Language of document : ECLI:EU:T:2011:498

Kawża T-232/10

Couture Tech Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta l-emblema Sovjetika — Raġuni assoluta għal rifjut — Kuntrarjetà għall-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità — Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(f) u 7(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(f))

1.      Mill-Artikolu 7(1)(f) u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta din it-trade mark tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità f’parti tal-Unjoni, liema parti tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed.

L-interess ġenerali li fuqu hija bbażata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa li tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jippreġudikaw l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità meta jintużaw fit-territorju tal-Unjoni fost il-pubbliku kkostitwit mill-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi identifikati minn dawn is-sinjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-regolament imsemmi għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jkun jinsab fit-territorju tal-Unjoni. Issa, minn naħa, il-konsumaturi li jkunu jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jinsabu, kif timplika d-definizzjoni tagħhom stess, fit-territorju ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, is-sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità ma humiex l-istess fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, storiċi, soċjali jew kulturali. Għalhekk, il-perċezzjoni ta’ jekk trade mark hijiex jew le kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità hija influwenzata minn ċirkustanzi partikolari għall-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-konsumaturi li jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tiġi applikata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss iċ-ċirkustanzi komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri individwali li jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju ta’ dawn l-Istati.

(ara l-punti 26, 29-34)

2.      Huwa kuntrarju għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, fl-Ungerija, is-sinjal figurattiv li jirrappreżenta l-emblema Sovjetika, li qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 14, 18, 23, 26 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice.

Mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 269/B tal-Kodiċi kriminali Ungeriż, kif interpretata mid-duttrina u kkonfermata fil-prassi amministrattiva, jirriżulta li l-leġiżlatur Ungeriż ikkunsidra li kien meħtieġ li jiġi pprojbit ċertu użu ta’ “simboli ta’ despotiżmu”, fosthom il-minġel u l-martell u l-istilla ħamra b’ħames ponot. Din il-projbizzjoni, li tkopri wkoll l-użu tas-sinjali kkonċernati bħala trade marks, hija marbuta ma’ sanzjonijiet kriminali. Issa, huwa paċifiku li l-projbizzjoni tal-użu tas-“sinjali ta’ despotiżmu” bħala trade mark timplika li tali simboli huma pperċepiti bħala li huma kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fl-Ungerija. Lanqas ma qiegħed jiġi kkontestat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija riproduzzjoni tal-emblema ta’ dik li kienet il-USSR u tinkludi, b’mod partikolari, minġel u martell u stilla ħamra b’ħames ponot.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu, bħala trade mark, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser jiġi pperċepit minn parti sostanzjali tal-pubbliku ġenerali li jinsab fl-Ungerija bħala kuntrarju għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 51, 59-62)