Language of document : ECLI:EU:T:2019:670

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mil-Lussemburgu – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tagħha – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Vantaġġ – Prinċipju ta’ distakkament – Natura selettiva – Preżunzjoni – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Irkupru”

Fil-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat inizjalment minn D. Holderer u T. Uri, sussegwentement minn T. Uri, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn D. Waelbroeck, S. Naudin u A. Steichen, sussegwentement minn D. Waelbroeck u A. Steichen, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑755/15,

sostnut minn

L-Irlanda, irrappreżentata inizjalment minn E. Creedon, G. Hodge u A. Joyce, sussegwentement minn G. Hodge, M. Browne u A. Joyce, u fl-aħħar nett minn A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn P. Gallagher, M. Collins, SC, B. Doherty u S. Kingston, barristers,

intervenjenti,

Fiat Chrysler Finance Europe, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn J. Rodríguez, solicitor, G. Maisto u M. Engel, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑759/15,

sostnuta minn

L-Irlanda, irrappreżentata inizjalment minn E. Creedon, G. Hodge, K. Duggan u A. Joyce, sussegwentement minn G. Hodge, K. Duggan, M. Browne u A. Joyce, u fl-aħħar nett minn A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn M. Collins, P. Gallagher, SC, S. Kingston u B. Doherty, barristers,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.-J. Loewenthal u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2326 tal‑21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38375 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu għal Fiat (ĠU 2016, L 351, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, V. Tomljenović (Relatur), E. Bieliūnas, A. Marcoulli u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq id-deċiżjoni tat-taxxa mogħtija mill-awtoritajiet fiskali Lussemburgiżi lil FFT

1        Fl‑14 ta’ Marzu 2012, il-konsulent tat-taxxa ta’ Fiat Chrysler Finance Europe, li kienet imsemmija Fiat Finance and Trade Ltd (iktar ’il quddiem “FFT”), indirizza ittra lill-awtoritajiet fiskali Lussemburgiżi sabiex jitlob deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (jew tax ruling). [kunfidenzjali] (1).

2        Fit‑3 ta’ Settembru 2012, l-awtoritajiet fiskali Lussemburgiżi adottaw deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem favur FFT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni”). L-imsemmija deċiżjoni kienet tinsab f’ittra li fiha kien indikat li, “fir-rigward tal-ittra, bid-data tal‑14 ta’ Marzu 2012, dwar l-attivitajiet ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp ta’ FFT, [kien] ikkonfermat li l-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment [kienet] twettqet konformement maċ-Ċirkulari 164/2 tat‑28 ta’ Jannar 2011 u li hija [kienet] tosserva l-prinċipju ta’ distakkament”.

3        L-ittra tat‑3 ta’ Settembru 2012 kienet tippreċiża wkoll li d-deċiżjoni li kienet tinsab fiha kienet vinkolanti għall-awtoritajiet fiskali għal perijodu ta’ ħames snin (jiġifieri mis-sena fiskali 2012 sas-sena fiskali 2016).

B.      Fuq il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

4        Fid‑19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu l-ewwel talba għal informazzjoni li tirrigwarda l-informazzjoni ddettaljata dwar il-prattiki nazzjonali fil-qasam tad-deċiżjonijiet tat-taxxa. Din l-ewwel talba għal informazzjoni ġiet segwita minn diversi skambji bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni sal-adozzjoni, minn din tal-aħħar, fl‑24 ta’ Marzu 2014, ta’ deċiżjoni li tordna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jipprovdilha l-informazzjoni.

5        Fil‑11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”) dwar id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Bejn il-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni kellha diversi skambji mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kif ukoll ma’ FFT, dwar, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni.

C.      Fuq id-deċiżjoni kkontestata

6        Fil‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2016/2326 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38375 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu għal Fiat (ĠU 2016, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

1.      Deskrizzjoni tal-miżura kkontestata

7        Fit-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Deskrizzjoni tal-miżura”, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeskriviet lil FFT, il-benefiċjarju tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, li kienet parti mill-grupp tal-karozzi Fiat/Chrysler (iktar ’il quddiem il-“grupp Fiat/Chrysler”). Hija indikat li FFT kienet tipprovdi servizzi ta’ teżor u finanzjamenti lill-kumpanniji tal-imsemmi grupp stabbiliti fl-Ewropa, minbarra dawk stabbiliti fl-Italja, u li hija kienet topera mil-Lussemburgu, fejn kien stabbilit l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Il-Kummissjoni ppreċiżat li FFT kienet attiva b’mod partikolari fil-finanzjament mis-suq u l-investimenti ta’ likwidità, ir-relazzjonijiet mal-operaturi fis-suq finanzjarju, is-servizzi ta’ koordinazzjoni u pariri finanzjarji lill-kumpanniji tal-grupp, is-servizzi ta’ ġestjoni tat-teżor għall-kumpanniji tal-grupp, il-finanzjament bejn il-kumpanniji għal żmien qasir jew għal żmien medju u l-koordinazzjoni mal-kumpanniji ta’ finanzjament l-oħra (premessi 34 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni pproċediet għal deskrizzjoni tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, fejn ippreċiżat li din kienet ġiet adottata mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża fit‑3 ta’ Settembru 2012. Hija indikat li din id-deċiżjoni kienet issegwi, minn naħa, l-ittra tal‑14 ta’ Marzu 2012 tal-konsulent tat-taxxa ta’ FFT indirizzata lill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża, li kien fiha talba għal approvazzjoni ta’ ftehim dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, u, min-naħa l-oħra, rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment li kien fih analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment, imfassal mill-konsulent tat-taxxa insostenn tat-talba għal adozzjoni ta’ deċiżjoni tat-taxxa min-naħa ta’ FFT (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment”) (premessi 9, 53 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-Kummissjoni ddeskriviet id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni bħala li kienet tappoġġja metodu ta’ allokazzjoni tal-profitti lil FFT fi ħdan il-grupp Fiat/Chrysler, u dan kien jippermetti lil FFT tiddetermina kull sena l-ammont tat-taxxa tagħha fuq il-kumpanniji li kellhom jitħallsu lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Hija ppreċiżat li d-deċiżjoni tat-taxxa kienet vinkolanti għal perijodu ta’ ħames snin, mis-sena finanzjarja 2012 sas-sena finanzjarja 2016 (premessi 52 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-Kummissjoni kkonstatat li, skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, il-metodu l-iktar adegwat sabiex jiġi ddeterminati l-profitt taxxabbli ta’ FFT kien il-metodu tat-tranżazzjoni tal-marġni pożittiv (iktar ’il quddiem il-“MTMN”). Dan il-metodu jikkonsisti, skont il-Kummissjoni, fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni pożittivi miġbura waqt it-tranżazzjonijiet komparabbli mwettqa minn kumpanniji independenti. Din l-għażla kienet iġġustifikata, skont l-imsemmi rapport, mill-fatt li FFT kienet tipprovdi esklużivament servizzi finanzjarji lill-impriżi li kienu parti mill-grupp Fiat/Chrysler. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, ir-remunerazzjoni dovuta lil FFT, li kienet tikkostitwixxi l-profitt taxxabbli, kellha tiġi stabbilita fir-rigward tal-kapital li jkun neċessarju għal FFT sabiex teżerċita l-funzjonijiet tagħha u sabiex isostni r-riskji li ġġarrab, jekk jiġu kkunsidrati l-assi użati (premessi 55 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, kif appoġġjat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, kien jipproponi l-kalkolu ta’ remunerazzjoni globali dovuta lil FFT għall-attivitajiet ta’ finanzjament u ta’ teżor tagħha u għar-riskji li hija kienet issostni, magħmula miż-żewġ elementi li ġejjin (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        “rimunerazzjoni tar-riskju”, ikkalkolata billi jiġu mmultiplikati l-fondi proprji regolamentarji ipotetiċi ta’ FFT, stmati bl-applikazzjoni b’analoġija tal-Qafas ta’ Basel II għal EUR 28 500 000, bir-redditu mnaqqas qabel it-taxxi, stmat għal 6.05 %, għall-għajnuna tal-mudell ta’ evalwazzjoni tal-assi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“MEDAF”);

–        “rimunerazzjoni tal-funzjonijiet”, ikkalkolata billi jiġu mmultiplikati dawk li jsir riferiment għalihom bħala l-fondi proprji ta’ FFT użati sabiex jiġu eżerċitati l-funzjonijiet, stmati għal EUR 93 710 000, għar-rata ta’ interess tas-suq applikat għad-depożitu għal żmien qasir, stmat għal 0.87 %.

12      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet appoġġjat il-proposta tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment li ma tiġix irremunerata l-parti tal-kapital proprju ta’ FFT meqjusa bħala li tkopri l-investimenti finanzjarji ta’ FFT fi ħdan Fiat Finance North America Inc. (iktar ’il quddiem “FFNA”) u Fiat Finance Canada Ltd (iktar ’il quddiem “FFC”) (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Deskrizzjoni tar-regoli Lussemburgiżi dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment

13      Il-Kummissjoni indikat li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi Lussemburgiż tat-Taxxa fuq id-Dħul (il-Liġi tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, kif emendata, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), u ċ-Ċirkulari L.I.R. Nru 164/2 tad-Direttur tal-Kontribuzzjonijiet Lussemburgiżi, tat‑28 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari”). F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat li l-imsemmi artikolu kien jistabbilixxi l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt tat-taxxa Lussemburgiż, li skontu t-tranżazzjonijiet bejn kumpanniji ta’ grupp wieħed (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji integrati”) kellhom jiġu rremunerati daqslikieku kienu ġew aċċettati minn kumpanniji indipendenti li jinnegozjaw f’ċirkustanzi komparabbli f’kundizzjonijiet ta’ distakkament (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji awtonomi”). Min-naħa l-oħra, hija żiedet tgħid li ċ-Ċirkulari kienet tippreċiża b’mod partikolari kif kellha tiġi ddeterminata remunerazzjoni ta’ distakkament partikolarment fir-rigward tal-kumpanniji ta’ finanzjament tal-grupp (premessi 74 sa 83 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Deskrizzjoni tal-linji gwida tal-OECD

14      Il-Kummissjoni spjegat il-prinċipji tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (“OECD”) fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment u indikat li l-prezzijiet ta’ trasferiment kienu jirreferu għall-prezzijiet iffatturati għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn entitajiet differenti tal-istess grupp ta’ kumpanniji. Hija affermat li, sabiex jiġi evitat li l-kumpanniji multinazzjonali ma jiġux inċentivati finanzjarjament sabiex jattribwixxu mill-inqas profitt possibbli lit-territorji li jintaxxawh b’mod iktar qawwi, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa kellhom jaċċettaw il-prezzijiet ta’ trasferiment bejn kumpanniji integrati biss meta, konformement mal-prinċipju ta’ distakkament, it-tranżazzjonijiet kienu rremunerati daqslikieku kienu ġew aċċettati minn kumpanniji awtonomi li jinnegozjaw f’ċirkustanzi komparabbli f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. Il-Kummissjoni ppreċiżat li dan il-prinċipju kien jinsab fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u fuq il-Kapital (iktar ’il quddiem il-“Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD”) (premessi 84 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Il-Kummissjoni fakkret li l-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment għall-impriżi multinazzjonali u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, adottati mill-Kumitat tal-Affarijiet tat-Taxxa tal-OECD fis‑27 ta’ Ġunju 1995 u reveduti fit‑22 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-OECD”), kienu jelenkaw ħames metodi sabiex tiġi stabbilita approssimazzjoni tal-prezzijiet ta’ distakkament għat-tranżazzjonijiet u d-distribuzzjoni tal-profitt bejn il-kumpanniji integrati. Tnejn biss minnhom kienu rilevanti fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 88 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      L-ewwel metodu, li huwa metodu tradizzjonali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet, huwa l-metodu tal-prezz komparabbli fis-suq ħieles (iktar ’il quddiem iċ-“CUP”). Il-Kummissjoni fakkret li l-metodu CUP kien iqabbel il-prezz iffatturat għat-trasferiment ta’ oġġetti jew servizzi fil-kuntest ta’ tranżazzjoni bejn żewġ impriżi assoċjati ma’ xulxin mal-prezzijiet iffatturati għat-trasferiment ta’ oġġetti jew servizzi fil-kuntest ta’ tranżazzjoni komparabbli mwettqa bejn żewġ impriżi indipendenti minn xulxin f’ċirkustanzi komparabbli (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      It-tieni metodu huwa l-MTMN, li jikkostitwixxi metodu indirett użat sabiex tiġi stabbilita approssimazzjoni tal-prezzijiet ta’ distakkament għat-tranżazzjonijiet u d-distribuzzjoni tal-profitti bejn il-kumpanniji tal-istess grupp. Il-Kummissjoni ddeskriviet dan il-metodu bħala li jikkonsisti fl-istima tal-ammont potenzjali tal-profitt fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament għal attività meqjusa kollha kemm hi, iktar milli għal tranżazzjonijiet speċifiċi. Hija ppreċiżat li, f’dan il-kuntest, kellu jintgħażel indikatur tal-livell tal-profitti, bħall-ispejjeż, id-dħul mill-bejgħ jew l-investimenti fissi, u tiġi applikata għalih rata ta’ profitt li tirrifletti dik osservata fi tranżazzjonijiet komparabbli mwettqa fis-suq ħieles (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.      Evalwazzjoni tal-miżura kkontestata

18      Fit-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Valutazzjoni tal-miżura kkontestata”, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm għajnuna mill-Istat.

19      Wara li fakkret il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li skonthom, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel kundizzjoni kienet issodisfatta fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija rrilevat li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet attribwibbli għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat li din id-deċiżjoni kienet wasslet għal telf ta’ riżorsi mill-Istat, peress li kull tnaqqis tat-taxxa dovut minn FFT kien jikkawża telf ta’ dħul mit-taxxa li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu seta’ juża fin-nuqqas ta’ dan it-tnaqqis (premessi 185 sa 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fir-rigward tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni, minn naħa, il-Kummissjoni qieset li, billi FFT kienet tagħmel parti minn grupp li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fl-Istati Membri kollha, kull għajnuna mogħtija lilha setgħet taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija qieset li, sa fejn id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet teżenta lil FFT minn dejn fiskali, din kienet ittejjeb il-pożizzjoni finanzjarja tagħha u, għalhekk, kienet twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lil FFT, sa fejn din kienet wasslet għal tnaqqis tat-taxxa dovuta mill-parti interessata lil-Lussemburgu billi titbiegħed mit-taxxa li hija kellha tħallas fid-dawl tas-sistema ordinarja tat-taxxa fuq il-kumpanniji (premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      B’mod preliminari, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-ġurisprudenza, tkun meħtieġa analiżi fi tliet stadji sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura fiskali partikolari hijiex selettiva. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-iskema komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru, jiġifieri s-“sistema ta’ referenza”. Fit-tieni lok, irid jiġi ddeterminat jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema, sa fejn din tagħmel differenza bejn operaturi ekonomiċi, li fid-dawl tal-għan intrinseku għas-sistema, huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Sussegwentement il-Kummissjoni fakkret li, fit-tielet lok, jekk il-miżura tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, l-Istat għandu jistabbilixxi jekk din il-miżura hijiex iġġustifikata min-natura jew mill-ekonomija ġenerali tas-sistema ta’ referenza (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fir-rigward tal-ewwel stadju, marbut mad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, il-Kummissjoni qieset li, fil-każ ineżami, l-imsemmija sistema kienet is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu, li għan tagħha kien it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Lussemburgu. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li s-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu kienet tapplika għall-kumpanniji lokali u l-kumpanniji barranin residenti fil-Lussemburgu, inklużi l-fergħat Lussemburgiżi tal-kumpanniji barranin. Il-Kummissjoni qieset li l-fatt li kienet teżisti differenza fil-kalkolu tal-profitti taxxabbli bejn il-kumpanniji awtonomi u l-kumpanniji integrati ma kellu l-ebda effett fuq l-għan tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu, li kien li jiġu ntaxxati l-profitti tal-kumpanniji kollha residenti fil-Lussemburgu, kemm jekk kienu integrati kif ukoll mhux integrati u li ż-żewġ tipi ta’ kumpanniji jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili fir-rigward tal-għan intrinseku ta’ din is-sistema. Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti kollha mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u minn FFT li skonthom l-Artikolu 164 tal-Kodiċi tat-Taxxa jew iċ-Ċirkulari kienu jikkostitwixxu s-sistema ta’ referenza rilevanti kif ukoll l-argument tagħhom li skontu s-sistema ta’ referenza li kellha tiġi kkunsidrata biex tiġi evalwata s-selettività tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kellha tinkludi biss impriżi suġġetti għar-regoli dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment (premessi 193 sa 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fir-rigward tat-tieni stadju, il-Kummissjoni indikat li l-kwistjoni dwar jekk miżura fiskali tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta’ referenza ġeneralment kienet tikkoinċidi mal-konstatazzjoni li kien ingħata vantaġġ lill-benefiċjarju permezz ta’ din il-miżura. Fil-fehma tagħha, meta miżura fiskali tikkawża tnaqqis mhux iġġustifikat tat-taxxa dovuta minn benefiċjarju li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, kien ikollu jħallas taxxa ogħla skont is-sistema ta’ referenza, dan it-tnaqqis kien jikkostitwixxi l-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali fl-istess żmien tad-deroga mis-sistema ta’ referenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ miżura individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta (premessi 216 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Sussegwentement, il-Kummissjoni affermat li miżura fiskali li twassal lil kumpannija li tagħmel parti minn grupp sabiex tiffattura prezzijiet ta’ trasferiment li ma jkunux qrib għal dawk li jkunu se jintużaw bejn l-impriżi indipendenti, konformement mal-prinċipju ta’ distakkament, kienet tagħti vantaġġ lil din il-kumpannija sa fejn din wasslet għal tnaqqis tal-bażi tat-taxxa tagħha u, għalhekk, tat-taxxa dovuta bl-applikazzjoni tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, u dan ġie affermat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kellha tivverifika jekk il-metodu appoġġjat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli ta’ FFT fil-Lussemburgu kienx jitbiegħed minn metodu li kien iwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u, minħabba dan, mill-prinċipju ta’ distakkament. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tat-taxxa titqies li tagħti vantaġġ selettiv lil FFT fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 222 sa 227 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-prinċipju ta’ distakkament kien neċessarjament jagħmel parti integrali mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji integrati, indipendentement minn jekk Stat Membru kienx inkorpora dan il-prinċipju fis-sistema legali nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk ippreċiżat li, bi tweġiba għall-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu mqajma fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, hija ma kinitx eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx tosserva l-prinċipju ta’ distakkament, kif iddefinit fl-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa jew fiċ-Ċirkulari, iżda li hija pprovat tiddetermina jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża tatx vantaġġ selettiv lil FFT fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 228 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li bosta għażliet metodoloġiċi vvalidati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li kienu jappoġġjaw l-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienu jwasslu għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li kellhom iħallsu l-kumpanniji awtonomi (premessi 234 sa 240 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kapital proprju li kellu jiġi rremunerat, il-Kummissjoni qieset li l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ FFT, magħżula mill-konsulent tat-taxxa, ma kinux jikkostitwixxu indikatur adegwat tal-livell ta’ profitti fl-applikazzjoni tal-MTMN sabiex tiġi stmata remunerazzjoni ta’ distakkament għall-funzjonijiet eżerċitati minn FFT. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonstatat li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fondi proprji regolatorji ipotetiċi, ta’ ammont ta’ EUR 28.5 miljun, minflok il-kapital proprju ta’ kontabbiltà, ta’ ammont ta’ EUR 287.5 miljun fl‑2011, li fuq il-bażi tiegħu ġie applikat il-MEDAF, il-konsulent tat-taxxa kien iddivieda b’10 ir-remunerazzjoni taxxabbli ta’ FFT. Il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ċaħdet l-argumenti kollha tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ FFT f’dan ir-rigward (premessi 248 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      It-tieni nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Qafas ta’ Basel II sabiex jiġu ddeterminati l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi, il-Kummissjoni qieset li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien għamel żbalji li wassluh biex jissottovaluta l-ammont ta’ fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ FFT u li wassluh għal tnaqqis tal-ammont tat-taxxa dovuta minn FFT (premessi 267 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-konsulent tat-taxxa kien ipproċeda għal ħafna tnaqqis irrapportat mill-kapital li jibqa’ ta’ FFT, li kien jitbiegħed minn riżultat ibbażat fuq is-suq. Qabel kollox, hija qieset li, kieku l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi kienu ġew stmati b’mod korrett, kien probabbli li l-kapital proprju ma kienx ikun superjuri għall-fondi proprji regolatorji. Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tal-konsulent tat-taxxa li jeskludi l-komponent tal-fondi proprji msejjaħ “fondi proprji li jkopru l-investimenti finanzjarji f’FFNA u FFC” u li jagħtih remunerazzjoni ta’ żero sabiex tiġi stmata l-bażi tat-taxxa ta’ FFT ma kinitx adegwata. Il-Kummissjoni indikat li l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, f’dan ir-rigward, ma setgħux jirnexxu (premessi 277 sa 291 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li l-għażla magħmula mill-konsulent tat-taxxa li jżomm beta ta’ 0.29 fl-applikazzjoni tal-MEDAF sabiex jiġi ddeterminat ir-redditu tal-kapital proprju li kellu jiġi applikat għall-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ FFT, kienet twassal għal allokazzjoni tal-profitti lil FFT li ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament (premessi 292 sa 301 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet spjegati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari, l-ewwel nett, li l-livell ta’ remunerazzjoni adegwat għall-funzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ teżor ta’ FFT kellu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-fondi proprji ta’ kontabbiltà, it-tieni nett, li l‑2012 kienet sena ta’ referenza xierqa sabiex tiġi evalwata l-bażi tat-taxxa ta’ FFT fil-Lussemburgu, it-tielet nett, li r-redditu tal-kapital proprju qabel it-taxxa ta’ 6.05 % (u dak wara t-taxxa ta’ 4.3 %), aċċettat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni u kkalkolat skont il-MEDAF, kien ferm taħt ir-redditu ta’ kapital proprju meħtieġ fis-settur finanzjarju, li kien baqa’ dejjem 10 % u iktar, ir-raba’ nett, li r-redditu ta’ kapital proprju meħtieġ kien ta’ 10 % wara t-taxxa applikata fuq l-ammont integrali tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà (premessi 302 sa 311 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ FFT li skontu l-grupp Fiat/Chrysler ma kien ibbenefika minn ebda vantaġġ peress li kull żieda tal-bażi tat-taxxa fil-Lussemburgu kienet integralment ikkumpensata b’żieda fit-tnaqqis fiskali fi Stati Membri oħra (premessi 312 sa 314 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Fit-tielet lok, sussidjarjament, hija qieset li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv inkluż fir-rigward tas-sistema ta’ referenza iktar limitata, invokata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u minn FFT, magħmula mill-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u miċ-Ċirkulari, li kienu jipprevedu l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt tat-taxxa Lussemburgiż (premessi 315 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ma qablitx mal-argument ta’ FFT li skontu, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ trattament selettiv favur tagħha li kien jirriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, hija kellha tqabbel din id-deċiżjoni tat-taxxa mal-prattika tal-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża fuq il-bażi taċ-Ċirkulari, b’mod partikolari mad-deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija lil kumpanniji oħra ta’ finanzjament u ta’ teżor li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien ipprovda lill-Kummissjoni bħala kampjun rappreżentattiv tal-prattika tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni tat-taxxa (premessi 318 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Fil-ħames lok, la l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lanqas FFT ma pprovdew l-iċken raġuni li setgħet tiġġustifika t-trattament selettiv ta’ FFT li rriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma identifikat raġuni li kienet tiġġustifika t-trattament preferenzjali li FFT kienet ibbenefikat minnu (premessi 337 u 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tat lil FFT vantaġġ selettiv, sa fejn din kienet wasslet għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn FFT, prinċipalment, skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu meta mqabbla mal-kumpanniji awtonomi u, sussidjarjament, skont is-sistema ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji integrati (premessi 339 u 340 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarju tal-vantaġġ inkwistjoni kien il-grupp Fiat/Chrysler kollu kemm hu, sa fejn FFT kienet tifforma unità ekonomika mal-entitajiet l-oħra tal-imsemmi grupp, li kienu jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa mogħti lil FFT, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dan it-tnaqqis tat-taxxa inevitabbilment kellu l-effett li jnaqqas il-kundizzjonijiet ta’ pprezzar tas-self tagħha fi ħdan il-grupp (premessi 341 sa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li kienet tirrigwarda għajnuna għat-tħaddim (premessi 346 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fit-Taqsima 8 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Natura inkompatibbli tal-għajnuna mas-suq intern”, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mogħtija lil FFT kienet inkompatibbli mas-suq intern. Fiha, hija kkonstatat, minn naħa, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kien invoka ebda deroga prevista fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-għajnuna inkwistjoni, li kellha titqies bħala għajnuna għat-tħaddim, ma setgħetx titqies normalment bħala kompatibbli mas-suq intern (premessi 348 sa 351 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Fit-Taqsima 9 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Natura illegali tal-għajnuna”, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kien ikkomunika l-ebda abbozz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, u ma kienx osserva l-obbligu ta’ sospensjoni impost fuqu konformement ma’ dan l-artikolu. Konsegwentement, din kienet għajnuna mill-Istat kontra l-liġi implimentata bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (premessi 352 u 353 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Fit-Taqsima 10 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “[R]kupru”, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu marbuta mal-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali ma kellhom l-ebda bażi (premessi 354 sa 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx marbuta tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, peress li kien biżżejjed li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi informazzjoni li tippermetti lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr wisq diffikultà. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni pproponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, metodu li jista’ jelimina l-vantaġġ selettiv mogħti lil FFT mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni u ppreċiżat li hija tista’ taċċetta wkoll metodu ta’ kalkolu ieħor jekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jipproponi wieħed qabel id-data ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm dan il-metodu jwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq (premessi 365 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kellu qabel kollox jirkupra mingħand FFT l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern mogħtija permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Jekk FFT ma kinitx kapaċi tħallas lura l-ammont integrali tal-għajnuna, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kellu jirkupra l-ammont li jibqa’ mingħand Fiat Chrysler Automobiles NV, li kienet issuċċediet lil Fiat SpA, peress li hija din l-entità li kienet tikkontrolla l-grupp li FFT kienet tagħmel parti minnu (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni qieset li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, kien ta illegalment għajnuna mill-Istat lil FFT u lill-grupp li din tal-aħħar kienet tagħmel parti minnu, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern u li, konsegwentement, l-imsemmija għajnuna kellha tiġi rkuprata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu mingħand FFT jew mingħand Fiat Chrysler Automobiles jekk FFT ma tħallasx lura l-ammont integrali tal-għajnuna (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

