Language of document : ECLI:EU:C:2014:335

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C‑213/13

Impresa Pizzarotti & C. Spa

vs

Comune di Bari

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]

“Kuntratti pubbliċi — Direttivi 93/37/KEE u 2004/18/KE — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Kuntratt li jrid jiġi konkluż dwar il-kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex — Portata tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata f’każ ta’ sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”





1.        Il-proġett tal-bini tal-belt ġudizzjarja l-ġdida ta’ Bari (l-Italja), intiż għar-razzjonalizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-qrati li jaqgħu taħt id-distrett tagħha bil-ħolqien ta’ sede unika, kien, b’mod paradossali, it-teatru ta’ ħafna kawżi. Dan huwa rifless fil-fatti li taw lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari li saret fil-kuntest ta’ kawża speċifikatament bejn Impresa Pizzarotti & C. SpA (iktar ’il quddiem “Pizzarotti”) u l-awtoritajiet Taljani lokalment kompetenti, wara l-avviż għal studju tas-suq li għandu bħala għan it-twettiq ta’ din il-belt ġudizzjarja l-ġdida. Din it-talba hija konkomitanti għal ilment indirizzat lill-Kummissjoni Ewropea mill-Comune di Bari, ilment li ta lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

2.        F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża, b’estensjoni tad-dicta tal-kawża msejħa “KölnMesse” (2), jekk il-kuntratt ta’ kiri ta’ bini li ser jinbena fil-futur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt ir-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. Jekk ikun il-każ, u fil-każ li jiġi konkluż li tali klassifikazzjoni tmur kontra deċiżjonijiet ġudizzjarji li kisbu saħħa ta’ res judicata, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar il-portata tar-regola ta’ intanġibbiltà ta’ res judicata fil-preżenza ta’ sitwazzjoni kkunsidrata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

3.        Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 92/50/KEE (3), il-“kuntratti li jirrelataw għall-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli jew għal drittijiet fuqhom għandhom karatteristiċi partikolari, li jagħmlu inapproprjata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist”.

4.        L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jiddefinixxi l-“kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni ta’ […] iii) kuntratti għall-akkwist jew il-kiri, bi kwalunkwe mezz finanzjarju, ta’ l-art, ta’ bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew li jikkonċernaw id-drittijiet fuqhom […]”.

5.        L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37/KEE (4) jiddefinixxi l‑“kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]”, għall-finijiet ta’ din id‑direttiva, bħala “kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar kif definit fil-paragrafu (b), li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn flimkien, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar”.

6.        Fost l-attivitajiet professjonali msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 93/37, jinsabu, taħt il-klassi 50, il-“BINI U [L-]INĠINERIJA ĊIVILI”. Din il-klassi tinkludi, b’mod partikolari, “Xogħol ta’ bini u [l-]inġinerija civika ġenerali (mingħajr ebda speċifikazzjoni partikolari” (sub-grupp 500.1), kif ukoll il-“Kostruzzjoni ta’ flats, blokki ta’ uffiċċji, sptarijiet u bini ieħor, kemm residenzjali u kemm non-residenzjali” (grupp 501).

7.        Il-premessa 24 tad-Direttiva 2004/18 (5) tistabbilixxi li :

“Fil-kuntest tas-servizzi, kuntratti għall-akkwist jew kera ta’ proprjetà immobili jew drittijiet għal proprjetà bħal din għandhom karatteristiċi partikolari li jagħmlu l-applikazzjoni għar-regoli ta’ kisba mhux xierqa”.

8.        Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva:

“(a)      [‘]Kuntratti pubbliċi[’] huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

(b)      “Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]” huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l-esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness [I] jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali” [...]

[...].

9.        Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esklużjonijiet speċ[i]fiċi”:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għal:

(a)      l-akkwist jew kiri għal żmien qasir, bi kull mezzi finanzjarji, ta’ art, bini eżistenti jew proprjetà oħra immobbiljari jew li jikkonċerna drittijiet fuqhom […]

[...]”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju, huma kkaratterizzati minn kumplessità relattiva. Għall-finijiet tal-analiżi, għandu jissemma dan li ġej.

11.      Il-kawża prinċipali għandha l-oriġini tagħha fil-pubblikazzjoni, fl-14 ta’ Awwissu 2003, mill-Comune di Bari ta’ avviż pubbliku ta’ studju tas-suq sabiex fl-iqsar żmien possibbli, l-amministrazzjoni ġudizzjarja tingħata sede unika ġdida, idonea u xierqa sabiex tilqa’ l-qrati kollha li jinsabu f’Bari (6).

12.      L-avviż kien jeżiġi li l-offerenti jintrabtu li jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-binjiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2003. Barra minn hekk huwa kien jeżiġi indikazzjonijiet ċari u eżawrjenti dwar l-ispejjeż u l-modalitajiet ta’ ħlas mill-amministrazzjoni komunali u mill-Ministeru tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li r-riżorsi pubbliċi disponibbli kienu jammontaw għal EUR 43.5 miljun, diġà allokati għall-proġett, li magħhom għandhom jiżdiedu EUR 3 miljun li jikkorrispondu għall-ammonti ta’ kirjiet annwali li dak iż-żmien il-Comune di Bari kien iħallas għall-kiri ta’ immobbli li jospitaw il-qrati kkonċernati. Fl-aħħar nett, dan l-avviż kien akkumpanjat minn dokument, li jistabbilixxi qafas ta’ rekwiżiti, stabbilit mill-Qorti tal-Appell ta’ Bari (l-Italja).

13.      Fost l-erba’ proposti li ġew ippreżentati, dik ta’ Pizzarotti ġiet magħżula mill-Comune di Bari, permezz tad-Deċiżjoni Nru 1045/2003 tat-18 ta’ Diċembru 2003. Din id-deċiżjoni kienet tipprovdi li parti mill-binjiet kienet ser tinbiegħ lil Comune di Bari għall-ammont ta’ EUR 43 miljun u li l-parti l-oħra kienet ser tkun għad-dispożizzjoni tiegħu b’kirja annwali ta’ EUR 3 miljun.

14.      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2004, il-Ministeru tal-Ġustizzja informa lill-Comune di Bari li r-riżorsi pubbliċi disponibbli kienu mnaqqsa għal EUR 18.5 miljun u talbu jivverifika jekk, fid-dawl tal-proposti riċevuti, kienx possibbli li l-proġett jitwettaq xorta fil-limiti ta’ dan il-qafas ekonomiku l-ġdid. Permezz ta’ nota tal-11 ta’ Frar 2004, il-Comune di Bari saqsa lil Pizzarotti jekk kinitx disposta li tkompli l-proċedura li kienet inbdiet. Pizzarotti rrispondiet favorevolment għal din it-talba, billi fformulat mill-ġdid l-offerta tagħha skont it-tnaqqis tar-riżorsi pubbliċi disponibbli.

