Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Mejju 2009 - L-Italja vs Il-Kummissjoni u EPSO

(Kawża T-218/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Italja (rappreżentant: P. Gentili, avvocato dello Stato)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Uffiċċju Għall-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-avviż ta' eżamijiet ta' ammissjoni u ta' kompetizzjonijiet ġenerali għal eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva fid-dawl ta' reklutaġġ futur EPSO/AST/91/09 - Assistenti (AST 3) fis-settur "Offset"

tannulla l-avviż ta' eżamijiet ta' ammissjoni u ta' kompetizzjonijiet ġenerali għal eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva fid-dawl ta' reklutaġġ futur EPSO/AST/92/09 - Assistenti (AST 3) fis-settur "Pre-press"

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti kkontestat l-avviżi ta' kompetizzjoni msemmija hawn fuq, sa fejn uħud mill-eżamijiet previsti fihom għandhom isiru neċessarjament bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

Insostenn tal-kontestazzjoni r-Repubblika tal-Italja ssostni l-motivi li ġejjin:

il-ksur tal-Artikolu 290 KE li jattribwixxi lill-Kunsill f'unanimità, il-kompetenza esklussiva sabiex jiddeċiedi fil-qasam lingwistiku tal-istrumenti Komunitarji. F'dan ir-rigward huwa ppreċiżat li f'dan il-każ inkwistjoni EPSO prattikament issostitwixxa lill-Kunsill fid-determinazzjoni tas-sistema lingwistika taż-żewġ avviżi, billi impona li bħala t-tieni lingwa u bħala lingwa li fiha jsiru l-eżamijiet ta' ammissjoni, żewġ eżamijiet bil-miktub minn tlieta u mill-eżamijiet orali l-kandidati għandhom jagħżlu bilfors lingwa fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħra kollha tal-Istati Membri.

il-ksur tal-Artikolu 12 KE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/581 u tal-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fir-rigward ta' dan il-punt ir-rikorrenti ssostni li l-lingwi nazzjonali kollha tal-Istati Membri għandhom il-grad ta' lingwi uffiċċjali u ta' lingwi ta' ħidma tal-Unjoni. Għaldaqstant, avviż ta' kompetizzjoni ma jistax b'mod arbitrarju jillimita għal tliet lingwi biss dawk li l-kandidati jistgħu jagħżlu bħala t-tieni lingwa u li fihom se jsiru l-komunikazzjonijiet u l-eżamijiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lil dawn tal-aħħar ikunu jafu lingwa Komunitarja oħra minbarra l-lingwa nazzjonali tagħhom mingħajr ma jagħti valur ta' privileġġ lill-Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż.

Fl-aħħar nett ir-rikorrenti ssostni wkoll il-ksur tal-Artikolu 253 KE, kif ukoll taċ-ċertezza legali.

____________

1 - Ir-Regolament Nru 1li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 34 1959, p. 650)