Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Novembru 2008 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-495/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Iralanda) (rappreżentanti: E. Vahida, I. Metaxas-Maragkidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skont l-Artikoli 230 KE u 231 KE, li d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni, li tirrifjuta aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti li għalihom kienet talbet aċċess permezz ta' applikazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2008, hija vvizzjata b'nullità u li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2008, li tirrifjuta aċċess għall-istess dokumenti, hija ineżistenti;

sussidjarjament, tiddikjara, skont l-Artikoli 230 KE u 231 KE, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2008, li tirrifjuta aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti li għalihom kienet talbet aċċess permezz ta' applikazzjoni tal-20 ta' Ġunju 2008, hija vvizzjata b'nullità;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura; u

tagħti kwalunkwe ordni ulterjuri li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha xieraq.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha, skont ir-Regolament Nru 1049/20011, li permezz tagħha talbet aċċess għad-dokumenti dwar il-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta' ftehim mal-operatur tal-ajruport ta' Alghero. Din id-deċiżjoni ġiet segwita mid-deċiżjoni espliċita tat-8 ta' Ottubru 2008. ir-rikorrenti fil-kawża preżenti titlob, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni espliċita.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali invokati mir-rikorrenti huma l-istess bħal dawk invokati fil-kawża T-494/08 Ryanair vs Il-Kummissjoni.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU L 145, p. 43