15.      Il-finanzjament pubbliku tneħħa kompletament f’Settembru 2004. Pizzarotti ppreżentat lill-Comune di Bari proposta ġdida fejn semmiet il-possibbiltà li jinbnew il-binjiet intiżi għal-kiri, kif kien previst fil-proposta inizjali tagħha.

16.      Fid-dawl tal-inerzja tal-awtoritajiet komunali, Pizzarotti bdiet proċedura intiża sabiex jiġi ddikjarat li s-silenzju tal-amministrazzjoni huwa illegali u sabiex il-Comune di Bari jiġi obbligat jaġixxi.

17.      Wara sentenza sfavorevoli tat-Tribunal amministrativo regionale per la Puglia, tat-8 ta’ Frar 2007, il-Consiglio di Stato, permezz tas-sentenza Nru 4267/2007, laqa’ l-appell ta’ Pizzarotti. Billi qies li l-proċedura ma kinitx ġiet magħluqa bl-approvazzjoni tar-riżultat tal-istudju tas-suq, huwa ddeċieda li l-Comune di Bari, “b’osservanza tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, ta’ bona fide u ta’ aspettattivi leġittimi, għandu, fl-eżekuzzjoni tal-atti tiegħu, jagħlaq il-proċedura permezz ta’ konklużjoni li tidher xierqa, billi jivverifika, fil-kuntest tal-proposti magħmula, il-possibbiltà li l-bini jinbena fil-limiti tal-kuntest ekonomiku emendat”.

18.      Adit għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tiegħu Nru 4267/2007, il-Consiglio di Stato, permezz tas-sentenza Nru 3817/2008, ikkonstata l-inerzja tal-Comune di Bari u ordnalu jeżegwixxi fl-intier tiegħu d-dispożittiv tas-sentenza tiegħu Nru 4267/2007 fi żmien 30 ġurnata. Huwa ħatar, f’każ ta’ inerzja estiża, lill-prefett ta’ Bari bħala Commissario ad acta, sabiex jieħu, possibilment anki permezz ta’ persuna delegata, l-azzjonijiet kollha neċessarji għall-eżekuzjoni ta’ din is-sentenza.

19.      Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-Commissario ad acta ddelegat mill-prefett ta’ Bari stabbilixxa l-validità tal-proposti ta’ Pizzarotti u għalhekk ikkonstata li l-proċedura dwar l-istudju tas-suq kienet ġiet konkluża b’mod pożittiv.

20.      Min-naħa tagħha il-Giunta comunale di Bari temmet il-proċedura mibdija bl-avviż tal-istudju tas-suq, billi sostniet li l-aħħar proposta ta’ Pizzarotti ma kinitx konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi avviż.

21.      Kemm Pizzarotti kif ukoll il-Comune di Bari ppreżentaw appell quddiem il-Consiglio di Stato. Pizzarotti argumentat li, fin-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali sabiex il-Comune di Bari jikri l-bini, dan ma eżegwixxiex b’mod korrett id-digriet li jinsab fis-sentenza Nru 3817/2008. Il-Comune di Bari lmenta n-nuqqas ta’ konstatazzjoni tad-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet li affettwaw it-twettiq tal-proċedura.

22.      Permezz tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni Nru 2153/2010, tal-15 ta’ April 2010, il-Consiglio di Stato laqa’ l-appell ta’ Pizzarotti u ċaħad dak tal-Comune di Bari. Fir-rigward tal-azzjoni tal-Commissario ad acta, huwa qies li din, għalkemm kienet xierqa, ma kinitx kompluta, minħabba n-nuqqas ta’ “konklużjoni li tidher xierqa”, fis-sens tas-sentenza Nru 4267/2007. Għalhekk huwa stabbilixxa terminu ta’ 180 ġurnata sabiex tingħalaq il-proċedura għall-adozzjoni tal-atti neċessarji għat-twettiq konkret tal-proposta ta’ Pizzarotti.

23.      Permezz ta’ att tas-17 ta’ Mejju 2010, il-Commissario ad acta kkonkluda li “l-avviż ta’ studju tas-suq ta’ Awwissu 2003 […] ma kellux riżultat pożittiv”.

24.      Ippreżentat b’appell ta’ Pizzarotti minn dan l-att, il-Consiglio di Stato, permezz tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni Nru 8420/2010, tat-3 ta’ Diċembru 2010, laqa’ dan l-appell. Filwaqt li enfasizza n-natura inkoerenti tal-konklużjonijiet dwar l-avviż ta’ studju tas-suq li jinsabu, rispettivament, fl-att tal-21 ta’ Novembru 2008 u f’dak tas-27 ta’ Mejju 2010, huwa qies li l-unika konklużjoni li torbot hija dik li tinsab fl-ewwel wieħed minn dawn l-atti. Fir-rigward tal-involviment ta’ xerrej terz u kerrej tal-immobbli li għandhom jiġu allokati għall-belt ġudizzjarja ta’ Bari, kif ukoll tal-att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, huwa rrileva li l-evalwazzjoni tal-Commissario ad acta ma hijiex ibbażata fuq analiżi profonda u b’hekk kienet tikser l-ordni tal-qorti li kienet li jivverifika l-preżunzjonijiet fattwali u legali tat-twettiq konkret tal-proposta. F’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ konformità urbana tal-proposta ta’ Pizzarotti, huwa reġa’ kkonferma l-bżonn li l-Commissario ad acta jieħu l-proċeduri neċessarji għall-adozzjoni ta’ din il-proposta, wara verifika tal-preżunzjonijiet leġiżlattivi l-oħra. Konsegwentement, l-att tal-Commissario ad acta ġie annullat għar-raġuni li kien imur kontra l-awtorità ta’ res judicata.

25.      Sussegwentement, il-Commissario ad acta l-ġdid innominat mill-prefett ta’ Bari implementa l-azzjonijiet kollha neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, tat-23 ta’ April 2012, ta’ “varjazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp urban” dwar il-pjan regolatur ġenerali tal-Comune di Bari f’dak li jirrigwarda l-artijiet ikkonċernati mill-kostruzzjoni tal-belt ġudizzjarja.

26.      Pizzarotti kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato għaliex din kellha t-tendenza li tevita r-res judicata.

