Language of document : ECLI:EU:T:2017:900

Kawża T712/15

Crédit mutuel Arkéa

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu – Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata – Grupp taħt superviżjoni prudenzjali – Stabbilimenti affiljati b’mod permanenti ma’ organu ċentrali – Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Rekwiżiti ta’ fondi proprji – Artikolu 16(1)(c) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-13 ta’ Diċembru 2017

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rappreżentanza tal-partijiet – Possibbiltà li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ mandat għall-preżentata ta’ rikors bil-produzzjoni sussegwenti ta’ kull dokument li jikkonferma l-eżistenza ta’ tali mandat

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 51(4))

2.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra att imħassar – Effetti rispettivi tat-tħassir u tal-annullament – Żamma tal-interess tar-rikorrent li jikseb l-annullament tal-att ikkontestat

(Artikoli 263 TFUE, 264 TFUE u 266 TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika

4.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni  – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-gruppi tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata  – Eżenzjoni tal-istabbilimenti affiljati għal organu ċentrali  – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 10(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013; Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 2(21)(c))

5.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni  – Gwida ta’ awtorità amministrattiva – Natura vinkolanti – Assenza

(Artikolu 19 TUE)

6.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni  – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-gruppi tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata  – Eżenzjoni tal-istabbilimenti affiljati għal organu ċentrali   – Neċessità għal organu ċentrali li jkollu l-kwalità ta’ stabbilimenti ta’ kreditu – Assenza

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikoli 10(1)(b) u 11(4) ; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013; Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 2(21)(c))

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Dispożizzjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

8.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni  – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-gruppi tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata  – Eżenzjoni tal-istabbilimenti affiljati għal organu ċentrali  – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Impenji tal-organu ċentrali u tal-istabbilimenti affiljati li għandhom ikunu solidari jew iggarantiti mill-imsemmi organu  – Kunċetti ta’ solidarjetà u ta’ garanzija  – Interpretazzjoni awtonoma

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 10(1)(a))

9.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni  – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-gruppi tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata  – Eżenzjoni tal-istabbilimenti affiljati għal organu ċentrali  – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Impenji tal-organu ċentrali u tal-istabbilimenti affiljati li għandhom ikunu solidari jew iggarantiti mill-imsemmi organu – Neċessità ta’ obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 10(1)(a); Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 2(21)(c))

10.    Dritt nazzjonali – Interpretazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-qrati tal-Istat Membru inkwistjoni  – Limiti

11.    Rikors għal annullament – Suġġett – Deċiżjoni bbażata fuq diversi punti ta’ raġunament, li kollha huma suffiċjenti sabiex id-dispożittiv ikun ibbażat fuqhom – Annullament ta’ deċiżjoni bħal din – Kundizzjonijiet

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

12.    Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni  – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-gruppi tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata  – Eżenzjoni tal-istabbilimenti affiljati għal organu ċentrali  – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni  – Se tiġi ntraċċata s-solvenza u l-likwidità tal-organu ċentrali u tal-istabbilimenti affiljati  – Kriterji

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 10(1)(b))

13.    Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni  – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-gruppi tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata – Rekwiżiti ta’ fondi proprji – Portata tal-istħarriġ u tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew  – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 92(1)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artkolu 16(1)(c) u (2)(a); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, Artikolu 97(1)(a))

14.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata

(Artikolu 5(4)  TUE)

15.    Rikors għal annullament – Motivi  – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Skont l-Artikolu 51(4) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-mandat ta’ parti li jagħti s-setgħa ta’ rappreżentanza lill-avukat tagħha ma jiġix ippreżentat, ir-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex jipproduċi dan. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa possibbli li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ mandat fil-mument tal-preżentata tar-rikors permezz tal-preżentazzjoni sussegwenti ta’ kwalunkwe dokument li jikkonferma l-eżistenza ta’ dan il-mandat.

