżerċizzju tal-mandat relatat magħha.

86      B’hekk, wara li rrilevat li, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att Elettorali, il-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew kien jikkoinċidi mal-perijodu ta’ ħames snin li kien jibda jiddekorri mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni miżmuma wara kull elezzjoni, b’tali mod li dan kien jibda u kien jiskadi fl-istess żmien bħal dan il-perijodu ta’ ħames snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-kwalità ta’ Membru tal-Parlament, kwalità li, minn naħa, kienet tinkiseb fil-mument li fih persuna kienet uffiċjalment iddikjarata eletta, u, min-naħa l-oħra, kienet tistabbilixxi rabta bejn din il-persuna u l-istituzzjoni li hija issa kienet tagħmel parti minnha, il-mandat ta’ Membru tal-Parlament kien jistabbilixxi rabta bejn l-imsemmija persuna u l-leġiżlatura li għaliha din kienet ġiet eletta. Issa, din il-leġiżlatura kienet tiġi kkostitwita biss mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament “il-ġdid” miżmuma wara l-elezzjoni, li b’definizzjoni kienet sussegwenti għad-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali mwettqa mill-Istati Membri (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 72 u 74).

87      Fit-tieni lok, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 70, 71 u 81), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 8 u 12 tal-Att Elettorali kellhom jinftiehmu fis-sens li persuna li kienet ġiet uffiċjalment iddikjarata eletta fil-Parlament kellha titqies bħala li kisbet, minħabba dan il-fatt u minn dan il-mument, il-kwalità ta’ Membru ta’ din l-istituzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, kif ukoll bħala li tibbenefika, fuq din il-bażi, mill-immunità prevista fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.

88      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 kienet tkopri lill-Membri tal-Parlament meta dawn kienu qegħdin jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn dan jiltaqa’, u għalhekk, b’mod partikolari, meta huma kienu qegħdin jivvjaġġaw lejn l-ewwel laqgħa organizzata wara d-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali, sabiex il-leġiżlatura l-ġdida tkun tista’ żżomm is-sessjoni kostituttiva tagħha u tivverifika l-kredenzjali tal-Membri tagħha. L-imsemmija membri kienu għalhekk jibbenefikaw mill-immunità inkwistjoni qabel ma jkun beda l-mandat tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 80).

89      Fit-tielet lok, mill-punt 89 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115) jirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, li d-dikjarazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 li nżammu fi Spanja hija d-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’dan il-każ, għandu jitqies li r-rikorrenti, li l-ismijiet tagħhom kienu inklużi fid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, kisbu l-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew minn din id-data u għalhekk kienu jibbenefikaw, minħabba dan il-fatt biss, mill-immunità msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Barra minn hekk, il-partijiet issa jaqblu fuq dan il-punt.

91      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kisba, mir-rikorrenti, tal-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u, konsegwentement, tal-immunità msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 relatat tirriżulta esklużivament mid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 u, għaldaqstant, la setgħet tiġi kkontestata mill-ex President tal-Parlament u lanqas mill-Parlament innifsu.

92      Għalhekk, anki jekk l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 ma kinitx tirreferi għall-kwistjoni tal-immunità tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew li din tinkludi, fi kwalunkwe każ, ma kellux l-effett li jċaħħadhom mill-immunità msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom josservaw minħabba s-sempliċi fatt tad-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej.

93      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew kienx il-kawża tal-effetti legali allegati minn dawn tal-aħħar, imfakkra fil-punt 79 iktar ’il fuq.

ii)    Fuq limpossibbiltà għar-rikorrenti li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament

94      Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, isostni, essenzjalment, li huwa ma setax jadotta atti li jipproduċu effetti legali fir-rigward tar-rikorrenti, għar-raġuni li, skont l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali u konformement mal-ġurisprudenza applikabbli, huwa kien marbut bil-lista tal-kandidati eletti li kienet ġiet innotifikata lilu uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019. F’dan ir-rigward, il-Parlament jindika li, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mill-Att Elettorali, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. Għalhekk, skont l-Artikoli 8 u 12 tal-Att Elettorali, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Parlament kellu l-obbligu jagħti effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-dritt elettorali Spanjol applikabbli, hekk kif riflessi fil-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019. Barra minn hekk, il-Parlament jallega, essenzjalment, li mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u mill-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura jirriżulta li n-notifiki uffiċjali indirizzati lilu mill-korpi elettorali nazzjonali responabbli huma l-uniċi sorsi ta’ informazzjoni awtoritattivi f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni legali tal-Membri tal-Parlament Ewropew skont id-dritt nazzjonali u li dawn huma għodda indispensabbli għall-proċess elettorali. Bħala konklużjoni, il-Parlament iqis li, fid-dawl tal-informazzjoni kollha kkomunikata mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, huwa ma kienx f’pożizzjoni, fis‑27 ta’ Ġunju 2019, li jqis li r-rikorrenti kienu “b’mod inkundizzjonat [kisbu l-istatus] ta’ Membri futuri tal-Parlament” u għalhekk ma kienx awtorizzat li jirrikonoxxi, essenzjalment, id-dritt tagħhom li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġijiet fi ħdanu mit‑2 ta’ Lulju 2019.