27.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-kuntratt għall-kiri ta’ oġġett futur, li għandu jiġi konkluż fil-forma ta’ att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, huwiex ekwivalenti, minkejja l-presenza ta’ elementi karatteristiċi għal kuntratt ta’ kiri, għal kuntratt għal xogħlijiet li jevita l-applikazzjoni tal-każ ta’ esklużjoni speċifika prevista fl-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2004/18. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-portata tat-termini “proprjetà oħra immobbiljari”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll dwar is-sinjifikat tal-premessa 24 tal-imsemmija direttiva.

28.      Fit-tieni lok, jekk ikun preżunt li l-kuntratt inkwistjoni jikkostitwixxi kuntratt għal xogħlijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tirrendi bla effett ir-res judicata stabbilita, f’dan il-każ, mis-sentenza tiegħu Nru 4267/2007 sa fejn din tal-aħħar wasslet, minħabba deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni ulterjuri u atti tal-Commissario ad acta, għal sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil‑qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, hija tista’ tikkompleta d-dispożittiv inizjali ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni, li tagħti lok għar-“res judicata li tiżviluppa progressivament”. Hija żżid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, kif irrikonoxxut permezz tal-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ma jostakolax l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni koperta minn tali awtorità.

29.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Il-kuntratt li għandu jiġi konkluż għall-kiri ta’ oġġett futur, b’mod partikolari fil-forma, issuġġerita l-iktar reċentement, ta’ att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, jekwivali għal kuntratt ta’ xogħol [għal xogħlijiet], anki fil-preżenza ta’ ċerti elementi karatteristiċi tal-kuntratt ta’ kiri, b’mod li dan il-kuntratt ma jistax jiġi inkluż mal-kuntratti esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi skont l-Artikolu 16 [tad-Direttiva 2004/18] ?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, qorti nazzjonali, b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju, tista’ tirrendi bla effett ir-res judicata eventwali fil-kawża inkwistjoni, kif deskritta f’[din id-deċiżjoni tar-rinviju], sa fejn din ippermettiet li tinħoloq sitwazzjoni legali li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet? Għaldaqstant, huwa possibbli li tiġi eżegwita res judicata li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni […]?”

30.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja u mill-Kummissjoni.

31.      Inżammet seduta fis-27 ta’ Frar 2014, li għaliha pparteċipaw il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja u l-Kummissjoni.

III – Analiżi

A –    Dwar l-ammissibbiltà

32.      Pizzarotti għandha dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, u dan għal żewġ motivi.

33.      Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-Direttiva 2004/18, li hija l-unika waħda msemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma tapplikax ratione temporis għall-kawża prinċipali.

34.      Fit-tieni lok, Pizzarotti ssotni li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jista’ jkollha ebda effett fuq id-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-presenza ta’ diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji (7) li kisbet saħħa ta’ res judicata skont id-dritt nazzjonali Taljan.

35.      Ebda motiv dwar l-inammissibbiltà mressaq minn Pizzarotti ma jikkonvinċini.

36.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà għal dan il-każ tad-Direttiva 2004/18, li hija l-unika waħda msemmija mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li ma huwiex suffiċjenti sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli.

37.      Ċertament, kif enfasizzaw b’mod partikolari Pizzarotti u l-Kummissjoni, hija ġurisprudenza stabbilita (8) li d-data rilevanti sabiex tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal kuntratt pubbliku hija dik li fiha l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li hija ser issegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk hemmx jew le obbligu li tipproċedi bis-sejħa għal offerti minn qabel għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. F’dan il-każ, minn dan jirriżulta li hija d-deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2003 li hija rilevanti (9). Issa, f’dik id-data, kienet biss id-Direttiva 93/37, moqrija flimkien mad-Direttiva 92/50, li kienet applikabbli.

38.      Madankollu jiena tal-opinjoni li din l-identifikazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ hija relattiva u mingħajr konsegwenza f’dan il-każ. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li huma rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50, ġew riprodotti f’termini simili ħafna fid-Direttiva 2004/18, peress li din tal-aħħar kienet tikkonsisti essenzjalment f’riformulazzjoni u simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli sa dakinhar.

39.      F’tali kuntest — li b’mod ċar la jbiddel il-problema legali mqajma mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas ma jinvolvi analiżi ta’ punti ta’ liġi li ma humiex diskussi fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali (10), jiena tal-opinjoni li riformulazzjoni tad-domandi, li fir-realtà hija intiża li tikseb l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37, hija perfettament possibbli.

40.      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li kisbu saħħa ta’ res judicata li jċaħħdu r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja minn kull utilità għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, dan lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-awtorità jew tas-saħħa ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju tinsab preċiżament fil-qalba tal-problema prevista fit-tieni domanda. Anki jekk ikun preżunt, li bl-argument tagħha, Pizzarotti trid, fir-realtà, tikkontesta wkoll ir-rilevanza tad-domandi mressqa, huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħala regola, meta aditi b’kawża, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’mod ieħor biss jekk ikun jidher “b’mod manifest” li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (11). Dan ma jidhirx li huwa l-każ.

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

B –    Dwar l-ewwel domanda: eżistenza ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 93/37

1.      Espożizzjoni tal-problema

42.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tikseb kjarifiki dwar il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, ta’ kuntratt indikat mal-qorti tar-rinviju bħala “kuntratt li għandu jiġi konkluż għall-kiri ta’ oġġett futur, b’mod partikolari fil-forma, issuġġerita l-iktar reċentement, ta’ att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri”.

43.      B’mod iktar preċiż għandu jiġi ddeterminat jekk il-proposta indirizzata mill-Comune di Bari lil Pizzarotti, wara l-kanċellament tal-finanzjament pubbliku inizjalment previst (ara l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għandhiex tkun analizzata bħala intiża għall-konklużjoni ta’ tranżazzjoni ta’ kiri li tevita l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi jew jekk, għall-kuntrarju, hijiex tali li torbot lill-Comune di Bari li jagħti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u għalhekk li jibda proċedura ġdida.

44.      Essenzjalment, insibu żewġ pożizzjonijiet opposti.

45.      Pizzarotti u l-Gvern Taljan, sostnuti fuq diversi aspetti mill-Gvern Ġermaniż, isostnu li l-kuntratt previst fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kriterji ta’ definizzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni applikabbli u li kienu ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmi kuntratt jaqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 u taħt l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18.

46.      Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-realizzazzjoni ta’ bini, iżda l-kiri ta’ immobbli. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mit-termini tal-avviż ta’ kuntratt u mid-deċiżjoni tal-Comune di Bari, tat-18 ta’ Diċembru 2003, kif ukoll mill-karatteristiċi tal-kuntratt stess li huma tipiċi għal kuntratt ta’ kiri fis-sens tal-Artikolu 1571 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u li huma distinti b’mod ċar minn dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza KölnMesse.