Artikolu 1

Id-deċiżjoni tat-taxxa [inkwistjoni], li tippermetti lil [FFT] tistabbilixxi l-bażi tat-taxxa tagħha fil-Lussemburgu fuq bażi annwali għal perjodu ta’ ħames snin, tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat‑TFUE li hija inkompatibbli mas-suq intern u ġiet implimentata illegalment [mill-Gran Dukat tal-]Lussemburgu bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

Artikolu 2

(1) Il-[Gran Dukat tal-]Lussemburgu huwa obbligat li jirkupra l-għajnuna inkompatibbli u kontra l-liġi msemmija fl-Artikolu 1 mingħand [FFT].

(2) Kull ammont li ma jistax jiġi rkuprat mingħand [FFT] wara l-irkupru deskritt fil-paragrafu 1 għandu jiġi rkuprat minn Fiat Chrysler Automobiles N.V.

(3) L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data meta ġew irkuprati.

(4) L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’ mgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

(1) L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

(2) Il-[Gran Dukat tal-]Lussemburgu jrid jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha tiġi notifikata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

(1) Fix-xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-[Gran Dukat tal‑]Lussemburgu għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-metodu użat għall-kalkolu tal-ammont preċiż tal-għajnuna.

(2) Il-[Gran Dukat tal-]Lussemburgu għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm jiġi kkompletat l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, dan jissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħa u li qed jippjana li jieħu biex ikun konformi ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.”

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

A.      Fuq il-fażi bil-miktub tal-proċedura u t-talbiet tal-partijiet fil-Kawża T755/15

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Diċembru 2015, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ppreżenta r-rikors fil-Kawża T‑755/15, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

1.      Fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u fuq it-trattament prijoritarju

48      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2016, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li l-kawża tiġi deċiża minn kulleġġ ġudikanti estiż. Il-Qorti Ġenerali, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ħadet nota tal-fatt li l-Kawża T‑755/15 kienet intbagħtet quddiem il-Ħames Awla Estiża.

49      Peress li fis‑26 ta’ Settembru 2016 kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, lis-Seba’ Awla Estiża, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata l-Kawża T‑755/15.

50      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2017, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Awla.

51      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-proposta tal-Imħallef Relatur li l-Kawża T‑755/15 tinqata’ bi prijorità skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.      Fuq it-talba għal trattament imħaffef

52      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Diċembru 2015, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li l-Kawża T‑755/15 tiġi ttrattata skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura. Fit‑2 ta’ Frar 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

3.      Fuq l-interventi

53      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2016, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ April 2016, l-Irlanda talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

55      Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Mejju 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

56      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Novembru 2016, ir-Renju Unit irtira l-intervent tiegħu.

57      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2016, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ħassar lir-Renju Unit mill-Kawża T‑755/15 bħala intervenjent.

4.      Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

58      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ April 2016, fis‑27 ta’ Ġunju 2016 u fl‑24 ta’ Ottubru 2016, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tar-Renju Unit u tal-Irlanda, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors, fir-replika, fil-kontroreplika kif ukoll f’ċerti annessi ta’ dawn in-noti. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Jannar 2017, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu informa lill-Qorti Ġenerali li huwa kien jixtieq iżomm it-talbiet tiegħu għal trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-Irlanda, fl-ipoteżi ta’ tgħaqqid tal-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15.

5.      Fuq it-talbiet tal-partijiet

59      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

60      L-Irlanda, li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla parzjalment jew kompletament id-deċiżjoni kkontestata.

61      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

B.      Fuq il-fażi bil-miktub tal-proċedura u t-talbiet tal-partijiet fil-Kawża T759/15

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Diċembru 2015, FFT ippreżentat ir-rikors fil-Kawża T‑759/15, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

1.      Fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u fuq it-trattament prijoritarju

63      Peress li fis‑26 ta’ Settembru 2016 kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, lis-Seba’ Awla Estiża, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata l-Kawża T‑759/15.

64      Fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑15 ta’ Frar 2017, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

65      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2017, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Awla.

66      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-proposta tal-Imħallef Relatur li l-Kawża T‑759/15 tinqata’ bi prijorità skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.      Fuq it-talba għal proċedura mħaffa

67      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Diċembru 2015, FFT talbet li l-Kawża T‑759/15 tiġi ttrattata skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura. Fit‑2 ta’ Frar 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

3.      Fuq l-interventi

68      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2016, ir-Renju Unit talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

69      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ April 2016, l-Irlanda talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ FFT.

70      Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Lulju 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

71      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Novembru 2016, ir-Renju Unit irtira l-intervent tiegħu.

72      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2016, il-President tas-Seba’ Awla Estiża ħassar lir-Renju Unit mill-Kawża T‑759/15 bħala intervenjent.

4.      Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

73      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Mejju 2016, fil‑11 ta’ Ġunju 2016, fis‑27 ta’ Lulju 2016 u fit‑28 ta’ Lulju 2016, FFT talbet it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tar-Renju Unit u tal-Irlanda, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors, fir-risposta, fir-replika kif ukoll f’ċerti annessi ta’ dawn in-noti.

74      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Jannar 2017, FFT indikat li, fl-ipoteżi ta’ tgħaqqid mal-Kawża T‑755/15, hija kienet tikkonferma t-talbiet tagħha għal kunfidenzjalità fil-konfront tal-Irlanda.

5.      Fuq it-talbiet tal-partijiet

75      FFT titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

76      L-Irlanda, li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ FFT, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla parzjalment jew kompletament id-deċiżjoni kkontestata.

77      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lil FFT għall-ispejjeż.

C.      Fuq it-tgħaqqid għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u fuq il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T755/15 u T759/15

1.      Fuq it-tgħaqqid

78      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2016, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li l-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

79      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2016, FFT talbet ukoll li l-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

80      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ April 2018, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz tal-istess digriet, kien ġie deċiż li tiġi eskluża d-data kunfidenzjali mill-fajl aċċessibbli għall-Irlanda.

2.      Fuq il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T755/15 u T759/15

81      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Frar 2017, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

82      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Frar 2017, FFT talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

83      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

84      Fl‑24 ta’ Mejju 2017, FFT ippreżentat nota li tipproduċi provi ġodda, li dwarhom il-partijiet ipprovdew l-osservazzjonijiet tagħhom.

85      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2018.

III. Id-dritt

A.      Fuq it-tgħaqqid tal-kawżi għall-finijiet ta’ din is-sentenza

86      Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għadda d-deċiżjoni dwar it-tgħaqqid tal-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, li kienet taqa’ fil-kompetenza tiegħu, lis-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

87      Wara li l-partijiet instemgħu fis-seduta dwar tgħaqqid eventwali, hemm lok li l-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 jingħaqdu, għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, minħabba konnessjoni, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

B.      Fuq il-motivi invokati u fuq l-istruttura tal-eżami ta’ dawn ir-rikorsi

88      Ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sa fejn din tordna l-irkupru tal-ammonti li ma nġabrux mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu mingħand FFT u l-grupp Fiat/Chrysler permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

89      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqajjem tliet motivi.

90      L-ewwel motiv, li huwa bbażat, essenzjalment fuq il-kundizzjoni għall-eżistenza ta’ għajnuna selettiva u fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam fiskali, jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li, fil-kuntest tal-eżami tan-natura selettiva tal-miżura kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bi żball li l-qafas ta’ referenza rilevanti kien l-iskema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji (l-ewwel parti). It-tieni nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tikkostitwixxi deroga mill-qafas ta’ referenza meqjus, u lanqas ma kienet tidderoga mill-prinċipju ta’ distakkament (it-tieni parti). It-tielet nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 4 u 5 TUE, u l-Artikolu 114 TFUE, billi pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija, li kienet tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ prinċipju ta’ distakkament sui generis (it-tielet parti).

91      It-tieni motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, peress li din tal-aħħar la stabbilixxiet l-eżistenza ta’ vantaġġ (l-ewwel parti) u lanqas dik ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni (it-tieni parti).

92      It-tielet motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Madankollu, peress li dan ir-regolament tħassar mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), applikabbli fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi motiv għandu jinftiehem bħala li huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(1) ta’ dan l-aħħar regolament. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (l-ewwel parti) u tad-drittijiet tad-difiża tiegħu (it-tieni parti).

93      Insostenn tar-rikors tagħha, FFT tqajjem erba’ motivi.

94      L-ewwel motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE. Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, FFT tafferma li l-Kummissjoni applikat bi żball il-kunċett ta’ vantaġġ selettiv. F’dan il-kuntest, hija tqajjem erba’ lmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq żball fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza rilevanti. It-tieni lment huwa bbażat fuq żball fl-applikazzjoni, f’aċċettazzjoni mingħajr preċedent u impreċiża, tal-prinċipju ta’ distakkament. It-tielet ilment huwa bbażat fuq l-assenza ta’ prova tal-għoti ta’ vantaġġ favur il-grupp Fiat/Chrysler. Ir-raba’ lment huwa bbażat fuq il-fatt li, anki kieku kellu jitqies li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, teżisti ġustifikazzjoni għal tali deroga. Insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, FFT tafferma li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

95      It-tieni motiv, li wkoll jinqasam f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma spjegatx fid-deċiżjoni kkontestata kif hija dderivat il-prinċipju ta’ distakkament mid-dritt tal-Unjoni u f’hiex jikkonsisti dan il-prinċipju (l-ewwel parti). Sussegwentement, il-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet għaliex hija qieset li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (it-tieni parti).

96      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. FFT tafferma li d-definizzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament meqjusa mill-Kummissjoni toħloq inċertezza legali u konfużjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni tat-taxxa tista’ tikser ir-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.

97      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Kummissjoni ma evalwatx id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni fir-rigward tar-regoli rilevanti adottati mill-OECD.

98      Mill-espożizzjoni tal-konstatazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT iqajmu, ċertament f’ordni differenti, ħames sensiliet ta’ motivi bbażati, essenzjalment:

–        għall-ewwel sensiela, fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 5 TUE, sa fejn l-analiżi tal-Kummissjoni twassal għal armonizzazzjoni fiskali moħbija (it-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑755/15);

–        għat-tieni sensiela, fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament (it-tieni parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑755/15, it-tieni u t-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, l-ewwel parti tat-tieni motiv, it-tielet motiv u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑759/15);

–        għat-tielet sensiela, fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat in-natura selettiva ta’ dan il-vantaġġ (l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑755/15);

–        għar-raba’ sensiela, fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tirrestrinġi l-kompetizzjoni u kienet twassal għal distorsjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (it-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑755/15 u t-tieni parti tal-ewwel u t-tieni motiv fil-Kawża T‑759/15);

–        għall-ħames sensiela, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni (it-tielet motiv fil-Kawża T‑759/15).

99      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-motivi fl-ordni tas-sensiliet ta’ motivi msemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq.

C.      Fuq l-ewwel sensiela ta’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 5 TUE, sa fejn il-Kummissjoni pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija

100    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma, essenzjalment, li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha u kisret l-Artikoli 4 u 5 TUE billi pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, permezz tal-Artikolu 114 TFUE. Huwa żied jgħid li l-Kummissjoni ħadet ir-rwol ta’ “bord tal-appell tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa” nazzjonali, billi stħarrġet jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kellhiex natura anormali fir-rigward tad-dritt Lussemburgiż u tal-OECD.

101    L-Irlanda tqis li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, stabbilit, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 3(6) TUE u l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, fejn it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Għalhekk hija tqis li l-Kummissjoni qiegħda tipproċedi għal armonizzazzjoni moħbija.

102    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

103    Essenzjalment, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-Kummissjoni kisritx ir-regoli tal-għoti ta’ kompetenzi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, hija pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija.

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom xorta waħda jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, bħat-tassazzjoni diretta, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tikklassifika miżura fiskali bħala għajnuna mill-Istat fil-każ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 28; tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81, u tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punti 65 u 66).

105    Huwa minnu li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-identifikazzjoni tal-bażijiet taxxabbli u tat-tqassim tal-oneru fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97).

106    Madankollu, dan ma jimplikax li kull miżura fiskali, li taffettwa b’mod partikolari l-bażi taxxabbli meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, jekk tali miżura tagħmel, fil-prattika, diskriminazzjoni bejn kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn din il-miżura fiskali u għalhekk tagħti lill-benefiċjarji tal-miżura vantaġġi selettivi li jiffavorixxu “ċerti” impriżi jew “ċerti” produtturi, din il-miżura tkun tista’ titqies li hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 104).

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza tiżgura l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE, hija ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta eżaminat id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni sabiex tivverifika jekk din kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, fl-affermattiv, jekk din kinitx kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

108    Huwa għalhekk bi żball li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-Kummissjoni ħadet ir-rwol ta’ bord tal-appell fiskali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, peress li l-Kummissjoni sempliċiment eżerċitat il-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 107 TFUE billi eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx konformi mad-dritt tal-għajnuna mill-Istat.

109    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni la kisret l-Artikoli 4 u 5 TUE u lanqas l-Artikolu 114 TFUE, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata.

110    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tal-Irlanda.

111    L-ewwel nett, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Irlanda jaffermaw li l-Kummissjoni pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija billi injorat ir-regoli Lussemburgiżi sabiex tikkonkludi li l-kalkolu tat-taxxa ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament u billi invokat regoli li ma jagħmlux parti mis-sistema fiskali Lussemburgiża, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

112    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq jirriżulta, ċertament, li l-Kummissjoni ma għandhiex, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, il-kompetenza li tippermettilha tiddefinixxi b’mod awtonomu t-tassazzjoni msejħa “normali” ta’ impriża integrata billi tinjora regoli fiskali nazzjonali.

113    Madankollu, għalkemm it-tassazzjoni msejħa “normali” hija ddefinita mir-regoli fiskali nazzjonali u għalkemm l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ għandha tiġi stabbilita fil-konfront tagħha, jibqa’ l-fatt li, bħalma ġie mfakkar fil-punt 106 iktar ’il fuq, miżura fiskali li taffettwa l-bażi taxxabbli meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’hekk, billi eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma pproċediet għall-ebda “armonizzazzjoni fiskali”, iżda eżerċitat il-kompetenza li kien jagħtiha l-Artikolu 107(1) TFUE, billi vverifikat, b’mod partikolari, f’każ konkret, jekk l-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa kinitx tagħti lill-benefiċjarju tagħha vantaġġ meta mqabbel mat-tassazzjoni msejħa “normali”, kif iddefinita mid-dritt fiskali nazzjonali.

114    It-tieni nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Irlanda jaffermaw li d-deċiżjoni kkontestata toħloq “inċertezza legali totali”, mhux biss fi ħdan l-Istati Membri, iżda wkoll fi Stati terzi, li din il-miżura kienet ferm ikkritikata b’mod partikolari minn mexxejja tal-Istati Uniti tal-Amerka, li din hija “l-ewwel waħda” u għalhekk hija illegali u li din twassal lill-Istati Membri sabiex jikkomunikaw id-deċiżjonijiet tat-taxxa kollha tagħhom u tqiegħed f’dubju d-deċiżjonijiet tat-taxxa eżistenti. Tali argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

115    Min-naħa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni qieset li kwalunkwe deċiżjoni tat-taxxa kienet tikkostitwixxi neċessarjament għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, sa fejn din ma tagħti l-ebda vantaġġ selettiv, b’mod partikolari sa fejn din ma twassalx għal tnaqqis tal-oneru fiskali tal-benefiċjarju tagħha billi tidderoga mir-regoli ta’ tassazzjoni “normali”, tali deċiżjoni tat-taxxa ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u ma hijiex suġġetta għal obbligu ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1589.

116    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Irlanda, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ta’ natura li toħloq “inċertezza legali totali” fl-Istati Membri jew fl-Istati terzi. Fil-fatt, din tikkostitwixxi biss l-applikazzjoni għad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, li skonthom miżura pubblika li tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern hija pprojbita u għandha tiġi rkuprata.

117    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv intiż sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.      Fuq it-tieni sensiela ta’ motivi, ibbażati fuq l-assenza ta’ vantaġġ

1.      Osservazzjonijiet preliminari

118    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat teħtieġ li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 107 TFUE. Għalhekk, huwa stabbilit li, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-punti 21 sa 37 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat fl-istess waqt iż-żewġ kriterji għall-eżistenza ta’ vantaġġ u tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

120    B’mod iktar preċiż, minn naħa u prinċipalment, il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lil FFT, fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu, minħabba li l-metodoloġija appoġġjata fl-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, li kien neċessarjament jagħmel parti integrali mill-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji ta’ grupp, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru kienx inkorpora dan il-prinċipju fis-sistema legali nazzjonali tiegħu, u li skontu t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp kellhom jiġu rremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti (iktar ’il quddiem il-“prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata”) (ara l-premessi 219 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari il-premessa 228 tal-imsemmija deċiżjoni). Il-Kummissjoni għalhekk spjegat, fil-premessi 234 sa 311 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament tagħha li skontu, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ FFT, appoġġjat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, ma kienx jippermetti li tinkiseb approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat miksub f’kundizzjonijiet tas-suq (riżultat ta’ distakkament).

121    Min-naħa l-oħra u sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT minħabba li kienet tidderoga mill-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u miċ-Ċirkulari li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Lussemburgiż (ara l-premessi 316 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għalhekk irreferiet għall-analiżi tagħha, li skontha l-metodu vvalidat fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma kinitx tippermetti li tinkiseb approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat tas-suq, kif imwettqa fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha (ara l-premessi 234 sa 311 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    L-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-eżami fl-istess waqt tal-kriterji tal-vantaġġ u tan-natura selettiva ma huwiex żbaljat fih innifsu, peress li, bħalma tosserva l-Kummissjoni, huma eżaminati kemm il-vantaġġ kif ukoll in-natura selettiva tiegħu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina, qabel kollox, jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi ġustament li kien hemm vantaġġ qabel ma tipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-eżami ta’ jekk dan il-vantaġġ kellux jitqies bħala selettiv.

123    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li, għalkemm ċerti argumenti mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT, fosthom dawk esposti fit-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, huma mressqa bħala li jirrigwardaw in-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn huma intiżi wkoll biex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset bi żball li l-miżura inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT. Il-Qorti Ġenerali ser teżamina għalhekk l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu flimkien mal-motivi intiżi sabiex jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tat vantaġġ lil FFT.

124    Fir-rigward ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-motivi mqajma insostenn tal-argument li skontu FFT ma bbenefikatx minn vantaġġ, billi jagħmlu distinzjoni, fl-ewwel lok, bejn l-ilmenti ppreżentati fil-konfront tar-raġunament tal-Kummissjoni spjegat prinċipalment, u sussegwentement, fit-tieni lok, dawk li jirrigwardaw ir-raġunament spjegat sussidjarjament. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ilment imqajjem mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skontu l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ fil-livell tal-grupp Fiat/Chrysler.