95      Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħhom, il-kwistjoni prinċipali li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk il-Parlament kienx marbut bid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 jew bil-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li mill-Artikolu 12 tal-Att Elettorali jirriżulta li l-kunċett ta’ “riżultati ddikjarati uffiċjalment” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, dawn ir-riżultati jikkoinċidu ma’ dawk iddikjarati konformement mal-Artikolu 224(1) tal-Liġi Elettorali Spanjola, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 89 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), jiġifieri r-riżultati inklużi fid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li r-Renju ta’ Spanja ma kellux il-kompetenza jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, bħall-kundizzjoni li jittieħed il-ġurament ta’ osservanza tal-Kostituzzjoni Spanjola, prevista fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola. Din l-interpretazzjoni kienet ġiet ikkonfermata mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-“formalitajiet neċessarji” sabiex persuna tkun tista’ tieħu siġġu bħala Membru fil-Parlament kellhom jitwettqu quddiem din l-istituzzjoni. Fl-aħħar, ir-rikorrenti jallegaw li l-Parlament kien jaf li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux ikkomunikawlu r-riżultati kompleti tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, peress li huma stess kienu bagħtulu kopja ta’ dawn ir-riżultati. Għalhekk, l-assenza ta’ komunikazzjoni tar-riżultati kompleti tal-imsemmija elezzjonijiet mill-awtoritajiet Spanjoli ma kinitx ħelset lill-Parlament mill-obbligu tiegħu li jieħu nota ta’ dawn ir-riżultati.

96      F’dan il-każ, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk l-ex President tal-Parlament kellux il-kompetenza jikkontesta l-komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019, li permezz tagħha l-awtoritajiet Spanjoli kkomunikawlu uffiċjalment il-lista tal-kandidati eletti matul l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, li ma kinitx issemmi l-ismijiet tar-rikorrenti, minkejja li isimhom kien jinsab fid-dikjarazzjoni uffiċjali tat‑13 ta’ Ġunju 2019.

97      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 13(2) TUE, il-Parlament jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattati. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali u dak tal-għoti ta’ kompetenzi, kif stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE, jimplikaw li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti minnhom (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 102).

98      Fir-rigward tal-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, l-Att Elettorali jistabbilixxi tqassim ta’ kompetenza bejn il-Parlament u l-Istati Membri.

99      Għalhekk, minn naħa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Att Elettorali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata, f’kull Stat Membru, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

100    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, il-Parlament għandu jivverifika l-kredenzjali tal-Membri tiegħu. Għal dan il-għan, huwa għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom dan l-att jirreferi.

101    Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali jirriżulta li s-setgħa ta’ verifika tal-Parlament hija suġġetta għal żewġ restrizzjonijiet importanti (sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punt 52).

102    L-ewwel, skont l-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, għall-finijiet tal-verifika tal-kredenzjali, il-Parlament għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri (sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punt 53).

103    Skont il-ġurisprudenza, l-użu tal-espressjoni “għandu jieħu nota”, prevista fl-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, għandu jiġi interpretat fis‑sens li jindika l-assenza totali ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Parlament. Fil-fatt, huma l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti sabiex jinnominaw il-Membri futuri tal-Parlament skont il-proċedura elettorali, li hija rregolata, hekk kif jirriżulta speċifikament mill-Artikolu 8 tal-Att Elettorali, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, C‑201/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:818, punt 66).

104    B’hekk, l-eżerċizzju ta’ “[teħid ta’] nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment” ifisser li l-Parlament huwa obbligat jibbaża ruħu, għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ verifika tal-kredenzjali tal-Membri tiegħu, fuq id-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet, hekk kif tirriżulta minn proċess deċiżjonali konformi mal-proċeduri nazzjonali, li permezz tiegħu l-kwistjonijiet legali marbuta mal-imsemmija dikjarazzjoni ġew deċiżi, li tikkostitwixxi, għaldaqstant, sitwazzjoni legali preeżistenti li torbot lill-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u d-Danimarka vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punt 55).

105    It-tieni, skont it-tieni parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, il-Parlament għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li dan jirreferi għalihom (sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punt 53).

106    Għaldaqstant, mit-test stess tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali jirriżulta li dan l-artikolu ma jagħtix lill-Parlament il-kompetenza sabiex jiddeċiedi kontestazzjonijiet imqajma abbażi tad-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu, iżda biss dawk imqajma abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Att Elettorali (sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punt 54). Barra minn hekk, dan l-artikolu jeskludi espressament il-kompetenza tal-Parlament sabiex jiddeċiedi dwar il-kontestazzjonijiet li joriġinaw mid-dritt nazzjonali, anki meta l-Att Elettorali jirreferi għal dan id-dritt.

107    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat, hekk kif għamlu l-Parlament u l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958, punt 53), li, wara d-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali, diversi avvenimenti jistgħu jwasslu sabiex kandidat uffiċjalment iddikjarat elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew wara l-għadd tal-voti ma jibdiex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu u ma jeżerċitax il-mandat relatat, bħal, pereżempju, l-eżistenza ta’ inkompatibbiltà mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew jew ir-rinunzja tal-Membru tal-Parlament elett li jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958, punt 48), li diversi sistemi parlamentari jipprevedu obbligi formali li l-kandidati eletti għandhom jissodisfaw qabel ma huma jibdew effettivament jaqdu l-funzjonijiet tagħhom.