47.      Fit-tieni lok huma jsostnu li fil-kawża prinċipali, il-Comune di Bari ma huwiex obbligat jagħti xi korrispettiv finanzjarju sabiex jikseb provvista ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li tirrispondi għall-interess ekonomiku dirett tiegħu, u għalhekk il-kuntratt huwa nieqes min-natura oneruża.

48.      Pizzarotti u l-Gvern Taljan isostnu, fit-tielet lok, li l-Comune di Bari ma għandux is-setgħa li jobbliga lil Pizzarotti, permezz ta’ rimedju ġudizzjarju, teżegwixxi x-xogħlijiet.

49.      Fir-raba’ lok huma jsostnu li l-Comune di Bari, mad-dokument stabbilit mill-Commissione di manutenzione tal-Corte d’Appello ta’ Bari, la annetta speċifikazzjonijiet tekniċi, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Anness III tad-Direttiva 93/37 jew tal-paragrafu 1(a) tal-Anness VI tad-Direttiva 2004/18, u lanqas ma annetta speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 93/37 jew tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18, u dan jikkonferma li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jagħti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, iżda li jikseb studju tas-suq, mhux vinkolanti, intiż sabiex jiġbor inizjattivi privati li huwa ppropona li jevalwa b’mod awtonomu u mingħajr ebda obbligu ta’ deċiżjoni. Pizzarotti u l-Gvern Taljan iżidu li, f’kull każ, il-kuntratt imsemmi fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi preċiżi dwar it-tip ta’ xogħlijiet li jridu jsiru bħal dawk osservati fil-kawża KölnMesse.

50.      Il-Comune di Bari u l-Kummissjoni jqisu, min-naħa tagħhom, li l-kuntratt imsemmi fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, li l-għoti tiegħu kellu jsir b’osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tat-trasparenza previsti mill-imsemmija direttiva.

51.      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti żviluppati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mid-diversi intervenjenti f’din il-proċedura, jirrigwardaw essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti mfakkra u ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha KölnMesse, sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

52.      Issa, nirrileva li l-kawża KölnMesse kienet tirrigwarda problema ta’ klassifikazzjoni ġuridika tat-tranżazzjoni inkwistjoni differenti minn dik li tqajjem l-ewwel domanda magħmula f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-imsemmija kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddetermina jekk l-aspett tal-“kiri” tal-kuntratt mogħti bejn il-belt ta’ Cologne u Grundstücksgesellschaft Köln Messe 8‑11 GbR kienx jipprevali fuq l-għan ta’ kostruzzjoni ta’ binjiet. L-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 u fl-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18 ma kienet bl-ebda mod inkwistjoni.

53.      Fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-formulazzjoni magħżula mill-qorti tar-rinviju, tqum, qabel xejn, il-kwistjoni dwar jekk it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw propretajiet li għad iridu jinbnew jistgħux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan jimplika li l-qorti tar-rinviju donnha telqet mill-premessa li l-kuntratt imsemmi jirrigwarda kuntratt pubbliku għal servizzi li jista’, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tiegħu, jevita l-applikazzjoni tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

54.      Għalhekk, għall-ewwel, ser nesponi għal liema raġunijiet, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni inkwistjoni ma tistax, f’kull każ, tkopri binjiet li għadhom ma bdewx jinbnew.

55.      Madankollu, ladarba jista’ jkun deċiż li għandha, saħansitra lil hinn minn din id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, tingħata deċiżjoni wkoll dwar il-punt jekk ir-rekwiżiti humiex, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” pjuttost milli kuntratt pubbliku għal servizzi, ser nindika b’liema mod, fl-opinjoni tiegħi, hemm lok, u dan b’estensjoni tad-dicta tas-sentenza KölnMesse, li jiġi indirizzata l-abbozz ta’kuntratt ikkontestat fil-kawża prinċipali.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 jistipulaw neċessarjament tranżazzjonijiet li jirrigwardaw proprjetà immobbli eżistenti.

56.      Jidhirli li huwa xieraq li jitfakkar parametru prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt pubbliċi: il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha l-għan ewlieni li telimina r-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali u li tiffavorixxi kompetizzjoni effettiva (12).

57.      Għalhekk dan l-iskop huwa kompromess meta awtorità kontraenti, mingħajr ma tkun minn qabel implementat il-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tobbliga impriża teżegwixxi xogħlijiet jew servizzi, irrispettivament mir-raġunijiet u mill-kuntest tat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet jew servizzi u irrispettivament mil-użu li għalih huma intiżi (13).

58.      It-twettiq effettiv tal-imsemmi għan jimplika neċessarjament li l-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni partikolari bħala kuntratt għal xogħlijiet għandha tinftiehem b’mod wiesa’ u, b’mod parallel, li l-każijiet ta’ esklużjoni għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu interpretati b’mod restrittiv.

59.      Dan japplika wkoll fir-rigward tal-esklużjonijiet speċifiċi ta’ ċerti kuntratti pubbliċi għal servizzi previsti fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 (li huma essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/18) (14). Kif jissemma fil-premessa 24 tad-Direttiva 2004/18, huma l-“karatteristiċi partikolari” ta’ ċerti kuntratti li jirrendu inadegwata l-applikazzjoni ta’ regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

60.      F’dak li jirrigwarda l-esklużjoni dwar l-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli (15), meħuda f’sens wiesa’, fl-opinjoni tiegħi, din tista’ biss tinkludi proprjetà eżistenti. Is-sejħa għal offerti li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, fil-fatt, ftit għandha sens f’dak li jirrigwarda l-kiri jew il-bejgħ ta’ proprjetà eżistenti partikolari, li, minħabba li hija unika, ma tistax tkun imqabbla ma’ proprjeta oħra. Barra minn hekk, minn ċertu xogħol preparatorju jirriżulta li l-esklużjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw kiri jew akkwist ta’ proprjetà immobbli hija spjegata, oriġinarjament, min-natura lokali u mhux transkonfinali ta’ dawn il-kuntratti (16). Min-naħa l-oħra, peress li l-attivitajiet inkwistjoni jinvolvu r-realizzazzjoni futura ta’ proprjetajiet immobbli, u għalhekk l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, is-sejħa għal offerti u t-trasparenza meħtieġa minn dawn ir-regoli ma huma bl-ebda mod inadegwati u l-imsemmija regoli huma tali li jistgħu japplikaw. Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni għal “proprjetà oħra immobbiljari” għandha, fl-opinjoni tiegħi, tinftiehem bħala li tinkludi proprjetà ta’ natura oħra minbarra l-art u l-bini u mhux proprjetajiet li għadhom ma nbnewx.

