Language of document : ECLI:EU:C:2012:540

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Settembru 2012 (*)

“Regolament (KE) Nru 1206/2001 — Kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Smigħ minn qorti ta’ Stat Membru ta’ xhud li huwa parti għall-kawża prinċipali u residenti fi Stat Membru ieħor — Possibbiltà li tħarrek parti bħala xhud quddiem qorti kompetenti skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ dik il-qorti”

Fil-Kawża C‑170/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2011, fil-proċedura

Maurice Robert Josse Marie Ghislain Lippens,

Gilbert Georges Henri Mittler,

Jean Paul François Caroline Votron

vs

Hendrikus Cornelis Kortekaas,

Kortekaas Entertainment Marketing BV,

Kortekaas Pensioen BV,

Dirk Robbard De Kat,

Johannes Hendrikus Visch,

Euphemia Joanna Bökkerink,

Laminco GLD N-A,

Ageas NV, li qabel kienet Fortis NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Lippens, G. Mittler u J. Votron, minn P. D. Olden u H. M. H. Speyart, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, kif ukoll minn K. Petersen u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn P. Dillon Malone, BL,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Lippens, G. Mittler u J. Votron (iktar ’il quddiem, flimkien, “Lippens et”), residenti l-Belġju, membri tad-direttorat ta’ Ageas NV, li qabel kienet Fortis NV (iktar ’il quddiem “Fortis”), kontra H. Kortekaas, Kortekaas Entertainment Marketing BV, Kortekaas Pensioen BV, .D. De Kat u J. Visch, E. Bökkerink u Laminco GLD N-A (iktar ’il quddiem, flimkien, “Kortekaas et”), detenturi ta’ assi mobbli ta’ Fortis, dwar id-dannu allegatament subit minn dawn id-detenturi minħabba l-fatt li huma fdaw fl-informazzjoni li tirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Fortis mogħtija mill-imsemmija membri tad-direttorat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 2, 7, 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1206/2001:

“(2)      Sabiex is-suq intern jaħdem kif suppost, kooperazzjoni bejn qrati fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha titjieb u b’mod partikolari tkun issimplifikata u mgħaġġla.

[…]

(7)      Billi huwa ħafna drabi essenzjali f’materja ċivili jew kummerċjali pendenti quddiem qorti fi Stat Membru li tiġi kumpilata x-xhieda fi Stat Membru ieħor, l-attivita tal-Komunità ma tistax tiġi limitata għall-qasam ta’ trasmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u ta’ dawk estra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li jisservew dokumenti ġudizzjarji u ta’ dawk estra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227]. Huwa għalhekk meħtieġ li jitkompla t-titjib ta’ kooperazzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

(8)       L-effiċjenza ta’ proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali teħtieġ li t-trasmissjoni u l-eżekuzzjoni ta’ rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda jsiru direttament u bl-aktar mezz mgħaġġel possibbli bejn qrati ta’ l-Istati Membri.

[…]

(10)      Talba għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda għanda tiġi eżegwita bil-ħeffa. Jekk m’huwiex possibbli li t-talba tiġi eżegwita fi żmien 90 ġurnata minn meta tiġi riċevuta mill-qorti rikjesta, dan ta’ l-aħħar għandu jgħarraf lill-qorti rikjesta kif xieraq, billi jiddikjara r-raġunijiet li jipprevjenu li t-talba tkun eżegwita bil-ħeffa.

(11)      Biex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibiltà li l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda tiġi rifjutata għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru°1206/2001, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ dak l-Istat, titlob:

a)      lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor x-xhieda; jew

b)      li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

2.      M’għandhiex issir talba biex tinkiseb xhieda li m’hijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew.

3.      F’dan ir-Regolament, it-termini ‘Stat Membru’ għandu jfisser Stati Membri minbarra d-Danimarka.”

5        L-Artikoli 10 sa 16 tal-istess regolament jirrigwardaw il-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjesta.

6        Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru°1206/2001, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tat-talba”:

“1.      Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 ġurnata mill-irċevuta tat-talba.

2.      Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.

3.      Il-qorti rikjedenti tista’ tirrikjedi li t-talba tkun eżegwita bi qbil ma’ proċedura speċjali provduta bil-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha […]. Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma’ ħtieġa bħal din minbarra jekk din il-proċedura mhijiex kompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f’diffikultajiet prattiċi maġġuri. Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mal-ħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti […].