108    Dan huwa l-każ fir-rigward tad-dritt Spanjol, peress li l-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola jistabbilixxi li, f’terminu ta’ ħamest ijiem mid-dikjarazzjoni tagħhom bħala eletti, il-kandidati eletti għandhom jieħdu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, li fin-nuqqas tiegħu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament jiġu ddikjarati “vakanti” u l-prerogattivi li huma seta’ kellhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom jiġu sospiżi sakemm iseħħ dan il-ġurament (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi eskluż li l-Parlament għandu jivverifika l-kredenzjali abbażi tal-lista ta’ kandidati uffiċjalment iddikjarati eletti hekk kif emendata wara kontestazzjonijiet imqajma abbażi tad-dritt nazzjonali.

110    Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura, li jirregola l-proċedura ta’ verifika tal-kredenzjali, jistabbilixxi li din il-proċedura hija bbażata fuq il-komunikazzjoni uffiċjali, mill-Istati Membri, tal-lista tar-riżultati elettorali.

111    Qabel kollox, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, wara l-elezzjonijiet ġenerali fil-Parlament, il-President għandu jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-Parlament l-ismijiet tal-Membri tal-Parlament eletti, sabiex il-Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet.

112    Sussegwentement, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, huma l-Membri tal-Parlament Ewropew li isimhom ikun jidher fuq din il-lista li għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà u li jkunu jistgħu jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament u fil-korpi tiegħu b’tgawdija sħiħa tad-drittijiet tagħhom sakemm il-kredenzjali tagħhom ikunu ġew ivverifikati jew sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni dwar kontestazzjoni eventwali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Parlament.

113    Fl-aħħar, mill-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura jirriżulta li l-Parlament għandu jivverifika l-kredenzjali tal-Membri tiegħu li jkunu għadhom kif ġew eletti, abbażi ta’ rapport tal-kumitat responsabbli, ibbażat, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dawn ir-regoli, fuq il-komunikazzjoni uffiċjali, minn kull Stat Membru, tar-riżultati elettorali kollha, li jippreċiża l-isem tal-kandidati eletti kif ukoll dak tas-sostituti possibbli, flimkien mal-ordni ta’ klassifikazzjoni tagħhom hekk kif tirriżulta mill-vot.

114    Minn dan isegwi li, sabiex jivverifika l-kredenzjali tal-Membri tiegħu, il-Parlament għandu jibbaża ruħu fuq il-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet nazzjonali, li, b’definizzjoni, hija stabbilita fid-dawl tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment u wara li eventwali kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali jkunu ġew ittrattati minn dawn l-awtoritajiet.

115    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

116    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Parlament la kien marbut bil-komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019 u lanqas b’dik tal‑20 ta’ Ġunju 2019, fatt li huwa stess irrikonoxxa, peress li, wara t-teħid ta’ nota tat‑13 ta’ Jannar 2020, huwa awtorizzahom jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, jeżerċitaw il-mandat tagħhom u jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li l-Parlament kien jaf li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux ikkomunikawlu r-riżultati kompleti tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, peress li huma stess kienu bagħtulu kopja ta’ dawn ir-riżultati. Għalhekk, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li l-Parlament kellu l-obbligu, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli jibagħtulu r-riżultati kompleti tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019. Fl-aħħar, billi jibbażaw ruħhom fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958, punt 51), ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli qatt ma nnotifikaw lill-Parlament ir-riżultati tal-elezzjonijiet hekk kif jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 ma kienx jeżenta lil dan tal-aħħar mill-obbligu tiegħu li jieħu nota tagħhom skont l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali.

117    F’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti ma wettqux ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola u li huwa għal din ir-raġuni li isimhom ma ġiex inkluż fil-komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019, li permezz tagħha l-awtoritajiet Spanjoli uffiċjalment ikkomunikaw lill-Parlament il-lista tal-kandidati eletti matul l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019.

118    Min-naħa l-oħra, l-ex President tal-Parlament ma kellux il-kompetenza sabiex jistħarreġ il-fondatezza tal-esklużjoni ta’ ċerti kandidati eletti mil-lista msemmija iktar ’il fuq, ikkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli skont l-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, peress li din kienet tirrifletti r-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, hekk kif stabbiliti, jekk ikun il-każ, wara riżoluzzjoni ta’ eventwali kontestazzjonijiet imqajma abbażi tad-dritt nazzjonali (ara l-punti 97 sa 106 iktar ’il fuq).

119    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati jsostnu li l-ex President tal-Parlament kellu, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli jikkomunikawlu r-riżultati kompleti tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 li kienu jinsabu fid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019.

120    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE timplika eżami tas-sustanza tiegħu u evalwazzjoni tal-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tkun l-awtriċi tiegħu.