2.      Fuq ir-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, li skontu d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu

125    Il-motivi mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT li huma intiżi sabiex jikkontestaw l-eżami tal-vantaġġ, imwettaq prinċipalment mill-Kummissjoni, jistgħu jingħataw fil-qosor bil-mod li jmiss. L-ewwel nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT, sostnuti mill-Irlanda, jikkontestaw l-eżistenza tal-prinċipju ta’ distakkament kif iddeskrivietu l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u l-mod kif applikatu bħala kriterju għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. It-tieni nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha l-metodu vvalidat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tassazzjoni li kellha tħallas FFT ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ distakkament.

a)      Fuq il-motivi bbażati fuq żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat

126    Essenzjalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT jikkritikaw lill-Kummissjoni li identifikat prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni, bi ksur tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri, u li eżaminat id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-dritt Lussemburgiż. Huma jaffermaw ukoll li, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ diskattament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

127    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

128    Bħala tfakkira, fil-premessi 219 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li hija setgħet teżamina, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, jekk deċiżjoni tat-taxxa, bħal dik inkwistjoni, kinitx titbiegħed mill-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija ppreċiżat il-qafas tal-prinċipju ta’ distakkament.

129    Qabel kollox, huwa importanti li jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 216, 231 u 311 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jidħol fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-vantaġġ selettiv imwettqa prinċipalment. Bħalma jirriżulta mill-premessi 216, 219 u 301 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-analiżi tikkonsisti fl-eżami ta’ jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tidderogax mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat minn qabel, fil-premessi 194 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Lussemburgu kien li jiġu ntaxxati l-profitti tal-kumpanniji kollha residenti fil-Lussemburgu, kemm jekk kienu integrati kif ukoll mhux integrati u li dawn iż-żewġ tipi ta’ kumpanniji jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili fir-rigward ta’ dan l-għan.

130    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, il-Kummissjoni affermat, fil-premessi 222 u 225 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont dan il-prinċipju, it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp għandhom jiġu rremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti. Hija żiedet tgħid, fil-premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tal-imsemmi prinċipju kien li jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp jiġu ttrattati, għal finijiet tat-taxxa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-profitt li kien jiġi magħmul kieku l-istess tranżazzjoni ġiet konkluża minn impriżi awtonomi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet, matul is-seduta, li l-prinċipju ta’ distakkament kien, fil-fehma tagħha, għodda għall-evalwazzjoni tal-livell tal-prezz tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp.

131    Fir-rigward tan-natura ġuridika tal-prinċipju ta’ distakkament, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien neċessarjament jagħmel parti mill-eżami, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji ta’ grupp, indipendentement minn jekk l-Istat Membru kienx inkorpora dan il-prinċipju fis-sistema legali nazzjonali tiegħu. Hija ppreċiżat li l-prinċipju ta’ distakkament li hija applikat kien prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni, li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni bbażat din il-konstatazzjoni fuq is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), dwar l-iskema fiskali ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni fil-Belġju, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul taxxabbli previst mill-imsemmija skema kien jagħti vantaġġ selettiv lill-imsemmija ċentri. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni rreferiet għall-punt 96 tal-imsemmija sentenza, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-imsemmija ċentri “ma [kienx jippermetti] li jiġu stabbiliti prezzijiet ta’ trasferiment li [kienu] qrib dawk li jintalbu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa”.

132    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “[s]abiex jiġi evalwat jekk il-[Gran Dukat tal-Lussemburgu] tax vantaġġ selettiv lil FFT, il-Kummissjoni għaldaqstant [kellha] tivverifika jekk il-metodu appoġġjat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża permezz tad-[deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni] għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli ta’ FFT lil-Lussemburgu [kienx jitbiegħed] minn metodu li [kien i]wassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u, minħabba dan, mill-prinċipju ta’ distakkament”. Hija żiedet tgħid, fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-profitt taxxabbli ta’ kumpannija li tagħmel parti minn grupp għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji kienx ġie kkalkolat bl-applikazzjoni ta’ metodu li kien jersaq lejn kundizzjonijiet tas-suq, b’mod li din il-kumpannija ma kinitx tibbenefika minn trattament iktar favorevoli, bl-applikazzjoni tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, minn dak riżervat għal kumpanniji mhux integrati li l-profitti taxxabbli tagħhom kienu ddeterminati mis-suq.

133    Għalhekk huwa importanti li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tanalizza l-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata u spjegat fil-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq, li jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp humiex irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati f’kundizzjonijiet tas-suq.

134    Bħalma ġie spjegat fil-punt 104 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom xorta waħda jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-interventi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, minkejja li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet li ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.

135    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikklassifika miżura fiskali bħala għajnuna mill-Istat fil-każ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 28, u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81). Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam fiskali konformement mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑487/08, EU:C:2010:310, punt 37). Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu, f’dan il-kuntest, kwalunkwe miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

136    Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjoni li skontha l-miżura inkwistjoni għandha tagħti vantaġġ ekonomiku, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi, jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 21).

137    B’mod iktar preċiż, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14; ara wkoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Fil-każ ta’ miżuri fiskali, l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56). Għaldaqstant, tali miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju tagħha peress li din tnaqqas l-oneri li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma tkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, hija tal-istess natura u għandha effetti identiċi (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 22).

139    Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix vantaġġ fiskali, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni għandha titqabbel mas-sitwazzjoni tiegħu fl-assenza tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla‑La Mancha vs Il‑Kummissjoni, C‑91/17 P u C‑92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punt 114), u bl-applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni.

140    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija integrata li tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi, hemm lok li jiġi rrilevat qabel kollox li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp imwettqa minnha ma humiex iddeterminati f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, dawn il-prezzijiet huma miftiehma bejn il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp, b’tali mod li ma humiex suġġetti għall-forzi tas-suq.

141    Issa, meta d-dritt fiskali nazzjonali ma jagħmilx distinzjoni bejn l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi għall-finijiet tal-issuġġettar tagħhom għat-taxxa fuq il-kumpanniji, dan id-dritt ikollu l-intenzjoni li jintaxxa l-profitt li jirriżulta mill-attività ekonomika ta’ tali impriża integrata bħalma kien jirriżulta minn tranżazzjonijiet imwettqa għal prezzijiet tas-suq. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, meta hija teżamina, fil-kuntest tal-kompetenza li jagħtiha l-Artikolu 107(1) TFUE, miżura fiskali mogħtija lil tali impriża integrata, il-Kummissjoni tista’ tqabbel l-oneru fiskali ta’ tali impriża integrata li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija miżura fiskali, mal-oneru fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali ta’ impriża, imqiegħda f’sitwazzjoni fattwali komparabbli, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet tas-suq.

142    Inċidentalment u bħalma rrilevat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati mis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), li kienet tikkonċerna d-dritt fiskali Belġjan, li kien jipprevedi li l-kumpanniji integrati u l-kumpanniji awtonomi għandhom jiġu ttrattati fl-istess kundizzjonijiet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-punt 95 ta’ din is-sentenza n-neċessità li tqabbel skema ta’ għajnuna derogatorja ma’ dik ta’ “liġi ordinarja bbażata fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa”.

143    F’dan il-kuntest, għalkemm, permezz tal-imsemmija miżura fiskali mogħtija lil kumpannija integrata, l-awtoritajiet nazzjonali aċċettaw ċertu livell tal-prezz ta’ tranżazzjoni fi ħdan il-grupp, l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tistħarreġ jekk dan il-livell tal-prezz jikkorrispondix għal dak li kien jintuża f’kundizzjonijiet tas-suq, sabiex tivverifika jekk minn dan jirriżultax tnaqqis tal-oneri imposti normalment fuq il-finanzi tal-impriża inkwistjoni, li jagħtiha għalhekk vantaġġ fis-sens tal-imsemmi artikolu. Il-prinċipju ta’ distakkament, kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi għalhekk għodda li tippermetti li ssir din il-verifika fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni inċidentalment ippreċiżat, ġustament, fil-premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien bħala “kriterju ta’ referenza” sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija integrata kinitx tibbenefika, permezz ta’ miżura fiskali li tiddetermina l-prezzijiet tagħha ta’ trasferiment, minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

144    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-Kummissjoni tapplika din l-għodda sabiex tistħarreġ jekk il-profitt taxxabbli ta’ impriża integrata bl-applikazzjoni ta’ miżura fiskali jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ profitt taxxabbli magħmul f’kundizzjonijiet tas-suq, hija tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss bil-kundizzjoni li d-differenza bejn iż-żewġ fatturi ta’ tqabbil imorru lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb tali approssimazzjoni.

145    Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT għall-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor għall-finijiet tal-istabbiliment tal-profitt taxxabbli tagħha skont il-Kodiċi tat-Taxxa Lussemburgiż, li, indipendentement minn jekk ir-regoli normali ta’ tassazzjoni għandhomx jiġu ddefiniti b’mod wiesa’ jew strett, għandu l-għan li l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi fil-Lussemburgu jiġu ntaxxati bl-istess mod fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tivverifika jekk il-profitt taxxabbli ta’ FFT bl-applikazzjoni tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienx inferjuri għall-oneru fiskali ta’ FFT fl-assenza tal-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa u bl-applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni tad-dritt Lussemburgiż. Peress li FFT hija impriża integrata u li l-Kodiċi tat-Taxxa Lussemburgiż huwa intiż sabiex jintaxxa l-profitt li jirriżulta mill-attività ekonomika ta’ tali impriża integrata bħalma kien jirriżulta mit-tranżazzjonijiet imwettqa bil-prezzijiet tas-suq, hemm lok, fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, li l-profitt taxxabbli ta’ FFT li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa jitqabbel mas-sitwazzjoni, li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt Lussemburgiż, ta’ impriża, f’sitwazzjoni fattwali komparabbli, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa. F’dan il-kuntest, għalkemm id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni aċċettat ċertu livell tal-prezz għat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, għandu jiġi mistħarreġ jekk dan il-livell tal-prezz jikkorrispondix għal dak li kien jiġi applikat f’kundizzjonijiet tas-suq.

146    F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-eżami ta’ jekk impriża integrata kisbitx vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li użat metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment li hija tqis xieraq fil-każ inkwistjoni sabiex teżamina l-livell tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal tranżazzjoni, jew għal diversi tranżazzjonijiet relatati b’mod strett, li jagħmlu parti mill-miżura kkontestata. Madankollu huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tiġġustifika l-għażla metodoloġika tagħha.

147    Minkejja li l-Kummissjoni osservat ġustament li hija ma tistax tkun marbuta formalment mil-linji gwida tal-OECD, jibqa’ l-fatt li dawn il-linji gwida jibbażaw fuq xogħlijiet sinjifikattivi mwettqa minn gruppi ta’ esperti magħrufa, li dawn jirriflettu l-kunsens milħuq fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-prezzijiet ta’ trasferiment u li dawn għalhekk għandhom importanza prattika ċerta fl-interpretazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-prezzijiet ta’ trasferiment, bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata.

148    Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset ġustament li hija setgħet teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jekk it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp kinux irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati f’kundizzjonijiet tas-suq. Din il-konstatazzjoni ma titqegħidx f’dubju mill-argumenti l-oħrajn tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ FFT.

149    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ta’ FFT li skontu l-Kummissjoni ma indikat l-ebda bażi legali għall-prinċipju tagħha ta’ distakkament, hemm lok, ċertament, li jiġi rrilevat li, fil-premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata kien jeżisti indipendentement mill-inkorporazzjoni ta’ tali prinċipju fis-sistema ġuridika nazzjonali. Hija ppreċiżat ukoll li hija ma kinitx eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx tosserva l-prinċipju ta’ distakkament previst fl-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa jew fiċ-Ċirkulari, li jinkorporaw il-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Lussemburgiż. Bl-istess mod, il-Kummissjoni affermat li l-prinċipju ta’ distakkament li hija applikat kien distint minn dak stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.

150    Madankollu, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien neċessarjament jagħmel parti integrali mill-eżami, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji ta’ grupp u li l-prinċipju ta’ distakkament kien prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni, li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

151    Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prinċipju ta’ distakkament, kif deskritt mill-Kummissjoni, huwa għodda li hija użat, ġustament, fil-kuntest tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

152    Huwa minnu li, matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata la kien jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u lanqas taħt id-dritt internazzjonali, iżda li dan kien inerenti għas-sistema ordinarja ta’ tassazzjoni kif previst mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, jekk Stat Membru jagħżel, fil-kuntest tas-sistema fiskali nazzjonali tiegħu, l-approċċ tal-entità ġuridika distinta, li skontu d-dritt fiskali jintrabat mal-entitajiet ġuridiċi u mhux mal-entitajiet ekonomiċi, il-prinċipju ta’ distakkament huwa neċessarjament korollarju ta’ dan l-approċċ, li għandu valur vinkolanti fl-Istat Membru inkwistjoni, indipendentement minn jekk il-prinċipju ta’ distakkament ikun ġie inkorporat, b’mod espliċitu jew impliċitu, fid-dritt nazzjonali.

153    F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT indikaw matul is-seduta li, permezz ta’ dawn l-affermazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet tidher li qiegħda tibdel il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, li kieku kellu jitqies li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT tinsab li hija korretta, hemm lok li jiġi rrilevat, fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni ma tistax tibdel, fl-istadju tas-seduta, il-bażi legali tal-prinċipju ta’ distakkament kif spjegatu fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 116). Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-preċiżjoni magħmula matul is-seduta ma tqajjimx dubju dwar il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 151 iktar ’il fuq li skontha mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prinċipju ta’ distakkament japplika fil-kuntest tal-eżami skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Inċidentalment, mis-sottomissjonijiet bil-miktub kollha tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ FFT jirriżulta li huma fiehmu sewwa d-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata japplika fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura fiskali nazzjonali skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

154    Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument ta’ FFT li skontu l-Kummissjoni ma indikat l-ebda bażi legali għall-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata.

155    It-tieni nett, sa fejn FFT ssostni li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx il-kontenut tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan huwa għodda li tippermetti li jiġi mistħarreġ li t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp jiġu rremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti (ara l-punt 151 iktar ’il fuq). Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

156    It-tielet nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li eżaminat id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata minkejja li dan huwa kriterju barrani għad-dritt fiskali Lussemburgiż. Huwa jsostni li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jippermettilha tippreskrivi regoli metodoloġiċi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli li ma jinsabux fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li dan għandu l-konsegwenza ta’ armonizzazzjoni moħbija fil-qasam tat-tassazzjoni diretta bi ksur tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

157    Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 138 u 141 iktar ’il fuq, għalkemm it-tassazzjoni msejħa “normali” hija ddefinita mir-regoli fiskali nazzjonali u għalkemm l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ għandha tiġi stabbilita fil-konfront tagħha, jibqa’ l-fatt li, jekk dawn ir-regoli jipprevedu li l-kumpanniji integrati jiġu ntaxxati fl-istess kundizzjonijiet bħall-kumpanniji awtonomi, l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tistħarreġ jekk il-livell tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, aċċettat mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli ta’ impriża integrata, jikkorrispondix għal-livell tal-prezz li kien ikun dak applikat f’kundizzjonijiet ta’ distakkament.

158    Konsegwentement, meta l-Kummissjoni teżamina jekk il-metodu vvalidat minn miżura fiskali nazzjonali jwassalx għal riżultat li kien ġie stabbilit konformement mal-prinċipju ta’ distakkament kif iddefinit fil-punt 151 iktar ’il fuq, hija ma tmurx lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

159    Barra minn hekk, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT isostnu li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament mingħajr ma eżaminat l-eżistenza ta’ vantaġġ permezz tad-dritt fiskali nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-premessi 231, 266, 276, 291, 301 u 339 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx twassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ FFT meta mqabbel ma’ dak li hija kien ikollha ġġarrab normalment bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni Lussemburgiżi. Għalhekk hija fittxet tassew li teżamina jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx wasslet għal tnaqqis tal-oneru fiskali bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali. Għalkemm il-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, wettqet l-eżami tagħha fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament, hija użat l-imsemmi prinċipju, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 151 iktar ’il fuq, bħala għodda li ppermettitilha tivverifika jekk il-livell tal-prezz ta’ trasferiment ta’ FFT kienx tnaqqas artifiċjalment meta mqabbel ma’ sitwazzjoni li fiha l-prezzijiet kienu kkostitwiti skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Konsegwentement, l-argument li skontu l-Kummissjoni ssostitwixxiet ir-regoli tad-dritt fiskali Lussemburgiżi b’regola barranija għandu jiġi miċħud.

160    Ir-raba’ nett, FFT u l-Irlanda jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni affermat indebitament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tat-tassazzjoni.

161    Ċertament, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni, li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, tali formulazzjoni ma għandhiex tiġi iżolata mill-kuntest tagħha u ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni affermat l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-taxxa inerenti għall-Artikolu 107(1) TFUE, interpretazzjoni li kieku tagħti portata estensiva wisq lill-imsemmi artikolu.

162    Fi kwalunkwe każ, mill-premessi 222 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 226 u 229 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien meqjus minnha biss bħala għodda li ppermettitilha li jiġi mistħarreġ li t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp ġew irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti. L-argument ta’ FFT u tal-Irlanda ma jistax iqajjem dubju dwar il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 146 iktar ’il fuq li skontha l-Kummissjoni setgħet teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jekk it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp kinux irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati f’kundizzjonijiet tas-suq.

163    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ FFT u tal-Irlanda f’dan ir-rigward.

164    Il-ħames nett, FFT tikkritika lill-Kummissjoni li tbiegħdet, fid-deċiżjoni kkontestata, mill-kunċett tal-prinċipju ta’ distakkament li hija qieset fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Hija tafferma, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kienet irreferiet, fil-punti 14 u 62 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għall-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.

165    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li FFT ma tislet l-ebda konsegwenza legali mill-allegazzjoni tagħha li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa differenti mill-prinċipju ta’ distakkament li rreferiet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

166    Fi kwalunkwe każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

167    Fil-fatt, minn naħa, għalkemm il-Kummissjoni rreferiet, fil-punt 14 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għall-“prinċipju ta’ distakkament kif stabbilit fl-Artikolu 9 [tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD]”, dan ir-riferiment kien sar fil-kuntest tat-taqsima intitolata “Introduzzjoni għad-deċiżjonijiet fiskali dwar il-prezz ta’ trasferiment” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Mill-punt 14 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, invokat minn FFT, ma jirriżultax li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni provviżorja tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD. Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni rreferiet, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura invokata minn FFT, għal-linji gwida tal-OECD, il-Kummissjoni tippreżentahomx biss bħala “dokument ta’ referenza” jew bħala “linji gwida xierqa” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Madankollu, tali preżentazzjoni ma hijiex differenti minn dik miżmuma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

168    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 58 u 59 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat, sa minn dan l-istadju tal-proċedura, il-pożizzjoni tagħha li skontha hija tista’ tapplika l-prinċipju ta’ distakkament, fil-kuntest tal-istħarriġ skont l-Artikolu 107 TFUE, sabiex teżamina jekk miżura fiskali tagħtix vantaġġ selettiv lil impriża integrata.

169    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni spjegat li metodu ta’ tassazzjoni applikat għal prezzijiet ta’ trasferiment li ma josservawx il-prinċipju ta’ distakkament u li jwassal għal tnaqqis tal-bażi tat-taxxa tal-benefiċjarju tiegħu kien jagħti vantaġġ. Hija għalhekk ibbażat din il-konstatazzjoni fuq is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), bħalma hija għamlet sussegwentement fid-deċiżjoni kkontestata.

170    Is-sitt nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ FFT li skontu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ distakkament jitbiegħed mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, sa fejn din il-prassi deċiżjonali, li tikkonċerna kawżi oħra, ma tistax taffettwa l-validità ta’ deċiżjoni kkontestata, li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 21).

171    Is-seba’ nett, sa fejn FFT tindika li l-Kummissjoni ftit li xejn kienet ċara fir-rigward tal-kunċett ta’ prinċipju ta’ distakkament li hija qieset, billi rrifjutat li tipprovdilha l-previżjonijiet li din tal-aħħar għamlet fil-kuntest ta’ seminar dwar l-għajnuna mill-Istat fi Brussell, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni marbuta mal-prinċipju ta’ distakkament tirriżulta mill-premessi 219 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-fatt li hija ma pprovdietx previżjonijiet wara seminar, ma għandu l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

172    It-tmien nett, FFT tafferma li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa distint minn dak meqjus mill-OECD. Hija ssostni li dan tal-aħħar jippermetti “adattamenti xierqa”, bħan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma tas-sussidjarji tagħha fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-funzjonijiet ta’ FFT. Inċidentalment, dan huwa spjegat fir-rapport ta’ kumpannija ta’ konsultazzjoni ekonomika mehmuż mar-rikors. Dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

173    Fil-fatt, fir-rigward tal-affermazzjoni li skontha l-prinċipju ta’ distakkament huwa distint minn dak meqjus mill-OECD, FFT ma tressaq l-ebda argument konkret, minbarra dak relatat mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma tagħha. Madankollu, sa fejn FFT tafferma li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 2.74 tal-linji gwida tal-OECD, li skontu aġġustamenti xierqa għandhom isiru fl-applikazzjoni tal-MTMN, għandu jiġi kkonstatat, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni, bħalma ġie spjegat fil-punt 147 iktar ’il fuq, ma hijiex formalment marbuta minn dawn il-linji gwida, li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni FFT, il-Kummissjoni ma ċaħditx il-possibbiltà li jsiru “aġġustamenti xierqa”. Fil-fatt, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata li, fil-każ ineżami, l-esklużjoni tal-ishma ta’ FFT f’FFNA u FFC ma kinitx iġġustifikata, kwistjoni li inċidentalment ser tiġi eżaminata fil-punti 273 sa 278 iktar ’il quddiem.

174    Barra minn hekk, minn naħa, sa fejn FFT tirreferi għar-rapport ta’ kumpannija ta’ konsultazzjoni ekonomika li fih espert żviluppa argumenti intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni ma kinitx dovuta tieħu inkunsiderazzjoni l-ishma ta’ FFT fis-sussidjarji tagħha, ir-riferiment għal dan l-argument huwa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, inammissibbli, peress li ma jidhirx fil-korp stess tar-rikors. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jekk it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat fuq punti speċifiċi minn riferimenti għal estratti ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk huma annessi mar-rikors, ma għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali fir-rikors innifsu, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, EU:T:2007:22, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni ma pproċedietx, bi żball, għall-“aġġustamenti xierqa” li tirreferi għalihom FFT, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jinfluwenzax il-konstatazzjoni li skontha FFT ma tressqat l-ebda argument li jippermetti li jiġu mifhuma r-raġunijiet għaliex il-prinċipju ta’ distakkament adottat mill-Kummissjoni huwa żbaljat. Fil-fatt, il-fatt li huma previsti “aġġustamenti xierqa” mil-linji gwida tal-OECD biex tittieħed inkunsiderazzjoni kull sitwazzjoni fattwali, u li ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal tali aġġustamenti jistgħu jeżistu fil-każ ineżami, ma jqajjimx dubju dwar il-konstatazzjoni li, essenzjalment, il-prinċipju ta’ distakkament jeħtieġ li l-impriżi integrati jiffatturaw prezzijiet ta’ trasferiment li jirriflettu dawk li jiġu ffatturati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, u dan jikkorrispondi għall-eżami li pproċediet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

176    Id-disa’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skontu l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa suġġettiv u arbitrarju. Fil-fatt, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżami fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament jikkonsisti, bħalma jirriżulta mill-premessa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-eżami ta’ jekk il-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment appoġġjat fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni jippermettix il-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirreferi b’mod wiesa’, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, għal-linji gwida tal-OECD, li huma s-suġġett ta’ kunsens wiesa’. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT inċidentalment ma jikkontestawx dan l-aħħar punt.