4.      Il-qorti rikjedenti tista titlob lill-qorti rikjesta biex tuża’ teknoloġija ta’ komunikazzjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda, partikolarment permezz ta’ konferenzi bl-użu tal-video u konferenzi bl-użu tat-telefon.

Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma’ ħtieġa bħal din minbarra jekk din ma tkunx inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f’diffikultajiet prattiċi maġġuri.

[…]”

7        L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżekuzzjoni bil-presenza u l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-qorti rikjedenti”, jippreċiża:

“1.      Jekk ikun kompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, rappreżentanti tal-qorti rikjedenti għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjesta.

2.      Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “rappreżentant” għandu jinkludi membri tal-personal ġudizzjarju nominat mill-qorti rikjedenti, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha. Il-qorti rikjedenti tista’ tinnomina wkoll, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha, xi persuna oħra, bħalma huwa espert.

[…]

4.      Jekk il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti hija mitluba fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-qorti rikjesta għandha tistabbilixxi, bi qbil ma’ l-Artikolu 10, il-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jipparteċipaw.

[…]”

8        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001, li jirregola l-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda mill-qorti rikjedenti, jipprovdi:

“1.      Fejn qorti titlob kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor, għandha tissottometti talba lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti […] f’dak l-Istat […].

[…]

3.      Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha tkun eżegwita minn membru tal-personal ġudizzjarju jew minn xi persuna oħra bħal ma hu espert, li se jiġi nominat, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

4.      Fi żmien 30 ġurnata minn meta jerċievi t-talba, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru rikjest għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti jekk tiġi aċċettata t-talba u, jekk ikun meħtieġ, fuq liema kondizzjonijiet skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha din ser tkun eżegwita […].

Partikolarment, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista’ tassenja qorti ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kif suppost ta’ dan l-Artikolu u l-kondizzjonijiet li jkunu ġew dikjarati.

Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti għandha tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjonijiet, bħal konferenzi bl-użu ta’ video u konferenzi bl-użu tat-telefon.

5.      Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda biss jekk:

a)      it-talba ma tidħolx fl-iskop ta’ dan ir-Regolament kif dikjarat fl-Artikolu 1; jew

b)      it-talba ma tikkontjenix it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4; jew

ċ)      il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda mitluba hija kontra l-prinċipji fondamentali ta’ liġi fl-Istat Membru tagħha.

6.      Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet preskritti bi qbil mal-paragrafu 4, il-qorti rikjedenti għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.”

9        L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ ftehimijiet jew arranġementi eżistenti jew futuri bejn Stati Membri”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu xi ftehim bejn tnejn minnhom jew aktar biex jiffaċilitaw aktar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, basta li huma kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.”

 Id-dritt Olandiż

10      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-smigħ ta’ xhieda kif ukoll is-smigħ provviżorju ta’ xhieda huwa rregolat mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering, iktar ’il quddiem, il-“WBR”).

11      Skont l-Artikolu 164 tal-WBR:

“1.      Il-partijiet jistgħu jidhru wkoll bħala xhieda.

[…]

3.      Jekk parti li hija obbligata tagħmel dikjarazzjoni bħala xħud ma tidhirx għas-seduta, ma tirrispondix għad-domandi li jsirulha jew tirrifjuta li tiffirma d-dikjarazzjoni tagħha, il-qorti tista’ tasal għall-konklużjonijiet li hija tikkunsidra neċessarji.”

12      L-Artikolu 165(1) tal-WBR jipprovdi li “kull persuna mħarrka biex tinstema’ bħala xhud skont il-metodi previsti mill-liġi, għandha tidher sabiex tagħti x-xhieda tagħha”.

13      L-Artikolu 176(1) tal-WBR jipprovdi:

“Sa fejn trattat jew regolament tal-UE ma jipprovdix xort’oħra, jekk xhud jirrisjedi barra mill-pajjiż, il-qorti tista’ titlob li awtorità maħtura minnha, tal-pajjiż ta’ residenza tax-xhud, tipproċedi għas-smigħ, li għandu jsir taħt ġurament jekk dan ikun possibbli, jew tafda dan is-smigħ f’idejn uffiċjal konsulari Olandiż li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu r-residenza tax-xhud.”

