Language of document : ECLI:EU:C:2018:802

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/40/KE – Emissjonijiet minn sistemi ta’ klimatizzazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Artikolu 5(4) u (5) – Direttiva 2007/46/KE – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Artikoli 12, 19, 30 u 46 – Vetturi mhux konformi mar-rekwiżiti tekniċi – Responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali”

Fil-Kawża C‑668/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes, D. Kukovec u A. C. Becker, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja f’vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU 2006, L 161, p. 12, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni”), u taħt id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 371/2010, tas-16 ta’ April 2010 (ĠU 2010, L 110, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”):

–        billi naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità ta’ vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 mat-tipi approvati tagħhom (Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas);

–        billi naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet (dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 46, 5 u 18 tad-Direttiva Qafas), u

–        billi laqgħet, fis-17 ta’ Mejju 2013, applikazzjoni minn Daimler AG sabiex l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi eżistenti 245G tiġi estiża għal vetturi li kienu diġà ngħataw approvazzjoni tat-tip oħra li għaliha japplikaw il-kundizzjonijiet il-ġodda tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, li jikkostitwixxi evitar ta’ din id-direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni

2        Id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tagħmel parti mill-atti regolatorji elenkati fil-Parti I tal-Anness IV tad-Direttiva Qafas. L-Artikolu 5(4) u (5) tal-ewwel direttiva jipprevedi:

“4.      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta’ vettura mgħammra b’sistema ta’ kondizzjonament ta’ l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150.

5.      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2017, fir-rigward ta’ vetturi ġodda li huma mgħammra b’sistema ta’ kondizzjonament ta’ l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom:

(a)      jikkunsidraw ċertifikati ta’ konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta’ l-Artikolu [26(1) tad-Direttiva Qafas], u

(b)      jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz.”

 Id-Direttiva Qafas

3        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva Qafas huma fformulati kif ġej:

“(2)      Għall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali.

(3)      Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat.”

4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk: […]

17)      ‘tip ta’ vettura’ tfisser vetturi ta’ kategorija partikolari li ma jvarjawx għall-inqas fl-aspetti essenzjali speċifikati fit-Taqsima B ta’ l-Anness II. Tip ta’ vettura jista’ jkollha varjanti u verżjonijiet kif definiti fit-Taqsima B ta’ l-Anness II;

[…]”

5        L-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għall-approvazzjoni jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom japprovaw biss dawk il-vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

3.      L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

6        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-manifattur hu responsabbli lejn l-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk il-manifattur hu involut direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata kif ukoll jekk le.”

7        L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Proċeduri li jridu jiġu segwiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Il-manifattur għandu jissottometti l-applikazzjoni lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni. Tista’ ssir biss applikazzjoni waħda fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ vettura u dan jista’ jsir fi Stat Membru wieħed biss.

Għandha ssir applikazzjoni separata għal kull tip li jrid jiġi approvat.”

8        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konformità ta’ arranġamenti ta’ produzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istat Membru li joħroġ approvazzjoni tat-tip tal-KE għandu jieħu l-miżuri meħtieġa skond l-Anness X biex jivverifika, f’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra jekk ikun meħtieġ, li saru arranġamenti adegwati biex jiġi żgurat li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond kif ikun il-każ, jikkonformaw mat-tip approvat.

2.      L-Istat Membru li joħroġ approvazzjoni tat-tip tal-KE għandu jieħu l-miżuri meħtieġa skond l-Anness X fir-rigward ta’ dik l-approvazzjoni biex jivverifika, f’koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra jekk ikun meħtieġ, li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 jibqgħu jkunu adegwati u li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond kif ikun il-każ, jibqgħu jikkonformaw mat-tip approvat.

Il-verifika biex jiġi żgurat li l-prodotti jikkonformaw mat-tip approvat għandha tkun limitata għall-proċeduri stabbiliti fl-Anness X u f’dawk l-atti regolatorji li fihom ħtiġijiet speċifiċi. Għal dak il-għan, l-awtorità ta’ l-approvazzjoni ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jista’ jwettaq kwalunkwe wieħed mill-kontrolli jew it-testijiet preskritti f’kwalunkwe wieħed mill-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew l-Anness XI fuq kampjuni meħuda fil-proprjetà tal-manifattur, inklużi l-faċilitajiet ta’ produzzjoni.

3.      Meta Stat Membru li ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jistabbilixxi li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 mhumiex applikati, jitbiegħed sostanzjalment mill-arranġamenti u l-pjanijiet ta’ kontroll miftiehma, jew ma baqgħux jiġu applikati, għalkemm il-produzzjoni ma twaqfitx, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-konformità tal-proċedura ta’ produzzjoni tiġi segwita kif suppost.”

9        L-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-vetturi”, li jinsab fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Emendi għal approvazzjonijiet tat-tip tal-KE”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-reviżjoni għandha tissemma ‘estensjoni’ jekk, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1:

(a)      jinħtieġu aktar spezzjonijiet jew testijiet ġodda;

(b)      kwalunkwe informazzjoni fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, ħlief għall-annessi tagħha, inbidlet;

(c)      jidħlu fis-seħħ ħtiġijiet ġodda skond kwalunkwe mill-atti regolatorji applikabbli għat-tip ta’ vettura approvata.

[…]”

10      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati”, li jinsab taħt l-istess kapitolu, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-reviżjoni għandha tissemma ‘estensjoni’ jekk, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1:

(a)      jinħtieġu aktar spezzjonijiet jew testijiet ġodda;

(b)      kwalunkwe informazzjoni fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, ħlief għall-annessi tagħha, inbidlet;

(c)      jidħlu fis-seħħ ħtiġijiet ġodda skond kwalunkwe mill-atti regolatorji applikabbli għas-sistema, komponent jew unità teknika separata approvata.

[…]”

11      L-Artikolu 17 tad-Direttiva Qafas, dwar it-tmiem tal-validità ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi m’għandhiex tibqa’ valida fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

[…]

(b)      il-produzzjoni tal-vettura approvata ġiet mwaqqfa b’mod volontarju u definittiv;

[…]”

12      L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.”

13      L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jekk Stat Membru jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda, għalkemm konformi mal-ħtiġijiet applikabbli jew immarkati kif suppost, jippreżentaw riskju serju għas-sikurezza stradali, jew huma ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, dak l-Istat Membru jista’, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, jiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ tali vetturi jew il-permess għall-bejgħ jew id-dħul fis-servizz fit-territorju tiegħu ta’ tali vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati.

F’dawn il-każijiet, l-Istat Membru konċernat għandu minnufih jinnotifika lill-manifattur, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni għaldaqstant, u jiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tiegħu u, b’mod partikolari, jekk hix ir-riżultat ta’:

–      nuqqasijiet fl-atti regolatorji rilevanti, jew

–      l-applikazzjoni mhux korretta tal-ħtiġijiet rilevanti.

2.      Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet konċernati mill-aktar fis possibbli u, b’mod partikolari, lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni li ħarġet l-approvazzjoni tat-tip sabiex tħejji d-deċiżjoni.

3.      Meta l-miżuri msemmija fil-Paragrafu 1 huma attribwiti għal nuqqasijiet fl-atti regolatorji rilevanti, għandhom jittieħdu l-miżuri adatti kif ġej:

–      fejn huma konċernati direttivi jew regolamenti separati elenkati fl-Anness IV, Parti I il-Kummissjoni għandha temendahom skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 40(2);

–      fejn huma konċernati Regolamenti ta’ l-UNECE, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-abbozz ta’ l-emendi meħtieġa għar-Regolamenti rilevanti ta’ l-UNECE skond il-proċedura applikabbli skond il-Ftehim ta’ l-1958 Rivedut.

4.      Meta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 huma attribwiti għall-applikazzjoni mhux korretta tal-ħtiġijiet rilevanti, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti biex tiżgura l-konformità ma’ dawn il-ħtiġijiet.”