177    L-għaxar nett, FFT tafferma li l-Kummissjoni naqset milli tispjega fuq liema bażi hija toħroġ il-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kontenut ta’ dan il-prinċipju, bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, kif previst mill-Artikolu 296 TFUE.

178    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom f’li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296(2) TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru din il-kwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Fil-każ ineżami, diġà ġie kkonstatat fil-punti 149 sa 151 u 154 iktar ’il fuq, li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni FFT, il-Kummissjoni ppreċiżat il-bażi legali kif ukoll il-kontenut tal-prinċipju ta’ distakkament fil-premessi 219 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk huwa importanti li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata. Inċidentalment, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 153 iktar ’il fuq, mis-sottomissjonijiet bil-miktub kollha tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ FFT jirriżulta li huma fiehmu sewwa d-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni kien japplika fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura fiskali nazzjonali skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

180    Il-ħdax‑il nett, sa fejn FFT tafferma li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 219 sa 231 u b’mod iktar preċiż fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata joħloq inċertezza legali u konfużjoni tali li ma jippermettix li jiġi mifhum jekk deċiżjoni tat-taxxa li tibbaża fuq prezzijiet ta’ trasferiment hijiex se tikser id-dritt tal-għajnuna mill-Istat jew le, tali argument għandu jiġi miċħud.

181    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u intiżi sabiex jiggarantixxu l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu fid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et Il‑Kummissjoni, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20).

182    Madankollu, minn naħa, huwa importanti li jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ddefinit skont l-effetti tal-miżura fuq il-pożizzjonament fi-kompetizzjoni tal-benefiċjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 87). Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 107 TFUE jipprojbixxi kwalunkwe miżura ta’ għajnuna, irrispettivament mill-forma tagħha jew mit-teknika leġiżlattiva użata sabiex tingħata tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 79).

183    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li d-dritt fiskali Lussemburgiż jipprevedi li l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi huma suġġetti, fl-istess kundizzjonijiet, għat-taxxa fuq il-kumpanniji. F’dawn il-kundizzjonijiet, seta’ jiġi previst li l-Kummissjoni tista’ tivverifika, permezz tal-eżami previst mill-Artikolu 107 TFUE, jekk il-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment appoġġjat fid-deċiżjoni tat-taxxa kienx jitbiegħed minn prezz li kien iffissat f’kundizzjonijiet tas-suq, sabiex jiġi eżaminat jekk l-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa kinitx tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha.

184    Fi kwalunkwe każ, sa fejn FFT sempliċement tafferma li hija tqis li r-redazzjoni tal-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ċara u hija sors ta’ inċertezza legali, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara kollha kemm hi. Madankollu, bħalma jirriżulta mill-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-definizzjoni, il-portata u n-natura ġuridika tal-prinċipju ta’ distakkament. Barra minn hekk, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 115 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni qieset li kwalunkwe deċiżjoni tat-taxxa kienet tikkostitwixxi neċessarjament għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, sa fejn din ma tagħti l-ebda vantaġġ selettiv, b’mod partikolari sa fejn din ma twassalx għal tnaqqis tal-oneru fiskali tal-benefiċjarju tagħha, tali deċiżjoni tat-taxxa ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u ma hijiex suġġetta għal obbligu ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1589.

185    It-tnax‑il nett, sa fejn FFT issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li ħadd ma ppreveda, u lanqas seta’ jipprevedi, li l-Kummissjoni tapplika prinċipju ta’ distakkament differenti minn dak previst mill-OECD, tali lment għandu jiġi miċħud.

186    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fih istituzzjoni tnissel, billi tipprovdilu aċċertamenti preċiżi, tamiet fondati (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni, C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fil-każ ineżami, FFT la tistabbilixxi u lanqas tallega kif hija rċeviet aċċertamenti preċiżi mill-Kummissjoni li skonthom id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li FFT tqis li l-Kummissjoni bbażat espressament ċerti deċiżjonijiet preċedenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fuq il-prinċipju ta’ distakkament previst fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD ma jikkostitwixxix aċċertamenti preċiżi fis-sens tal-ġurisprudenza spjegata iktar ’il fuq.

187    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti kollha mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT u li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment infondati u parzjalment ineffettivi.

b)      Fuq il-motiv ibbażat fuq metodoloġija ta’ kalkolu żbaljat fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT

188    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma, essenzjalment, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tatx vantaġġ lil FFT, peress li din ma wasslitx għal tnaqqis tal-ammont tat-taxxa li ħallset FFT. F’dan il-kuntest, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-eżistenza ta’ allegati żbalji ta’ metodoloġija ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT, li kienu vvalidati mill-awtoritajiet fiskali Lussemburgiżi, u li l-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata.

189    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

1)      Osservazzjonijiet preliminari

190    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jispjega li l-Kummissjoni ma wrietx li l-metodoloġija vvalidata fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, kemm jekk fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament inkorporat fid-dritt nazzjonali Lussemburgiż, tal-linji gwida tal-OECD jew tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

191    Essenzjalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-ħames żbalji fil-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT li kienu identifikati mill-Kummissjoni.

192    Qabel kollox, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqajjem dubju, essenzjalment, dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-kapital proprju ta’ FFT ma kellux jiġi ssegmentat, peress li kellha tiġi applikata rata unika għall-kapital proprju kollu ta’ kontabbiltà ta’ FFT (iktar ’il quddiem l-“ewwel żball”).

193    Sussegwentement, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa ma wettaq l-ebda żball meta rratifika l-użu ta’ fondi proprji regolatorji ipotetiċi (iktar ’il quddiem it-“tieni żball”) u lanqas meta kkalkola l-ammont ta’ dawn il-fondi proprji regolatorji ipotetiċi (iktar ’il quddiem it-“tielet żball”). Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fatt li wettaq żball meta appoġġja t-tnaqqis tal-ishma ta’ FFT f’FFC u FFNA (iktar ’il quddiem ir-“raba’ żball”). Dawn it-tieni, it-tielet u r-raba’ żbalji jintrabtu mal-ewwel żball, relatat mas-segmentazzjoni tal-kapital.

194    Finalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-ħames żball identifikat mill-Kummissjoni, dwar il-kalkolu tar-rata ta’ redditu ta’ 6.05 %, applikata għall-kapital regolatorju ipotetiku (iktar ’il quddiem il-“ħames żball”).

195    Għalkemm il-ħames żbalji kkontestati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kinux identifikati b’mod ċar bħala tali fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-ewwel żball, dwar is-segmentazzjoni tal-kapital proprju, huwa importanti li jiġi kkonstatat li dawn il-ħames żbalji jirriżultaw, essenzjalment, mit-test tal-imsemmija deċiżjoni.

196    Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 248 sa 301 tad-deċiżjoni kkontestata (Taqsimiet 7.2.2.5 sa 7.2.2.9 tal-imsemmija deċiżjoni), li l-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ finanzjament ta’ FFT, ikkonfermat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, kien jinkludi diversi żbalji fl-għażliet metodoloġiċi, tal-parametri u tal-aġġustament. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-iżbalji identifikati jirrigwardaw, minn naħa, l-ammont tal-kapital li għandu jiġi rremunerat, jiġifieri l-indikatur tal-livell ta’ profitti, u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ redditu li għandha tiġi applikata.

197    Fir-rigward, minn naħa, tal-ammont tal-kapital li għandu jiġi rremunerat, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-għażla li l-kapital proprju jiġi ssegmentat fi tliet kategoriji li għalihom jiġu applikati rati ta’ redditu differenti hija żbaljata, u dan jikkorrispondi għall-ewwel żball. Fil-fatt, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 265, 278 u 287 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li rata ta’ redditu unika kellha tiġi applikata għall-kapital proprju ta’ kontabbiltà kollu kemm hu. Il-Kummissjoni għalhekk affermat, fil-premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi użat il-kapital proprju ta’ kontabbiltà, ma kienx neċessarju li tikkalkola “rimunerazzjoni tal-funzjonijiet” distinta.

198    L-ewwel żball huwa l-bażi tat-tieni sar-raba’ żbalji, li kull wieħed huwa s-suġġett ta’ taqsima identifikata sewwa fid-deċiżjoni kkontestata. Qabel kollox, fil-premessi 249 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata (Taqsima 7.2.2.6 tal-imsemmija deċiżjoni), il-Kummissjoni qieset li l-użu ta’ fondi proprji regolatorji ipotetiċi bħala indikatur tal-livell ta’ profitti kien żbaljat, u dan jikkorrispondi għat-tieni żball. Sussegwentement, fil-premessi 267 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata (Taqsima 7.2.2.7), il-Kummissjoni affermat li, li kieku kellu jitqies li l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi jkunu jistgħu jintużaw, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Qafas ta’ Basel II, sabiex jiġu ddeterminati l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ FFT, kienet żbaljata, u dan jikkorrispondi għat-tielet żball. Finalment, fil-premessi 277 sa 291 tad-deċiżjoni kkontestata (Taqsima 7.2.2.8), il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis tal-ishma ta’ FFNA u FFC kien żbaljat, u dan jikkorrispondi għar-raba’ żball.

199    Fir-rigward, minn naħa, tar-rata ta’ redditu, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 292 sa 301 tad-deċiżjoni kkontestata (Taqsima 7.2.2.9), li l-livell ta’ rata ta’ redditu tal-kapital li għandu jiġi rremunerat, ikkalkolat sa 6.05 %, bl-applikazzjoni tal-MEDAF, kien żbaljat, u dan jikkorrispondi għall-ħames żball.

200    Il-Qorti Ġenerali għalhekk ser teżamina suċċessivament il-ħames żbalji identifikati mill-Kummissjoni u kkontestati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kif spjegati fil-punti 196 sa 199 iktar ’il fuq.

201    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Kawża T‑755/15, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar il-portata tal-istħarriġ li l-Kummissjoni setgħet teżerċita fuq il-metodoloġija użata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji inerenti għall-evalwazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment u tal-fatt li dan huwa ndħil fil-libertà ta’ azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.

202    Huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, bħala prinċipju, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipproduċi fid-deċiżjoni kkontestata l-prova tal-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 34, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 95). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

203    Min-naħa l-oħra, huwa l-Istat Membru li jkun introduċa differenzazzjoni bejn l-impriżi li għandu juri li din hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jinkludix il-miżuri mill-Istat li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, selettivi a priori, meta din id-distinzjoni tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li huma jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il‑Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punti 120 u 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li turi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet għal eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa stabbilit li l-Istat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-approvazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu ma jistax iwassal biex iċaħħad lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ li l-prezzijiet ta’ trasferiment inkwistjoni ma jwasslux għall-għoti ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ distakkament jippermettilha tivverifika jekk prezz ta’ trasferiment appoġġjat minn Stat Membru jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u jekk id-distakk ikkonstatat eventwalment fil-kuntest ta’ dan l-eżami ma jmurx lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb l-imsemmija approssimazzjoni.

205    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni lanqas ma jaqblu dwar il-grad ta’ stħarriġ li tista’ tagħmel il-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-kalkolu tal-profitt taxxabbli ta’ FFT. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tagħmel stħarriġ ristrett ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ekonomiċi li huma kumplessi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 263 TFUE, l-għan tar-rikors għal annullament huwa l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati f’tali artikolu. Għaldaqstant, l-analiżi tal-motivi mqajma fil-kuntest ta’ tali rikors la għandha l-għan u lanqas l-effett li tissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 84).

206    Fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 15, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 87).

207    Dwar il-kwistjoni jekk metodu ta’ determinazzjoni ta’ prezz ta’ trasferiment ta’ kumpannija integrata jkunx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, għandu jitfakkar li, bħalma diġà ġie indikat iktar ’il fuq, meta hija tuża din l-għodda fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura approssimattiva tagħha. Għalhekk l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu l-għan li jivverifika jekk l-iżbalji identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, imorrux lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-applikazzjoni ta’ metodu maħsub sabiex tinkiseb approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq.

208    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-iżbalji differenti identifikati mill-Kummissjoni.

2)      Fuq l-ewwel żball, marbut mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-totalità tal-kapital proprju ta’ FFT

209    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-Kummissjoni qieset bi żball li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà sabiex jiġi applikat għal FFT redditu uniformi ta’ 10 %, irrispettivament mill-attivitajiet varji tagħha. Huwa jsostni li l-metodoloġija appoġġjata mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tapplika l-prinċipju tal-“analiżi funzjonali” b’mod konformi mar-regoli Lussemburgiżi u mar-regoli tal-OECD, intiżi sabiex tiġi kkunsidrata n-natura mħallta tal-attivitajiet ta’ FFT, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi użati u r-riskji assunti. Skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għalhekk għandhom jiġu iżolati, sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni ta’ FFT, l-assi jew il-kapital relatati mat-tħaddim tat-tranżazzjonijiet jew tal-funzjonijiet rilevanti, b’tali mod li l-assi tan-negozju u l-kapital użat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement mal-linji gwida tal-OECD. Iċ-Ċirkulari tittrasponi dawn ir-rekwiżiti, sa fejn, qabel kollox, din teskludi mill-perimetru tagħha l-funzjonijiet ta’ holding, sussegwentement, tirriproduċi t-terminoloġija tal-linji gwida tal-OECD u, finalment, tidentifika l-kapital proprju li jkopri r-riskji relatati mal-attivitajiet ta’ finanzjament.

210    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

i)      Osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni

211    L-ewwel nett, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni u bħalma ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l-premessa 70 tal-imsemmija deċiżjoni), id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT għall-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor. It-taxxa dovuta minn FFT lil-Lussemburgu għalhekk hija kkalkolata bl-applikazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni normali tal-kumpanniji, applikabbli fil-Lussemburgu, għall-profitt nett imwettaq minn FFT, fuq il-bażi tar-remunerazzjoni kkonfermata mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni.

212    F’dan ir-rigward, qabel kollox, huwa importanti li jitfakkar li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tiddetermina r-remunerazzjoni ta’ FFT għat-tranżazzjonijiet li jaqgħu fl-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor. Huwa stabbilit bejn il-partijiet li dan it-tip ta’ tranżazzjoni huwa suġġett għat-taxxa skont il-Kodiċi tat-Taxxa.

213    Sussegwentement, il-partijiet ma jikkontestawx il-fatt li, peress li t-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu l-attività ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor ta’ FFT huma tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tikkonċerna d-determinazzjoni tal-prezz ta’ trasferiment tagħhom għal livell li jikkorrispondi għal-livell li kien jintuża kieku dan it-tip ta’ tranżazzjoni kien konkluż bejn kumpanniji awtonomi, suġġetti għall-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, huma ma jikkontestawx il-fatt li din id-deċiżjoni tat-taxxa tippermetti lil FFT tiddetermina l-bażi taxxabbli tagħha fil-Lussemburgu.

214    Finalment, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma kkontestatx l-għażla, ikkonfermata mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, tal-użu tal-MTMN bħala metodu għad-determinazzjoni tal-livell xieraq tal-prezzijiet ta’ trasferiment għat-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu l-attività ta’ finanzjament u ta’ teżor ta’ FFT. F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-applikazzjoni korretta tal-MTMN, fil-każ ineżami, tikkonsisti f’analiżi tar-redditu tal-kapital.

215    Il-partijiet għalhekk ma jaqblux biss, essenzjalment, fir-rigward tal-livell tar-remunerazzjoni ta’ FFT għat-tranżazzjonijiet li jaqgħu fl-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor.

216    It-tieni nett, bħalma jirriżulta mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, u bħalma kkonstatat il-Kummissjoni fit-Tabella 2 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-premessi 61, 62, 65 u 70 tal-imsemmija deċiżjoni, dan qies, għall-finijiet tal-kalkolu tar-redditu fuq il-kapital, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju ta’ FFT, fejn l-ammont totali jammonta għal EUR 287 477 000, fi tliet kategoriji ta’ fondi, jiġifieri:

–        qabel kollox, il-fondi proprji regolatorji ipotetiċi, fis-sens tal-Qafas ta’ Basel II, sabiex jiġu rremunerati r-“riskji”, jiġifieri EUR 28 523 000, li għalihom tapplika rata ta’ redditu ta’ 6.05 %;

–        sussegwentement, il-fondi proprji użati sabiex jiġu kkumpensati l-ishma f’FFNA u FFC, u marbuta mal-attivitajiet ta’ “holding” ta’ FFT, jiġifieri EUR 165 244 000, li minnhom ma ġie applikat l-ebda redditu;

–        finalment, il-fondi proprji użati sabiex jiġu eżerċitati l-“funzjonijiet”, jiġifieri EUR 93 710 000, li għalihom tapplika rata ta’ redditu ta’ 0.87 %. Dawn jikkorrispondu għat-total tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà, imnaqqas bil-fondi proprji regolatorji ipotetiċi u bl-ammont ta’ ishma ta’ FFT f’FFNA u FFC.

217    F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jikkontestawx il-fatt li s-segmentazzjoni tal-kapital proprju tillimita l-bażi tal-kapital meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan ir-redditu. Huma ma jaqblux, essenzjalment, dwar il-prinċipju nnifisu li jikkonsisti, fil-kuntest tal-MTMN, fl-allokazzjoni ta’ kapital għal funzjonijiet speċifiċi suġġetti għal rati ta’ redditu distinti. Fil-fatt, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT iqisu li din is-segmentazzjoni tal-kapital mhux talli hija konformi mal-linji gwida tal-OECD u maċ-Ċirkulari, tali hija wkoll xierqa b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet varji ta’ FFT. Il-Kummissjoni tqis, għall-kuntrarju, li tali segmentazzjoni hija żbaljata.

218    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni qisitx korrettament li s-segmentazzjoni tal-kapital proprju, li għalih japplikaw rati ta’ redditu distinti, ma kinitx tippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament u, għalhekk, kienet tikkontribwixxi għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ FFT.

ii)    Fuq il-possibbiltà li ssir is-segmentazzjoni tal-kapital fil-linji gwida tal-OECD u fiċ-Ċirkulari

219    Bħalma rrikonoxxew il-partijiet, essenzjalment, matul is-seduta, iċ-Ċirkulari u l-linji gwida tal-OECD, li tirreferi għalihom l-ewwel waħda, ma jawtorizzawx il-projbizzjoni tal-possibbiltà li jiġi ssegmentat il-kapital ta’ kumpannija integrata, skont l-attivitajiet varji tagħha.

220    Fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu ma jippermetti li jiġi kkonstatat li l-linji gwida tal-OECD jew iċ-Ċirkulari kienu jippermettu li ssir is-segmentazzjoni tal-kapital sabiex jinkiseb riżultat ta’ distakkament.

221    L-ewwel nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ redditu uniformi għall-kapital proprju ta’ FFT, kollu kemm hu, tikser ir-rakkomandazzjonijiet tal-linji gwida tal-OECD u b’mod partikolari r-rekwiżit li ssir analiżi msejħa “funzjonali” tal-attività tal-impriża kkonċernata, li tikkonsisti fid-distinzjoni tal-attivitajiet varji ta’ impriża u fl-identifikazzjoni tal-assi u r-riskji marbuta ma’ dawn l-attivitajiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jafferma l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-punt D.1.2.2 tal-linji gwida tal-OECD, marbut mal-“analiżi funzjonali”, ma jippermettix li jiġi konkluż li kienet korretta, fil-każ ineżami, is-segmentazzjoni tal-kapital ta’ FFT skont l-attivitajiet varji tagħha.

222    Fil-fatt, mill-paragrafu 1.42 tal-linji gwida tal-OECD jirriżulta li huma l-assi marbuta ma’ kull attività, u mhux il-kapital, li jistgħu jiġu iżolati u marbuta ma’ riskji jew ma’ attivitajiet speċifiċi. Issa, għalkemm, bħalma jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kemm il-profittabbiltà tal-kapital kif ukoll dik tal-assi tista’ titqies bħala indikatur għall-applikazzjoni tal-MTMN, dan madankollu ma jfissirx li l-kapital proprju jiġi assimilat mal-assi tan-negozju. Fil-fatt, b’differenza mill-assi tan-negozju, il-kapital huwa funġibbli u huwa espost għal riskju irrispettivament mill-attività li għandu l-għan li jwettaq.

223    It-tieni nett, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirreferi għall-paragrafi 2.77 u 2.78 tal-linji gwida tal-OECD, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li, għalkemm minn dan jirriżulta li, essenzjalment, minn naħa, l-elementi biss li huma marbuta ma’ tranżazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-ebda wieħed minnhom ma jipprevedi li l-kapital biss li jkun marbut mal-attivitajiet taxxabbli għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, bħalma tafferma ġustament il-Kummissjoni, il-kapital huwa, fin-natura tiegħu, funġibbli.

224    It-tielet nett, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li jkun possibbli fid-dritt Lussemburgiż li ċertu kapital jintrabat ma’ ċerti funzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma ġie spjegat fil-punti 212 sa 215 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tikkonċernax ħlief id-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT għat-tranżazzjonijiet li jaqgħu fl-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor, f’livell ta’ distakkament. Bħalma jirriżulta mill-punti 137 sa 139 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tistħarreġ, permezz tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-livell ta’ din ir-remunerazzjoni kienx inferjuri għal livell ta’ distakkament u, konsegwentement, jekk id-deċiżjoni tat-taxxa kinitx tagħti vantaġġ lil FFT. L-analiżi funzjonali tat-tranżazzjoni mistħarrġa tippermetti b’mod partikolari li jintgħażlu, jekk ikun il-każ, il-parti ttestjata, il-metodu tal-prezz ta’ trasferiment l-iktar xieraq u l-indikatur finanzjarju li għandu jiġi ttestjat, jew li jiġu identifikati l-fatturi ta’ komparabbiltà sinjifikattivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

225    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tikkonċernax il-kwistjoni jekk, minħabba analiżi funzjonali ta’ FFT, ċerti partijiet tal-kapital ta’ FFT humiex suġġetti għat-taxxa skont il-Kodiċi tat-Taxxa Lussemburgiż.

226    Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jibbaża l-allegazzjoni tiegħu fuq artiklu legali dwar it-tassazzjoni Lussemburgiża u fuq regolament tal-Gran Dukat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, anki kieku kellu jitqies li dawn l-elementi, li jirrigwardaw id-dritt Lussemburgiż, huma rilevanti sabiex jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk ir-remunerazzjoni ta’ FFT kinitx inferjuri għal livell ta’ distakkament, dawn ma jurux li l-kapital proprju ta’ FFT seta’ jiġi ssegmentat, skont l-attivitajiet varji tagħha, għall-finijiet tal-kalkolu tar-redditu tal-kapital.