(ara l-punt 30)

2.      Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għar-rikorrent li tħassret fil-mori tal-kawża u ġiet issostitwita b’deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali l-ġodda li huma stess ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, it-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata permezz tat-tieni deċiżjoni ma ċċaħħadx lir-rikorrent minn interess ġuridiku kontriha. Fil-fatt, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, bid-differenza ta’ sentenza għal annullament li bis-saħħa tagħha l-att annullat huwa eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista. Barra minn hekk, ir-rikorrent jibqa’ jkollu interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi evitat li eventwali annullament tad-deċiżjoni li jkun ħassarha jkollu l-effett li hija tipproduċi effetti mill-ġdid. Fil-fatt, fil-każ fejn it-tieni deċiżjoni hija annullata, il-partijiet ikunu ssostitwiti fis-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, li tiġi rregolata mill-ġdid permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 41-43)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 55)

4.      Is-superviżjoni prudenzjali tal-gruppi ta’ stabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata tissodisfa essenzjalment żewġ skopijiet. L-ewwel skop jikkonsisti fil-possibbiltà għall-Bank Ċentrali Ewropew li jilqa’ għar-riskji li jistgħu jaffettwaw lil stabbiliment ta’ kreditu u li ma joriġinawx minnu, iżda mill-grupp li huwa jifforma parti minnu. It-tieni skop jikkonsisti li jiġi evitat li s-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet li jikkomponi l-imsemmija gruppi tinqasam f’diversi awtoritajiet ta’ superviżjoni.

Għaldaqstant, għall-finijiet li jiġu osservati l-iskopijiet tar-Regolament Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu, l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati, u l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet [istabbilimenti] ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, li għalihom jirreferi għandhom jiġu interpretati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jippermetti lill-Bank Ċentrali Ewropew jkollu ħarsa globali fuq ir-riskji kollha li jistgħu jaffettwaw lil stabbiliment ta’ kreditu u li jevita li s-superviżjoni prudenzjali tinqasam bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali.

F’dak li jirrigwarda l-iskop speċifiku tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, dan ir-regolament jirrigwarda r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istabbilimenti ta’ kreditu. F’dan il-kuntest, l-għan imfittex mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta ċarament mill-kliem tagħha u huwa jikkonsisti fil-possibbiltà li għandha l-awtorità kompetenti li teżenta totalment jew parzjalment, mill-applikazzjoni ta’ wħud mir-rekwiżiti previsti mir-regolament, lil stabbiliment ta’ kreditu wieħed jew iktar li jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru u li jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ organu ċentrali li jissorveljahom u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru. Madankollu, sa fejn il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni ma humiex applikabbli abbażi ta’ dan ir-regolament tal-aħħar għall-finijiet li tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-osservanza tar-rekwiżiti fuq bażi individwali, iżda japplikaw bis-saħħa tar-riferiment magħmul mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar u mhux l-għan stess tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

(ara l-punti 58, 59, 61, 64-66, 70)

5.      L-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti minn awtorità amministrattiva ma tistax torbot lill-qorti tal-Unjoni, li hija biss għandha ġurisdizzjoni għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 19 TUE.

(ara l-punt 75)

6.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ organu ċentrali, fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika, hi stess, li l-organu ċentrali għandu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 ma jsemmux tali rekwiżit, kuntrarjament għall-ipoteżi prevista fl-Artikolu 2(21)(a) ta’ dan l-istess regolament, li tirreferi espliċitament għas-superviżjoni prudenzjali ta’ grupp li l-impriża omm tiegħu għandha l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

Fit-tieni lok, huwa konformi mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 li jagħti lil Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu, u tar-Regolament Nru 468/2014 li jżomm il-klassifika ta’ “grupp taħt superviżjoni prudenzjali” fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, irrispettivament minn jekk l-organu ċentrali ta’ dan il-grupp għandux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu jew le. Fit-tielet lok, l-impossibbiltà għall-Bank Ċentrali Ewropew li jeżerċita tali prerogattivi previsti fir-Regolament Nru 1024/2013 fil-konfront ta’ organu ċentrali li ma jkollux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu ma tikkostitwixxix impediment assolut għat-twettiq ta’ superviżjoni prudenzjali adegwata, peress li l-Bank Ċentrali Ewropew huwa f’pożizzjoni li jagħmel użu mill-prerogattivi tiegħu fil-konfront tal-entitajiet affiljati mal-imsemmi organu ċentrali.