14      L-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati mhux konformi mat-tip approvat”, jipprovdi:

“1.      Jekk Stat Membru li ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità jew li għandhom fuqhom marka ta’ approvazzjoni ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-vetturi, is-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond il-każ, jinġiebu f’konformità mat-tip approvat. L-awtorità ta’ l-approvazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandha tavża lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda.

[…]

3.      Jekk Stat Membru juri li vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità jew li għandhom marka ta’ approvazzjoni mhumiex konformi mat-tip approvat, dan jista’ jitlob lill-Istat Membru li ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KE biex jivverifika li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati fil-produzzjoni jibqgħu jikkonformaw mat-tip approvat. Mal-wasla ta’ tali talba, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-azzjoni mitluba malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien sitt xhur mid-data tat-talba.

4.      L-awtorità ta’ l-approvazzjoni għandha titlob lill-Istat Membru li ta lis-sistema, il-komponent, l-unità teknika separata jew il-vettura mhux kompluta approvazzjoni tat-tip biex jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jiżgura li vetturi fi produzzjoni jinġabu mill-ġdid f’konformità mat-tip approvat fil-każijiet li ġejjin:

(a)      Vettura approvata tat-tip tal-KE, fejn in-nuqqas ta’ konformità ta’ vettura hi attribwibbli esklużivament għan-nuqqas ta’ konformità ta’ sistema, komponent jew unità teknika separata;

(b)      approvazzjoni tat-tip ta’ diversi stadji, fejn in-nuqqas ta’ konformità ta’ vettura kkompletata hi attribwibbli esklużivament għan-nuqqas konformità ta’ sistema, komponent jew unità teknika separata li tkun parti mill-vettura mhux kompluta, jew mill-vettura mhux kompluta fiha nfisha.

Mal-wasla ta’ tali talba, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa, jekk hemm bżonn flimkien ma’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba, malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien sitt xhur mid-data tat-talba. Fejn jiġi stabbilit nuqqas biex tikkonforma, l-awtorità ta’ l-approvazzjoni ta’ l-Istat Membru li ta s-sistema, il-komponent jew l-unità teknika separata approvazzjoni tat-tip tal-KE jew l-approvazzjoni ta’ vettura mhux kompluta għandha tieħu l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1.

[…]”

15      L-Artikolu 32(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Fejn manifattur li jkun ingħata approvazzjoni tat-tip tal-KE għal vettura jkun obbligat li jopera, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att regolatorju jew tad-Direttiva 2001/95/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447)], ġbir lura ta’ vetturi diġà mibjugħa, reġistrati jew impoġġija fis-servizz għaliex sistema, komponent jew unità teknika separata waħda jew aktar immuntata fil-vettura, kemm jekk huma approvati skond din id-Direttiva u anke jekk le, tippreżenta riskju serju għas-sikurezza stradali, saħħa pubblika jew protezzjoni ambjentali, hu għandu jinforma minnufih lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni lill-vettura.

2.      Il-manifattur għandu jipproponi lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni sett ta’ rimedji xierqa biex ir-riskju msemmi fil-paragrafu 1 jiġi newtralizzat. L-awtorità ta’ l-approvazzjoni għandha tikkomunika l-miżuri proposti lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-miżuri huma implimentati b’mod effettiv fit-territorji rispettivi tagħhom.”

16      L-Artikolu 45(5) tad-Direttiva Qafas huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tinvalida kwalunkwe approvazzjoni tat-tip tal-KE mogħtija lil vetturi tal-kategorija M1 qabel id-29 ta’ April 2009, u lanqas timpedixxi l-estensjoni ta’ tali approvazzjonijiet.”

17      L-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, intitolat “Penali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet stipulati jew li jirriżultaw mill-Artikolu 31, u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, Parti I u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni determinati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2009 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom malajr kemm jista’ jkun.”

18      L-Anness II tad-Direttiva Qafas, intitolat “Definizzjoni ta’ kategoriji ta’ vetturi u tipi ta’ vetturi”, jispeċifika, fil-punt 1 tal-Parti A tiegħu, li l-kategorija M1 tkopri l-“[v]etturi mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri u li fiha mhux aktar minn tminn sedili minbarra s-sedil tax-xufier”. Il-Parti B ta’ dan l-anness tipprevedi:

“1.      Għall-finijiet tal-kategorija M1:

‘Tip’ għandu jikkonsisti f’vetturi li mhumiex differenti f’minn ta’ l-inqas l-aspetti essenzjali li ġejjin

–        il-manifattur,

–        id-denominazzjoni tat-tip tal-manifattur,

–        l-aspetti essenzjali ta’ kostruzzjoni u disinn:

–        chassis/pjan ta’ l-art (differenzi ovvji u fundamentali),

–        impjant ta’ l-enerġija (kombustjoni interna/elettriku/ibridu),

‘Varjant’ ta’ tip tfisser vetturi fit-tip li mhumiex differenti f’minn ta’ l-inqas l-aspetti essenzjali li ġejjin:

–        l-istil tal-body (per eżempju, vettura salun, heċbek, kupé, konvertibbli, station-wagon, jew vetturi b’diversi skopijiet),

–        impjant ta’ l-enerġija:

–        prinċipju ta’ ħidma (skond il-punt 3.2.1.1 ta’ l-Anness III),

–        numru u arranġament taċ-ċilindri,

–        differenzi fil-potenza ta’ aktar minn 30 % (l-ogħla huwa aktar minn 1,3 darbiet dak l-aktar baxx),

–        differenzi fil-kapaċità ta’ aktar minn 20 % (l-ogħla huwa aktar minn 1.2 darbiet dak l-aktar baxx),

–        fusijiet motorizzati (numru, pożizzjoni, interkonnessjoni),

–        fusijiet ikkwartjati (numru u pożizzjoni).

‘Verżjoni’ ta’ varjant tfisser vetturi, li jikkonsistu f’taħlita ta’ elementi li jidhru fil-pakkett ta’ informazzjoni suġġetti għall-ħtiġijiet fl-Anness VIII.

[…]”

19      L-Anness IV tad-Direttiva Qafas fih b’mod partikolari lista tal-atti regolatorji li għandhom jiġu osservati sabiex tingħata approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, li tinkludi, fil-Parti I, id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

20      L-Anness IX tad-Direttiva Qafas jiddeskrivi l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ konformità tal-KE. Il-punt 0 ta’ dan l-anness jipprovdi:

“Iċ-ċertifikat ta’ konformità huwa dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex iserraħlu moħħu li l-vettura li huwa jkun akkwista tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea fil-ħin meta din ġiet iffabbrikata.

Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu wkoll l-għan li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jirreġistraw vetturi mingħajr mal-applikant ikollu għaliex jipprovdi dokumentazzjoni teknika addizzjonali.

[…]”

21      L-Anness X tad-Direttiva Qafas jiddeskrivi l-proċedura għall-kontroll tal-konformità tal-produzzjoni, li hija intiża li tiżgura li kull vettura, sistema, komponent u unità teknika prodotti jkunu konformi mat-tip approvat. Skont it-tieni paragrafu tal-punt 0 ta’ dan l-anness, il-proċeduri jinkludu żewġ aspetti li ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin, jiġifieri l-evalwazzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità u l-verifika tas-suġġett tal-approvazzjoni u tal-kontrolli marbuta mal-prodotti.

22      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 678/2011 tal-14 ta’ Lulju 2011 li jissostitwixxi l-Anness II u jemenda l-Annessi IV, IX u XI għad-Direttiva 2007/46 (ĠU 2011, L 185, p. 30), emenda, b’mod partikolari, id-Direttiva Qafas.

23      Il-premessi 3 u 4 ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej:

“(3)      L-esperjenza turi li l-kriterji attwali għad-determinazzjoni ta’ jekk mudell ġdid ta’ vettura għandux jitqies bħala tip ġdid huma wisq vagi. Dan in-nuqqas ta’ ċertezza jista’ jdewwem l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ vetturi. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni] dwar serji żgħar tista’ tinħarab billi tip ta’ vettura jiġi maqsum f’diversi sottotipi taħt approvazzjonijiet ta’ tipi differenti. B’konsegwenza ta’ dan, in-numru ta’ vetturi ġodda li jistgħu jibdew jintużaw fl-Unjoni Ewropea skont is-sistema tas-serji żgħar jista’ jaqbeż dak li hu permissibbli. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi speċifikat liema karatteristiċi tekniċi tal-vetturi għandhom jintużaw bħala kriterji sabiex jiġi determinat x’jikkostitwixxi tip ġdid.