121    Għalhekk, il-fatt li, fid-dawl tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), u wara t-teħid ta’ nota tat‑13 ta’ Jannar 2020, il-Parlament awtorizza lir-rikorrenti jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament u jibbenefikaw b’mod sħiħ mid-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ Membru tal-Parlament Ewropew fl-assenza ta’ komunikazzjoni uffiċjali tal-Istat Membru ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet fil-punti 82 sa 84 u 100 sa 114 iktar ’il fuq.

122    Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Parlament spjega li, fid-dawl tal-inċertezza legali tal-istatus tar-rikorrenti wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), u d-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2019:1149), huwa ddeċieda li jawtorizza lir-rikorrenti jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom u jieħdu s-siġġu tagħhom fi ħdanu, abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, madankollu mingħajr ma vverifika l-kredenzjali tagħhom, għaliex din kienet tkun teħtieġ, minn qabel, in-notifika uffiċjali tal-elezzjoni tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali.

123    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti mfakkar fil-punt 116 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

124    Fl-aħħar, fir-rigward tar-riferiment imwettaq mir-rikorrenti għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958), għandu jitfakkar li l-kwistjoni li kienet qamet f’dik il-kawża kienet essenzjalment dik dwar jekk persuna uffiċjalment iddikjarata eletta kinitx tibbenefika mill-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sabiex tkun tista’ twettaq il-formalitajiet u r-rekwiżiti neċessarji għad-dħul fil-kariga tagħha.

125    Fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958), l-Avukat Ġenerali aċċetta li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola seta’ jikkundizzjona l-bidu ta’ qadi effettiv ta’ funzjonijiet mill-kandidati eletti bħala Membri tal-Parlament Ewropew. Għall-kuntrarju, skont l-Avukat Ġenerali Szpunar, dan ir-rekwiżit ma setax jikkundizzjona l-kisba tal-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u tal-prerogattivi li jirriżultaw minn din il-kwalità, fosthom l-immunità, taħt piena li persuna li tkun ġiet eletta b’mod regolari bħala Membru tal-Parlament Ewropew tkun prekluża milli twettaq il-formalitajiet u r-rekwiżiti neċessarji għad-dħul fil-kariga tagħha.

126    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jinqara l-punt 51 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958), li skontu, għalkemm huwa loġiku li l-Parlament għandu jiġi informat bir-riżultat tal-elezzjonijiet permezz tal-komunikazzjoni uffiċjali tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, din il-komunikazzjoni ma tikkostitwixxix, essenzjalment, il-kisba tal-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.

127    Għalhekk, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Szpunar espressa fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958) ma tistax issostni l-argument tar-rikorrenti li, għall-finijiet tal-verifika tal-kredenzjali, il-Parlament kellu l-obbligu li jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 inklużi fid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, minflok dawk ikkomunikati uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli fis‑17 ta’ Ġunju 2019.

128    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-awtoritajiet Spanjoli ma kellhomx il-kompetenza sabiex jistabbilixxu r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola. Fil-fatt, il-kundizzjoni li jittieħed il-ġurament ta’ osservanza tal-Kostituzzjoni Spanjola ma taqax taħt il-“proċedura elettorali” tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Att Elettorali u, għaldaqstant, ma hijiex koperta mir-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmul minn dan l-artikolu. Ir-rikorrenti jżidu li, skont l-Artikolu 223(2) TFUE, huwa l-Parlament li għandu jiddetermina l-istatus u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Membri tiegħu, peress li din il-kompetenza ma ġietx iddelegata lill-Istati Membri. Għalhekk, meta Membru tal-Parlament Ewropew jikseb dan l-istatus wara d-dikjarazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej, il-formalitajiet kollha sussegwenti jaqgħu taħt il-kompetenza prevista fl-artikolu msemmi iktar ’il fuq.

129    Mill-punti 97 sa 109 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Parlament ma għandux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li l-Att Elettorali ma jagħmel ebda riferiment għalihom, bħar-rekwiżit previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola.

130    Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li r-Renju ta’ Spanja ma kellux il-kompetenza sabiex jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu r-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq, l-ex President tal-Parlament ma kellu ebda setgħa sabiex jirrileva din in-nuqqas ta’ kompetenza u, a fortiori, sabiex jikkontesta l-legalità tal-lista ta’ kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli fis‑17 ta’ Ġunju 2019.

131    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali lanqas ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa, minn naħa, jekk ir-Renju ta’ Spanja kellux kompetenza, fid-dawl tal-Artikolu 223(2) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Att Elettorali, sabiex jistabbilixxi r-rekwiżit previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola u, min-naħa l-oħra, jekk dan ir-rekwiżit huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li tiġi adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jew b’domanda preliminari għal interpretazzjoni abbażi tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punt 65, u d-digriet tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, C‑201/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:818, punt 60).

132    Għall-finijiet ta’ kompletezza, skont l-Artikolu 223(2) TFUE, il-Parlament, li jaġixxi, permezz ta’ regolamenti, fuq inizjattiva tiegħu stess u skont proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jistabbilixxi l-istatus u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Membri tiegħu, wara l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea u bl-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

133    Issa, “il-kundizzjonijiet ġenerali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Membri tal-Parlament” huma s-suġġett tat-Titolu I tad-Deċiżjoni 2005/684/KE, EURATOM tal-Parlament Ewropew tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1), bit-titolu “Regoli u kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew”, u jirrigwardaw, essenzjalment, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-funzjoni ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u mhux il-formalitajiet qabel id-dħul fil-kariga.

