Language of document : ECLI:EU:C:2017:175

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-7 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawża C-589/15 P

Alexios Anagnostakis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Inizjattiva taċ-ċittadini “One million signatures for ‘a Europe of solidarity’”, li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissottometti proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi l-prinċipju tal-istat ta’ neċessità – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Ċaħda mill-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 122 TFUE – Artikolu 136 TFUE”







I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan l-appell, Alexios Anagnostakis jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagostakis vs Il-Kummissjoni Ewropea (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz din ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat tiegħu kontra d-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2012) 6289 finali, tas-6 ta’ Settembru 2012, li tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea “Miljun firma għal Ewropa solidarja” (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

2.        Din il-kawża tagħti, għall-ewwel darba, l-opportunità lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-qafas legali marbut mal-inizjattiva taċ-ċittadini. Introdott mit-Trattat ta’ Lisbona u stabbilit fl‑Artikolu 11(4) TUE, id-dritt ta’ inizjattiva taċ-ċittadini jippermetti li “[ċ]ittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti mill-Istati Membri, […] jieħdu l‑inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il‑kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal‑Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattat”. Dan huwa strument fundamentali għad-demokrazija parteċipattiva Ewropea li jista’ jkun delikat sabiex jiġi implementat. Fil-fatt, minn naħa waħda, ladarba l‑idea hija li ċ-ċittadini jingħataw rwol attiv fil-bini tad-dritt tal‑Unjoni, għandu jiġi żgurat li dan id-dritt ma jkunx imdawwar b’rekwiżiti, proċedurali jew sostanzjali, stretti jew kumplessi żżejjed – u għalhekk finalment, li ma jinftehmux – li għandhom ikunu ssodisfatti minn persuni mhux speċjalisti tad-dritt tal-Unjoni; iżda min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi injorat li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa rregolat mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, u għalhekk id-demokrazija parteċipattiva, li l‑Artikolu 11(4) TUE huwa intiż li jnissel, għandha tkun eżerċitata biss f’dawn il-limiti.

3.        Skont il-provvedimenti tal-Artikolu 24(1) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (3) huwa intiż sabiex jippreċiża l‑kundizzjonijiet li fihom tista’ tkun ippreżentata inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea (iktar ʼil quddiem “IĊE”). Il-premessa 2 tiegħu tiddikjara li “[i]l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall‑inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. Huma għandhom jilħqu bilanċ għaqli bejn id-drittijiet u l‑obbligi”. Huwa dan l-ekwilibriju li ser jiġi mfittex fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

4.        L-IĊE hija ddefinita bħala “inizjattiva ppreżentata lill‑Kummissjoni […] li [tiġi mistiedna], fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal‑implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha” (4). Il-proċedura hija s-segwenti: qabel il-ġbir tal-firem, l‑organizzaturi – jiġifieri l-persuni li jipproponu l-IĊE – għandhom jitolbu r-reġistrazzjoni tal-imsemmija proposta fir-reġistru online (5) tal‑Kummissjoni filwaqt li jagħtu, f’din l-okkażżjoni, serje ta’ informazzjoni (6). Il-Kummissjoni jkollha xahrejn sabiex teżamina l-proposta, tagħtiha numru ta’ reġistrazzjoni u tinforma lill-organizzaturi. Ir-reġistrazzjoni tibda l-proċess tal-ġbir tal-firem (7). Ladarba r-rekwiżiti kollha relattivi għall-ġbir ikunu ssodisfatti u vverifikati (8), l-organizzaturi jistgħu jippreżentaw l-IĊE (9). Il-Kummissjoni tippubblikaha u tirċievi lill‑organizzaturi (10). Fuq kollox, fi żmien tliet xhur, hija għandha “tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l‑inizjattiva taċ-ċittadini, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r‑raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni” (11).

5.        Ir-reġistrazzjoni, formalità essenzjali li tippreċedi l-ġbir, hija għalhekk rekwiżit neċessarju, iżda mhux suffiċjenti, sabiex il‑Kummissjoni tagħti prosegwiment pożittiv u konkret għall-proposta ta’ IĊE. L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jistabbilixxi r‑rekwiżiti li l-proposta ta’ IĊE għandha tissodisfa sabiex il-Kummissjoni tirreġistraha. Fost dawn ir-rekwiżiti, l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament jipprovdi li din il-proposta “ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

6.        Hija din id-dispożizzjoni li tinsab fil-qalba ta’ dan l-appell. L-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tirreġistra proposta ta’ IĊE, huwa filtru vera u proprja li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Dan ir-rekwiżit ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, ikun interpretat b’mod wiesa’ ħafna, għaliex inkella jneħħi s-sustanza mid-dritt tal-inizjattiva Ewropea, li tiegħu diġà preċedentement enfasizzajt l-importanza (12). Minkejja li din il-kunsiderazzjoni ser tmexxi l-analiżi kollha segwenti, għandi nfakkar ukoll li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell huwa limitat u li d-deċiżjonijiet tagħha fuq problema jew oħra jiddependu b’mod sinjifikattiv mill-argumenti li jitressqu quddiemha.