(4)      Skont il-prinċipji stabbiliti fil-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni bl-isem ta’ Pjan ta’ Azzjoni ‘Nissimplifikaw u ntejbu l-ambjent regolatorju’ u l-programm ta’ Azzjoni għal ’tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea’, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-kriterji li għandhom jintużaw għad-definizzjoni tal-varjanti u l-verżjonijiet fi ħdan tip ta’ vettura bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv imqiegħed fuq il-fabbrikanti tal-vetturi. Dan għandu jirriżulta, barra minn hekk, biex il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip isir iżjed trasparenti għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.”

24      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 678/2011 japplika għat-tipi ġodda ta’ vetturi li l-approvazzjoni tagħhom ser tingħata b’effett mid-29 ta’ Ottubru 2012. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi li dan ir-regolament la jinvalida awtorizzazzjoni tat-tip mogħtija qabel id-29 ta’ Ottubru 2012 u lanqas ma jipprekludi l-estensjoni ta’ dawn l-approvazzjonijiet.

 Id-Direttiva 2001/95

25      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/95 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘prodott fis-sigurtà’ għandu jfisser kull prodott li, taħt il-kondizzjonijiet normali jew previsti b’mod raġjonevoli ta’ l-użu inklużi t-tul taż-żmien u, meta japplika, it-tqegħid fis-servizz, l-istallazzjoni u l-ħtiġiet tal-manutenzjoni, ma jippreżenta l-ebda riskju jew ir-riskji minimi biss kompatibbli ma’ l-użu tal-prodott, ikkunsidrat aċċettabbli u konsistenti ma’ livell għoli tal-protezzjoni għas-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, […]

(d)      ‘riskju gravi’ għandu jfisser kull riskju gravi, inklużi dawk l-effetti li mhumiex immedjati, li jeħtieġu intervent bil-ħeffa mill-awtoritajiet pubbliċi;

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

26      L-Artikolu 7 tal-EG-Fahrzeugsgenehmigungsverordnung (ir-Regolament KE dwar l-Approvazzjoni ta’ Vetturi), tat-3 ta’ Frar 2011 (BGBl. 2011 I, p. 126), kif emendat bl-Artikolu 4 tar-Regolament tad-19 ta’ Ottubru 2012 (BGBl. 2012 I, p. 2232), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-approvazzjoni tat-tip KE tiskadi meta rekwiżiti ġodda li jirriżultaw minn att regolatorju jsiru obbligatorji għar-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva Qafas], u ma huwiex possibbli li l-approvazzjoni tiġi aġġornata. Din tiskadi wkoll fil-mument tat-tmiem definittiv tal-produzzjoni tat-tip ta’ vettura approvata. Il-manifattur għandu jinnotifika t-tmiem tal-produzzjoni lill-Kraftfahrt-Bundesamt [(l-Uffiċċju Federali tal-Vetturi bil-Mutur, iktar ’il quddiem: il-“KBA”)].”

27      L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Jekk il-KBA jikkonstata li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ma humiex konformi mat-tip approvat, dan jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa fis-sens tad-[Direttiva Qafas] applikabbli skont it-tip sabiex jiżgura l-konformità tal-produzzjoni mat-tip approvat.

(2)      Sabiex jirrimedja għal lakuni u jiżgura l-konformità tal-vetturi li diġà tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni, komponenti jew unitajiet tekniċi separati l-KBA jista’ jadotta a posteriori dispożizzjonijiet sekondarji.

(3)      Il-KBA jista’ jirtira jew jirrevoka l-approvazzjoni, totalment jew parzjalment, b’mod partikolari meta jiġi kkonstatat li

1.      vetturi li għandhom ċertifikat ta’ konformità jew komponenti jew unitajiet tekniċi separati koperti minn immarkar meħtieġ ma humiex konformi mat-tip approvat,

2.      vetturi li għandhom ċertifikat ta’ konformità jew komponenti jew unitajiet tekniċi separati jindikaw riskju kunsiderevoli għas-sigurtà fit-toroq, għas-saħħa pubblika u għall-ambjent,

3.      il-manifattur ma jkollux sistema effiċjenti għall-monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni jew ma jużahiex kif previst

jew li

4.      id-detentur tal-approvazzjoni ma josservax l-obbligi relattivi għal tali approvazzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

28      Matul is-sena 2006 kienet adottata d-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni li l-Artikolu 5(4) tagħha jipprevedi li s-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tat-tipi kollha ta’ vetturi approvati wara l-1 ta’ Jannar 2011 għandhom jużaw refriġerant b’potenzjal ta’ tisħiħ globali ta’ mhux iktar minn 150.

29      Filwaqt li, sa dak iż-żmien, il-manifatturi ta’ vetturi Ewropej kienu jużaw ir-refriġerant R134a, b’potenzjal ta’ tisħin globali ta’ 1300, matul is-sena 2009 huma kienu ddeċiedew, fil-kuntest ta’ proċess ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, li jużaw ir-refriġerant bir-referenza R1234yf, li għandu potenzjal ta’ tisħin globali ta’ 4.

30      Minħabba waqfien fil-provvista tar-refriġerant R1234yf ikkawżat mill-qerda tas-siti ta’ produzzjoni b’konsegwenza tat-tsunami ta’ Fukushima (il-Ġappun), il-Kummissjoni, f’April 2012, informat lill-Istati Membri li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, hija kienet ser tastjeni milli tressaq proċeduri ta’ ksur fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ta’ vetturi mad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, minn tal-inqas sakemm ir-refriġerant R1234yf, l-uniku refriġerant kompatibbli ma’ din id-direttiva, ma kienx ser ikun disponibbli, filwaqt li indikat ukoll li dan il-moratorju fl-ebda każ ma kien ser jestendi wara l-31 ta’ Diċembu 2012.

31      Fit-3 ta’ Marzu 2011, fit-8 ta’ Ġunju 2011 u fit-18 ta’ Ottubru 2012, il-KBA, bħala l-awtorità Ġermaniża responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip, approva t-tipi ta’ vetturi ġodda 246, 176 u 117, fuq applikazzjoni minn Daimler, bħala konformi mad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

32      F’Settembru 2012, Daimler informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li kellha dubji dwar is-sigurtà tal-użu tar-refriġerant R1234yf fit-tipi ta’ vetturi 246, 176 u 117. Hija sejħet lura madwar 700 vettura sabiex tissostitwixxi r-refriġerant u indikat l-intenzjoni tagħha li fil-vetturi ta’ dawn it-tipi tuża, anki wara l-iskadenza tal-moratorju b’effett minn Jannar 2013, ir-refriġerant R134a minflok ir-refriġerant R1234yf, li l-użu tiegħu kien serva ta’ bażi għall-għoti tal-approvazzjonijiet tat-tip korrispondenti. F’Novembru 2012, l-awtoritajiet Ġermaniżi talbu lill-Kummissjoni li r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni ma jiġux applikati għar-raġuni li kien meħtieġ li tiġi vverifikata mill-ġdid is-sigurtà tar-refriġerant R1234yf.

33      Bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013, Daimler ikkummerċjalizzat 133 713-il vettura tat-tipi 246, 176 u 117 mgħammra b’sistema ta’ klimatizzazzjoni li tiffunzjona bir-refriġerant R134a.

34      Fit-3 ta’ Jannar 2013, il-KBA talab lil Daimler tippreżenta l-miżuri meħuda mill-manifattur fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tat-tipi ta’ vetturi 246, 176 u 117. Bi tweġiba għal din it-talba, Daimler ippreżentat, fil-15 ta’ Jannar 2013, pjan ta’ azzjoni maħsub sabiex tinstab soluzzjoni teknika qabel il-15 ta’ Ġunju 2013. Fl-4 ta’ Marzu 2013, il-KBA ordna lil Daimler tieħu miżuri adegwati sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità, filwaqt li indika li fil-każ li n-nuqqas ta’ osservanza tal-konformità ma jiġix irrimedjat, l-approvazzjonijiet tat-tip korrispondenti kienu ser jiġu rtirati b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2013.