134    Għaldaqstant, l-Artikolu 223(2) TFUE jagħti lill-Parlament kompetenza esklużiva sabiex jistabbilixxi l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew u, f’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet “ġenerali” għall-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. Għall-kuntrarju, mill-imsemmi artikolu ma jirriżultax espressament li l-Parlament għandu wkoll tali kompetenza esklużiva sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet jew ir-rekwiżiti qabel id-dħul fil-kariga tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

135    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tar-Renju ta’ Spanja sabiex jistabbilixxi r-rekwiżit previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, li jikkundizzjona l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

136    Fit-tielet lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi miċħuda wkoll bħala ineffettiva l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, fil-punt 74 tad-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2019:1149), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-twettiq ta’ kull formalità sussegwenti għar-riżultat tal-għadd tal-voti espressi mill-elettorat ma kienx jagħmel parti mill-proċedura elettorali.

137    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 74 tad-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2019:1149), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 14(3) TUE, skont l-Artikolu 223(1) TFUE, skont l-Artikolu 39 tal-Karta kif ukoll skont l-Artikolu 1 tal-Att Elettorali, l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament hija rregolata mill-prinċipju tal-vot universali, dirett, liberu u sigriet, ma setax, prima facie, jiġi eskluż li l-att li jtemm il-proċedura elettorali tal-Membri tal-Parlament kien dak li jinkludi r-riżultati tal-għadd tal-voti espressi mill-elettorat, b’mod li t-twettiq ta’ kull formalità sussegwenti imposta mid-dritt nazzjonali ma kienx jagħmel parti minn din il-proċedura elettorali.

138    Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq twettqet f’digriet interlokutorju, fil-kuntest tal-appell mid-digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (T‑388/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:467). Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja adottat pożizzjoni definittiva fuq din il-kwistjoni.

139    Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li r-Renju ta’ Spanja ma kellux il-kompetenza sabiex jimponi tali formalità, konstatazzjoni f’dan is-sens imwettqa mill-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fi kwalunkwe każ, tifforma l-bażi għall-kompetenza tal-Parlament sabiex jirrifjuta li jieħu nota tal-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli għar-raġunijiet esposti fil-punti 97 sa 114 u 117sa 119 iktar ’il fuq.

140    Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

141    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jallegaw li mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), jirriżulta li l-“formalitajiet neċessarji” sabiex wieħed ikun jista’ jieħu siġġu fil-Parlament bħala Membru tal-Parlament Ewropew għandhom jitwettqu esklużivament quddiem din l-istituzzjoni.

142    Madankollu, l-allegazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma hijiex ikkonfermata fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115).

143    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet esklużivament adita bil-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 kellux jiġi interpretat fis-sens li persuna li kienet ġiet uffiċjalment iddikjarata eletta fil-Parlament filwaqt li hija kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċeduri għal reati kriminali serji, iżda li ma kinitx ġiet awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali sussegwentement għal tali dikjarazzjoni kif ukoll tivvjaġġa lejn il-Parlament, bil-għan li tattendi għall-ewwel sessjoni tiegħu, kellhiex titqies bħala li tibbenefika minn immunità bis-saħħa ta’ dan l-artikolu. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju staqsiet, barra minn hekk, jekk din l-immunità kinitx timplika t-tneħħija tal-miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja imposta fuq il-persuna kkonċernata, sabiex hija tkun tista’ tivvjaġġa lejn il-Parlament u hemmhekk twettaq il-formalitajiet meħtieġa.

144    Fil-punt 88 u fit-tieni inċiż tad-dispożittiv tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għat-tieni domanda billi indikat li l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 kellha, bla ħsara għal talba għat-tneħħija ta’ din l-immunità, tippermetti lill-persuna kkonċernata tivvjaġġa lejn il-Parlament u hemmhekk twettaq il-“formalitajiet meħtieġa”. F’dan il-kuntest, is-sempliċi riferiment għall-formalitajiet li għandhom jitwettqu quddiem il-Parlament ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li d-dritt nazzjonali seta’ jissuġġetta d-dħul fil-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għall-eżistenza ta’ ċerti formalitajiet.

145    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

146    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-impossibbiltà għar-rikorrenti li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament ma tirriżultax mir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, inkluż fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, iżda mill-applikazzjoni tad-dritt Spanjol, hekk kif riflessa fil-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, li fir-rigward tagħhom l-ex President tal-Parlament u, b’mod iktar ġenerali, il-Parlament ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

147    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati jsostnu li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew kellu bħala effett legali li jċaħħadhom mill-possibbiltà li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament.

iii) Fuq l-allegata dikjarazzjoni li s-siġġijiet tar-rikorrenti kienu vakanti

148    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, li kien ibbażat fuq il-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, wassal għad-dikjarazzjoni mill-imsemmi president li s-siġġijiet tagħhom kienu vakanti, minkejja li r-raġuni li kienet tiġġustifika l-fatt li l-imsemmija siġġijiet kienu vakanti ma kinitx waħda minn dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1) tal-Att Elettorali.