61.      Mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni preċiżament fuq il-punt dwar minn liema stadju proprjetà immobbli tibda teżisti, minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni dwar ix-xiri jew il-kiri ta’ “art, bini jew proprjetà oħra immobbiljari” ma tistax, fl-ebda każ, tinkludi proprjetajiet li l-bini tagħhom għadu ma bediex, bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Fil-każ fejn amministrazzjoni pubblika tagħżel, fil-kuntest tal-installazzjoni ta’ ċerti servizzi, forma ta’ xiri jew ta’ kiri ta’ bini li jrid jinbeda, hija għandha tissuġġetta t-tranżazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti prevista mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

3.      Ir-rekwiżiti ta’ eżistenza ta’ kuntratt għal xogħlijiet huma f’kull każ issodisfatti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali

62.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti, il-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u għandha tkun indipendenti minn dik ibbażata fuq id-dritt nazzjonali (17). Lanqas ma huma determinanti għall-finijiet li jiġi deċiż jekk ftehim jew tranżazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li jistgħu jsiru mill-partijiet kontraenti (18).

63.      Għalhekk, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni formali tal-kuntratt inkwistjoni bħala “kuntratt ta’ kiri” ma huwiex element deċiżiv. Bl-istess mod, lanqas ma huwa rilevanti l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni għandu, kif isostnu Pizzarotti u l-Gvern Taljan, ċerti karatteristiċi ta’ kuntratt ta’ kiri fis-sens tal-Artikolu 1571 tal-kodiċi ċivili Taljan, ta’ kumpless immobbiljari.

64.      F’dan il-kuntest, għandha ssir preċiżazzjoni. Ma hijiex kwistjoni li tiġi kkontestata l-libertà li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom fl-għażla tal-proċess kuntrattwali li huma jqisu xieraq għat-twettiq ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi, lanqas ma hija kwistjoni li tiġi kkontestata l-legalità tal-użu ta’ ċerti tipi ta’ kuntratti, iżda li jiġu evitati r-riskji ta’ evażjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jista’ jirriżulta mill-użu ta’ ċerti formuli kuntrattwali. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi ma tippreġudikax il-legalità tal-użu ta’ kuntratt ta’ kiri, għall-kostruzzjoni ta’ bini, sakemm, qabel ma jiġi konkluż, ir-regoli ta’ pubblikazzjoni u ta’ sejħa għal offerti previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu osservati.

65.      Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jkun iddeterminat b’riferiment biss għar-rekwiżiti oġġettivi li huma espressament iddefiniti mid-direttivi adottati f’dan il-qasam.

66.      Qabelxejn, dan jimplika li l-iskopijiet reali jew preżunti li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jilħqu ma humiex rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk kuntratt għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal xogħlijiet. Għalhekk ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, preżunt li tiġi ppruvata, li l-intenzjoni inizjali tal-Comune di Bari kienet biss li jagħti lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja sede waħda ġudizzjarja f’Bari, mingħajr ma dan isir neċessarjament permezz tat-twettiq ta’ xogħlijiet.

67.      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet]” li tinsab fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha li fihom kuntratt b’titolu oneruż jiġi konkluż bejn awtorità kontraenti u imprenditur, u li s-suġġett tiegħu jkun il-bini, minn dan tal-aħħar, ta’ “xogħol [bini]” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, il-kriterju essenzjali huwa li dan il-bini jsir skont il-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti, filwaqt li l-mezzi li jintużaw għar-realizzazzjoni ta’ dan il-bini ma humiex rilevanti (19). Sabiex ikun hekk, jeħtieġ li l-awtorità kontraenti tkun adottat miżuri sabiex tiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bini jew, minn tal-inqas, li teżerċita influwenza determinanti fuq id-disinn tiegħu (20).

68.      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta kuntratt jinkludi kemm elementi li jikkonċernaw kuntratt pubbliku għal xogħlijiet kif ukoll elementi li jikkonċernaw tip ieħor ta’ kuntratt, huwa s-suġġett prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina r-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli (21).

69.      F’dan il-każ, l-atti tal-proċess iwassluni sabiex nikkunsidra li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ kuntratt għal xogħlijiet, peress li fl-aħħar mill-aħħar l-għan prinċipali tagħha huwa l-bini b’titolu oneruż ta’ bini li jirrispondi għall-bżonnijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti.

70.      Fl-ewwel lok, dawn l-atti juru li l-għan tal-proċedura kollha inkwistjoni f’din il-kawża, li nbdiet permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fl-14 ta’ Awwissu 2003, kien il-kostruzzjoni, skont ix-xewqat espressi mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, ta’ postijiet ġodda intiżi li jintużaw bħala sede waħda għall-qrati li jinsabu f’Bari.

71.      Qabelxejn dan jirriżulta mill-avviż pubbliku ta’ sejħa għal kuntratt (“Ricerca di Mercato”) tal-14 ta’ Awwissu 2003 li jsemmi b’mod partikolari li “l-offerent, permezz tal-formulazzjoni tal-offerta tiegħu, jintrabat li jibda x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-binjiet qabel il-31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena”.

72.      Barra minn hekk, mid-dokument anness ma’ dan l-avviż ta’ kuntratt, stabbilit mill-Qorti tal-Appell ta’ Bari u approvat mill-commissione di manutenzione [dokument intitolat “Quadra esigenziale” (qafas ta’ rekwiżiti), li r-rilevanza tiegħu għall-finijiet tal-analiżi tal-kuntratt ippjanat ma hijiex ikkontestata (22), jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti speċifikaw numru ta’ rekwiżiti strutturali, funzjonali u organizzattivi li l-proġett ta’ belt ġudizzjarja waħda kellu jissodisfa, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli u tal-informazzjoni statistika kollha dwar l-attivitajiet ġudizzjarji ta’ Bari. Dawn ir-rekwiżiti, li huma esposti fuq diversi għaxriet ta’ paġni, jidhirli li jmorru ferm lil hinn mir-rekwiżiti normali ta’ kerrej fir-rigward ta’ proprjetà ġdida ta’ ċertu daqs (23).

73.      Fl-aħħar nett, id-deliberazzjoni tal-Kunsill Komunali Nru 1045/2003, tat-18 ta’ Diċembru 2003, dwar is-selezzjoni tal-offerta ppreżentata minn Pizzarotti, tagħmel riferiment espress għal “bini ta’ sede unika” tal-qrati.