35      Fis-26 ta’ Ġunju 2013, Daimler indikat lill-KBA li kienet waqqfet b’mod definittiv il-produzzjoni tat-tipi 246, 176 u 117.

36      Fis-17 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Ġunju 2013, il-KBA laqa’ l-applikazzjonijiet ippreżentat minn Daimler għall-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura 245G, miksuba matul is-sena 2008, jiġifieri qabel ma kienet applikabbli d-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, għal varjanti oħra.

37      Il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talba għal informazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 2013 u ittra ta’ intimazzjoni fis-27 ta’ Jannar 2014. Hija akkużat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li kienu ppermettew, bejn Jannar u Ġunju 2013, li 133 713-il vettura jiġu mmanifatturati u kkummerċjalizzati bi ksur tal-approvazzjoni tat-tip determinanti, li d-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tiġi evitata u li ma imponewx sanzjoni fuq il-manifattur.

38      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet fis-26 ta’ Marzu 2014. Fir-rigward tal-vetturi mhux konformi, dan l-Istat Membru invoka s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali mid-Direttiva Qafas kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija argumentat li l-indikazzjonijiet mogħtija minn Daimler kienu jippermettu li wieħed jaħseb li l-użu tar-refriġerant R1234yf kien jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà.

39      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-KBA kien obbligat jilqa’ l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G imressqa minn Daimler.

40      Fil-25 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn tenniet il-kritika magħmula fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. Hija stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni.

41      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-opinjoni b’ittra tal-25 ta’ Novembru 2014 fejn essenzjalment tenniet l-istess argumenti bħal dawk magħmula fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

42      Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni u tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari tal-Artikoli 12 u 30 ta’ din tal-aħħar

 L-argumenti tal-partijiet

43      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat ksur tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni u tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari tal-Artikoli 12 u 30 ta’ din tal-aħħar, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 mat-tipi approvati tagħhom.

44      Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas jipprevedu li l-Istat Membru li approva tip ta’ vettura għandu jikkontrolla l-konformità tal-vetturi mmanifatturati mat-tip approvat u, jekk jiskopri nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni jew tal-vetturi ġodda mmanifatturati, għandu jieħu miżuri sabiex jiggarantixxi din il-konformità u, jekk ikun meħtieġ, għandu jirtira l-approvazzjoni tat-tip, sabiex jiżgura li l-vetturi prodotti jinġiebu konformi mat-tip approvat. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, kif ukoll tal-Anness X ta’ din id-direttiva ma huwiex sempliċement li jiġu previsti miżuri adegwati sabiex tiġi kkonstatata kwalunkwe diverġenza ta’ konformità fil-produzzjoni, iżda b’mod partikolari li titħares il-konformità tal-produzzjoni billi tiġi ggarantita l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji fil-każ li jiġi skopert nuqqas ta’ konformità.

45      Skont il-Kummissjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(2) u tal-Anness IV tad-Direttiva Qafas, kif ukoll tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, it-tipi ta’ vetturi 246, 176 u 117 setgħu jiġu approvati biss bil-kundizzjoni li l-potenzjal ta’ tisħin globali tar-refriġerant użat fis-sistema ta’ klimatizzazzjoni ta’ dawn il-vetturi ma jaqbiżx il-150. Issa, Daimler ipproduċiet vetturi ġodda tat-tipi 246, 176 u 117 filwaqt li użat, fis-sistema ta’ klimatizzazzjoni tagħhom, refriġerant li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu jaqbeż il-150, b’tali mod li ma kinux konformi mat-tip ta’ vettura approvat.

46      Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrikonoxxew li kienu jafu bil-fatt li, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u s-26 ta’ Ġunju 2013, 133 713-il vettura mhux konformi kienu ġew ikkummerċjalizzati minn Daimler.

47      Il-Kummissjoni ssostni li, minbarra dawn il-133 713-il vettura, Daimler kienet kompliet tipproduċi vetturi li jikkorrispondu għat-tipi 246, 176 u 117 billi estendiet għal dawn il-vetturi t-tip 245G, tip ta’ vettura antik li għalih ma kinux japplikaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni. F’dan il-kuntest, hija ssostni li, minbarra l-fatt li s-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tagħhom jużaw ir-refriġerant R134a, il-vetturi tal-Klassi A, tal-Klassi B u tal-Klassi CLA li jikkorrispondu għall-estensjoni tat-tip ta’ vettura 245G huma l-istess bħal dawk li jikkorrispondu għall-vetturi approvati bit-tipi 246, 176 u 117. Hija tistma li, b’kollox, madwar 800 000 vettura mhux konformi mal-approvazzjoni tagħhom ġew ikkummerċjalizzati b’dan il-mod matul il-perijodu bejn il-bidu tas-sena 2013 u l-aħħar tas-sena 2016.

48      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ħaditx miżuri li setgħu jiggarantixxu stabbiliment mill-ġdid tal-konformità mat-tip approvat, bħalma huma l-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip jew li ssejjaħ lura u ssewwi l-vetturi inkwistjoni.

49      Bi tweġiba għall-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-dubji, fir-rigward tas-sigurtà, dwar l-użu tar-refriġerant R1234yf fil-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117, il-Kummissjoni ssostni li, fil-frattemp, irriżulta li dawn id-dubji ma kinux fondati. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni legali tad-diversi każijiet ta’ ksur invokati f’dan il-każ, ftit hija rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhomx, fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, iqisu li l-użu ta’ dan ir-refriġerant kien jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà fit-toroq u għas-saħħa tal-bniedem.

50      Fil-fatt, id-Direttiva Qafas ma tipprevedix eċċezzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri ma jiħdux inkunsiderazzjoni rekwiżiti tekniċi armonizzati fil-każ ta’ dubju dwar in-natura adegwata tagħhom, iżda tinkludi effettivament obbligu inkundizzjonat li tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi kollha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni ssostni li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-proporzjonalità invokati mill-konvenuta ma jeżentawhiex mill-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji kontra Daimler sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tal-vetturi inkwistjoni mat-tip approvat.

51      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-każ ta’ vetturi li, minkejja l-konformità tagħhom mat-tip approvat, “jippreżentaw riskju serju għas-sikurezza stradali, jew huma ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika”, l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li l-Istat Membru kkonċernat jirrifjuta li jirreġistra jew li jawtorizza l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ tali vetturi għal perijodu massimu ta’ sitt xhur. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma segwietx il-proċedura prevista f’dan ir-rigward.