Barra minn hekk, la l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investimentu lanqas l-Artikolu 11(4) ta’ dan l-istess regolament ma jimplikaw li organu ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu sabiex japplika l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament 468/2014.

(ara l-punti 86, 88, 93, 94, 108)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 119)

8.      Peress li r-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, ma jiddefinixxix il-kunċetti ta’ “solidarjetà” u ta’ “garanzija” permezz ta’ riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri, għandu jitqies li dawn huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 120)

9.      Fir-rigward tal-eżenzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti previsti fit-tieni u t-tmien partijiet tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istabbilimenti ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, il-kundizzjoni ta’ solidarjetà li tinsab fl-Artikolu 10(1)(a) ta’ dak ir-regolament hija sodisfatta peress li hemm obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp għall-finijiet li jiġi żgurat li l-obbligi fir-rigward tal-kredituri jiġu sodisfatti. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tal-Artikolu 2(21)(ċ) tar-Regolament Nru 468/2014, li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nazzjonali nominati, u mal-kliem tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013.

(ara l-punt 130)

10.    Il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni tal-interprezzjoni li jagħtu l-qrati nazzjonali fir-rigward tagħhom. Madankollu, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qrati nazzjonali li jkollhom ġurisdizzjoni, hija neċessarjament il-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 132)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 138)

12.    Fir-rigward tal-eżenzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti previsti fit-tieni u fit-tmien partijiet tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, il-kundizzjoni ta’ solvenza u l-likwidità tal-organu ċentrali u tal-istabbilimenti affiljati kollha li jidhru fl-Artikolu 10(1)(b) ta’ dan ir-regolament għandha tinftiehem fis-sens li timplika l-osservanza ta’ żewġ kriterji. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-eżistenza ta’ kontijiet ikkonsolidati tal-grupp. It-tieni wieħed jippreżupponi superviżjoni tas-solvenza u tal-likwidità, minn perspettiva prudenzjali, tal-entitajiet kollha li jikkomponu l-grupp abbażi tal-kontijiet ikkonsolidati tiegħu.

(ara l-punt 147)

13.    Minn qari tal-Artikolu 16(1)(c) flimkien mal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, jirriżulta li, fil-każ li mill-eżami prudenzjali mwettaq mill-Bank Ċentrali Ewropew jirriżulta li l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minn stabbiliment ta’ kreditu ma jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji, il-Bank Ċentrali Ewropew jkollu d-dritt jeżiġi mingħand stabbiliment ta’ kreditu fondi proprji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi, ippreċiżati fl-Artikolu 92(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment.

Fir-rigward tal-kontroll li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jwettaq, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 97(1)(a) tad-Direttiva 2013/36 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, jirriżulta li dan il-kontroll jirrigwarda r-riskji li l-istabbilimenti ikunu jew jistgħu jkunu esposti għalihom, li jimplika neċessarjament il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni avvenimenti futuri li jistgħu jibdlu l-profil ta’ riskju tagħhom. Għaldaqstant, billi bbaża ruħu fuq il-possibbiltà li jseħħ avveniment futur, il-Bank Ċentrali Ewropew ma wettaq ebda żball ta’ liġi.

Barra minn hekk, minħabba n-natura kumplessa tal-evalwazzjoni tal-livell tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji ta’ Kategorija 1 ta’ stabbiliment ta’ kreditu fid-dawl tal-profil ta’ riskju tiegħu u tal-avvenimenti li jistgħu jinfluwenzawh, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. F’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali evalwazzjoni għandu neċessarjament ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom.

(ara l-punti 168, 176, 178, 179, 181)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 200-202)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 211)