14      L-Artikolu 186 tal-WBR jipprovdi:

“1.      Fil-każijiet fejn il-liġi taċċetta l-prova permezz ta’ xhieda, jista’ jiġi ordnat is-smigħ provviżjorju ta’ xhieda mingħajr dewmien qabel ma titressaq kawża, fuq talba tal-persuna kkonċernata.

2.      Meta kawża hija diġà pendenti, il-qorti tista’ tordna s-smigħ provviżjorju ta’ xhieda fuq talba ta’ parti.”

15      L-Artikolu 189 tal-WBR jipprovdi li “d-dispożizzjonijiet dwar is-smigħ ta’ xhieda japplikaw ukoll għas-smigħ provviżjorju.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Fit-3 ta’ Awwissu 2009, Kortekaas et, detenturi ta’ assi mobbli ta’ Fortis, bdew proċeduri quddiem ir-Rechtbank Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra Lippens et, membri tad-direttorat ta’ Fortis, kif ukoll kontra din il-kumpannija stess. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, Kortekaas et jitolbu kumpens għad-danni li huma allegatament subew meta xtraw jew żammew assi mobbli sussegwentement għal informazzjoni mxandra pubblikament fis-snin 2007 u 2008 minn Lippens et dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Fortis u d-dividendi li kellhom jiġu mqassma minn din fis-sena 2008.

17      Sabiex tikseb kjarifiki fuq id-dikjarazzjonijiet li saru minn Lippens et u fuq l-informazzjoni li saru jafu biha fil-perijodu msemmi, Kortekaas et ippreżentaw, fis-6 ta’ Awwissu 2009, talba quddiem ir-Rechtbank Utrecht sabiex tipproċedi bi smigħ provviżorju ta’ Lippens et bħala xhieda. L-imsemmija qorti laqgħet din it-talba permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2009, fejn ippreċiżat li s-smigħ kien ser isir minn imħallef kummissarju li kellu jiġi maħtur għal dan il-għan.

18      Fid-9 ta’ Diċembru 2009, Lippens et talbu li r-Rechtbank Utrecht tibgħat ittri rogatorji biex tagħtihom il-possibbiltà li jinstemgħu minn qorti Frankofona fil-Belġju, li huwa l-Istat tar-residenza tagħhom. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Frar 2010.

19      Adita b’appell ippreżentat minn Lippens et kontra dan id-digriet, il-Gerechtshof te Amsterdam ikkonfermat din tal-aħħar permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Mejju 2010, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 176(1) tal-WBR, li jagħti lill-qorti li jkollha tisma’ xhud li jirrisjedi fi Stat ieħor il-fakultà, u mhux l-obbligu, li tipproċedi permezz ta’ ittri rogatorji. Din il-qorti ppreċiżat li, bħala regola ġenerali, ix-xhieda għandhom jinstemgħu mill-qorti li quddiemha jkunu jinsabu pendenti l-proċeduri u li, fil-kawża preżenti l-ebda ċirkustanza ma tiġġustifika deroga minn din ir-regola favur Lippens et, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-oppożizzjoni ta’ Kortekaas et. Hija żiedet li smigħ fil-Belġju ma kienx ikun ġustifikat minħabba raġunijiet lingwistiċi, peress li Lippens et kellhom il-possibbiltà li jiġu assistiti minn interpretu fis-smigħ tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

20      Lippens et appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju minn dan id-digriet tal-Gerechtshof te Amsterdam.

21      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-Regolament Nru 1206/2001 ma jipprekludix minn naħa, li qorti ta’ Stat Membru tħarrek sabiex jidher quddiemha, skont ir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ f’dak l-Istat, xhud li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas tax-xhud milli jidher jwassal għall-konsegwenzi previsti minn dan id-dritt.