52      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega li, lejn l-aħħar tas-sena 2012, Daimler kif ukoll organizzazzjonijiet oħra, bħalma huma l-Verband der Automobilindustrie u d-Deutsche Umwelthilfe, qiesu, fuq il-bażi ta’ testijiet imwettqa minnhom, li l-użu tar-refriġerant il-ġdid R1234yf fil-vetturi kien jippreżenta “riskju kkonfermat għas-sigurtà”. Fil-fatt, dawn it-testijiet, li skontha kienu jikkonċernaw ukoll tipi oħra ta’ vetturi għajr dawk ta’ Daimler, urew li, f’ċerti sitwazzjonijiet, seta’ jkun hemm infjammazzjoni f’daqqa u vjolenti ta’ dan ir-refriġerant, li twassal għal nar fil-vettura u għal espożizzjoni tossika ħafna għall-fluworur tal-idroġenu u għall-fluworur tal-karbonil, b’tali mod li kellu jitqies li l-passiġġieri fil-vettura u l-persuni li jkunu qrib tagħha kienu esposti għal perikolu mortali immedjat. Barra minn hekk, manifatturi oħra ta’ vetturi bil-mutur kienu esprimew l-istess fehma u, matul it-tieni nofs tas-sena 2012, kienu qalbu l-approvazzjonijiet tagħhom għal vetturi li fihom ir-refriġerant il-ġdid R1234yf għal approvazzjonijiet iktar antiki li kienu jippermettu l-użu tar-refriġerant R134a.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KBA kellu jqis, f’dak l-istadju, li l-vetturi mgħammra fir-refriġerant il-ġdid R1234yf kienu jirrappreżentaw riskju gravi fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2001/95, b’tali mod li ma jistax jiġi akkużat li ma obbligax lil Daimler tikkonverti immedjatament il-133 713-il vettura mhux konformi mat-tipi kkummerċjalizzati bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013. B’hekk, id-deċiżjoni meħuda mill-KBA li jwettaq it-testijiet tiegħu stess sabiex ikun f’pożizzjoni li mbagħad jieħu deċiżjoni informata hija perfettament konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u barra minn hekk kienet irrikonoxxuta bħala d-deċiżjoni korretta miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Unjoni wara kontroll intensiv. Għalkemm ir-riżultati tat-testijiet tiegħu ma pproduċewx provi suffiċjenti sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ riskju gravi fis-sens tad-Direttiva 2001/95 u sabiex tkun meħtieġa azzjoni immedjata, xorta waħda ġew ikkonstatati infjammazzjonijiet u espożizzjonijiet għall-fluworur tal-idroġenu, u dan huwa indizju ċar tal-problema persistenti marbuta mal-użu tar-refriġerant R1234yf fis-sistemi ta’ klimatizzazzjoni ta’ vetturi bil-mutur. Għal raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà, il-KBA kien għalhekk irrakkomanda b’ċerta enfasi li jitkomplew it-testijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati b’mod iktar preċiż ir-riskji potenzjali.

54      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, f’seba’ okkażjonijiet, il-KBA stieden lil Daimler sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità ta’ dawn il-133 713-il vettura mhux konformi mat-tipi u sabiex tiżviluppa eventwali soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa għal dan il-għan. B’ittra tal-20 ta’ Novembru 2015, Daimler indikat lill-KBA l-miżuri ta’ sigurtà li hija kienet qiegħda tipprevedi għall-użu tar-refriġerant il-ġdid fil-vetturi l-ġodda tagħha u, b’ittri tas-16 u tat-18 ta’ Diċembru 2015, tas-7 ta’ Marzu 2016 kif ukoll tat-23 ta’ Settembru 2016, ippreżentat is-soluzzjonijiet tekniċi possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid, permezz ta’ konverżjoni, il-konformità mat-tipi approvati tal-133 713-il vettura mhux konformi. Peress li madankollu Daimler ma rrettifikatx dawn il-vetturi, filwaqt li invokat il-biża li ma tkunx tista’ tiggarantixxi kwalità ta’ assemblaġġ suffiċjenti, il-KBA, permezz ta’ att amministrattiv tat-23 ta’ Marzu 2017, impona tali miżura ta’ rettifika. Madankollu, Daimler ikkontestat din l-ordni u l-proċedura amministrattiva ta’ eżami tagħha għadha pendenti.

55      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta n-numru ta’ 800 000 vettura, imressaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, peress li dan jikkonċerna l-vetturi tat-tip 245G.

56      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta li hija kisret l-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas. Skont l-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar ma tikkonċernax il-verifika tal-vetturi stess iżda l-verifika tal-eżistenza ta’ miżuri adegwati sabiex imbagħad tiġi ggarantita l-konformità ta’ dawn il-vetturi mat-tip approvat. F’dan il-każ, hija ssostni li ma hemm ebda indizju li l-kontroll tal-kwalità mwettaq minn Daimler ma ffunzjonax. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ konformità ma huwiex il-konsegwenza awtomatika ta’ ksur tal-verifika tas-sistema ta’ kontroll tal-kwalità. Għall-kuntrarju, il-KBA kien informat minn qabel li kien ser ikun hemm nuqqas b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, li jirriżulta mill-fatt li r-refriġerant R134a kien ser jibqa’ jintuża minflok ir-refriġerant R1234yf li kellu jintuża.

57      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta wkoll li hija kisret l-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas. Skont dan l-Istat Membru, din id-dispożizzjoni tagħti espliċitament setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-espressjoni “jieħu l-miżuri meħtieġa”, li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, hija riflessjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tistabbilixxi l-ħtieġa li l-Istati Membri jaġixxu b’mod progressiv u jirtiraw l-approvazzjoni tat-tip biss bħala l-aħħar rimedju, kif jirriżulta mill-espressjoni “inkluż, meta meħtieġ”, li tinsab f’din l-istess dispożizzjoni.

58      Hija tenfasizza li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva Qafas ma jipprevedix terminu u li t-terminu ta’ erba’ xhur mogħti lil Daimler mill-KBA, fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Marzu 2013, sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità ma kienx twil wisq, fid-dawl tat-terminu ta’ sitt xhur previst fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-istess Artikolu 30.

59      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-irtirar tal-approvazzjoni mħabbar mill-KBA f’din l-ittra fil-każ li l-manifattur ma josservax l-ordni intiża li l-vetturi kkonċernati jinġiebu konformi mat-tip approvat qabel it-30 ta’ Ġunju 2013 ma setax jibqa’ applikabbli peress li Daimler kienet waqqfet definittivament il-produzzjoni ta’ dawn il-vetturi qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Barra minn hekk, id-Direttiva Qafas ma fiha ebda regoli dwar x’għandu jsir mill-vetturi prodotti u kkummerċjalizzati sal-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip. L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-vetturi jissejħu lura, iżda dan biss meta “tippreżenta riskju serju għas-sikurezza stradali, saħħa pubblika jew protezzjoni ambjentali”. Issa, dan ma kienx il-każ hawnhekk. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza tal-konformità ma implikax riskju addizzjonali għas-sigurtà fit-triq u għas-saħħa pubblika u seta’ kellu biss impatt marġinali fuq l-ambjent, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, li ppermettew li jibqa’ jintuża r-refriġerant l-antik għal miljuni ta’ vetturi ġodda sat-tmiem tal-perijodu tranżitorju ta’ sitt snin, li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2016, u għal diversi vetturi, bħalma huma x-xarabankijiet, il-coaches u l-vetturi kummerċjali, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

60      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ordni li ssir konverżjoni immedjata tal-vetturi inkwistjoni kienet ser twassal, fid-dawl tal-fatti u tal-impossibbilta ta’ tali konverżjoni f’dak il-mument, għal waqfien ta’ dawn il-vetturi u kienet ser tikkawża dannu ekonomiku gravi għall-proprjetarji tal-imsemmija vetturi, b’konsegwenzi fis-suq għal Daimler u għall-impriżi marbuta ekonomikament magħha fl-Unjoni kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Għandhom jiġu eżaminati, suċċessivament, il-fatti invokati, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva u, fl-aħħar nett, il-motiv ta’ difiża invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tas-sigurtà tal-vetturi.

62      Il-fatti invokati mill-Kummissjoni fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkonċernaw b’mod partikolari 133 713-il vettura mhux konformi mat-tipi approvati 246, 176 u 117, ikkummerċjalizzati minn Daimler bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013, data li fiha din l-impriża indikat lill-KBA li kienet waqqfet b’mod definittiv il-produzzjoni ta’ dawn il-vetturi. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ madwar 800 000 vettura mhux konformi mal-approvazzjoni tagħhom matul il-perijodu bejn il-bidu tas-sena 2013 u l-aħħar tas-sena 2016. Kif speċifikat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, dan in-numru ta’ madwar 800 000 vettura huwa fformat, minn naħa, mill-133 713-il vettura mhux konformi mat-tipi approvati 246, 176 u 117, u, min-naħa l-oħra, mill-vetturi li jikkorrispondu għal dawn it-tipi u li għalihom kien estiż it-tip 245G, tip antik ta’ vettura li ma kinux japplikaw għalih ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Dawn il-vetturi tal-aħħar huma koperti wkoll mit-tielet ilment tal-Kummissjoni, li permezz tiegħu takkuża lill-konvenuta b’evitar ta’ din id-direttiva.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka, fl-istess ħin, fil-kuntest tal-ewwel ilment, il-fatt li l-imsemmija vetturi ma ġewx prodotti konformement mat-tipi approvati 246, 176 u 117 u, fil-kuntest tat-tielet ilment, il-fatt li, għall-produzzjoni tagħhom, intużat estensjoni tat-tip 245G.