74.      B’mod iktar globali, jiena tal-opinjoni li, fis-sens tad-Direttivi 93/37 u 2004/18, l-għan immedjat u għalhekk prinċipali tal-kuntratt dwar bini li l-kostruzzjoni tiegħu għada ma nbditx ma jistax, bħala prinċipju u b’estensjoni tad-dicta tas-sentenza KölnMesse, jiġi analizzat bħala kera ta’ immobbli, u dan irrispettivament mill-forma kuntrattwali magħżula skont id-dritt nazzjonali. L-għan prijoritarju ta’ dan il-kuntratt loġikament seta’ jkun biss il-kostruzzjoni tal-imsemmija binjiet, li sussegwentement kellhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kontraenti permezz ta’ relazzjoni kuntrattwali kklassifikata bħala kuntratt ta’ kiri (24).

75.      Sabiex nerġa’ lura għall-kawża prinċipali, jidher li Pizzarotti fl-ebda każ ma setgħet tissodisfa l-obbligu, stipulat fl-abbozz tal-att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, li tqiegħed għad-dispożizjoni bini speċifiku fiż-żona ddeterminata mingħajr ma qabel tipproċedi bil-kostruzzjoni tiegħu.

76.      Id-diversi speċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti ta’ referenza juru li l-awtorità kontraenti ħadet miżuri sabiex tiddetermina l-karatteristiċi tal-bini jew, minn tal-inqas, sabiex teżerċita influwenza deċiżiva fuq id-disinn tiegħu. Dawn l-elementi flimkien mal-ħafna kawżi li rriżultaw min-nuqqas ta’ konklużjoni tal-kuntratt previst fil-kawża prinċipali jenfasizzaw, fl-opinjoni tiegħi, b’mod ċar il-fatt li Pizzarotti ma kinitx disposta li tibni l-bini inkwistjoni fin-nuqqas ta’ bżonnijiet speċifikatament ifformulati mill-Comune di Bari u tal-aċċettazzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-proposta ta’ realizzazzjoni fformulata b’risposta għall-avviż pubbliku ta’ studju tas-suq.

77.      Fit-tieni lok, jidhirli li huwa evidenti wkoll, għalkemm dwar dan il-punt hemm differenzi mal-kawża KölnMesse (25), li l-kuntratt previst fil-kawża prinċipali kien konkluż b’titolu oneruż.

78.      Ċertament, huwa minnu li r-remunerazzjoni taħt il-forma ta’ kera annwali li l-Comune di Bari għandu jħallas matul it-18-il sena tal-kuntratt inkwistjoni hija ’l bogħod milli tkopri l-ispejjeż tar-realizzazzjoni tal-bini.

79.      Din il-konstatazzjoni ma tistax madankollu twassal sabiex tiġi miċħuda n-natura oneruża tal-kuntratt inkwistjoni.

80.      Fil-fatt, sabiex issir distinzjoni bejn kuntratt pubbliku għal servizzi u kuntratt pubbliku għal xogħlijiet (26), u għall-kuntrarju ta’ dak li donnhom jissuġġerrixxu Pizzarotti u l-Gvernijiet tal-Italja u tal-Ġermanja (27), ebda piż deċiżiv ma jista’ jingħata lill-ammont tal-korrispettiv finanzjarju tas-servizzi ta’ kostruzzjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-element determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt huwa s-suġġett prinċipali tiegħu, u mhux l-ammont tar-remunerazzjoni tal-imprenditur jew kif għandu jsir il-ħlas (28). Il-fatt li l-ħlas ta’ kera annwali matul perijodu ta’ 18-il sena, issa previst mill-kuntratt ippjanat, ma jkoprix l-ispejjeż kollha ta’ realizzazzjoni tal-bini ma jista’ fl-ebda każ jibdel in-natura oneruża tal-kuntratt u, għalhekk iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. F’dan ir-rigward, il-kisba effettiva ta’ benefiċċju mill-operatur ekonomiku ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet (29).

81.      Il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ “interess ekonomiku dirett għall-awtorità kontraenti” mhux neċessarjament timplika li din tal-aħħar issir proprjetarja tal-bini, peress li din tista’ tkun issodisfatta b’titolu ta’ kera li jqiegħed il-bini għad-dispożizzjoni tal-awtorità pubblika kkonċernata (30).

82.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kuntratt ta’ kera ta’ bini li ser jinbeda fil-futur, li għandu l-karatteristiċi tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37.

C –    Dwar it-tieni domanda: rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u mill-osservanza tal-awtorità ta’ res judicata f’sitwazzjoni preżumibilment inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

83.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tirrendi bla effett l-eventwali res judicata fil-kawża inkwistjoni, sa fejn din ippermettiet il-ħolqien ta’ sitwazzjoni legali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, u għalhekk jekk huwiex possibbli li teżegwixxi res judicata li hija inkompatibbli mal-imsemmi dritt.

84.      Qabelxejn, irrid naqsam il-perplessità tiegħi dwar l-identifikazzjoni eżatta ta’ dak li skont il-qorti tar-rinviju jikkostitwixxi r-“res judicata”, jiġifieri kemm it-thema decidendum kif ukoll ir-ratio decidendi, li jirriżultaw problematiċi mill-perspettiva tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

85.      Waqt li huwa magħruf li fl-aħħar mill-aħħar, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina dak li jikkostitwixxi d-deċiżjoni jew deċiżjonijiet ġudizzjarji li jostakolaw l-applikazzjoni b’mod sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, in-neċessità li tingħata l-iktar risposta utli possibbli lill-qorti tar-rinviju twassalni nosserva dan li ġej.

86.      F’dan il-każ, l-unika “res judicata” li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju (31) hija kkostitwita mis-sentenza tagħha Nru 4267/2007, b’mod iktar preċiż mid-deċiżjoni li tinsab f’dik is-sentenza li tgħid li l-Comune di Bari, “b’osservanza tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, ta’ bona fide u ta’ aspettattivi leġittimi, għandu, fl-eżekuzzjoni tal-atti tiegħu, jagħlaq il-proċedura permezz ta’ konklużjoni li tidher xierqa, billi jivverifika, fil-kuntest tal-proposti magħmula, il-possibbiltà li l-bini jinbena fil-limiti tal-kuntest ekonomiku emendat”.

87.      Jekk, kif jirrileva l-Consiglio di Stato, din id-deċiżjoni “jista’ jkollha soluzzjonijiet ta’ implementazzjoni numerużi u differenti”, huwa, a priori, diffiċli li jinftiehem għal liema raġunijiet l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza hija neċessarjament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.