22      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru°1206/2001 ma tippermetti li jiġi konkluż li l-mezzi ta’ kisba tal-provi previsti minn din tal-aħħar ma jeskludu l-użu ta’ mezzi ta’ kisba tal-provi previsti mid-dritt tal-Istati Membri. Skont din, ir-Regolament Nru 1206/2001 huwa intiż biss sabiex jiffaċilita l-ksib ta’ provi u ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jemendaw il-metodi ta’ ksib ta’ provi previsti mid-dritt proċedurali nazzjonali tagħhom. Hija madankollu tistaqsi jirriżultax mis-sentenza tat-28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy (C‑104/03, Ġabra p. I‑3481, punt 23) li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikorru għal dan ir-regolament fil-kisba tal-provi li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament [Nru 1206/2001], b’mod partikolari l-Artikolu 1(1), għandu jiġi interpretat fis-sens li, imħallef li jixtieq jisma’ xhud li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, għandu dejjem japplika, fil-kuntest ta’ din it-tip ta’ xhieda, il-metodi implementati mill-imsemmi regolament, jew inkella l-imħallef għandu l-fakultà li juża l-metodi [previsti] fid-dritt proċedurali nazzjonali tiegħu, bħal pereżempju jħarrek ix-xhud sabiex jidher quddiemu?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti kompetenti ta’ Stat Membru li tixtieq tisma’, bħala xhud, parti residenti fi Stat Membru ieħor, għandha dejjem tapplika, sabiex tipproċedi b’tali smigħ, il-mezzi ta’ kisba tal-provi previsti minn dan ir-regolament, jew jekk, għall-kuntrarju, din il-qorti għandhiex il-fakultà li tħarrek lil din il-parti quddiemha u li tismagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru tagħha.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1206/2001, dan ir-regolament huwa applikabbli f’oqsma ċivili jew kummerċjali, meta qorti ta’ Stat Membru, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tiegħu, titlob kemm lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li tipproċedi bil-kumpilazzjoni ta’ xhieda, kif ukoll li tipproċedi hija stess direttament b’tali att f’dan l-aħħar imsemmi Stat.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru°1206/2001, kif definit minn dan l-artikolu huwa dak kif jirriżulta mis-sistema ta’ dan ir-regolament, huwa limitat għaż-żewġ mezzi ta’ kisba tal-provi, jiġifieri, minn naħa, l-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti meħtieġa b’mod konformi mal-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-regolament fuq talba tal-qorti rikjedenti ta’ Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni diretta ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjedenti fi Stat Membru ieħor, fejn il-metodi huma stabbiliti mill-Artikolu 17 tal-istess regolament.

27      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru°1206/2001 ma jikkontjeni l-ebda dispożizzjoni li tirregola jew teskludi l-possibbiltà, għall-qorti ta’ Stat Membru, li tħarrek parti residenti fi Stat Membru ieħor li tidher u tagħti xhieda direttament quddiemha.

28      B’hekk jirriżulta li r-Regolament Nru°1206/2001 huwa applikabbli biss, bħala prinċipju, fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tipproċedi bil-kisba tal-provi skont wieħed mill-mezzi previsti f’dan ir-regolament, każ li fih hija marbuta ssegwi l-proċeduri li jirrigwardaw dawn il-mezzi.

29      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 2, 7, 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1206/2001, dan għandu bħala għan il-kisba sempliċi, effikaċi u rapida tal-provi f’kuntest transkonfinali. Il-kisba, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ provi fi Stat Membru ieħor ma għandhiex twassal għal żieda fit-tul tal-proċeduri nazzjonali. Huwa għalhekk li dan ir-regolament stabbilixxa sistema li tapplika għall-Istati Membri kollha — bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, sabiex jitneħħew l-ostakli li jistgħu jitfaċċaw f’dan il-qasam (ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, Ġabra p. I‑601, punt 62).

30      Issa, ma tweġibx għal dan l-għan interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru°1206/2001 li tipprojbixxi, b’mod ġenerali, lil qorti ta’ Stat Membru li tħarrek quddiemha, bis-saħħa ta’ dritt nazzjonali tagħha, parti, residenti fi Stat Membru ieħor, bħala xhud, u li tisma’ lil din il-parti skont l-imsemmi dritt nazzjonali. Fil-fatt, hekk kif osservaw il-gvern Ċek u dak Pollakk kif ukoll l-avukat ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni bħal din twassal għal limitazzjoni tal-possibbiltajiet, għal din il-qorti, li tipproċedi bi smigħ ta’ parti bħal din.

31      Għalhekk, huwa evident li, f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari jekk il-parti mħarrka bħala xhud hija disposta li tidher volontarjament, jista’ jirriżulta iktar sempliċi, iktar effikaċi u iktar rapidu, għall-qorti kompetenti, li tismagħha skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha minflok tirrikorri għall-mezzi ta’ kisba tal-provi previsti mir-Regolament Nru°1206/2001.