64      Peress li ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni li, kif Daimler indikat lill-KBA, il-produzzjoni ta’ vetturi tat-tipi approvati 246, 176 u 117 twaqqfet b’mod definittiv fis-26 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, tal-vetturi l-oħra għajr il-133 713-il vettura mhux konformi ma’ dawn it-tipi approvati, ikkummerċjalizzati minn Daimler sa dik id-data.

65      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li dawn il-133 713-il vettura ma kinux konformi mat-tipi 246, 176 u 117, awtorizzati wara l-1 ta’ Jannar 2011, sa fejn ma kinux mgħammra bir-refriġerant R1234yf iddikjarat għal dawn it-tipi approvati, iżda b’refriġerant li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu kien ta’ iktar minn 150, li huwa l-livell ta’ referenza previst fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Madankollu, hija ssostni li ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha la taħt l-Artikolu 12 u lanqas taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas sa fejn, minn naħa, il-KBA kien informat bin-nuqqas ta’ konformità sa mill-aħħar tas-sena 2012, punt dan li jindika l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-kwalità prevista mill-ewwel dispożizzjoni, u sa fejn, min-naħa l-oħra, it-tieni dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali. F’dan il-każ, il-KBA aġixxa b’mod proporzjonat, konformement mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mal-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà u s-saħħa tal-persuni kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent.

66      Fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jikkonċerna essenzjalment il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni ta’ vetturi ma’ approvazzjoni ta’ tip, u mhux fuq il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, dwar il-kontroll tal-miżuri meħuda mill-impriżi sabiex jiggarantixxu li l-vetturi jkunu konformi mat-tip approvat.

67      Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex akkużata li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ konformità tal-produzzjoni, iżda li ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-produzzjoni, meta, skont l-imsemmi paragrafu 3, fil-każ li Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jikkonstata li l-miżuri dwar il-konformità tal-produzzjoni ma humiex applikati, jitbiegħdu kunsiderevolment mill-miżuri approvati jew ma baqgħux jiġu applikati, minkejja li l-produzzjoni ma ntemmietx, dan l-Istat Membru għandu “jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip”, sabiex jiggarantixxi li l-proċedura fil-qasam tal-konformità tal-produzzjoni tkun segwita b’mod korrett.

68      Fir-rigward tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva Qafas, għandu jiġi osservat li dan jipprevedi wkoll li, fil-każ li Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jikkonstata li vetturi ġodda akkumpanjati minn ċertifikat ta’ konformità ma humiex konformi mat-tip approvat minnu, huwa “għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip”, sabiex jiżgura li l-vetturi jinġiebu konformi mat-tip approvat.

69      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tagħhom jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet iħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-vetturi jinġiebu konformi mat-tip approvat.

70      Barra minn hekk, mid-Direttiva Qafas jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li tip approvat jippreżenta riskju gravi li jkun skopert biss wara l-approvazzjoni. B’hekk, l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva jipprevedi li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirreġistra, li jawtorizza l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz, fit-territorju tiegħu, ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi ġodda meta jqis li dawn jikkompromettu b’mod serju s-sigurtà fit-triq jew huma ta’ ħsara kbira għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, minkejja li josservaw ir-rekwiżiti applikabbli. Bl-istess mod, l-Artikolu 32 tad-Direttiva Qafas jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn vetturi diġà mibjugħa, irreġistrati jew imdaħħla fis-servizz jissejħu lura għar-raġuni li sistema, komponent jew unità teknika waħda jew iktar installati fil-vettura, irrispettivament minn jekk kinux debitament approvati konformement mad-Direttiva Qafas jew le, jippreżentaw riskju li jikkompromettu b’mod serju s-sigurtà fit-triq, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent.

71      Bħala analoġija, fil-kuntest tal-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas, meta, bħal f’dan il-każ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu informati mill-manifattur tal-vetturi inkwistjoni bl-eżistenza ta’ nuqqas ta’ konformità mat-tip approvat u meta dan in-nuqqas ikun iġġustifikat permezz tal-preżentazzjoni, minn dan il-manifattur, ta’ elementi oġġettivi affidabbli u serji li jistabbilixxu l-eżistenza, fil-każ li jiġu osservati r-rekwiżiti applikabbli, ta’ riskju gravi għas-saħħa u għas-sigurtà tal-persuni jew tal-ambjent, dawn l-awtoritajiet ikunu ġġustifikati li ma jimponux mill-ewwel li l-vetturi kkonċernati jissejħu lura sabiex issirlhom konverżjoni jew li ma jirtirawx mill-ewwel l-approvazzjoni tat-tip ikkonċernata, u li jwettqu l-evalwazzjoni tagħhom ta’ dawn ir-riskji qabel jiddeċiedu li jimponu, jekk ikun il-każ, din is-sejħa lura u din il-konverżjoni, jew dan l-irtirar.

72      Bħalma jipprevedu l-Artikoli 29 u 32 tad-Direttiva Qafas, dan l-Istat Membru għandu madankollu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riskju gravi li jkun tressaq għall-għarfien tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, bil-miżuri proposti mill-manifattur sabiex jiġi nnewtralizzat ir-riskju inkwistjoni.

73      Madankollu, fil-każ li, meta tintemm din l-evalwazzjoni, jirriżulta li r-riskju gravi invokat ma huwiex stabbilit, dan l-Istat Membru jkollu jadotta, fl-iqsar żmien possibbli, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tal-vetturi inkwistjoni mat-tip approvat.

74      Fil-fatt, il-proċedura ta’ approvazzjoni stabbilita permezz tad-Direttiva Qafas hija bbażata, kif tindika l-premessa 2 tagħha, fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali, u għalhekk il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mill-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas ma jistax jippermettilhom jevalwaw huma stess in-neċessità li jintlaħaq dan l-għan ta’ konformità.

75      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-Istati Membri jitħallew jevalwaw huma stess in-neċessità li jintlaħaq dan l-għan ta’ konformità, dan iċaħħad minn kull effett utli s-sistema armonizzata ta’ approvazzjoni ddefinita permezz tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tad-Direttiva Qafas u tal-atti regolatorji.

76      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat ukoll, b’mod indikattiv, li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li, fil-każ ta’ talba għal verifika tal-konformità mressqa minn Stat Membru, l-Istat Membru li ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KE huwa obbligat jieħu l-miżuri meħtieġa fi kwalunkwe każ fis-sitt xhur mid-data ta’ din it-talba. Bl-istess mod, l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva Qafas jipprevedi, fil-kundizzjonijiet previsti minnu, l-istess applikazzjoni ta’ terminu massimu ta’ sitt xhur.

77      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu f’kuntatt permanenti mal-Kummissjoni.

78      Madankollu, għandu jiġi osservat li dawn l-awtoritajiet irreaġixxew tard għall-assenza ta’ konformità tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 mat-tipi approvati tagħhom. Fil-fatt, id-dubji li ltaqgħet magħhom Daimler u li jikkonċernaw is-sigurtà tar-refriġerant R1234yf kienu tressqu għall-għarfien tagħhom sa minn Settembru 2012, u l-Kummissjoni talbet informazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 2013 u bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fis-27 ta’ Jannar 2014 u opinjoni motivata fil-25 ta’ Settembru 2014. Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sa mit-8 ta’ Ottubru 2013, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu kkonstataw, meta tlestiet l-ewwel fażi ta’ testijiet, l-assenza ta’ probabbiltà sinjifikattiva li jimmaterjalizzaw ir-riskji gravi għas-saħħa u għas-sigurtà tal-persuni kif ukoll għall-ambjent invokati minn Daimler. Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet jikkonċedu li, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2015, Daimler ikkonfermat li kienet sabet miżuri li jiżguraw is-sigurtà għall-użu tar-refriġerant il-ġdid fil-vetturi l-ġodda tagħha u li, sa minn Diċembru 2015, Daimler kienet ippreżentat soluzzjonijiet tekniċi possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid, permezz ta’ konverżjoni, il-konformità mat-tipi approvati tal-133 713-il vettura mhux konformi. Madankollu, kien biss fit-23 ta’ Marzu 2017 li l-KBA, permezz ta’ att amministrattiv, ordna lill-manifattur Daimler sabiex tagħmel konformi lil dawn il-133 713-il vettura, permezz ta’ konverżjoni, jiġifieri iktar minn sentejn wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn indikat f’din l-opinjoni motivata.