88.      Bħalma jsemmi l-Comune di Bari, jidher li l-unika res judicata (definittiva) mill-Consiglio di Stato fis-sentenza Nru 4267/2007 tirrigwarda l-obbligu impost fuqu (kif ukoll fuq il-Commissario ad acta) li jagħlaq il-proċedura mibdija bl-avviż pubbliku ta’ studju tas-suq. Xejn ma jippermetti, a priori, li jiġi eskluż li l-għeluq ta’ din il-proċedura, fis-sens tal-imsemmija sentenza, jista’ jieħu l-forma tat-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratti b’osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

89.      Madankollu, jidher li l-qorti tar-rinviju, minn tal-inqas parzjalment (32), qablet mal-interpretazzjoni mressqa minn Pizzarotti li tgħid li din is-sentenza u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li segwewha għandhom ikunu interpretati bħala li jimponu l-konklużjoni tal-kuntratt “ta’ kiri” previst ma’ Pizzarotti, li huwa tali li jiġġenera sitwazzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jidher li kienet ingħatat ċerta awtorità lid-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni meħuda mill-Commissario ad acta (ara d-Deċiżjoni Nru 8420/2010). Issa, skont l-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva Taljan, il-qorti għandha teżamina l-kwistjonijiet kollha dwar l-implementazzjoni korretta, inkluż dawk li jirriżultaw mill-atti tal-Commissario ad acta, meta dan tal-aħħar jaġixxi fil-kwalità ta’ uffiċjal awżiljarju tal-qorti.

90.      Barra minn hekk, għalkemm jidher li, kif donnu jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (33), kif interpratati mill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha s-setgħa li tikkompleta d-dispożittiv tas-sentenza Nru 4267/2007, u tagħti lok għal dik ikklassifikata bħala “res judicata li tiżviluppa progressivament”, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ intanġibbiltà ta’ res judicata huwa kkontestat. Fil-fatt, peress li l-korp ġudizzjarju għandu s-setgħa li jippreċiża jew imur lura minn deċiżjoni meħuda preċedentement, din il-possibbiltà għandha tkun irrikonoxxuta taħt l-istess kundizzjonijiet sabiex tiġi żgurata applikazzjoni b’mod sħiħ tad-dritt tal-Unjoni.

91.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar għandha tagħti preferenza, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jingħataw diversi interpretazzjonijiet, lil dik li tiggarantixxi li l-amministrazzjoni taġixxi skont id-dritt tal-Unjoni.

92.      Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal biex tikkonkludi li applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet tmur neċessarjament kontra r-res judicata permezz tas-sentenza tagħha Nru 4267/2007 jew permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti (34), ħaġa li hija biss għandha s-setgħa li tivverifika, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

93.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ripetutament l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fis-sistema legali tal-Unjoni kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx iktar possibbli li jiġu kkonfutati deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-terminu previst għal dawn ir-rimedji (35). Għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki li kieku dan ikun jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt tal-Unjoni mid-deċiżjoni inkwistjoni (36).

94.      Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, ir-regoli dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata jaqgħu fi ħdan is-sistema legali interna tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, ir-regoli proċedurali ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’tali mod li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (37).

95.      It-tbegħid mill-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata li donnha tikkostitwixxi s-sentenza Lucchini (38) kien limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja stess bħala li jikkonċerna qasam partikolari ħafna tal-għajnuna mill-Istat.

96.      Fil-fatt f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li peress li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-għan li tistabbilixxi l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata bħalma huwa l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, sa fejn l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tad-dritt Komunitarju, u li l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva (39).

97.      L-aspetti partikolari tal-kawża Lucchini kienu enfasizzati wkoll fis-sentenza Fallimento Olimpiclub (40) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija kawża kienet tirrigwarda sitwazzjoni effettivament limitata li fiha kienu inkwistjoni prinċipji li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li l-Kummissjoni kellha kompetenza esklużiva sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

98.      Dwar l-analoġija magħmula bejn l-obbligi, kif ippreċiżat b’mod partikolari fis-sentenza Kühne & Heitz (41), tal-korpi amministrattivi skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali tagħhom u dawk li għandhom, skont l-istess dmir, il-qrati nazzjonali, din ma tikkonvinċinix.

99.      Ċertament, l-osservanza kemm tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva kif ukoll tal-awtorità marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarji huma bbażati fuq in-neċessità, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tkun ippreżervata l-istabbilità tas-sitwazzjonijiet legali. Bl-istess mod, il-kawża prinċipali hija marbuta ma’ sitwazzjoni singulari fejn, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Consiglio di Stato, huwa jista’ jikkompleta d-dispożittiv ta’ waħda minn dawn id-deċiżjonijiet li kisbet natura definittiva u, jekk ikun il-każ, imur lura minn deċiżjonijiet meħuda fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet mill-Commissario ad acta.

100. Madankollu, jekk jiġi preżunt li din il-possibbiltà tista’ titqies bħala li tistabbilixxi attenwazzjoni tal-intanġibbiltà tal-awtorità tar-res judicata definittiva, fatt li ma ġiex stabbilit b’mod ċar (ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet), teżisti differenza sinjifikattiva bejn il-possibbiltà ta’ analiżi mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva u l-possibbiltà li tmur lura minn deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata. L-obbligu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-korp amministrattiv għandu li jmur lura minn deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva, stabbilit mis-sentenza Kühne & Heitz (EU:C:2004:17), huwa bbażat fuq il-premessa li tali eżami mill-ġdid ma huwiex ta’ natura li jippreġudika lil terzi. Din il-kundizzjoni ma jidhirlix li hija ssodisfatta fir-rigward tar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom awtorità ta’ res judicata. Barra minn hekk, jiena tal-opinjoni li din is-sentenza tista’, fl-aħħar mill-aħħar, tinftiehem bħala applikazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza fid-dawl tal-possibbiltà, rrikonoxxuta fid-dritt intern, li tmur lura, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn deċiżjonijiet amministrattivi li saru definittivi.

101. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta deċiżjoni ġudizzjarja, jekk ikun il-każ permezz tal-effetti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ulterjuri, ħolqot sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, il-qorti nazzjonali ma għandiex tmur lura minnha.

102. Barra minn hekk, teżisti possibbiltà li sitwazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni tiġi rimedjata. Fil-fatt, fil-każ fejn is-saħħa ta’ res judicata tirrendi impossibbli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ disponibbli l-possibbiltà ta’ kawża għall-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi (42).

103. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali biss għandha tiddetermina t-termini eżatti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata. Il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata jaqgħu taħt is-sistema legali interna tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fil-każ fejn il-qorti nazzjonali għandha, skont regoli nazzjonali, is-setgħa li tikkompleta, jew saħansitra li tissostitwixxi, it-termini tar-res judicata, hija għandha teżerċitahom għall-finijiet ta’ implementazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni.

IV – Konklużjoni

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato:

1)      Kuntratt ta’ kiri ta’ bini li ser jinbena fil-futur, li għandu l-karatteristiċi tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat bħala “kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratt għal xogħlijiet]” fis-sens tal‑Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet].

2)      Hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tiddetermina t-termini eżatti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata. Il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata jaqgħu taħt is-sistema legali interna tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fil-każ fejn il-qorti nazzjonali għandha, skont regoli nazzjonali s-setgħa li tikkompleta, jew saħansitra li tissostitwixxi, it-termini tar-res judicata, hija għandha teżerċitahom għall-finijiet ta’ implementazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑536/07, EU:C:2009:664, iktar ’il quddiem is-“sentenza KölnMesse”).


3 – Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).


4 – Direttiva tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163).


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


6 – Dan l-avviż kien ippubblikat, b’mod partikolari, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew, tat-23 ta’ Awwissu 2003 (ĠU S 161).


7 – Pizzarotti tirreferi għal żewġ deċiżjonijiet: l-ewwel hija dik tat-Tribunale amministrattivo regionale per la Puglia, tat-18 ta’ Mejju 2004, li, fid-deċiżjoni dwar rikors introdott mill-offerent tellief, ġie deċiż li l-avviż ta’ studju tas-suq kellu natura purament esplorattiva intiża sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall‑ħolqien tal-belt ġudizzjarja ta’ Bari, u konsegwentement ma jwassal għal ebda obbligu tal-amministrazzjoni komunali li sussegwentement tagħti kuntratt għal xogħlijiet. It-tieni hija s-sentenza Nru 4267/2007 tal-Consiglio di Stato, li obbligat lill-imsemmija amministrazzjoni tkompli l-proċedura mibdija billi tikkonkludi ma’ Pizzarotti kuntratt għall-kiri ta’ oġġett futur..


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑576/10, EU:C:2013:510, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Kif semma l-Consiglio di Stato, “l-istudju tas-suq imwettaq mill-Comune di Bari, l-għażla, fit-tmiem ta’ dan, ta’ proġett elaborat mill-impriża Pizzarotti, is-sottomissjoni ta’ dan il-proġett lill-Ministeru tal-Ġustizzja u n-nota Nru 249, tal-4 ta’ Frar 2004 ta’ din l-awtorità, jikkostitwixxu wkoll stadji ta’ proċedura kumplessa intiża għat-twettiq ta’ belt ġudizzjarja ġdida”.


10 – F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li hija għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex indikati b’mod espress fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 39, u Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 30).


11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30).


12 – Ara t-tieni u l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/37 kif ukoll il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18.


13 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Auroux et (C‑220/05, EU:C:2006:410, punt 43).


14 – Ara wkoll, l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva reċenti 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU L 94, p. 65).


15 – Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 u Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18.


16 – Ara, b’mod partikolari, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi, ippreżentata fis-6 ta’ Diċembru 1990, [COM(90) 372 finali — SYN 293).


17 – Ara s-sentenza Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Sentenza KölnMesse (punt 54).


19 – Sentenza KölnMesse (punt 55).


20 – Sentenza Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 67).


21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza KölnMesse (punt 57).


22 – L-abbozz tal-att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, datat Mejju 2012, jirreferi, b’mod partikolari fil-premessa 10 u fl-Artikolu 7 tiegħu, għal dan il-qafas ta’ rekwiżiti.


23 – Sentenza KölnMesse (punt 58).


24 – Ibidem (punt 56).


25 – F’din il-kawża, il-Gvern Ġermaniż kien semma ċ-ċirkustanza li l-ammont totali li kellu jitħallas lil Grundstücksgesellschaft Köln Messe 8‑11 GbR bħala kera, li kien jammonta għal madwar EUR 600 miljun, kien ferm superjuri għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-binjiet, li kienu jammontaw għal madwar EUR 235 miljun.


26 – U dan b’differenza għad-distinzjoni bejn kuntratt pubbliku għal servizzi u kuntratt pubbliku għal provvisti [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/50 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18].


27 – Huma jirreferu, b’mod partikolari, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑536/07, EU:C:2009:340) li jissuġġerixxu li jsir ukoll “paragun tal-ispejjeż rispettivi” (punt 105).


28 – Ara s-sentenza KölnMesse (punt 61).


29 – Sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817).


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Helmut Müller (EU:C:2010:168, punti 50 u 51).


31 – U dan anki jekk il-partijiet jidhru li talbu l-konformità mas-sentenza Nru 8420/2010.


32 – Ara, f’dan ir-rigward, l-espożizzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Consiglio di Stato b’reazzjoni, b’mod partikoli, għall-azzjonijiet tal-Commissario ad acta, tas-27 ta’ Mejju 2010 (punti 23 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


33 – Digriet Leġiżlattiv Nru 104, tat-2 ta’ Lulju 2010 (GURI Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 2010).


34 – Fil-fatt il-Consiglio di Stato jagħti x’jifhem li huma d-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu (tal-15 ta’ April 2010 u tat-3 ta’ Diċembru 2010), li jirrigwardaw l-attivitajiet tal-Commissario ad acta, li wasslu għal sitwazzjoni li potenzjalment tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li ordnaw l-adozzjoni ta’ atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt għall-kiri ta’ oġġett futur li din l-impriża kienet issuġġettat lill-amministrazzjoni bħala l-aħħar proposta wara t-tibdil fil-qafas ekonomiku li seħħ fl-2004.


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38); Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 20) u Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22).


36 – Sentenzi Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 48); Kapferer (EU:C:2006:178, punt 21) u Fallimento Olimpiclub (EU:C:2009:506, punt 23).


37 – Sentenzi Kapferer (EU:C:2006:178, punt 22) u Fallimento Olimpiclub, (EU:C:2009:506, punt 24).


38 – C‑119/05, EU:C:2007:434.


39 – Ibidem (punti 62 u 63).


40 – Sentenza Fallimento Olimpiclub (EU:C:2009:506, punt 25).


41 – Sentenza Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 28). Ara, ukoll, is-sentenzi i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punti 51 sa 55), u Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78).


42 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Köbler (EU:C:2003:513, punti 51 et seq.).