149    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif għamel il-Parlament, li la l-ex President tal-Parlament u lanqas il-Parlament ma ddikjaraw li s-siġġijiet tar-rikorrenti kienu vakanti.

150    Għaldaqstant, l-effett legali allegat mir-rikorrenti, ibbażat fuq id-dikjarazzjoni mill-Parlament li s-siġġijiet tagħhom kienu vakanti, huwa sostanzjalment ineżistenti.

151    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1) tal-Att Elettorali, siġġu jsir vakanti meta l-mandat ta’ Membru tal-Parlament jintemm bħala riżultat ta’ riżenja, ta’ mewt jew ta’ rtirar tal-mandat tiegħu. Skont l-Artikolu 13(3) tal-Att Elettorali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw lill-Parlament dwar it-tmiem tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew minħabba l-irtirar tiegħu, kif previst espressament mid-dritt nazzjonali.

152    F’dan il-każ, waqt is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja spjega li, minkejja t-terminoloġija użata fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, fid-dritt Spanjol, l-assenza ta’ teħid ta’ ġurament ma kellux l-effett li jirrendi “vakanti” s-siġġijiet tal-kandidati eletti, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Att Elettorali, iżda biss li jissospendi temporanjament il-possibbiltà li huma jieħdu s-siġġijiet tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għalhekk ikkonferma li dawn is-siġġijiet kienu jibqgħu “rriżervati” għall-kandidati eletti, jekk ikun il-każ, matul il-perijodu kollu tal-leġiżlatura tal-Parlament, sakemm huma jieħdu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola msemmi fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola.

153    Għaldaqstant, u fi kwalunkwe każ, l-impossibbiltà temporanja għar-rikorrenti li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament ma tirriżultax mir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, li jinsab fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, iżda mill-applikazzjoni tad-dritt Spanjol.

iv)    Fuq l-assenza ta’ adozzjoni b’urġenza ta’ inizjattiva intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti

154    Ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi l-kwalità tagħhom ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, li jinsab fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, wassal għaċ-ċaħda, minn dan l-istess president, tat-talba tagħhom intiża sabiex huwa jieħu inizjattiva sabiex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura (ara l-punti 64 u 79).

155    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-President tal-Parlament bl-ebda mod ma għandu l-obbligu jieħu inizjattiva intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u li huwa għandu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, anki meta l-Membru tal-Parlament ikun ġie arrestat jew imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u tal-immunitajiet tiegħu (digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, T‑734/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:15, punt 44).

156    Għalhekk, jekk l-ex President tal-Parlament kien irrikonoxxa lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew, huwa seta’, fi kwalunkwe każ, jirrifjuta li jieħu b’urġenza inizjattiva abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura.

157    Għaldaqstant, l-assenza ta’ adozzjoni ta’ tali inizjattiva ma tistax titqies bħala effett legali vinkolanti li jirriżulta mir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew, iżda hija l-konsegwenza tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu, f’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura.

158    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti bbażata fuq l-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, intiża sabiex l-ex President tal-Parlament jieħu inizjattiva sabiex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom, kienet il-konsegwenza tar-rifjut tiegħu li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li tali rifjut kien, fi kwalunkwe każ, nieqes minn effetti vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet Spanjoli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, T‑734/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:15, punti 62 u 65).

v)      Fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni f’seduta plenarja tal-allegata talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tar-rikorrenti u ta’ trażmissjoni tagħha lill-kumitat responsabbli tal-Parlament

159    Ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-ex President tal-Parlament ma kkomunikax it-talba tagħhom għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet f’seduta plenarja u ma kienx irreferiha lill-kumitat responsabbli, bi ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, huwa effett legali li jirriżulta mir-rifjut tiegħu li jirrikonoxxihom bħala Membri tal-Parlament Ewropew (ara l-punt 68 iktar ’il fuq).

160    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-replika, ir-rikorrenti sostnew li, fl-ittra tagħhom tal‑20 ta’ Ġunju 2019, huma kienu talbu lill-ex President tal-Parlament, minn naħa, jieħu b’urġenza inizjattiva sabiex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura u, min-naħa l-oħra, jiddefendi dawn il-privileġġi u l-immunitajiet abbażi tal-Artikolu 9 tal-imsemmija regoli. Barra minn hekk, f’din l-ittra, huma kienu ffokaw fuq l-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, essenzjalment, biss sabiex jenfasizzaw is-sitwazzjoni urġenti tagħhom. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura ma jistabbilixxux proċeduri distinti u, għaldaqstant, li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn talba intiża għall-konferma b’urġenza tal-privileġġi u tal-immunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ dawn ir-regoli, u talba għad-difiża ta’ dawn il-privileġġi u immunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-istess regoli.

161    Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, kull talba indirizzata lill-President tal-Parlament minn Membru jew minn ex Membru tal-Parlament bil-għan li jiġu difiżi privileġġi u immunitajiet, għandha tiġi kkomunikata f’seduta plenarja u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

162    Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet indirizzata lill-President tal-Parlament minn Membru jew minn ex Membru tal-Parlament.