79      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi naqset milli tieħu, fit-terminu previst mill-opinjoni motivata, il-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mat-tipi approvati tagħhom tal-133 713-il vettura tat-tipi 246, 176 u 117 ikkummerċjalizati minn Daimler bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013, meta dawn ma kinux mgħammra bir-refriġerant R1234yf iddikjarat għal dawn it-tipi approvati iżda b’refriġerant li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu kien ta’ iktar minn 150, bi ksur tal-livell massimu previst fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva tal-aħħar u taħt l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni u tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari tal-Artikoli 46, 5 u 18 ta’ din tal-aħħar

 L-argumenti tal-partijiet

80      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat ksur tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni u tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 46, 5 u 18 ta’ din tal-aħħar, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet.

81      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li Daimler ma osservatx l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva Qafas, li jipprovdi li l-manifattur huwa obbligat jiżgura li jiġu osservati kontinwament ir-rekwiżiti kollha marbuta mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura korrispondenti. Fil-fatt, sa minn Jannar 2013, Daimler ipproduċiet u kkummerċjalizzat vetturi tat-tipi 246, 176 u 117, li s-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tagħhom, li ma humiex konformi mal-approvazzjoni tat-tipi tagħhom, jiffunzjonaw b’refriġerant li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu jaqbeż il-valur massimu awtorizzat mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

82      Skont il-Kummissjoni, Daimler kisret ukoll l-Artikolu 18 tad-Direttiva Qafas, moqri flimkien mal-Anness IX ta’ din id-direttiva, li jobbliga lill-manifatturi joħorġu ċertifikat ta’ konformità għal kull vettura mmanifatturata konformement mat-tip ta’ vettura approvat, ċertifikat dan li jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-Anness IX tad-Direttiva Qafas, dikjarazzjoni maħruġa mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex jiggarantixxilu li l-vettura akkwistata minnu hija konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fil-mument tal-produzzjoni tagħha. Fil-fatt, sa minn Jannar 2013, it-tipi 246, 176 u 117 ma kinux baqgħu jiġu mmanifatturati konformement mal-approvazzjoni tat-tip tagħhom u għalhekk id-dikjarazzjoni ta’ Daimler fiċ-ċertifikat ta’ konformità ma kinitx tikkorrispondi għar-realtà.

83      Billi naqset milli tissanzjona lil Daimler, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, li jipprevedi li l-Istati Membri huma obbligati jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali taħghom, sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, applikabbli fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza, mill-manifatturi, ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

84      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li kien biss fil-każ li tiġi ordnata r-rettifika tal-vetturi kkonċernati u fil-każ li Daimler ma tosservax din l-ordni li setgħu jingħataw sanzjonijiet. Matul is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja speċifikat li l-KBA impona, matul is-sena 2017, miżura ta’ rettifika, li Daimler kienet ikkontestat din l-ordni u li l-proċedura amministrativa ta’ eżami tagħha kienet għadha pendenti. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hemm ebda ksur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas peress li ebda sanzjoni ma hija possibbli qabel tintemm din il-proċedura amministrattiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li Daimler naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas. Madankollu, hija tqis li dan in-nuqqas ta’ twettiq, min-naħa ta’ Daimler, tal-obbligi tagħha ma għandux jiġi ssanzjonat b’mod awtonomu iżda biss bħala konsegwenza tal-fatt li l-miżuri intiżi li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità bis-saħħa tal-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas ma ġewx implimentati.

86      F’dan ir-rigward, filwaqt li l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas jindirizzaw l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri sabiex jiggarantixxu l-konformità tal-vetturi, tas-sistemi, tal-komponenti jew tal-unitajiet tekniki mat-tipi approvati, l-Artikoli 5 u 18 ta’ din id-direttiva jikkonċernaw l-obbligi tal-manifatturi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar huma responsabbli għall-aspetti kollha, b’mod partikolari għall-proċess tal-konformità tal-produzzjoni kif ukoll għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità għal kull vettura mmanifatturata konformement mat-tip ta’ vettura approvat. Fir-rigward tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, dan jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

87      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas għandu għanijiet differenti minn dawk segwiti mill-Artikoli 12 u 30 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jipproteġu l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi li jinsabu fl-atti regolamentari, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 46 għandu prinċipalment għan marbut mal-istabbiliment u mal-funzjonament ta’ suq intern ikkaratterizzat minn kompetizzjoni leali bejn manifatturi. Minbarra dan l-għan, is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas għandhom jiggarantixxu wkoll li x-xerrej ta’ vettura jkollu ċertifikat ta’ konformità li jippermettilu, konformement mal-Anness IX ta’ din id-direttiva, jirreġistra l-vettura f’kull Stat Membru, mingħajr ma jkollu għalfejn jippreżenta dokumenti tekniċi supplimentari.

88      Fi kwalunkwe każ, kif ikkonstatat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 mat-tipi approvati tagħhom fit-terminu previst fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas.

89      Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ u għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas fit-terminu previst fl-opinjoni motivata, sabiex tiżgura li l-manifatturi josservaw l-Artikoli 5 u 18 ta’ din id-direttiva, dwar il-konformità tal-produzzjoni u l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 46, 5 u 18 tad-Direttiva Qafas.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni u tad-Direttiva Qafas u, b’mod iktar partikolari, fuq l-evitar tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

90      Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat ksur tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja evitat din id-direttiva meta laqgħet, fis-17 ta’ Mejju 2013, applikazzjoni minn Daimler sabiex l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi eżistenti 245G tiġi estiża għal vetturi li kienu diġà ngħataw approvazzjoni tat-tip oħra li għaliha kienu japplikaw il-kundizzjonijiet il-ġodda ta’ din id-direttiva.

91      Hija tispjega li, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas, tip approvat jista’ jiġi estiż għal vetturi oħra li jkunu differenti mit-tip approvat inizjalment, meta dawn il-vetturi, minn naħa, jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali li kienu fis-seħħ għall-għoti tal-approvazzjoni tat-tip oriġinali, u, min-naħa l-oħra, tant jixbhu lit-tip approvat inizjalment li jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt dan it-tip fuq il-bażi tal-kriterji previsti fil-Parti B tal-Anness II tad-Direttiva Qafas.

92      Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ ma hemmx tali estensjoni tat-tip 245G. Fil-fatt, it-tip 245G, approvat matul is-sena 2008, jiġifieri fi żmien meta d-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni ma kinitx applikabbli, ġiet estiża għal vetturi li kienu diġà approvati u mmanifatturati taħt it-tipi 246, 176 u 117, jiġifieri fi żmien meta din id-direttiva kienet applikabbli. Issa, l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li tip diġà approvat ma jistax jerġa’ jiġi approvat. Għaldaqstant, is-sostituzzjoni tat-tipi approvati 246, 176 u 117, moħbija bħala estensjoni tat-tip 245G, tikkostitwixxi evitar tad-dritt tal-Unjoni.

93      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-validità tal-approvazzjonijiet tat-tipi 246, 176 u 117 skadiet meta l-impriża waqqfet il-produzzjoni tat-tipi kontenzjużi fis-26 ta’ Ġunju 2013. It-tip ta’ vettura 245G ġie estiż, b’effett minn Mejju 2013, fil-limiti ta’ dak li tippermetti l-legalità, għal varjanti oħra li jużaw ir-refriġerant l-antik.