227    Minn naħa, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirreferi għar-règlement grand-ducal du 16 juillet 1987, modifiant le règlement grand-ducal du 23 juillet 1983 portant exécution de l’article 1er de la loi du 23 juillet 1983 modifiant certaines dispositions de la loi du 4 décembre 1967 concernant l’impôt sur le revenu (ir-Regolament tal-Gran Dukat tas‑16 ta’ Lulju 1987, li jemenda r-Regolament tal-Gran Dukat tat‑23 ta’ Lulju 1983 dwar l-eżekuzzjoni tal-Artikolu 1 tal-Liġi tat‑23 ta’ Lulju 1983 li temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, ippubblikat fil-Mémorial A Nru 65 tas‑6 ta’ Awwissu 1987, p. 1540), għandu jiġi enfasizzat li dan jipprevedi li “huwa ammess li l-beni tal-assi jiġu ffinanzjati mill-fondi proprji fl-ordni li ġejja: assi tanġibbli u intanġibbli, assi finanzjarji fissi, assi likwidi u kurrenti”. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi regolament tal-Gran Dukat ma jipprevedix, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li l-kapital proprju ta’ kumpannija jista’ jiġi allokat għal assi partikolari ta’ kumpannija.

228    Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinvoka estratt minn ġurnal legali dwar it-tassazzjoni Lussemburgiża li skontu, “billi tibbaża fuq kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi, id-duttrina Ġermaniża tammetti li r-riżorsi fit-tul jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-finanzjament tal-assi fit-tul” u li, “[b]’din il-loġika, huwa permess li jiġi kkunsidrat li l-fondi proprji jiffinanzjaw qabel kollox l-assi immobbli”, għandu jiġi rrilevat li dan l-element ta’ duttrina ma huwiex biżżejjed sabiex jissostanzja l-pożizzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skontha l-kapital proprju ta’ kumpannija jista’ jiġi ssegmentat, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN, sabiex jiġi allokat għal assi jew għal attivitajiet speċifiċi. Fil-fatt, għalkemm dan l-estratt jista’ jinftiehem fis-sens li l-ishma miżmuma minn kumpannija jiġu ffinanzjati bħala prijorità mill-fondi proprji, it-tweġiba għall-kwistjoni jekk tali kunsiderazzjoni hijiex rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN u, b’mod iktar partikolari, sabiex jiġi ddeterminat redditu fuq il-kapital, ma tirriżultax b’mod ċar mit-test ta’ dan l-estratt. Barra minn hekk, dan l-estratt huwa ppreżentat mingħajr indikazzjoni eżatta tal-kuntest li jidħol fih u mingħajr ma huwa kkonfermat minn elementi oħra ta’ duttrina, b’tali mod li s-saħħa probatorja tiegħu hija limitata ħafna.

229    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li s-segmentazzjoni tal-kapital ta’ kumpannija integrata skont l-attivitajiet varji tagħha la hija awtorizzata u lanqas ipprojbita b’mod espliċitu. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk is-segmentazzjoni magħmula fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni hijiex xierqa, b’kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni.

iii) Fuq in-natura xierqa tas-segmentazzjoni tal-kapital proprju

230    Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta qieset li ma kienx xieraq, fil-każ ineżami, li ssir is-segmentazzjoni tal-kapital proprju.

231    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju ta’ FFT ma tiġix iġġustifikata min-neċessità li ssir distinzjoni bejn ir-remunerazzjoni tal-funzjonijiet varji ta’ FFT.

232    Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni essenzjalment il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju, ikkonfermata fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, ma tirriflettix il-funzjonijiet jew l-attivitajiet varji identifikati fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, fil-kuntest tal-analiżi msejħa “funzjonali” u li għalihom id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tivvalida l-livell ta’ remunerazzjoni.

233    Bħalma ġie kkonstatat fil-punt 211 iktar ’il fuq, il-metodu kkonfermat fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma jirrigwardax id-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-attivitajiet ta’ holding ta’ FFT, iżda esklużivament ir-remunerazzjoni tal-funzjonijiet ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor ta’ FFT.

234    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment [kunfidenzjali].

235    Issa, it-tliet kategoriji ta’ fondi proprji vvalidati mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni jirrigwardaw rispettivament ir-remunerazzjoni tar-riskji, ir-remunerazzjoni tal-attivitajiet ta’ holding u r-remunerazzjoni tal-funzjonijiet. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment jippreċiża li [kunfidenzjali]. Dan is-segment jikkorrispondi għalhekk għall-attivitajiet kollha ta’ FFT li huma s-suġġett tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni.

236    Għalhekk minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju ma hijiex intiża sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ differenzazzjoni tal-funzjonijiet ta’ FFT.

237    Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li s-segmentazzjoni tal-kapital proprju kif ikkonfermata fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma kinitx xierqa, peress li din tibbaża ruħha fuq analiżi purament artifiċjali tal-użu tal-fondi proprji ta’ FFT.

238    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħalma affermat il-Kummissjoni, essenzjalment, fil-premessa 282 tad-deċiżjoni kkontestata, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju ta’ FFT ma kinitx xierqa, peress li tali fondi huma, fin-natura tagħhom, funġibbli. Fil-fatt, sa fejn il-kapital proprju kollu ta’ FFT huwa espost għar-riskji, u huwa disponibbli sabiex tiġi appoġġjata s-solvenza ta’ FFT, dan il-kapital għandu jiġi rremunerat kollu kemm hu, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi ssegmentat.

239    F’dan ir-rigward, li kieku kellu jitqies li huwa veru li parti mill-kapital proprju ta’ FFT hija allokata għall-ishma f’FFNA u FFC, li kienu diġà ġew intaxxati u għalhekk ma għadhomx taxxabbli, dan il-fatt bl-ebda mod ma jaffettwa l-konstatazzjoni li din il-parti tal-kapital proprju hija esposta wkoll għar-riskji u għandha għalhekk tkun is-suġġett ta’ remunerazzjoni tar-riskji.

240    Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-premessi 247 u 286 tad-deċiżjoni kkontestata, billi wettaq segmentazzjoni tal-kapital proprju minflok ma żamm it-totalità tal-kapital proprju bħala bażi li minnha jiġi kkalkolat ir-redditu tal-kapital, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu injora l-fatt li l-kapital proprju kollu huwa neċessarju sabiex jiġu żgurati l-funzjonijiet ta’ finanzjament u, jekk ikun il-każ, jiġi assorbit it-telf marbut mal-attivitajiet ta’ finanzjament. Fil-fatt, bħalma fakkret il-Kummissjoni matul is-seduta, għalkemm il-proporzjon ta’ ingranaġġ bejn il-kapital u l-ammonti mislufa għadda minn [kunfidenzjali] % għal 1.3 jew 1.5 %, dan għalhekk ikun inferjuri għal dak li jkun aċċettabbli għal stabbiliment ta’ kreditu.

241    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, bħalma qieset il-Kummissjoni fil-premessa 247 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ġie kkonstestat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, FFT għandha rwol ta’ trasformazzjoni tal-iskadenzi u ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, peress li hija tissellef fis-swieq għall-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-grupp. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-finanzjament ta’ FFT jiġi minn strumenti bħall-ħruġ ta’ bonds, self bankarju fuq terminu, linji ta’ kreditu affettwati u mhux affettwati. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, bħalma inċidentalment irrikonoxxa l-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-kuntest tat-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet matul is-seduta, meta hija tissellef fis-suq sabiex tiffinanzja l-attivitajiet tagħha, huwa l-kapital kollu ta’ FFT li jittieħed inkunsiderazzjoni mill-operaturi tas-suq li hija tissellef mingħandhom. Issa, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju skont l-attivitajiet ta’ FFT ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-profitti taxxabbli tagħha jvarjaw skont l-ispejjeż tas-self tagħha, li jiddependu, b’mod partikolari, mid-daqs tal-kapital tagħha.

242    It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, it-tliet segmenti, kif ikkonfermati fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, huma artifiċjali.

243    Qabel kollox, fir-rigward tal-ewwel segment, jiġifieri l-fondi proprji użati sabiex isostnu r-riskji, huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 238 iktar ’il fuq, il-kapital proprju kollu ta’ FFT huwa espost għar-riskji.

244    Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni segment, jiġifieri l-fondi proprji użati għall-ishma f’FFNA u FFC, huwa biżżejjed li jitfakkar li, peress li l-kapital huwa funġibbli, il-parti tal-fondi li tikkorrispondi għall-ammont tal-ishma f’FFNA u FFC ma tistax tiġi mifruda mill-kumplament tal-fondi proprji ta’ FFT. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw kemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kif ukoll FFT, fl-osservazzjonijiet tagħhom matul is-seduta, minkejja li ż-żamma ta’ ishma ta’ FFNA u FFC ma tagħti lok għall-ebda dividend taxxabbli, peress li d-dividendi ta’ FFNA u FFC diġà ġew intaxxati qabel ma tqassmu lil FFT bħala holding, jibqa’ l-fatt li, fil-każ ta’ insolvenza ta’ FFT, il-fondi proprji marbuta maż-żamma ta’ dawn l-ishma, bħall-kumplament tal-fondi proprji l-oħra kollha, jintużaw sabiex ikopru d-dejn ta’ FFT. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kapital ta’ FFT, li jista’ jkun marbut jew le mal-ishma li hija żżomm, huwa, fi kwalunkwe każ, espost għar-riskji u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT.

245    Barra minn hekk, f’kuntest fi ħdan grupp, l-ishma ta’ kumpannija omm fis-sussidjarji tagħha jistgħu jitqiesu, fir-realtà, bħala forma ta’ injezzjoni ta’ kapital alternattiva għall-għoti ta’ self fi ħdan il-grupp. Għalhekk, id-distinzjoni bejn it-tieni segment u l-ewwel wieħed, li jikkorrispondi, skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, għall-fondi proprji esposti għar-riskji, b’mod partikolari tal-kreditu u tal-kontroparti (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata), hija, għal din ir-raġuni wkoll, artifiċjali, sa fejn it-tnejn li huma jistgħu jkunu l-espressjoni, b’mod definittiv, ta’ operazzjoni ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp, bħalma kkonferma l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, essenzjalment, matul is-seduta.

246    Finalment, fir-rigward tat-tielet segment, jiġifieri l-fondi proprji użati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, bħalma rrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan jikkorrispondi għall-kapital proprju residwu, miksub wara t-tnaqqis tal-ewwel żewġ segmenti mill-kapital proprju totali. Minn dan isegwi li, permezz tan-natura residwa tiegħu, dan is-segment, fir-realtà, ma jikkorrispondi għall-ebda funzjoni jew attività partikolari. Barra minn hekk, bħalma affermat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata, dan is-segment ma jikkorrispondi għall-ebda komponent abitwali tal-fondi proprji użati fil-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ redditu. Iktar minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li [kunfidenzjali]. Issa, dawn il-funzjonijiet jikkorrispondu għall-funzjonijiet li għalihom hija kkalkolata r-remunerazzjoni ta’ FFT, kif appoġġjata mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li din is-segmentazzjoni hija neċessarjament mhux xierqa.

247    Għalhekk minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, essenzjalment, li s-segmentazzjoni tal-kapital proprju kienet żbaljata u li l-kapital proprju kollu ta’ FFT kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-remunerazzjoni tar-riskji.

248    L-argumenti l-oħra tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistgħux jirnexxu.

249    Sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li FFT kien ikollha tħallas l-istess ammont ta’ taxxa kieku l-attivitajiet tagħha kienu mqassma fi tliet entitajiet distinti, dan l-argument ma jistax jirnexxi.

250    Fil-fatt, minn naħa, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 235 iktar ’il fuq, is-segmentazzjoni tal-kapital proprju ma tikkorrispondix għall-funzjonijiet varji eżerċitati minn FFT. Min-naħa l-oħra, bħalma ġie rrilevat fil-punt 241 iktar ’il fuq, il-kapital kollu ta’ FFT jittieħed inkunsiderazzjoni mill-operaturi tas-suq li hija tissellef mingħandhom u l-kapaċità ta’ self tagħha taffettwa neċessarjament l-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament u l-profitti tagħha. Għalhekk ma jistax jitqies li FFT ikollha tħallas l-istess rata ta’ taxxa kieku l-kapital tagħha kien miżmum minn tliet kumpanniji distinti sabiex teżerċita attivitajiet b’redditu differenti. Barra minn hekk, bħalma ġie stabbilit fil-punt 240 iktar ’il fuq, il-kapital proprju ta’ FFT marbut mal-attivitajiet ta’ finanzjament ikun insuffiċjenti fir-rigward tar-riskji mġarrba kieku dawn kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud sa fejn isemmi sitwazzjoni ipotetika, barranija għal dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

251    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset korrettament li l-kapital proprju kollu ta’ FFT kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor.

3)      Fuq it-tieni żball, marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fondi proprji regolatorji ipotetiċi

252    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha kien żbaljat li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi għar-remunerazzjoni tar-riskji marbuta mal-attivitajiet ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor ta’ FFT. F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha ma teżisti l-ebda razzjonalità ekonomika li jiġi applikat redditu ta’ kapital proprju għal bażi fformata mill-kapital regolatorju ta’ FFT filwaqt li l-MTMN jeżiġi l-evalwazzjoni tal-kapital proprju allokat għall-funzjonijiet varji ta’ FFT, filwaqt li jżid jgħid li l-Qafas ta’ Basel II u l-MEDAF huma standards internazzjonali.

253    Il-Kummissjoni ma taqblix ma’ dan l-argument minħabba li l-kalkolu tal-bażi taxxabbli minn kapital ipotetiku regolatorju mwettaq minn FFT huwa, minn naħa, żbaljat, u, min-naħa l-oħra, inkoerenti.

254    Fl-ewwel lok, hemm lok li jitfakkar li, bħalma osservat il-Kummissjoni fil-premessi 254 u 262 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Qafas ta’ Basel II jiddefinixxi l-fondi proprji regolatorji meħtieġa bħala proprozjon tal-assi li jinżammu minn bank jew istituzzjoni finanzjarja, ipponderat mir-riskju sottostanti ta’ kull wieħed minn dawn l-assi. Il-fondi proprji regolatorji jikkostitwixxu għalhekk l-istima, mir-regolatur, ta’ livell minimu ta’ kapitalizzazzjoni li għandhom iżommu bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra u la jikkostitwixxu dritt għall-profitti tal-entità inkwistjoni, u lanqas għar-remunerazzjoni tar-riskji mġarrba minn din l-entità.

255    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, prinċipalment, li skontha l-għażla, ikkonfermata mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapital regolatorju ipotetiku ta’ FFT, hija żbaljata, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tafferma l-Kummissjoni, li, b’differenza tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà użat għall-attivitajiet ta’ finanzjament ta’ FFT, il-fondi proprji regolatorji ma għandhom l-ebda rabta mal-profitti li investitur jitlob lill-kumpannija li jinvesti fiha.  Fil-fatt, il-fondi proprji regolatorji ma jikkostitwixxux indikatur xieraq tal-profitti miksuba minn bank jew istituzzjoni finanzjarja, iżda biss l-implimentazzjoni ta’ obbligu prudenzjali impost fuq dawn l-istituzzjonijiet. Il-fondi proprji regolatorji ipotetiċi, iddeterminati mill-applikazzjoni b’analoġija tal-Qafas ta’ Basel II, ma jistgħux, a fortiori, jikkostitwixxu indikatur xieraq sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni tar-riskju li huwa espost għalih il-kapital ta’ FFT.

256    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma huwa ta’ natura li jqiegħed din il-konstatazzjoni f’dubju.

257    L-ewwel nett, iċ-ċirkustanza, invokata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li skontha l-amministrazzjoni tat-taxxa staqsiet jekk FFT kinitx ikkapitalizzata korrettament, ma tiġġustifikax il-fatt li l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi kienu ntużaw bħala indikatur tal-livell ta’ profitti.

258    It-tieni nett, l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skontu FFT kienet marbuta li jkollha, bħala kumpannija ta’ finanzjament, kapital minimu konformement maċ-Ċirkulari għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma tosserva l-Kummissjoni, li tali obbligu ma jiġġustifikax il-fatt li l-kapital minimu, miżmum f’konformità ma’ dan l-obbligu, jikkostitwixxi indikatur tal-livell ta’ profitti xieraq, peress li obbligu regolatorju ma jirriflettix il-partijiet ta’ profitti miksuba.

259    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, sussidjarjament, li skontha teżisti inkoerenza li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi sabiex jiġi ddeterminat ir-redditu tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà, b’differenza mir-redditu ta’ fondi proprji regolatorji, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki kieku kellu jitqies li kien korrett li jintużaw biss il-fondi proprji regolatorji ipotetiċi bħala indikatur tal-livell ta’ profitti, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jagħti l-ebda spjegazzjoni konvinċenti sabiex jiġġustifika l-inkoerenza fil-metodoloġija użata.

260    Issa, bħalma spjegat il-Kummissjoni fil-premessi 253 u 254 tad-deċiżjoni kkontestata, redditu tal-kapital proprju huwa proporzjon ta’ vijabbiltà. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà jippermetti li jiġi stabbilit il-profitt nett, li jikkostitwixxi r-remunerazzjoni tal-azzjonisti, filwaqt li l-fondi proprji regolatorji ma jirriflettu l-ebda dritt għall-profitti tal-kumpannija, iżda jirrappreżentaw biss il-fondi li kumpannija rregolata hija marbuta li żżomm.

261    L-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skonthom il-metodu użat sabiex jiġi ddeterminat ir-redditu fuq il-kapital proprju ma huwiex “inkoerenti” minħabba li, minn naħa, dan jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet distinti ta’ FFT u, min-naħa l-oħra, il-Qafas ta’ Basel II huwa riferiment internazzjonali l-istess bħall-MEDAF, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-ebda wieħed minnhom ma jippermetti li jiġu spjegati r-raġunijiet għaliex il-fondi proprji regolatorji jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat ir-redditu tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà.

262    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li, bħalma kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-eżerċizzju ta’ tqabbil ta’ FFT, imwettaq fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment għall-finijiet tal-kalkolu tal-MEDAF, ma’ 66 kumpannija identifikati mill-konsulent tat-taxxa ma jibbażax fuq il-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ dawn is-66 kumpannija, l-għażla tal-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ FFT bħala indikatur tal-livell ta’ profitti hija inkoerenti.

263    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset ġustament li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kellux jieħu l-kapital regolatorju ipotetiku ta’ FFT bħala bażi għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tar-riskju.

264    Peress li ġie kkonstatat li l-Kummissjoni qieset korrettament li l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ma setgħux jintużaw għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu intiżi sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-kalkolu tal-fondi proprji regolatorji ipotetiċi ta’ FFT kien żbaljat (it-tielet żball). Fil-fatt, dan ir-raġunament ġie żviluppat mill-Kummissjoni sussidjarjament, bħalma jirriżulta mill-premessa 276 tad-deċiżjoni kkontestata, u jibbaża ruħu fuq il-premessa żbaljata li skontha l-fondi proprji regolatorji ipotetiċi setgħu jintużaw bħala indikatur tal-livell ta’ profitti għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tar-riskji mġarrba minn FFT.

4)      Fuq ir-raba’ żball, marbut mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma ta’ FFT

265    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-kapital marbut mal-ishma ta’ FFT f’FFC u FFNA kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-attivitajiet ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor ta’ FFT.

266    Qabel kollox, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-Kummissjoni kellha tqis li r-remunerazzjoni tal-ishma f’FFNA u FFC kienet mid-definizzjoni tagħha stess eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Fil-fatt, id-dividendi mill-ishma huma eżenti mit-taxxa u l-ebda oneru finanzjarju ma huwa assoċjat ma’ dan il-finanzjament, u lanqas imnaqqas.

267    Sussegwentement, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 282 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dritt Lussemburgiż, kull sors ta’ finanzjament għandu jiġi allokat sa fejn possibbli għal kull assi tal-kumpannija. Issa, l-ishma miżmuma minn FFT huma ffinanzjati minn fondi proprji, ta’ ammont ta’ EUR 165 244 000, li jinsabu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment u għandhom jiġu esklużi mill-kalkoli intiżi għar-remunerazzjoni tar-riskji mġarrba minn FFT għall-attività tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp.

268    Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Qafas ta’ Basel II tippermetti l-esklużjoni tal-ishma fi stabbilimenti ta’ kreditu oħra. Sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument, fil-premessa 281 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li FFT ma kinitx stabbiliment ta’ kreditu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li dan l-approċċ huwa inkoerenti mal-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni applikat il-Qafas ta’ Basel II.

269    Iktar minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata fil-premessa 286 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, essenzjalment, l-ishma f’FFNA u FFC ma jistgħux jitnaqqsu mill-kapital proprju ta’ kontabbiltà, minħabba li dan iwaqqa’ l-effett ta’ ingranaġġ ta’ FFT, u dan jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ dejn/fondi proprji, li huwa ta’ [kunfidenzjali] % b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ishma, [kunfidenzjali] tal-proporzjon ta’ dejn tal-medja tal-banek Ewropej – li huwa ta’ 2.9 % jew ta’ 3.3 % skont it-teħid ta’ kampjuni. Fil-fatt, minn naħa, il-kampjun ta’ banek meqjus mill-Kummissjoni u l-medja li tirriżulta minnu bl-ebda mod ma huma punt ta’ referenza determinati, peress li banek oħra għandhom proporzjonijiet ta’ dejn ogħla. Min-naħa l-oħra, kien messhom ittieħdu inkunsiderazzjoni mhux il-fondi proprji ta’ kontabbiltà individwali, iżda l-fondi proprji ta’ kontabbiltà kkonsolidati. Barra minn hekk, il-kampjun użat mill-Kummissjoni lanqas ma huwa rappreżentattiv.

270    Finalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li t-tqabbil li sar mill-Kummissjoni, fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, ma’ Fiat Finance SpA (iktar ’il quddiem “FF”), kumpannija ta’ teżor stabbilita l-Italja, la huwa rilevanti u lanqas konklużiv. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-fatt li ma hemmx lok li għal FF tiġi applikata l-istess metodoloġija bħal dik applikata għal FFT, jiġifieri dik li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-ishma mill-fondi proprji, peress li dan iwassal lil FF għal kapital negattiv. Minn naħa, FF hija suġġett taxxabbli Taljan u mhux Lussemburgiż. Min-naħa l-oħra, dak kollu li wriet il-Kummissjoni huwa li, fil-każ ta’ FF, l-ishma kienu ffinanzjati mid-dejn.

271    Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-premessi 277 sa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi iżola l-“investimenti finanzjarji f’FFNA u FFC”, li FFT kienet smat għal EUR 165 244 000 (Tabella 2 tad-deċiżjoni kkontestata) u billi tahom remunerazzjoni ta’ żero. Dan wassal, skont il-Kummissjoni, għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn FFT.

272    Huwa importanti wkoll li jiġi rrilevat li huwa stabbilit li l-metodu kkonfermat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni għandu l-għan, għall-finijiet tal-istabbiliment tat-taxxa dovuta minn FFT, li jiddetermina r-remunerazzjoni li kienet tikseb għall-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor kieku hija kienet topera f’kundizzjonijiet tas-suq. Il-metodu inkwistjoni jikkonsisti fil-kalkolu tar-redditu tal-kapital. F’dan il-kuntest, ċertament, il-fatt li FFT ma hijiex intaxxata, bħala kumpannija holding, fuq id-dividendi li hija tirċievi minn FFNA u FFC, fejn huwa stabbilit li dawn huma ntaxxati fuq id-dividendi, jista’ jagħti x’wieħed jifhem li l-kapital allokat għal dawn l-ishma ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tat-taxxa li FFT jkollha tħallas kieku topera f’distakkament. Madankollu, tali affermazzjoni ma tistax tirnexxi għar-raġunijiet li ġejjin.