163    F’dan il-każ, minn naħa, fl-ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti talbu lill-ex “President tal-Parlament jieħu b’urġenza, skont l-Artikolu 8(1) tar-[Regoli ta’ Proċedura u] wara konsultazzjoni mal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet [tagħhom]”. Din it-talba kienet b’tipa grassa u ma kinitx tirrigwarda l-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti elenkaw il-miżuri msemmija iktar ’il fuq li huma kienu qegħdin jitolbu “b’mod partikolari” l-adozzjoni tagħhom, inkluża d-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħhom (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

164    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li t-talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinitx ifformulata b’mod separat, iżda kienet taqa’ fil-kuntest ta’ dik intiża għall-adozzjoni b’urġenza ta’ miżuri intiżi li jikkonfermaw il-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, li kien l-uniku artikolu msemmi espressament fl-ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2019.

165    Għall-kuntrarju, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn talba bbażata fuq l-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura u talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ibbażata fuq l-Artikoli 7 u 9 ta’ dawn ir-regoli (digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, T‑734/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:15, punti 42 sa 46 u 57 u 61).

166    Għalhekk, fid-dawl tal-ineżistenza sostanzjali ta’ talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet, debitament imressqa mir-rikorrenti abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew ma setax kellu bħala konsegwenza l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija talba f’seduta plenarja u ta’ trażmissjoni tagħha lill-kumitat responsabbli.

167    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li r-rifjut tal-ex President tal-Parlament li jirrikonoxxi lir-rikorrenti bħala Membri tal-Parlament Ewropew ma huwiex att li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq.

168    Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament kontra l-imsemmi rifjut huwa inammissibbli.

 Fuq lIstruzzjoni tad29 ta’ Mejju 2019

169    Il-Parlament isostni li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 sempliċement tissospendi temporanjament prattika informali, li qatt ma kienet ġiet maħsuba bħala impenn ġuridiku vinkolanti impost fuq il-Parlament. Għalhekk, din l-istruzzjoni ma tipproduċix effetti legali fir-rigward ta’ terzi, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

170    Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għar-raġuni li, kuntrarjament għal dak li jallega l-Parlament, il-prattika inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “stadju essenzjali” sabiex il-kandidati eletti jkunu jistgħu, essenzjalment, jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom u jeżerċitaw il-mandat tagħhom, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

171    Mill-jum tal-elezzjonijiet u sal-aħħar tal-ġimgħa tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet għall-Parlament, l-istituzzjoni għandha l-prassi li tipprovdi, fil-bini tagħha, servizz speċjali ta’ akkoljenza lill-kandidati li jkunu għadhom kif ġew eletti.

172    L-għan ta’ dan is-servizz huwa li jassisti lill-kandidati eletti, qabel il-bidu tal-mandat tagħhom, fil-kuntatt inizjali tagħhom mal-Parlament u li jiffaċilita kemm jista’ jkun id-dħul fil-kariga tagħhom.

173    Waqt is-seduta, il-Parlament spjega li, fil-kuntest tas-servizz speċjali ta’ akkoljenza, l-ewwel, il-kandidati eletti jiksbu jew akkreditazzjoni temporanja, flimkien ma’ badge temporanja li tippermettilhom jaċċedu għall-bini tal-Parlament, jew akkreditazzjoni definittiva, b’badge definittiva, meta l-Istat Membru li huma jkunu ċ-ċittadini tiegħu jkun diġà bagħat lill-Parlament il-komunikazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej, imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura. Sussegwentement, il-kandidati eletti għandhom aċċess għal stands tematiċi li jipprovdulhom informazzjoni, b’mod partikolari, dwar il-formalitajiet amministrattivi li għandhom jitwettqu u l-kwistjonijiet finanzjarji. Fl-aħħar, il-Parlament indika li, sabiex iwettqu l-passi amministrattivi neċessarji sabiex jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom, il-kandidati eletti kellhom jikkuntattjaw direttament lis-servizzi amministrattivi tal-istituzzjoni.

174    Barra minn hekk, il-badge definittiva mogħtija lill-kandidati li l-elezzjoni tagħhom tkun ġiet ikkomunikata uffiċjalment lill-Parlament issir effettiva biss mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet, liema sessjoni timmarka l-bidu tal-leġiżlatura l-ġdida.

175    Fl-aħħar, il-Parlament indika li, fil-prattika, il-proċedura ta’ verifika tal-kredenzjali, imwettqa mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, kienet ukoll tibda wara l-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet. Matul dan il-perijodu ta’ verifika tal-kredenzjali, li jista’ jdum diversi xhur, il-kandidati eletti jistgħu jibagħtu kull informazzjoni utli jew kull dokument utli lill-imsemmi kumitat, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà.

176    F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament fil-fatt ikkonferma li, għalkemm l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprevedi li d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà kellha ssir “fejn hu possibbli” mhux iktar tard minn sitt ijiem qabel il-ftuħ tal-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet, dan bl-ebda mod ma kien obbligu.

177    F’dan il-każ, wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, il-Parlament waqqaf is-servizz speċjali ta’ akkoljenza fi ħdan il-“Welcome Village” fil-bini tiegħu fi Brussell (il-Belġju) u fi Strasbourg (Franza), li ntemm fl‑4 ta’ Lulju 2019.