94      Hija ssostni li d-Direttiva Qafas tagħti definizzjoni flessibbli tat-“tip ta’ vettura”. Hija tenfasizza li l-Anness II tad-Direttiva Qafas jippermetti espliċitament lill-manifattur jiddetermina huwa stess il-portata ta’ tip ta’ vettura u, għalhekk, il-portata tal-approvazzjoni tat-tip, fil-limiti tal-karatteristiċi li jiddefinixxu kull tip. Hija ssaħħaħ l-argument tagħha billi tirreferi għar-Regolament Nru 678/2011, li, sabiex jirrimedja n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterji tad-Direttiva Qafas, emendaha sabiex jiddefinixxi mill-ġdid il-kunċetti ta’ “approvazzjoni tat-tip” u “estensjoni” u sabiex jippreċiża l-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat jekk mudell ġdid ta’ vettura għandux jitqies bħala tip ġdid.

95      Dan l-Istat Membru jqis li l-Kummissjoni qiegħda tassimila b’mod simplistiku u żbaljat il-kunċett ta’ “serje” jew ta’ “klassi”, jiġifieri, b’mod partikolari, il-Klassi A, il-Klassi B u l-Klassi B l-ġdida, użat għal finijiet ta’ marketing, mal-approvazzjoni tat-tip. Il-vetturi mmanifatturati b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2013 fil-Klassi A, fil-Klassi B u fil-Klassi CLA fuq il-bażi tat-tip ta’ vettura 245G huma differenti mit-tipi 246, 176 u 117 l-antiki mhux biss minħabba l-isem tat-tip tagħhom iżda wkoll minħabba diveri dettalji tekniċi u minħabba l-approvazzjonijiet tas-sistemi tagħhom.

96      Fir-rigward tal-osservanza tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li din id-direttiva tipprevedi espliċitament perijodu tranżitorju sal-1 ta’ Jannar 2017, perijodu li matulu r-reġistrazzjonijiet il-ġodda ta’ vetturi li jużaw ir-refriġerant l-antik setgħu jitwettqu fuq il-bażi ta’ approvazzjonijiet tat-tip antiki estiżi. Hija tikkonkludi li l-każ inkwistjoni ma jistax jitqies li huwa evitar illegali tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97      Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li evitat ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni u kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas meta laqgħet, fis-17 ta’ Mejju 2013, applikazzjoni ta’ Daimler sabiex l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi eżistenti 245G tiġi estiża għal vetturi li, skont din l-istituzzjoni, kienu diġà ġew approvati qabel taħt it-tipi 246, 176 u 117. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dawn il-vetturi ma kinux identiċi.

98      F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni tirreferi biss għall-ismijiet kummerċjali tal-vetturi mmanifatturati minn Daimler. Barra minn hekk, fir-rikors tagħha hija ma tressaq ebda prova materjali li turi li l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi li għalihom ingħatat l-estensjoni tat-tip 245G u li ġew immanifatturati wara s-26 ta’ Ġunju 2013 kienu identiċi għat-tipi 246, 176 u 117.

99      Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 113 u 114 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ tagħti ċerta flessibbiltà lill-manifattur. Fil-fatt, mit-test tad-Direttiva Qafas u, b’mod iktar partikolari, mill-Anness II tagħha, jirriżulta li l-manifattur jista’ jiddetermina huwa stess il-portata ta’ tip ta’ vettura. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Kapitolu V tagħha, din id-direttiva tawtorizza l-estensjoni ta’ approvazzojni tat-tipi antiki. Interpretazzjoni wiesgħa tad-Direttiva Qafas hija kkorroborata mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 678/2011, li emenda din id-direttiva, li tiddikjara li “[l]-esperjenza turi li l-kriterji attwali għad-determinazzjoni ta’ jekk mudell ġdid ta’ vettura għandux jitqies bħala tip ġdid huma wisq vagi”.

100    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx, f’dan ir-rigward, provi suffiċjenti insostenn tat-tielet ilment tagħha.

101    Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li l-finalità tal-estensjoni prevista fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva Qafas tipprekludi li manifattur jevita l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fir-rigward tal-vetturi ta’ tipi approvati ġodda billi jestendi, għall-vetturi rreġistrati ġodda, tip ta’ vettura ieħor approvat qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, tali estensjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva Qafas li tiggarantixxi li l-vetturi rreġistrati ġodda jissodisfaw livell għoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 14(2) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li jkun hemm estensjoni ta’ tip ta’ vettura approvat meta jkunu meħtieġa ispezzjonijiet ġodda jew testijiet ġodda, meta jkun ġie emendat element wieħed mill-informazzjoni indikata fuq id-dikjarazzojni tal-approvazzjoni tat-tip u meta jidħlu fis-seħħ rekwiżiti tekniċi armonizzati ġodda li jkunu applikabbli għall-vetturi approvati inkwistjoni.

103    Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, la mill-Artikolu 14 u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tas-sistema armonizzata inkwistjoni ma jirriżulta li l-estensjoni mitluba għandha tikkonċerna progress tekniku sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent.

104    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni jipprevedi espliċitament perijodu tranżitorju sal-1 ta’ Jannar 2017, perijodu li matulu r-reġistrazzjonijiet ġodda ta’ vetturi li jużaw ir-refriġerant l-antik setgħu jibqgħu jsiru fuq il-bażi ta’ approvazzjoni tat-tip antiki estiżi, filwaqt li r-rekwiżiti tekniċi kkonċernati kienu diġà fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 għall-approvazzjonijiet il-ġodda. Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva tadotta approċċ gradwali.

105    Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistax jiġi konkluż li l-estensjoni tal-approvazzjoni miltuba minn Daimler u mogħtija mill-KBA ma kinitx kompatibbli mad-Direttiva Qafas u mad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

106    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas u li ppermettiet lil Daimler tevita d-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

107    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-tielet ilment tal-Kummissjoni ma huwiex fondat.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:

–        taħt id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni kif ukoll taħt l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas, billi naqset milli tieħu, fit-terminu previst mill-opinjoni motivata, il-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mat-tipi approvati tagħhom tal-133 713-il vettura tat-tipi 246, 176 u 117, ikkummerċjalizati minn Daimler bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013, meta dawn ma kinux mgħammra bir-refriġerant R1234yf iddikjarat għal dawn it-tipi approvati iżda b’refriġerant li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu kien ta’ iktar minn 150, bi ksur tal-livell massimu previst fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni, u

–        taħt id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ klimatizzazzjoni kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 46, 5 u 18 tad-Direttiva Qafas, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 46 f’din id-direttiva tal-aħħar fit-terminu previst fl-opinjoni motivata, sabiex tiżgura li l-manifatturi josservaw l-Artikoli 5 u 18 tal-imsemmija direttiva, dwar il-konformità tal-produzzjoni u l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità.

109    Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

111    F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbu rispettivament il-kundanna tal-parti l-oħra għall-ispejjeż.

112    L-Artikolu 138(3) tal-imsemmija Regoli jipprevedi li, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. F’dan il-każ, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

113    Il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:

–        taħt id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja f’vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, kif ukoll taħt l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 371/2010 tas-16 ta’ April 2010, billi naqset milli tieħu, fit-terminu previst mill-opinjoni motivata, il-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mat-tipi approvati tagħhom tal-133 713-il vettura tat-tipi 246, 176 u 117, ikkummerċjalizati minn Daimler AG bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013, meta dawn ma kinux mgħammra bir-refriġerant R1234yf iddikjarat għal dawn it-tipi approvati iżda b’refriġerant li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu kien ta’ iktar minn 150, bi ksur tal-livell massimu previst fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2006/40, u

–        taħt id-Direttiva 2006/40 kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 46, 5 u 18 tad-Direttiva 2007/46, kif emendata bir-Regolament Nru 371/2010, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 46 f’din id-direttiva tal-aħħar fit-terminu previst fl-opinjoni motivata, sabiex tiżgura li l-manifatturi josservaw l-Artikoli 5 u 18 tal-imsemmija direttiva, dwar il-konformità tal-produzzjoni u l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.