273    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bħalma tafferma ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 282 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kapital proprju huwa funġibbli. Fil-każ ta’ insolvenza ta’ FFT, il-kredituri jiġu rrimborsati fuq il-bażi tat-totalità tal-kapital proprju. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kif ukoll FFT fl-osservazzjonijiet tagħhom matul is-seduta, minkejja li ż-żamma ta’ ishma ta’ FFNA u FFC ma tagħti lok għall-ebda dividend taxxabbli, peress li d-dividendi tagħhom diġà ġew intaxxati qabel ma tqassmu lil FFT bħala holding, jibqa’ l-fatt li, fil-każ ta’ insolvenza ta’ FFT, il-fondi proprji marbuta maż-żamma ta’ dawn l-ishma, bħall-kumplament tal-fondi proprji l-oħra kollha, jintużaw sabiex ikopru d-dejn ta’ FFT. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kapital ta’ FFT, li jista’ jkun marbut jew le mal-ishma li hija żżomm, huwa, fi kwalunkwe każ, espost għar-riskji u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT, u dan minkejja li l-ishma f’FFNA u FFC ma jwasslu għall-ebda dħul taxxabbli.

274    It-tieni nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, bħalma tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistabbilixxix li l-kumpanniji l-oħra li hija qabblet lil FFT magħhom naqqsu mill-kapital tagħhom l-ishma f’sussidjarji jew li ma huwiex komuni li l-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fis-suq iżommu tali ishma. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni qieset ġustament li l-esklużjoni tal-ishma ta’ FFT fiż-żewġ sussidjarji tagħha ma kinitx tippermetti li FFT titqabbel b’mod xieraq ma’ impriżi oħra li joperaw fis-suq.

275    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki kieku kellu jitqies li l-prinċipji tal-Qafas ta’ Basel II ġew applikati fil-każ ineżami, FFT ma tissodisfax il-kundizzjoni meħtieġa sabiex titnaqqas parti mill-ammont tal-kapital proprju tagħha, ugwali għall-ishma f’FFNA u FFC, jiġifieri li FFT, FFNA u FFC ma għandhomx kontijiet ikkonsolidati għal-Lussemburgu. Fil-fatt, bħalma rrilevat il-Kummissjoni fil-premessi 112 u 281 tad-deċiżjoni kkontestata, u bħalma kkonferma l-Gran Dukat tal-Lussemburgu fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-kontijiet ta’ FFT kienu kkonsolidati fil-Lussemburgu.

276    Ir-raba’ nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-fatt li l-proporzjon ta’ ingranaġġ ta’ FFT għandu jitqabbel mal-kampjun ta’ banek użat mill-Kummissjoni, jibqa’ l-fatt li huwa ma jressaq l-ebda argument u l-ebda prova li jippermettu li jinftiehem għal liema raġunijiet – jekk għandu jitqies li l-fondi proprji li jkopru l-investimenti finanzjarji f’FFNA u FFC ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni minkejja li jikkostitwixxu kważi 60 % tat-total tal-kapital proprju ta’ FFT (Tabella 2 tad-deċiżjoni kkontestata) – dan il-proporzjon ma huwiex nettament inferjuri għal dak identifikat mill-Kummissjoni u anki għal dak użat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu nnifsu.

277    Fil-fatt, sa fejn il-proporzjon ta’ ingranaġġ jiġi kkalkolat fil-konfront tal-ammont tal-kapital proprju, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-proporzjon ta’ ingranaġġ ta’ [kunfidenzjali] %, identifikat mill-Kummissjoni, [kunfidenzjali] meta l-kapital proprju kollu ta’ FFT kien ittieħed inkunsiderazzjoni, [kunfidenzjali] jekk il-parti tal-kapital proprju, ugwali għall-ishma f’FFNA u FFC, ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni. Tali konstatazzjoni tapplika, irrispettivament minn jekk l-istandard tas-suq ikunx 2.9 %, jew 3.3 %, kif identifikat mill-Kummissjoni, jew anki ta’ 4 sa 4.5 %, bħalma jirriżulta mill-kampjun tal-proporzjonijiet użati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

278    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 271 sa 277 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset ġustament li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien eskluda bi żball parti mill-kapital proprju ta’ FFT, ugwali għall-ishma tagħha fis-sussidjarji tagħha, mill-kapital li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni ta’ FFT għall-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor.

279    Mill-konstatazzjonijiet kollha spjegati fil-punti 209 sa 278 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni qieset ġustament li l-kapital proprju kollu ta’ FFT kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ FFT u li kellha tiġi applikata rata unika. Fi kwalunkwe każ, hija qieset korrettament ukoll li l-metodu li jikkonsisti, minn naħa, fl-użu tal-kapital regolatorju ipotetiku ta’ FFT u, min-naħa l-oħra, fl-esklużjoni tal-ishma ta’ FFT f’FFNA u FFC mill-ammont tal-kapital li għandu jiġi rremunerat, ma kienx jippermetti l-kisba ta’ riżultat ta’ distakkament.

280    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-metodu kkonfermat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu mminimizza r-remunerazzjoni ta’ FFT, li fuq il-bażi tagħha hija ddeterminata t-taxxa dovuta minnha, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu relatati mal-ħames żball identifikat mill-Kummissjoni, dwar ir-rata ta’ redditu. Fil-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni li l-ammont tal-kapital li għandu jiġi rremunerat kien sottovalutat hija biżżejjed, fil-każ ineżami, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ.

281    L-ewwel nett, il-proporzjon bejn il-kapital effettivament meħud inkunsiderazzjoni fil-metodu użat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni u t-totalità tal-kapital proprju huwa ta’ importanza tali li l-iżball fid-determinazzjoni tal-kapital li għandu jiġi rremunerat iwassal neċessarjament għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ FFT, irrispettivament mil-livell tar-rata ta’ redditu unika li għandha tiġi applikata. Fil-fatt, l-ammont tal-kapital regolatorju ipotetiku, li jammonta għal EUR 28 miljun, jirrappreżenta biss madwar 10 % tal-ammont totali tal-kapital proprju, li min-naħa tiegħu jammonta għal EUR 287 miljun.

282    It-tieni nett, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 211 iktar ’il fuq, il-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-attivitajiet ta’ finanzjament fi ħdan il-grupp u ta’ teżor ta’ FFT, kif ikkonfermat fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, huwa magħmul minn żewġ stadji, jiġifieri, l-ewwel wieħed, id-determinazzjoni tal-ammont tal-kapital li għandu jiġi rremunarat u, it-tieni wieħed, id-determinazzjoni tar-rata ta’ redditu li għandha tiġi applikata. Issa, fil-kuntest tal-ewwel stadju, il-metodu appoġġjat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni jagħmel distinzjoni bejn tliet ammonti distinti li għalihom japplikaw tliet rati distinti, iddeterminati skont metodi differenti. Konsegwentement, peress li l-ewwel stadju tal-kalkolu huwa żbaljat, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni stadju ta’ dan il-kalkolu. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ żball fl-ewwel stadju tal-metodu kkonfermat fid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni jrendi neċessarjament mingħajr skop l-eżami tal-iżbalji possibbli fil-kalkolu tar-rata ta’ redditu li jikkostitwixxi t-tieni stadju ta’ dan il-metodu. Il-kalkolu tar-redditu għandu jerġa’ jsir kompletament mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fid-dawl tal-ammont tal-kapital li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni. Inċidentalment, mill-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li stima korretta tal-bażi tat-taxxa ta’ FFT għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-applikazzjoni ta’ rata unika għall-ammont sħiħ tal-kapital proprju ta’ kontabbiltà.

283    Issa, huwa importanti li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-ammont tar-rata ta’ redditu, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk dan għandux jammonta għal 10 %, bħalma tafferma l-Kummissjoni, jew għal 6.05 %, bħalma jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, anki kieku kellu jitqies li għandha tiġi applikata r-rata l-iktar baxxa, l-ammont tar-remunerazzjoni ta’ FFT li jirriżulta minnu jibqa’ ferm superjuri għal dak ikkonfermat mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Fil-fatt, din ir-rata, li tikkorrispondi għal dik applikata fl-ewwel segment, tiġi applikata għall-ammont kollu tal-kapital proprju, li jirrappreżenta ammont għaxar darbiet ogħla minn dak li din ir-rata ġiet applikata għalih permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mill-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu relatati mar-rata ta’ redditu ma jista’ jinvalida l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ.

284    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kkontesta l-ħames żball identifikat mill-Kummissjoni, dwar ir-rata ta’ redditu (ara l-punt 194 iktar ’il fuq), ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

285    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilmenti kollha mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu dwar l-eżami mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT għandhom jiġu miċħuda.

286    Mill-konstatazzjonijiet kollha magħmula fil-punti 211 sa 285 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni qieset korrettament li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet appoġġjat metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT li ma kienx jippermetti l-kisba ta’ riżultat ta’ distakkament u li kien iwassal għal tnaqqas tal-oneru fiskali ta’ FFT. Għaldaqstant, hija qieset ġustament, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT.

3.      Fuq ir-raġunament ifformulat sussidjarjament mill-Kummissjoni li skontu d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tidderoga mill-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u miċ-Ċirkulari

287    Is-sempliċi konstatazzjoni, magħmula fil-punt 286 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball fil-kuntest tar-raġunament tagħha fformulat prinċipalment hija biżżejjed sabiex jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tat vantaġġ lil FFT. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina, b’mod superfluwu, ir-raġunament ifformulat sussidjarjament mill-Kummissjoni, li skontu l-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa kienet tidderoga mill-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u miċ-Ċirkulari.

288    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ distakkament kif previst fid-dritt nazzjonali Lussemburgiż.

289    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

290    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, sussidjarjament, fit-Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Raġunament sussidjarju: vantaġġ selettiv minħabba deroga għall-Artikolu 164 [tal-Kodiċi tat-Taxxa] u/jew għaċ-Ċirkolari” (premessi 315 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT minħabba li din kienet tidderoga mill-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Lussemburgiż, previst fl-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u fiċ-Ċirkulari (ara l-premessi 316 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

291    Fil-fatt, fil-premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat dan li ġej:

“[B]ħala raġunament sussidjarju, […] [id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni] tagħti wkoll lil FFT vantaġġ selettiv fil-qafas tas-sistema ta’ referenza aktar limitata magħmula minn kumpaniji ta’ grupp li japplikaw prezzijiet ta’ trasferiment u li jaqgħu taħt l-Artikolu 164(3) [tal-Kodiċi tat-Taxxa] u taċ-Ċirkolari. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ta’ distakkament fil-liġi tat-taxxa Lussemburgiża, li tgħid li t-tranżazzjonijiet bejn kumpaniji ta’ grupp wieħed għandhom jiġu rimunerati fuq livell ta’ prezz li kien ikun aċċettat minn kumpaniji indipendenti li jinnegozjaw f’ċirkostanzi komparabbli f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. It-Taqsima 2 taċ-Ċirkolari fiha partikolarment deskrizzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament kif definit fil-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti u traspost fid-dritt nazzjonali.”

292    Sussegwentement, fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li hija kienet diġà wriet, fil-kuntest tat-Taqsima 7.2.2 tal-imsemmija deċiżjoni, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma kinitx tippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament. Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, hija kkonkludiet li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet “tagħti wkoll vantaġġ selettiv taħt is-sistema ta’ referenza aktar limitata tal-Artikolu 164(3) [tal-Kodiċi tat-Taxxa] jew taċ-Ċirkolari, peress li din [kienet] twassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta ta’ FFT meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha l-prinċipju ta’ distakkament imsemmi f’din id-dispożizzjoni kien ikun applikat b’mod korrett”.

293    Mill-premessi 316 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lil FFT, peress li din kienet twassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha l-prinċipju ta’ distakkament stabbilit fl-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u fiċ-Ċirkulari kien ikun applikat b’mod korrett.

294    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fuq l-eżami tagħha tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni mwettaq fil-kuntest tal-analiżi prinċipali tagħha. Għalhekk hija affermat li hija kienet diġà wriet, fil-kuntest tat-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma kinitx tippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament.

295    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa jipprovdi li “d-distribuzzjonijiet moħbija tal-profitti għandhom jiġu inklużi fid-dħul taxxabbli” u li “[j]kun hemm distribuzzjoni moħbija tal-profitti b’mod partikolari jekk sieħeb, membru jew persuna kkonċernata jirċievu direttament jew indirettament vantaġġi minn kumpannija jew assoċjazzjoni li normalment ma jkunux ibbenefikaw minnhom jekk ma kellhomx din il-pożizzjoni”. Barra minn hekk, iċ-Ċirkulari tipprevedi, fil-punt 2 tagħha, li, “jekk ikun ġie pprovdut servizz fi ħdan il-grupp, għandu jiġi ddeterminat, l-istess bħalma għat-tipi l-oħra ta’ trasferimenti fi ħdan il-grupp, jekk ir-remunerazzjoni miftehma tikkonformax mal-prinċipju ta’ distakkament, jiġifieri tikkorrispondix mal-prezzijiet li kienu jintużaw jew jiġu aċċettati minn impriżi indipendenti f’ċirkustanzi komparabbli”. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u ċ-Ċirkulari jipprevedu li r-remunerazzjoni tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp għandha tiġi ddeterminata daqslikieku l-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet kien ġie konkluż bejn impriżi awtonomi. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT inċidentalment ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fformulata fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Lussemburgiż.

296    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li ċ-Ċirkulari tirreferi għall-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD u għal-linji gwida tal-OECD bħala standard internazzjonali ta’ referenza għall-istabbiliment ta’ prezz ta’ trasferiment. Issa, fil-kuntest tal-analiżi prinċipali tagħha tal-vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni rreferiet b’mod wiesa’ għal-linji gwida tal-OECD, b’mod partikolari sabiex tidentifika l-ħames żbalji fil-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT. Minn dan isegwi li l-istess tabella ta’ analiżi setgħet tintuża mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi prinċipali tagħha b’mod prinċipali bħal fil-kuntest tal-analiżi sussidjarja tagħha.

297    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li hija setgħet tittrasponi l-analiżi tagħha mwettqa fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet tikkonsisti fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT, sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT minħabba li din tal-aħħar kienet ħallset inqas taxxa meta mqabbla ma’ dik li hija kellha tħallas bl-applikazzjoni tal-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u taċ-Ċirkulari.

298    L-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skonthom id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni hija konformi mad-dritt Lussemburgiż ma jistgħux iqajjmu dubju dwar il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 297 iktar ’il fuq. Fil-fatt, tali argumenti diġà ġew miċħuda fil-punti 226 u 227 iktar ’il fuq.

299    Minn dawn il-konstatazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni qieset ġustament li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lil FFT minħabba li dik kienet twassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ FFT meta mqabbel ma’ dak li kellha tħallas bl-applikazzjoni tal-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa u taċ-Ċirkulari.

4.      Fuq il-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ fil-livell tal-grupp

300    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT jaffermaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-livell tal-grupp Fiat/Chrysler u għalhekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE kif ukoll l-Artikolu 107 TFUE.

301    B’mod iktar preċiż, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija manifestament nieqsa u kontradittorja sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat, fil-premessa 314 ta’ din id-deċiżjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħha fil-livell tal-grupp Fiat/Chrysler, filwaqt li invokat fl-istess ħin l-effetti ta’ dan il-vantaġġ sabiex tindika, fil-premessi 342 u 344 tal-imsemmija deċiżjoni, l-imsemmi grupp bħala l-benefiċjarju tal-allegata għajnuna inkwistjoni.

302    Min-naħa, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li, b’differenza mill-fatti fil-kawża li wasslet għad-digriet tal‑31 ta’ Awwissu 2010, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:475, punt 43), l-oneri possibbli mġarrba mis-sussidjarji l-oħra, bħal tassazzjoni ogħla, ma humiex “mingħajr rabta” mal-vantaġġ li setgħet kisbet FFT. Min-naħa l-oħra, huwa jibbaża fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004, punti 115 u 116), sabiex jikkritika lill-Kummissjoni li la fittxet u lanqas immotivat kif il-grupp Fiat/Chrysler ibbenefika realment minn vantaġġ.

303    FFT issostni, min-naħa tagħha, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107 TFUE meta injorat l-effett tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni fuq il-grupp Fiat/Chrysler kollu kemm hu sabiex tiddetermina jekk FFT u l-grupp Fiat/Chrysler kinux ibbenefikaw minn vantaġġ.

304    Minn naħa, FFT tosserva li, fil-premessa 155 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/276/UE tas‑26 ta’ Mejju 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ ftehim fiskali dwar it-tranżazzjonijiet implimentata mill-Belġju favur il-kumpanija Umicore S.A. (ex “Union Minière S.A.”) (Għajnuna mill-Istat C 76/03 (ex NN 69/03)) (ĠU 2011, L 122, p. 76, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Umicore”), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa kellhom jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Issa, il-vantaġġ allegat favur FFT ma huwiex sproporzjonat u jirriżulta biss minn dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

305    Min-naħa l-oħra, FFT tosserva li, fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset bi żball li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-impatt tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienx newtrali fil-livell tal-grupp. FFT għalhekk tafferma li, minkejja li l-operazzjonijiet bejnha u kumpannija oħra tal-grupp kienu tawha marġni benefiċjarju superjuri fil-Lussemburgu, dan kien ifisser li l-kumpannija l-oħra tal-grupp Fiat/Chrysler kellha d-dritt li tnaqqas daqstant iktar interessi bħala spejjeż.

306    Barra minn hekk, FFT issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja, peress li l-Kummissjoni, minn naħa, tikkonkludi li l-vantaġġ fiskali huwa ta’ benefiċċju għall-grupp kollu u, min-naħa l-oħra, tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-effett tal-miżura fuq il-grupp kollu. Issa, FFT tafferma li, fil-każ ineżami, b’differenza mill-fatti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni (T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474), l-effetti tal-miżura huma nnewtralizzati fil-livell tal-grupp, b’tali mod li ma jeżistix vantaġġ.

307    Barra minn hekk, FFT tafferma li s-seba’ sentenzi li tirreferi għalihom il-Kummissjoni ma jissostanzjawx il-pożizzjoni li skontha ma hijiex marbuta tistħarreġ l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-livell tal-grupp Fiat/Chrysler.

308    F’dan ir-rigward, FFT tosserva li l-importanza tal-effett fuq il-grupp Fiat/Chrysler, sabiex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tatx vantaġġ, hija spjegata mid-diffikultajiet affaċċjati mill-imsemmi grupp, sa fejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Taljana qieset li l-profitt taxxabbli ta’ FFT kien għoli wisq biex jitqies bħala li sar f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. Konsegwentement, FFT kienet issopravalutat il-profitt taxxabbli tagħha u ħallset wisq taxxi fuq il-kumpanniji fil-Lussemburgu.

309    Finalment, fir-rigward tal-punti metodoloġiċi varji, FFT tqis li l-Kummissjoni kellha tapplika kriterju ta’ proporzjonalità sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx tagħtiha vantaġġ. Barra minn hekk, FFT tafferma li hija ssostni mingħajr riżerva l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fil-kuntest tal-Kawża T‑755/15, dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħha u intiżi sabiex jikkontestaw l-iżbalji identifikati mill-Kummissjoni.

310    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

311    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn l-argumenti li jressaq, kemm sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll dik ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, l-argument tiegħu għandu l-għan li jistabbilixxi, minn naħa, nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn teżisti inkoerenza fid-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn, fil-fehma tiegħu, kif ukoll skont FFT, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li FFT u l-grupp Fiat/Chrysler kienu bbenefikaw minn vantaġġ.

312    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegata inkoerenza tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li FFT kienet ibbenefikat minn vantaġġ selettiv sa fejn l-oneru fiskali tagħha fil-Lussemburgu kien tnaqqas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fl-imsemmija premessa, li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li dan it-tnaqqis tat-taxxa fil-Lussemburgu wassal għal oneru fiskali iktar sinjifikattiv fi Stat Membru ieħor ma jinfluwenzax il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna.

313    Min-naħa l-oħra, fil-premessi 341 sa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lil FFT fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-trattament fiskali vantaġġuż mogħti lil FFT ikun ta’ benefiċċju għall-imsemmi grupp kollu kemm hu, peress li FFT u l-grupp Fiat/Chrysler jifformaw unità ekonomika. Il-Kummissjoni ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, peress li l-ammont tat-taxxa mħallsa minn FFT kien jinfluwenza l-kundizzjonijiet tal-prezz tas-self fi ħdan il-grupp li hija kienet tagħti lill-kumpanniji tal-imsemmi grupp, it-tnaqqis tat-taxxa dovuta minn FFT kellu l-effett li jnaqqas il-kundizzjonijiet tal-prezz tas-self tagħha fi ħdan il-grupp.

314    Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, li tikkostitwixxi t-tielet kundizzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq, li ma hemm l-ebda inkoerenza fl-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li huwa identifikat, essenzjalment, bħala FFT, direttament, u l-grupp Fiat/Chrysler, indirettament, sa fejn FFT tifforma unità ekonomika, u, għaldaqstant, impriża, fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, mal-grupp Fiat/Chrysler.

315    Dan l-ewwel ilment tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

316    Fir-rigward tal-ilment li skontu l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107 TFUE meta qieset li FFT u l-grupp Fiat/Chrysler ibbenefikaw minn vantaġġ, hemm lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, bħalma indikat il-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ressaq l-ebda argument li jistabbilixxi li l-grupp Fiat/Chrysler u FFT ma jikkostitwixxux unità ekonomika fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, bħalma rrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, FFT hija kkontrollata kompletament minn Fiat SpA, li min-naħa tagħha tikkontrolla l-grupp Fiat/Chrysler. Għaldaqstant, kull vantaġġ li jkun ta’ benefiċċju għal FFT ikun ta’ benefiċċju għall-imsemmi grupp kollu kemm hu, b’mod partikolari jekk dan jinvolvi, bħalma tosserva l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta dwar dan il-punt mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kundizzjonijiet ta’ self, mogħti minn FFT lill-kumpanniji l-oħra tal-grupp, iktar vantaġġużi minħabba t-tnaqqis tal-oneru fiskali li din tal-aħħar tibbenefika minnu.

317    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe ipoteżi, anki kieku kellu jitqies li dan il-fattur jista’ jkun rilevanti, hemm lok li jiġi kkonstatat li la l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lanqas FFT ma jistabbilixxu li t-tnaqqis tat-taxxa li din tal-aħħar tibbenefika minnu fil-Lussemburgu jkun “innewtralizzat” minn żieda fit-taxxa fi Stati Membri oħra.