178    Permezz tal-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019, adottata oralment mill-ex President tal-Parlament, dan tal-aħħar iddeċieda, minn naħa, li jiffriża l-għoti tal-akkreditazzjonijiet temporanji lill-kandidati eletti fi Spanja u li jissospendi dawk li kienu diġà ngħataw lil uħud minn dawn il-kandidati u, min-naħa l-oħra, li jirrifjutalhom l-aċċess għall-“Welcome Village” sakemm l-awtoritajiet Spanjoli kienu kkomunikaw uffiċjalment ir-riżultat tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019. Hekk kif jirriżulta minn messaġġ elettroniku tal-ex President tal-Parlament tat‑30 ta’ Mejju 2019, prodott mill-Parlament bħala anness mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tad‑19 ta’ Settembru 2019, l-għan ta’ din l-istruzzjoni kien li ma jkunx hemm interferenza fil-proċedura elettorali nazzjonali, fid-dawl tal-fatt li r-riżultati tal-elezzjonijiet kienu għadhom ma kinux definittivi u li l-għadd tal-voti kien għadu għaddej.

179    Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-kliem tal-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019, kif jirriżulta mill-posta elettronika msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li l-ex President tal-Parlament adotta miżura ta’ organizzazzjoni interna intiża biss li tipproduċi effetti provviżorji, fl-istennija tar-riżultati definittivi tal-elezzjonijiet li saru fi Spanja u tal-komunikazzjoni uffiċjali tal-imsemmija riżultati lill-Parlament mill-awtoritajiet Spanjoli.

180    Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 bl-ebda mod ma ġġudikat minn qabel il-possibbiltà, għall-kandidati eletti fi Spanja, li jiksbu akkreditazzjoni u badge definittivi sabiex ikunu jistgħu jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet Ewropej. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 117, 118, 129 u 130 iktar ’il fuq u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament waqt is-seduta, imfakkra fil-punti 173 sa 175 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-akkreditazzjoni u l-badge definittivi jistgħu jingħataw mill-Parlament biss wara li tiġi riċevuta l-komunikazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet prevista fl-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura.

181    Fit-tielet lok, anki jekk, hekk kif jallegaw ir-rikorrenti, huma ma setgħux jagħmlu d-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà u ta’ interessi finanzjarji, imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura u fl-Artikolu 4 tal-Anness I ta’ dawn ir-regoli, peress li huma ma kellhomx aċċess għall-“Welcome Village”, li fi ħdanu kienu tqassmu l-formoli neċessarji għal dan il-għan, dan il-fatt ma kienx, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jaffettwa l-possibbiltà tagħhom li jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet Ewropej.

182    Minn naħa, mill-Artikolu 3(1), (2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura jirriżulta li, matul il-proċedura ta’ verifika tal-kredenzjali, jistgħu jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament biss il-kandidati eletti li isimhom ikun jidher fuq il-lista tar-riżultati tal-elezzjonijiet, ikkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali (ara l-punti 109 sa 114 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà tista’ ssir wara l-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet Ewropej, fatt li l-Parlament ikkonferma waqt is-seduta (ara l-punti 175 u 176 iktar ’il fuq).

183    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma allegawx li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 kienet ipprojbixxiet lill-kandidati eletti fi Spanja milli jibagħtu lill-Parlament id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà u d-dikjarazzjoni ta’ interessi finanzjarji. Fuq kollox, din l-istruzzjoni ma kinitx indirizzata lill-kandidati eletti fi Spanja, iżda lis-Segretarju Ġenerali tal-istituzzjoni (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

184    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma kellhiex l-effett li tipprekludihom milli jwettqu l-passi amministrattivi neċessarji għad-dħul fil-kariga tagħhom u għall-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà u d-dikjarazzjoni ta’ interessi finanzjarji.

185    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma kinitx il-kawża li għaliha r-rikorrenti ma setgħux jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament u jeżerċitaw il-mandat tagħhom sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet, jiġifieri mit‑2 ta’ Lulju 2019. L-iktar l-iktar, din l-istruzzjoni ċaħdet lir-rikorrenti mill-assistenza tal-Parlament għall-finijiet li jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom sa mill-adozzjoni tagħha u sas‑17 ta’ Ġunju 2019, data li fiha l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu lill-Parlament il-komunikazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet.

186    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kontenut tagħha, tan-natura provviżorja tagħha u tal-kuntest li fih din ġiet adottata, l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma pproduċietx effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq.

187    Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament kontra l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 huwa inammissibbli.

188    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jitqies li dan ir-rikors ma huwiex dirett kontra atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.

 Fuq lispejjeż

189    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

190    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-kawża u tal-Kawżi T‑388/19 R u T‑388/19 R‑RENV kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Kawża C‑646/19 P(R), konformement mat-talbiet tal-Parlament.

191    Fl-aħħar, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew, inklużi dawk fil-kuntest tal-Kawżi T388/19 R, C646/19 P(R) u T388/19 RRENV.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Iliopoulos

 

      Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Lulju 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.