Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Awwissu 2011 - Golden Balls vs UASI - Intra-Presse (GOLDEN BALLS)

(Kawża T-448/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Golden Balls Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: M. Edenborough, QC, u S. Smith, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appel: Intra-Presse (Boulogne-Billancourt, Franza)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-22 ta' Ġunju 2011 fil-Każ R 1432/2010-1, sa fejn tilqa' l-appell quddiem il-Bord tal-Appell fir-rigward ta' ċerti prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 28 u 41; u

tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta ma' dan l-appell jew, sussidjarjament, tordna lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta ma' dan l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "GOLDEN BALLS" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 28 u 41 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 6036503

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: ir-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja bin-numru 4226148 tat-trade mark verbali "BALLON D'OR", għal, fost l-oħrajn, prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 14, 16, 18, 25, 28, 38 u 41

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni miċħuda, l-oppożizzjoni u l-appell milqugħa parzjalment

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra, b'mod żbaljat, li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja u t-trade mark preċedenti

____________