318    Barra minn hekk, anki kieku dan kien il-każ, tali “newtralizzazzjoni” ma tippermettix li jitqies li FFT jew il-grupp Fiat/Chrysler ma bbenefikawx fil-Lussemburgu minn vantaġġ. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ miżura fiskali, l-eżistenza ta’ vantaġġ hija ddeterminata fil-konfront tar-regoli ta’ tassazzjoni normali, b’tali mod li r-regoli fiskali ta’ Stat Membru ieħor ma humiex rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punt 28). Konsegwentement, peress li ġie stabbilit li impriża integrata tibbenefika, permezz ta’ miżura fiskali mogħtija minn Stat Membru, minn tnaqqis tal-oneru fiskali li normalment kien ikollha ġġarrab bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali, is-sitwazzjoni fiskali ta’ impriża oħra tal-grupp fi Stat Membru ieħor ma għandhiex effett fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ. Għal din ir-raġuni, u mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti minn FFT wara r-replika u intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-proċedura ta’ arbitraġġ infetħet sabiex tiġi evitata taxxa doppja ta’ FFT fil-Lussemburgu u fl-Italja, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat l-argument ta’ FFT li skontu, essenzjalment, fi kwalunkwe każ, id-dħul tagħha jiġi ntaxxat jew fl-Italja jew fil-Lussemburgu, b’tali mod li hija ma tibbenefikax minn vantaġġ.

319    L-ebda wieħed mill-argumenti li ressqu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT f’dan ir-rigward ma jistgħu jqajmu dubju dwar din il-konstatazzjoni.

320    L-ewwel nett, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għad-digriet tal‑31 ta’ Awwissu 2010, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:475, punt 43), sa fejn hija ma fittxitx jekk il-grupp Fiat/Chrysler kienx ibbenefika realment minn vantaġġ, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 343 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kull trattament fiskali favorevoli għal FFT kien neċessarjament ta’ benefiċċju għall-kumpanniji l-oħra tal-grupp li għalihom hija kienet tiffattura prezzijiet ta’ trasferiment.

321    It-tieni nett, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinvoka s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004, punti 115 u 116), sabiex jistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha tfittex jekk il-grupp Fiat/Chrysler kienx ibbenefika realment minn vantaġġ, hemm lok li jiġi kkonstatat, minbarra l-fatt li l-imsemmija sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P, EU:C:2018:591), li l-fatti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr rabta mal-fatti tal-każ ineżami.

322    Fil-fatt, fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta qieset li l-benefiċjarji ta’ għajnuna kienu r-Raggruppamenti ta’ Interess Ekonomiku (RIE) u l-membri tagħhom, minkejja li ma setax jiġi stabbilit li l-membri tagħhom, li kienu l-uniċi kkonċernati mill-ordni ta’ rkupru, kienu jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi.

323    Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’suffiċjenza fid-dritt li mhux FFT biss iżda wkoll il-kumpanniji kollha li jagħmlu parti mill-grupp u li jinnegozjaw ma’ FFT jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali mogħti minn FFT, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effett tiegħu fuq il-kundizzjonijiet tal-prezz tas-self tagħha fi ħdan il-grupp. Dan l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

324    It-tielet nett, sa fejn FFT tqis li l-Kummissjoni kellha tapplika kriterju ta’ proporzjonalità sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kinitx tagħti vantaġġ, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni Umicore, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali tagħha. Min-naħa l-oħra, bħalma tenfasizza hija fid-Deċiżjoni Umicore, il-Kummissjoni rrikonoxxiet marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet fiskali fil-kuntest ta’ tranżazzjoni li ttemm tilwima u tippermetti għalhekk li jiġi evitat proċess possibbilment fit-tul jew inċert, u mhux fil-kuntest ta’ deċiżjoni tat-taxxa intiża sabiex tiġi ddeterminata t-taxxa li kumpannija jkollha tħallas fil-futur.

325    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

326    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 118 sa 325 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 107 TFUE meta kkonstatat li FFT u l-grupp Fiat/Chrysler kienu bbenefikaw minn vantaġġ li rriżulta mill-fatt li FFT kienet ħallset inqas taxxa meta mqabbla ma’ dik li kien ikollha tħallas impriża li topera tranżazzjonijiet fis-suq.

327    F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni sensiela ta’ motivi mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ, għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

E.      Fuq it-tielet sensiela ta’ motivi, ibbażati fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-vantaġġ mogħti lil FFT

328    Permezz tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑755/15 u permezz tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑759/15, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT jaffermaw li l-Kummissjoni qieset bi żball li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet miżura selettiva. Huma jsostnu prinċipalment li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha fi tliet stadji tan-natura selettiva, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni qafas ta’ referenza żbaljat. Fil-fehma tagħhom, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tidderogax mill-iskema ta’ tassazzjoni ta’ kumpanniji integrati, li tkun il-qafas ta’ referenza rilevanti.  Huma jsostnu għalhekk li l-Kummissjoni naqset milli turi li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet ingħatat lil FFT f’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi minn dawk mogħtija lil kumpanniji integrati oħra.

329    Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li skontu hija setgħet, fi kwalunkwe każ, tippreżumi n-natura selettiva tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, peress li din kienet miżura individwali u li hija kienet stabbilixxiet li din kienet tagħti vantaġġ lil FFT. Huma jaffermaw li l-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni bejn il-miżuri individwali ad hoc u l-miżuri fiskali individwali ta’ applikazzjoni ta’ dispożittiv fiskali ġenerali. F’dan l-aħħar każ, in-natura selettiva ma tistax tiġi preżunta, iżda għandha tiġi eżaminata b’riferiment għad-dritt u l-prassi Lussemburgiża sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha humiex diskriminatorji jew jekk il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali huwiex eċċessiv. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT jaffermaw għalhekk li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma hijiex miżura individwali ad hoc, iżda miżura individwali li tidħol fil-kuntest ta’ skema ġenerali li tippreskrivi l-impożizzjoni ta’ oneri addizzjonali, jiġifieri l-leġiżlazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, bħalma kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362).

330    L-Irlanda tafferma li, skont il-ġurisprudenza u d-duttrina, l-unika sistema ta’ referenza rilevanti sabiex tiġi eżaminata n-natura selettiva ta’ miżura fiskali hija s-sistema fiskali tal-Istat Membru li minnha tagħmel parti l-imsemmija miżura, u mhux sistema fiskali astratta jew ipotetika, bħalma applikat bi żball il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li s-sistema ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija dik tal-iskema speċifika ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji integrati.

331    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

332    Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ natura selettiva li joħroġ mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jinżamm b’mod ċar distint mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku, sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura inkwistjoni tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, f’sitwazzjonijiet komparabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59).

333    Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit ta’ natura selettiva jvarja skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ġenerali tal-għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan il-każ tal-aħħar, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li n-natura selettiva tagħha tiġi preżunta (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni ta’ natura selettiva”). Min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ skema ġenerali tal-għajnuna, huwa neċessarju li jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni li hija tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan biss għall-benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punti 53 u 54). Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ fejn tkun inkwistjoni għajnuna individwali, il-preżunzjoni ta’ natura selettiva ssir irrispettivament minn jekk ikunux jeżistu fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati operaturi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:903, punt 79).

334    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali li ma tikkostitwixxix miżura individwali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha, l-ewwel nett, tidentifika s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, it-tieni nett, turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn din tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:903, punt 85).

335    Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

336    Huwa għalhekk skont metodu fi tliet stadji, kif ippreżentat fil-punti 334 u 335 iktar ’il fuq, li huwa possibbli li jiġi konkluż li miżura fiskali nazzjonali li ma tikkostitwixxix miżura individwali għandha natura selettiva.

337    Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pproċediet, prinċipalment, għall-eżami tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni billi segwiet it-tliet stadji msemmija fil-punti 334 sa 336 iktar ’il fuq. Madankollu, hija applikat ukoll il-preżunzjoni ta’ natura selettiva li skontha miżura hija preżunta selettiva meta din tagħti vantaġġ u tkun għajnuna individwali. Fil-fatt, fil-premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni fakkret li, “[s]kont il-Qorti, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna individwali, għall-kuntrarju ta’ skema, ‘l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta’” u li FFT tibbenefika fil-każ ineżami minn “miżura ta’ għajnuna individwali”. Il-Kummissjoni barra minn hekk enfasizzat, matul is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li hija wriet in-natura selettiva tal-vantaġġ inkwistjoni b’diversi modi fid-deċiżjoni kkontestata, inkluż permezz tal-preżunzjoni ta’ natura selettiva, li l-legalità tagħha madankollu ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

338    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tibda billi teżamina l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ FFT li skontu l-Kummissjoni la setgħet tippreżumi n-natura selettiva tal-għajnuna, u lanqas tikkonstata li huma ma kkonfutawx il-preżunzjoni ta’ natura selettiva.

339    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ natura selettiva, hemm lok li jitfakkar li, bħalma jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 333 iktar ’il fuq, din tapplika għall-kundizzjoni doppja li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, tikkostitwixxi għajnuna individwali (u mhux skema ta’ għajnuna) u, min-naħa l-oħra, tagħti vantaġġ lill-impriża li hija benefiċjarja tagħha. Fir-rigward ta’ preżunzjoni konfutabbli, konsegwentement hija r-rikorrenti li, sabiex tikkonfutaha, għandha tistabbilixxi li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta.

340    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ, huwa importanti li jiġi kkonstatat li din hija ssodisfatta. Fil-fatt, bħalma ġie rrilevat fil-punt 286 iktar ’il fuq, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT ma waslux biex juru li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet bi żball li l-ammont ta’ tassazzjoni li kellha tħallas FFT kien inferjuri għal dak li kien ikollha tħallas f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

341    It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-fatt li l-miżura inkwistjoni hija għajnuna individwali, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT jikkontestaw, essenzjalment, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll matul is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi għajnuna individwali ad hoc. Din hija, fil-fehma tagħhom, miżura individwali ta’ applikazzjoni li tidħol fil-kuntest ta’ skema ġenerali, bħalma kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, (C‑15/14 P, EU:C:2015:362).

342    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589, għajnuna individwali hija għajnuna li ma tingħatax fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna, jew li tingħata fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna iżda li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

343    Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

344    Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jistgħu jinsiltu mid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, imfakkra fil-punt 343 iktar ’il fuq, kif interpretata mill-ġurisprudenza.

345    L-ewwel nett, l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna timplika, bħala prinċipju, l-identifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom tingħata l-għajnuna. Madankollu diġà ġie deċiż li, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna u fl-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ att legali li jistabbilixxi tali skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq sett sħiħ ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza fil-fatt ta’ skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14 u 15).

346    It-tieni nett, sa fejn l-għajnuna individwali tingħata mingħajr l-intervent ta’ miżuri supplimentari ta’ applikazzjoni, l-elementi essenzjali ta’ skema ta’ għajnuna għandhom jirriżultaw neċessarjament mid-dispożizzjonijiet identifikati bħala l-bażi tal-imsemmija skema.

347    It-tielet nett, meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw skema ta’ għajnuna, dawn l-awtoritajiet ma għandux ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha. Fil-fatt, sabiex l-eżistenza ta’ tali miżuri ta’ applikazzjoni tiġi eskluża, is-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun limitata għal applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet meqjusa bħala li jikkostitwixxu l-iskema inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara li jiġi vverifikat li l-applikanti jissodisfaw il-kundizzjonijiet preliminari sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema.

348    Ir-raba’ nett, mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li l-atti li fuqhom tkun ibbażata l-iskema ta’ għajnuna għandhom jiddefinixxu l-benefiċjarji b’mod ġenerali u astratt, anki jekk l-għajnuna mogħtija lilhom tibqa’ indeterminata.

349    Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet matul is-seduta, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tistax titqies bħala miżura mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna.

350    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li la s-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji, la l-iskema speċifika ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji integrati, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra identifikata mill-partijiet ma jikkostitwixxu skema fis-sens tal-ewwel u t-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, li fuq il-bażi tagħha ngħatat il-miżura inkwistjoni lil FFT. Il-partijiet lanqas ma jinvokaw sett sħiħ ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza de facto ta’ skema ta’ għajnuna.

351    Sussegwentement, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-miżura inkwistjoni ma tirrigwardax, b’mod ġenerali, l-adozzjoni, mill-awtoritajiet fiskali, ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa, iżda deċiżjoni tat-taxxa li tikkonċerna speċifikament u preċiżament lil FFT (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:903, punti 80 u 81). Issa, huwa stabbilit li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni għandha l-għan li tiddetermina l-ammont ta’ tassazzjoni li FFT biss għandha tħallas skont id-dispożizzjonijiet fiskali Lussemburgiżi applikabbli, b’tali mod li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tirrigwarda esklużivament is-sitwazzjoni individwali ta’ FFT. Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-elementi essenzjali tal-miżura ta’ għajnuna u b’mod partikolari l-elementi li jikkostitwixxu l-vantaġġ, jiġifieri l-konferma ta’ metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT fuq il-bażi ta’ segmentazzjoni tal-kapital proprju u tal-applikazzjoni ta’ rati ta’ redditu differenti skont din is-segmentazzjoni b’devjazzjoni għalhekk minn riżultat ta’ distakkament, jirriżultaw biss mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni u mhux minn dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali Lussemburgiż, li fuq il-bażi tiegħu d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet ġiet adottata.

352    Finalment, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li, bħalma indika l-Gran Dukat tal-Lussemburgu bi tweġiba għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali, mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża jirriżulta wkoll li l-amministrazzjoni tat-taxxa għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, l-aħjar metodu sabiex tikkalkola l-ammont taxxabbli ta’ kull kumpannija li tressaq talba għal deċiżjoni tat-taxxa. Fil-fatt, l-għoti ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa mill-awtoritajiet fiskali Lussemburgiżi jeħtieġ, f’kull każ, analiżi speċifika li tagħti lok għal evalwazzjoni kumplessa. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-amministrazzjoni Lussemburgiża għandha f’kull deċiżjoni tat-taxxa jeskludi għalhekk li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxi biss miżura ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna.

353    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-fatt li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tikkostitwixxix miżura iżolata, iżda li din hija waħda minn numru kbir ħafna ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija lil impriżi fil-Lussemburgu, ma għandux effett fuq il-konstatazzjoni li, peress li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT, tali deċiżjoni tat-taxxa tikkostitwixxi għajnuna individwali lil din l-impriża.

354    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, u b’mod partikolari mill-punti 345 u 350 iktar ’il fuq, jirriżulta li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni la tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna u lanqas miżura ta’ għajnuna individwali adottata permezz ta’ skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-ewwel u t-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma fiha l-ebda dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha huwa possibbli li tingħata għajnuna fis-sens tal-ewwel u t-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Min-naħa l-oħra, l-ebda element ma jippermetti li jitqies li din id-deċiżjoni tat-taxxa kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta’ tali dispożizzjoni.

355    F’dawn il-kundizzjonijiet, għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi għajnuna individwali, fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589.

356    Din il-konklużjoni ma titqegħidx f’dubju mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u minn FFT.

357    Minn naħa, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skontu, essenzjalment, il-Kummissjoni ma setgħetx tqajjem dubju dwar għajnuna adottata bl-applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mingħajr ma qabel tqajjem dubju dwar l-imsemmija skema, peress li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma ġietx adottata bl-applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna.

358    Min-naħa l-oħra, sa fejn FFT tafferma li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tirrappreżenta l-applikazzjoni fil-Lussemburgu tar-regoli fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment u li l-Kummissjoni naqset milli tiddetermina liema impriżi kienu jinsabu f’ċirkustanzi komparabbli ma’ FFT, fil-fatt u fid-dritt, u li tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi sinjifikattivi bejn kumpanniji ta’ grupp u kumpanniji awtonomi, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, dan l-argument ma jqajjimx dubju dwar il-konstatazzjoni li skontha l-miżura inkwistjoni hija għajnuna individwali ad hoc.

359    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma wettqitx żball meta qieset li l-vantaġġ mogħti lil FFT permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kien selettiv, peress li l-kundizzjonijiet marbuta mal-preżunzjoni ta’ natura selettiva kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

360    Fi kwalunkwe każ, u anki kieku kellu jitqies li l-preżunzjoni ta’ natura selettiva ma kinitx tapplika, hemm lok jiġi rrilevat li l-Kummissjoni qieset ukoll li l-vantaġġ mogħti lil FFT permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kien selettiv fir-rigward tal-eżami fi tliet stadji msemmi fil-punti 334 sa 336 iktar ’il fuq. Bħala tfakkira, dan l-eżami jikkonsisti, fl-ewwel stadju, fl-identifikazzjoni tal-qafas ta’ referenza rilevanti, sussegwentement, fit-tieni stadju, fl-eżami ta’ jekk il-miżura inkwistjoni tidderogax minn dan il-qafas ta’ referenza u, finalment, fit-tielet stadju, fil-verifika ta’ jekk tali deroga tistax tiġi ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tar-regoli li jifformaw il-qafas ta’ referenza. Il-Kummissjoni wettqet dan l-eżami billi qieset bħala qafas ta’ referenza, prinċipalment, is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Lussemburgiża u, sussidjarjament, l-Artikolu 164 tal-Kodiċi tat-Taxxa u ċ-Ċirkulari.

361    Issa, fir-rigward tal-ewwel u t-tieni stadji, għandu jiġi rrilevat li, irrispettivament mill-qafas ta’ referenza meqjus mill-Kummissjoni, kemm jekk fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji jew fir-rigward tal-Artikolu 164 tal-Kodiċi tat-Taxxa u taċ-Ċirkulari, il-Kummissjoni setgħet tqis korrettament li d-deċiżjoni tat-taxxa kienet tidderoga mir-regoli li jifformaw kull wieħed mill-oqfsa ta’ referenza. Fil-fatt, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 286 u 299 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset korrettament, kemm fl-analiżi tagħha b’mod prinċipali, fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, kif ukoll fl-analiżi tagħha b’mod sussidjarju, fir-rigward tal-Artikolu 164 tal-Kodiċi tat-Taxxa u taċ-Ċirkulari, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil FFT. Issa, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 122 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat fl-istess ħin l-eżistenza ta’ vantaġġ u l-eżistenza, fil-kuntest tal-eżami tan-natura selettiva, ta’ deroga mill-oqfsa ta’ referenza identifikati minn qabel. Fil-fatt, bħalma affermat il-Kummissjoni fil-premessa 217 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxix deroga mill-qafas ta’ referenza tikkoinċidi mal-konstatazzjoni tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju permezz ta’ din il-miżura.

362    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-partijiet intiżi sabiex jikkontestaw il-qafas ta’ referenza identifikat mill-Kummissjoni huma ineffettivi, u li jiġu miċħuda, bħala infondati, l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni stadju tar-raġunament tagħha, jiġifieri l-eżami ta’ deroga mill-qafas ta’ referenza.

363    Fir-rigward tat-tielet stadju, huwa importanti li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni qieset li la l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lanqas FFT ma kienu pprovdew l-iċken raġuni li tippermetti li jiġi ġġustifikat it-trattament selettiv ta’ FFT li jirriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija affermat li lanqas ma identifikat raġuni li kienet tiġġustifika t-trattament preferenzjali li FFT kienet ibbenefikat minnu (premessi 337 u 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

364    Barra minn hekk, sa fejn FFT tafferma, għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tad-deroga, li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument jibbaża fuq premessa żbaljata.

365    Fir-rigward tal-argument ta’ FFT li skontu d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tippermetti li tiġi evitata taxxa doppja, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma tirrileva ġustament il-Kummissjoni, FFT la ssostni u lanqas tistabbilixxi li hija setgħet tevita taxxa doppja biss bil-kundizzjoni li tiġi adottata d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, bħalma tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni tat-taxxa doppja hija mingħajr rabta u mingħajr effett fuq dik tad-determinazzjoni tan-natura selettiva ta’ vantaġġ.

366    Għalhekk mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 360 sa 365 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kien ta’ natura selettiva fuq il-bażi tal-analiżi fi tliet stadji tan-natura selettiva.

367    B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, għandha tiġi miċħuda, kollha kemm hi, it-tielet sensiela ta’ motivi, imqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u FFT, ibbażati fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-vantaġġ mogħti lil FFT.

F.      Fuq ir-raba’ sensiela ta’ motivi, ibbażati fuq restrizzjoni tal-kompetizzjoni

368    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova, bi ksur tal-Artikoli 107 u 296 TFUE, ta’ kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni, attwali jew potenzjali.

369    Skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, il-Kummissjoni la tistabbilixxi fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas fil-premessi 343 u 345 tal-imsemmija deċiżjoni b’liema mod l-eżenzjoni ta’ FFT minn dejn fiskali li hija normalment kienet obbligata tħallas ikollha l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha jew dik tal-grupp Fiat/Chrysler f’suq kwalunkwe. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi riferiment ġeneriku, fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-pożizzjoni finanzjarja tal-imsemmi grupp huwa manifestament insuffiċjenti sabiex jikkaratterizza tali effett, anki jekk potenzjali.

370    FFT tafferma wkoll li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 107 u 296 TFUE, sa fejn hija prattikament ma analizzatx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-effett tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni.

371    Fl-ewwel lok, FFT tikkritika lill-Kummissjoni li kkuntentat ruħha, fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, li tafferma li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet saħħet il-pożizzjoni finanzjarja tagħha u dik tal-grupp Fiat/Chrysler u setgħet għalhekk twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

372    Barra minn hekk, FFT tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, miżura għandha tiġi evalwata skont l-effetti tagħha u mhux skont l-għanijiet tagħha. Issa, is-sempliċi affermazzjoni li skontha d-dejn fiskali mnaqqas fil-Lussemburgu saħħaħ il-kapaċità ta’ kompetizzjoni tal-grupp Fiat/Chrysler hija ekwivalenti għal kundanna minħabba l-għan, minkejja li huwa l-effett biss li jgħodd. Il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi dejjem li l-kompetizzjoni hija distorta. Hija żżid li l-fatti tal-każ ineżami huma kumplessi u li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett globali tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni fuq il-grupp.

373    Iktar minn hekk, FFT issostni li, anki kieku kellu jitqies li hija bbenefikat minn taxxa fuq il-kumpanniji eżaġeratament baxxa fil-Lussemburgu, hija ma tipprovdix servizzi jew oġġetti lil terzi, b’tali mod li hija ma għandha l-ebda kapaċità ta’ kompetizzjoni f’suq li l-kompetizzjoni tiegħu tista’ tiġi distorta.

374    Fit-tieni lok, FFT issostni li l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, u li hija tqis li ma jipparteċipawx fl-analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, huma ineżatti.

375    Fit-tielet lok, FFT tafferma li l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha, li skontha d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni affettwat il-kompetizzjoni, fuq is-suppożizzjoni li skontha hija ħallset inqas taxxi fuq il-kumpanniji minn kumpannija awtonoma. Issa, FFT tikkontesta dan il-paragun.