32      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li smigħ, imwettaq mill-qorti kompetenti bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħha, jagħti lil din tal-aħħar il-possibbiltà mhux biss li tistaqsi lil parti direttament, iżda wkoll li tikkonfrontaha bid-dikjarazzjonijiet ta’ partijiet oħra għax-xhieda eventwalment ippreżentati fis-seduta, kif ukoll li tivverifika hija stess, permezz ta’ domandi supplimentari eventwali, il-kredibbiltà tax-xhieda tagħha, b’kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha fattwali u ġuridiċi tal-kawża. Seduta bħal din b’hekk hija distinta mill-eżekuzzjoni ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti meħtieġa skont l-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-regolament, għalkemm l-Artikolu 12 ta’ din tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-preżenza u l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-qorti rikjedenti f’eżekuzzjoni bħal din. L-eżekuzzjoni diretta ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda skont l-Artikolu 17 tal-istess regolament, anki jekk din tippermetti lil qorti rikjedenti li twettaq hija stess seduta b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru tagħha, xorta tibqa’ suġġetta għall-awtorizzazzjoni u għall-kundizzjonijiet imposti mill-korp ċentrali jew awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, kif ukoll għal metodi oħra previsti minn dan l-artikolu.

33      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li skont din ir-Regolament Nru 1206/2001 ma jirregolax il-kisba transkonfinali tal-provi b’mod eżawrjenti, iżda jipprovdi biss li jiffaċilita tali kisba, li jippermetti l-użu ta’ għodda oħra li għandhom l-istess għan, huwa kkorroborat mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru°1206/2001, li jawtorizza speċifikament ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Membri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw iktar il-kisba tal-provi, sakemm ikunu kompatibbli ma’ dan ir-regolament.

34      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 23 tas-sentenza St. Paul Dairy, iċċitata iktar ’il fuq, li talba għas-smigħ ta’ xhud f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali tista’ tiġi użata bħala mezz sabiex jiġu evitati r-regoli tar-Regolament Nru 1206/2001 li jirregolaw, fuq il-bażi tal-istess garanziji u bl-istess effetti għall-individwi kollha, it-trażmissjoni u t-trattament tal-mistoqsijiet magħmula minn qorti ta’ Stat Membru u intiżi sabiex issir istruttorja fi Stat Membru ieħor.

35      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tkunx interpretata bħala li timponi lill-qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża fuq il-mertu u li tixtieq tisma’ xhud, residenti fi Stat Membru ieħor, li tipproċedi għal dan is-smigħ skont ir-regoli previsti mir-Regolament Nru°1206/2001.

36      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-imsemmija sentenza kienu kkaratterizzati mill-fatt li t-talba għal smigħ provviżorju ta’ xhud, imressqa minn waħda mill-partijiet, kienet indirizzata direttament lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza tax-xhud, li madankollu ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża fuq il-mertu. Issa, talba bħal din setgħet effettivament tkun użata bħala mezz sabiex taħrab ir-regoli tar-Regolament Nru°1206/2001, peress li din tista’ tiċħad lill-qorti kompetenti, li lilha kellha tiġi indirizzata din it-talba, tal-possibbiltà li tipproċedi għas-smigħ tal-imsemmi xhud skont ir-regoli previsti minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma distinti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza St. Paul Dairy, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn it-talba għas-smigħ provviżorju ġiet mressqa quddiem il-qorti kompetenti.

37      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-qorti kompetenti ta’ Stat Membru għandha l-fakultà li tħarrek quddiemha, bħala xhud, parti residenti fi Stat Membru ieħor u li tismagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru tal-imsemmija qorti.

38      Barra minn hekk, din l-aħħar imsemmija qorti tibqa’ ħielsa li toħroġ minn nuqqas ta’ apparizzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni ta’ raġuni leġittima, ta’ parti bħala xhud, il-konsegwenzi eventwali previsti mid-dritt tal-Istat Membru tagħha, dment li huma jkunu applikati b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru°1206/2001, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) ta’ dan, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti kompetenti ta’ Stat Membru li tixtieq tisma’, bħala xhud, lil parti residenti fi Stat Membru ieħor, għandha l-fakultà, sabiex tipproċedi b’tali smigħ, li tħarrek lil din il-parti quddiemha u li tismagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) ta’ dan, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti kompetenti ta’ Stat Membru li tixtieq tisma’, bħala xhud, lil parti residenti fi Stat Membru ieħor, għandha l-fakoltà, sabiex tipproċedi b’tali smigħ, li tħarrek lil din il-parti quddiemha u li tismagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.