376    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

377    Fir-rigward tal-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi r-raba’ kundizzjoni għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Kummissjoni fakkret li miżura mogħtija mill-Istat kienet meqjusa bħala li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni meta din tkun ta’ natura li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju tagħha meta mqabbel ma’ impriżi kompetituri oħra. Sussegwentement, hija kkonstatat li, sa fejn id-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet eżentat lil FFT minn dejn fiskali li hija normalment kienet obbligata tħallas skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, din id-deċiżjoni tat-taxxa kienet twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja ta’ FFT u tal-grupp Fiat/Chrysler.

378    Barra minn hekk, fil-premessi 343 sa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċernaw lill-benefiċjarju tal-miżura kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet ta’ benefiċċju għall-grupp Fiat/Chrysler kollu, sa fejn din kienet tagħti riżorsi addizzjonali mhux biss lil FFT, iżda lill-grupp kollu. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-ammont tat-taxxa mħallas minn FFT fil-Lussemburgu kellu influwenza fuq il-kundizzjonijiet tal-prezz tas-self fi ħdan il-grupp li hija kienet tagħti lill-kumpanniji tal-grupp, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma ffissati skont l-ispiża medja tal-kapital tal-grupp. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis tat-taxxa dovuta minn FFT kellu neċessarjament l-effett li jnaqqas il-kundizzjonijiet tal-prezz tas-self tagħha fi ħdan il-grupp.

379    Bħalma ġie spjegat fil-punt 178 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha.

380    Applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna, dan il-prinċipju jeżiġi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, anki fil-każijet fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna li din hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha mill-inqas issemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 89, u tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 49).

381    Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għajnuna intiża li teħles lill-impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tat-tmexxija tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, twassal, bħala prinċipju, għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 30, u tat‑3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 55).

382    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, hemm lok mhux li jiġu stabbiliti effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma sempliċement li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

383    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-għajnuna għall-funzjonament bħall-għajnuna inkwistjoni, bħalma tafferma l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din hija intiża sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li normalment hija kien ikollha tbati fil-kuntest tat-tmexxija tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha u twassal, bħala prinċipju, għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

384    Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 189, 343 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħhom huwa riprodott fil-punti 377 u 380 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li FFT u l-grupp li hija kienet tagħmel parti minnu kienu jibbenefikaw minn vantaġġ li jirriżulta minn tnaqqis tat-taxxa li l-kumpanniji kompetituri l-oħra ma kellhomx u li kien għalhekk ta’ natura li jsaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fis-suq, b’tali mod li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni kienet tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ FFT, li jirriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, kien jagħti riżorsi addizzjonali lill-grupp kollu, sa fejn dan kellu l-effett li jnaqqas il-kundizzjonijiet tal-prezz għas-self tagħha fi ħdan il-grupp. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza spjegata fil-punti 379 sa 382 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jitqies li l-Kummissjoni semmiet iċ-ċirkustanzi li għalihom hija qieset li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa l-kompetizzjoni u twassal għal distorsjoni tal-kummerċ. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, bħalma jirriżulta mill-punt 7 iktar ’il fuq, FFT tipprovdi servizzi ta’ teżor u ta’ finanzjament lill-kumpanniji tal-imsemmi grupp stabbiliti fl-Ewropa, bl-esklużjoni ta’ dawk stabbiliti fl-Italja.

385    Għalhekk hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni la kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u lanqas wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet ta’ natura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq, peress li t-tnaqqis fiskali korrispondenti kien itejjeb il-pożizzjoni finanzjarja ta’ FFT u tal-grupp li hija kienet tagħmel parti minnu għad-detriment ta’ dik tal-kompetituri tagħha.

386    Din il-konklużjoni ma titqegħidx f’dubju mill-argumenti l-oħrajn tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ FFT.

387    Fl-ewwel lok, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinvoka s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), hemm lok li jiġi rrilevat, bħalma ġie indikat fil-punt 321 iktar ’il fuq, li din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591).

388    Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn ir-raġunijiet, li għalihom il-vantaġġ mogħti lill-investituri, u mhux lill-kumpanniji tat-tbaħħir marittimu u lit-tarzni li rċevew l-għajnuna, kien ta’ natura li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma kinux jirriżultaw b’mod suffiċjentement ċar minnha. Issa, il-fatti tal-każ ineżami huma differenti, sa fejn il-vantaġġ jingħata lil FFT u lill-grupp li hija tagħmel parti minnu. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jeħtieġu l-ebda spjegazzjoni oħra ħlief dik li tispjega li FFT, u l-kumpanniji tal-grupp Fiat/Chrysler, billi kellhom iħallsu taxxa mnaqqsa, kienu bbenefikaw minn vantaġġ, b’tali mod li ġiet affettwata l-kompetizzjoni fis-swieq li kienu joperaw fihom il-kumpanniji tal-grupp Fiat/Chrysler.

389    Fit-tieni lok, FFT tinvoka tliet sentenzi insostenn tal-argument tagħha li skontu l-Kummissjoni kien messha wettqet eżami iktar bir-reqqa tal-fatti.

390    L-ewwel nett, fir-rigward tas-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 11), u tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il‑Kummissjoni (T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, EU:T:2000:151, punt 80), għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni FFT, għalkemm il-Kummissjoni, f’dawn il-kawżi, identifikat b’mod speċifiku s-suq rilevanti, l-istat preċedenti tal-kompetizzjoni kif ukoll l-iskop tal-għajnuna, ma jirriżulta mill-ebda waħda minn dawn is-sentenzi li l-Kummissjoni għandha tipproċedi sistematikament għal tali analiżi meta hija tispjega r-raġunijiet għaliex il-miżura inkwistjoni twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Issa, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 384 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni identifikat ir-raġunijiet għaliex il-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament li tippermetti lil FFT u lill-kumpanniji tal-grupp Fiat/Chrysler jibbenefikaw minn vantaġġ u jsaħħu l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom u, fir-rigward ta’ FFT, tbaxxi l-kundizzjonijiet tal-prezz tas-self tagħha fi ħdan il-grupp.

391    Barra minn hekk, b’differenza mill-fatti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, EU:C:1996:394), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, u għall-kuntrarju tal-fatti li wasslu għas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 1985, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni (296/82 u 318/82, EU:C:1985:113), fil-każ ineżami, il-Kummissjoni spjegat sew ir-raġunijiet għaliex hija kien tqis li kienet teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

392    Dawn l-argumenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

393    Fit-tielet lok, sa fejn FFT tafferma li miżura għandha tiġi evalwata skont l-effetti tagħha u mhux skont l-għanijiet tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq jirriżulta li għajnuna għandha twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.  Issa, fil-każ ineżami, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 384 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset korrettament li l-miżura inkwistjoni kellha l-effett li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

394    Fir-raba’ lok, sa fejn FFT issostni li l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha, li skontha d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni affettwat il-kompetizzjoni, fuq is-suppożizzjoni żbaljata li skontha hija ħallset inqas taxxi fuq il-kumpanniji minn kumpannija awtonoma, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset, ġustament, li FFT kienet ibbenefikat minn vantaġġ fiskali, b’tali mod li hija kellha d-dritt tikkonkludi li tali vantaġġ huwa ta’ natura li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq li fihom kienu joperaw FFT u l-grupp li din kienet tifforma parti minnu.

395    Fil-ħames lok, sa fejn FFT issostni li, anki kieku kellu jitqies li hija bbenefikat minn taxxa fuq il-kumpanniji eżaġeratament baxxa fil-Lussemburgu, hija ma tipprovdix servizzi jew oġġetti lil terzi, b’tali mod li hija ma għandha l-ebda kapaċità ta’ kompetizzjoni f’suq li l-kompetizzjoni tiegħu tista’ tiġi distorta, jew li l-oġġetti u s-servizzi li l-kumpanniji tal-grupp joffru huma konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, peress li hija tibbenefika minn tnaqqis tal-oneru fiskali tagħha, FFT hija f’pożizzjoni li tiffinanzja l-attivitajiet ta’ kumpanniji oħra tal-grupp bi spiża inqas, u b’hekk twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq li fihom dawn tal-aħħar huma attivi.

396    Fis-sitt lok, FFT issostni li l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, u li hija tqis li ma jipparteċipawx fl-analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, huma ineżatti. Skont FFT, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li kienet teżisti rabta bejn l-ammont tat-taxxa mħallsa minn FFT fil-Lussemburgu u l-ammont tal-interessi li FFT tapplika għas-self li hija tagħmel lill-kumpanniji tal-grupp Fiat/Chrysler. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bħalma, barra minn hekk, tirrikonoxxi FFT stess, il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball fl-ammont ta’ interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huwa mingħajr effett fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

397    Fis-seba’ lok, sa fejn FFT tafferma li jeżisti xebh bejn id-deċiżjoni annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam (C‑494/06 P, EU:C:2009:272), u din il-kawża, dan l-argument, li hija ma qajmitx fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, bħalma ssostni l-Kummissjoni, fl-ewwel kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament. Barra minn hekk, FFT ma qajmitx dubju dwar il-ġurisprudenza, li bbażat fuqha l-Kummissjoni fil-każ ineżami, li skontha l-għajnuna għall-funzjonament twassal, bħala prinċipju, għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. FFT lanqas ma tistabbilixxi li tali preżunzjoni ma tapplikax fil-każ ineżami.

398    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġu miċħuda l-motivi mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u minn FFT li skonthom il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

G.      Fuq il-ħames sensiela ta’ motivi, ibbażati fuq l-irkupru tal-għajnuna

399    Din is-sensiela ta’ motivi, imqajma sussidjarjament mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li hija marbuta mal-irkupru tal-għajnuna, tinqasam f’żewġ partijiet.

1.      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tar-Regolament 2015/1589 sa fejn l-irkupru tal-allegata għajnuna inkwistjoni huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali

400    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589 billi ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna inkwistjoni.

401    L-Irlanda tindika li taqbel mal-perspettiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li skontha l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

402    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

403    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi dan li ġej:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal- Unjoni.”

404    Fid-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Kummissjoni indikat li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, hija kellha tordna l-irkupru ta’ kull għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, sakemm dan l-irkupru ma jkunx kuntrarju għal prinċipju ġenerali tad-dritt (premessi 354 u 355 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li skonthom l-irkupru jikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kienu infondati (premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa, fir-rigward tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hija tosserva li hija ma pprovdiet l-ebda aċċertament preċiż lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew lil FFT (premessi 356 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma teżisti l-ebda prassi deċiżjonali preċedenti li setgħet toħloq inċertezzi dwar il-fatt li deċiżjonijiet tat-taxxa jistgħu jagħtu lok għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, u b’mod partikolari, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hija ma hijiex marbuta tindika l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (premessi 360 sa 363 tad-deċiżjoni kkontestata).

405    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u intiżi sabiex jiggarantixxu l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu fid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et Il‑Kummissjoni, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20).

406    Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li, konformement mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, l-irkupru ma għandux jiġi ordnat, peress li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni legali li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 107 TFUE, u l-erba’ kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ tali għajnuna, li huma mfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq, hija ċara u preċiża.

407    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ddefinit skont l-effetti tal-miżura fuq il-pożizzjonament kompetittiv tal-benefiċjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 87). Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 107 TFUE jipprojbixxi kwalunkwe miżura ta’ għajnuna, irrispettivament mill-forma tagħha jew mit-teknika leġiżlattiva użata sabiex tingħata tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 79).

408    Minn dan isegwi li ma hemm l-ebda dubju li kull miżura pubblika, bħal deċiżjoni tat-taxxa, li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107 TFUE hija, bħala prinċipju, ipprojbita u għandha tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru.

409    It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma rrilevat il-Kummissjoni, l-ebda fatt oġġettiv ma kien jippermetti lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew lil FFT jikkonkludu li l-Kummissjoni ma tapplikax l-Artikolu 107 TFUE għal deċiżjonijiet tat-taxxa. Minn naħa, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li hija tirreferi għaliha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jikkontestax il-fondatezza tagħha, jirriżulta li, fil-passat, hija eżaminat il-kompatibbiltà ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa mal-Artikolu 107 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jikkontestax il-fatt li l-Kummissjoni diġà eżaminat il-miżuri fiskali individwali u rrikorriet għall-prinċipju ta’ distakkament sabiex tordna l-irkupru tal-għajnuna.

410    F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sempliċi applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE għad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, l-ebda ksur ta’ dan il-prinċipju ma jista’ jiġi invokat validament sabiex jiġi ġġustifikat li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, l-għajnuna li tirriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma tiġix irkuprata.

411    L-argumenti l-oħra mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Irlanda ma jistgħux jirnexxu.

412    Qabel kollox, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li t-tabella ta’ analiżi tal-bażi tat-taxxa ta’ FFT użata mill-Kummissjoni ma kinitx prevedibbli biżżejjed, li jeħtieġ li tintwera flessibbiltà billi ma jiġix meħtieġ livell ta’ preċiżjoni irrealistiku u li ma jistax jitqies li kien hemm mala fide, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment u li huwa biss jekk il-Kummissjoni tirrileva żball fid-determinazzjoni tal-imsemmija prezzijiet li jkun tali li dawn il-prezzijiet ta’ trasferiment ma jikkorrispondux għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq, li hija għandha d-dritt li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna (ara l-punt 204 iktar ’il fuq). Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi ġustament li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien ikkonferma, permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, żbalji fil-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT tali li ma kinux jippermettu li jintlaħaq prezz ta’ trasferiment li jirrifletti prezzijiet li kienu ġew innegozjati fil-kundizzjonijiet tas-suq. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni eżiġiet livell ta’ preċiżjoni irrealistiku, u lanqas li t-tabella ta’ analiżi tagħha hija imprevedibbli. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għalhekk ma jistax isostni validament li ma kienx prevedibbli li l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna u tordna l-irkupru tagħha.

413    Sussegwentement, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-prassi tiegħu tad-deċiżjonijiet tat-taxxa kienet konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi u mal-linji gwida tal-OECD, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat li, permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni, li ma ġietx ikkomunikata lilha, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien ta għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Minħabba dan, minn naħa, hija ma qegħditx f’dubju l-prassi tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bħala tali. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat isir fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 107 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-testi fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment kienu ġew approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-OECD, li ma humiex vinkolanti għall-Kummissjoni, huwa mingħajr effett fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni tagħti vantaġġ selettiv lil FFT.

414    Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Irlanda jsostnu li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jeżiġi l-limitazzjoni tal-effett retroattiv ta’ att fil-preżenza ta’ riskji ekonomiċi serji u meta l-partijiet ikkonċernati jkunu in bona fide, kundizzjonijiet li huma ssodisfatti fil-każ ineżami. Issa, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqajjem dan l-argument sabiex jikkontesta l-irkupru tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li ordni ta’ rkupru ma tikkostitwixxix applikazzjoni retroattiva ta’ att. Fil-fatt, is-soppressjoni ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u hija intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, T‑324/00, EU:T:2005:364, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

415    Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li d-deċiżjoni kkontestata għandha konsegwenzi ekonomiċi serji, jew diffikultajiet serji għalih u għal Stati Membri oħra bħalma ġie osservat b’mod partikolari minn rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589 ma jipprevedix li għajnuna ddikjarata inkompatibbli tista’ ma tiġix irkuprata għal tali raġuni. Min-naħa l-oħra, l-ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali riperkussjonijiet ekonomiċi serji. Fil-fatt, huwa ċar li l-irkupru tal-miżura inkwistjoni ma jistax ikollu, bħala tali, effetti negattivi ekonomiċi fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, peress li s-somom irkuprati huma allokati għall-finanzi pubbliċi tiegħu. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħed jafferma l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, bħala tali, l-irkupru mingħand FFT tal-għajnuna rċevuta minn din tal-aħħar bl-applikazzjoni tad-deċiżjoni tat-taxxa inkwistjoni ma jistax ikollu bħala konsegwenza diretta l-possibbiltà ta’ “kontestazzjoni ta’ numru kbir ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u potenzjalment ta’ eluf fl-Istati Membri l-oħra kollha”. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni qajmet dubju dwar deċiżjoni tat-taxxa li tagħti vantaġġ selettiv lil impriża jfisser biss li l-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa, adottata bi ksur tal-Artikolu 107 TFUE, ser tkun is-suġġett ta’ rkupru, iżda mhux li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kollha, inklużi dawk li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, ikunu s-suġġett ta’ rkupru.

416    Għaldaqstant, ma hemmx lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata għandha konsegwenzi ġodda jew serji fuq it-tassazzjoni internazzjonali, peress li l-Kummissjoni dejjem kellha l-kompetenza sabiex teżamina jekk kull miżura fiskali tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

417    Fl-aħħar nett, sa fejn l-Irlanda ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma tistax, bħalma għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, tissuġġerixxi, meta ma tidentifikax l-ammont tal-għajnuna, li l-Istat Membru jindirizza lilha sabiex jiġi ddeterminat l-ammont, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu la jallega u lanqas jistabbilixxi li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-konfront tal-metodoloġija ta’ kalkolu tat-taxxa dovuta minn FFT kienu tant impreċiżi li kien ikun impossibbli għalih li jikkalkola l-ammont tal-għajnuna rċevuta, mingħajr ma jindirizza lill-Kummissjoni, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata ħolqot inċertezza legali. Għall-kuntrarju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrikonoxxa li qies l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata għal EUR 23.1 miljun. Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

418    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tas-sensiela ta’ motivi marbuta mal-irkupru għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tar-Regolament 2015/1589 sa fejn l-irkupru tal-allegata għajnuna inkwistjoni jmur kontra d-drittijiet tad-difiża

419    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li, konformement mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, meta l-ammont ta’ għajnuna ma jkunx jista’ jiġi evalwat, ma jkunx hemm lok li tiġi rkuprata. Fil-fatt, fl-assenza ta’ possibbiltà li tiġi kkwantifikata l-għajnuna b’mod preċiż jew ta’ parametri li jippermettu lil Stat Membru, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipproċedi għal kwantifikazzjoni preċiża tal-għajnuna, id-drittijiet tad-difiża tiegħu jiġu miksura u dan jikkostitwixxi ostakolu għall-irkupru.

420    F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu josserva li huwa minnu li talab lill-benefiċjarju tal-għajnuna allegata l-ħlas ta’ somma f’kont miżmum minn terzi (escrow account). Din is-somma ġiet ikkalkolata skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-preċiżjoni li tgħid li dan il-kalkolu kien bla ħsara għall-kontestazzjoni tal-metodoloġija meqjusa mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li dan il-kalkolu huwa totalment artifiċjali sa fejn huwa impossibbli li tiġi evalwata b’mod preċiż l-għajnuna allegata, “ħlief sabiex isir użu mill-evalwazzjonijiet perfettament arbitrarji meqjusa mill-Kummissjoni fil-każ ineżami”. Fil-fatt, ma hemmx, essenzjalment, prezz ta’ trasferiment korrett, skont l-OECD u l-Kummissjoni, iżda firxa kbira ta’ prezzijiet korretti. Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma għandu l-ebda flessibbilà plawżibbli sabiex jitbiegħed mill-metodoloġija pproposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

421    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

422    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, qabel kollox, fil-premessa 367, li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax l-istabbiliment tal-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, huwa biżżejjed min-naħa l-oħra li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi. Hija ppreċiżat, sussegwentement, li hija kienet identifikat, fil-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata, metodu li jista’ jelimina l-vantaġġ selettiv mogħti lil FFT jekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jagħżel li jżomm il-MTMN, filwaqt li ssemmi l-fatt li huwa jista’ juża metodu ieħor qabel id-data tal-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni (premessi 367 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata).

423    Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha mis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tindika l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jekk din tkun tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru jiddetermina mingħajr diffikultajiet eċċessivi dan l-ammont huwa stess.

424    It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jaffermax li, fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix indikazzjonijiet li jippermettulu jiddetermina huwa stess l-ammont li għandu jiġi rkuprat. Fil-fatt, minn naħa, huwa jirrikonoxxi għalhekk li kkalkola u evalwa dan l-ammont bħala EUR 23.1 miljun sabiex jikseb l-irkupru mingħand FFT. Min-naħa l-oħra, iktar milli jqis li l-metodu ta’ kalkolu meqjus mill-Kummissjoni huwa impreċiż, huwa jillimita ruħu li jafferma, essenzjalment, li l-imsemmi metodu ma jagħtihx il-“flessibbiltà plawżibbli sabiex jitbiegħed mill-pożizzjoni dogmatika tal-Kummissjoni”. Minħabba dan, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirrikonoxxi, mill-inqas b’mod impliċitu, li l-imsemmi metodu huwa preċiż biżżejjed sabiex ikun jista’ jikkalkola l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

425    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu billi ma indikatx l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fid-deċiżjoni kkontestata.

426    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jista’ jqajjem dubju dwar din il-konklużjoni.

427    Qabel kollox, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jafferma li l-fatt li huwa talab lil FFT li ammont ta’ EUR 23.1 miljun jitħallas f’kont miżmum minn terzi huwa bla ħsara għall-fatt li huwa jikkontesta l-metodoloġija ta’ kalkolu użata mill-Kummissjoni, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistabbilixxix li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex preċiża biżżejjed sal-punt li ma jistax jiddetermina l-ammont li għandu jiġi rkuprat. Fil-fatt, huwa jillimita ruħu li jikkontesta l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, li huwa jikklassifika bħala arbitrarju. Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-metodoloġija hijiex korretta jew le ma għandha l-ebda rabta mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li hija bbażata fuqu t-tieni parti tal-ħames sensiela ta’ motivi.

428    Sussegwentement, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li, bl-identifikazzjoni ta’ “firxa wiesgħa” ta’ ammonti possibbli, id-deċiżjoni kkontestata ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi identifikat l-ammont tal-għajnuna b’mod relattivament preċiż, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, billi ffissat metodu li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu segwa, issodisfat il-kundizzjoni spjegata fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 423 iktar ’il fuq, li skontha l-metodu għandu jippermetti li jiġi ddeterminat mingħajr diffikultà l-ammont li għandu jiġi rkuprat. Min-naħa l-oħra, il-firxa pproposta mill-Kummissjoni ma tirrigwardax l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat iżda l-ammont li hija tqis bħala xieraq għall-bażi tat-taxxa ta’ FFT. Issa, tali indikazzjoni hija preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkalkola l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni affermat li metodi oħra setgħu jwasslu għal ammonti oħra u li hija kienet tagħti l-possibbiltà li tipproponi metodu alternattiv għall-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat ma jistax iqajjem dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata fiha indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed fir-rigward tal-irkupru u lanqas ma tista’ xxekkel, fiha nnifisha, l-irkupru tal-għajnuna.

429    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ħames sensiela ta’ motivi marbuta mal-irkupru u din is-sensiela ta’ motivi kollha kemm hi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

430    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorsi fil-Kawżi T‑755/15 u T‑759/15 għandhom jiġu miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

A.      Fil-Kawża T755/15

431    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

432    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

B.      Fil-Kawża T759/15

433    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li FFT tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

434    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk l-Irlanda se tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T755/15 u T759/15 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża T755/15.

4)      Fiat Chrysler Finance Europe għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawża T759/15.

5)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Van der Woude

Tomljenović

Bieliūnas

Marcoulli

 

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Settembru 2019.

 

Firem      

 


Werrej




*      Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali mħollija barra.