7.        F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-appell forsi ma għandux il-kwalitajiet kollha meħtieġa sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-preċiżjonijiet pretiżi sabiex tiddefinixxi aħjar il-qafas legali tal-IĊE peress li wara l-qari tal-atti tal-proċess kollha, jibqa’ diffiċli li wieħed ikollu idea preċiża ta’ dak li l-appellant qiegħed jistenna eżattament mill-azzjoni Ewropea li huwa jixtieq tittieħed (13).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8.        Fit-13 ta’ Lulju 2012, l-appellant bagħat lill-Kummissjoni proposta ta’ IĊE, intitolata “Miljun firma għal Ewropa solidarja”. L-għan ta’ din il-proposta kien li fid-dritt tal-Unjoni jiġi stabbilit, il-prinċipju tal‑“istat ta’ neċessità, li jgħid li, meta l-eżistenza finanzjarja u politika ta’ Stat tkun mhedda minħabba r-rimbors ta’ dejn odjuż, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ dan id-dejn ikun neċessarju u ġustifikat” (14). Il-proposta ta’ IĊE tirreferi għalhekk għall-“politika ekonomika u monetarja (Artikoli 119 sa 144 TFUE)” bħala bażi legali għall-adozzjoni tagħha.

9.        Fis-6 ta’ Settembru 2012, wara li fakkret it-termini tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 u wettqet eżami tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE invokati fl-IĊE, b’mod partikolari tal‑Artikolu 136(1) TFUE, kif ukoll ta’ “kull bażi legali oħra possibbli” (15), il-Kummissjoni ċaħdet ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE tal-appellant għar-raġuni li ma taqax manifestament taħt setgħat li jippermettulu jissottometti proposta għall-adozzjoni ta’ att legali tal‑Unjoni għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tat-Trattati.

10.      Fil-11 ta’ Ottubru 2012, l-appellant ippreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. L‑uniku motiv tar-rikors kien intiż għall-konstatazzjoni ta’ ksur mill‑Kummissjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. F’dan ir-rigward huwa sostna li l-proposta ta’ IĊE tiegħu setgħet tagħti lok għall-proposta, mill-Kummissjoni, għall-adozzjoni ta’ att legali abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE, tal-Artikolu 122(2) TFUE u tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE kif ukoll tar-regoli tad-dritt internazzjonali.

11.      Fis-sentenza appellata, wara li rrilevat ex officio motiv bbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti differenti mressqa mill-appellant fil-kuntest tal-uniku motiv tiegħu qabel ma ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill‑appellant għall-ispejjeż.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet talpartijiet

12.      Fit-30 ta’ Novembru 2015, l-appellant ippreżenta appell mis‑sentenza appellata. Fit-talbiet tiegħu, A. Anagnostakis jitlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ dan l-appell, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tordna lill‑Kummissjoni tirreġistra l-proposta ta’ IĊE tiegħu u tordna kull miżura oħra rikjesta mil-liġi kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall‑ispejjeż. A. Anagnostakis sostna t-talbiet tiegħu fil-kuntest tar‑replika tiegħu.

13.      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell, parzjalment, bħala inammissibbli u, parzjalment, bħala infondat u, sussidjarjament, tiċħad l-appell bħala infondat fl-integralità tiegħu u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni sostniet it-talbiet tagħha fil-kontroreplika tagħha.

14.      Il-partijiet instemgħu fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2016.

IV – Analiżi legali

15.      Minkejja li l-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji, nixtieq norganizzah mill-ġdid fuq żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir‑rigward tal-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivazzjoni u fl‑applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. L‑ewwel ilment ta’ dan it-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 122 TFUE, it-tieni ilment huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 136 TFUE u, fl-aħħar nett, it-tielet ilment huwa bbażat fuq ksur tar-regoli tad-dritt internazzjonali.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward talevalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1.      Is-sentenza appellata

16.      Fil-punti 29 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, li jiddependi, fuq kollox, min-natura tal-att u mill-kuntest li fih jiġi adottat. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tal-proposta ta’ IĊE f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal‑bażi legali tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta ta’ att legali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-imsemmija proposta għamlet biss riferiment, f’daqqa, għal 26 artikolu tat-Trattat. Kien biss fil-kuntest tar-rikors tiegħu għal annullament li l-appellant identifika b’mod iktar preċiż l-Artikoli 122 u 136 TFUE bħala bażi legali tal-kompetenza tal-Kummissjoni. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “ma jistax jiġi lmentat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx fid-dettall id-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE invokati f’daqqa fil-proposta ta’ IĊE u li llimitat ruħha li tikkonstata n-nuqqas ta’ rilevanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija filwaqt li baqgħet siekta fuq dawk fost dawn tal-aħħar li kienu jidhrulha l-inqas irrilevanti, barra minn hekk, billi semmiet ir-raġunijiet għalfejn din id-dispożizzjoni ma setgħetx isservi bħala bażi legali” (16). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l‑motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti, fid-dawl tal‑kuntest tal-adozzjoni tagħha, peress li l-appellant kien f’pożizzjoni li jkun jaf ir-raġunijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE tiegħu u l-qorti tal-Unjoni setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq dawn ir-raġunijiet.

2.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

17.      L-appellant isostni li la r-riferiment waħdu li jinsab fid‑deċiżjoni kkontestata għall-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, u lanqas l-eżami tal-Artikoli 119 sa 144 TFUE li għalihom din tal-aħħar tirreferi ma huma suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu motivazzjoni ċara u ddettaljata meħtieġa meta tiġi invokata n-natura manifesta tal‑inkompetenza tal-Kummissjoni. In-natura manifesta tan-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni ma’ tistax tkun iġġustifikata mill‑kuntest. Għall-kuntrarju, il-kumplessità kbira tal-kuntest li fih taqa’ l-proposta ta’ IĊE tirrendi neċessarju li l-qorti tal-Unjoni teżiġi motivazzjoni dettaljata u speċifika tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ proposti ta’ IĊE. Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi biss parafrażi tal-Artikolu 136(1) TFUE u mbagħad riferiment ġeneriku għall-Artikoli 119 sa 144 TFUE. Issa, il-Qorti Ġenerali injorat totalment dan l-aspett tad-dibattitu dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni. Barra minn hekk, hija wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-motivazzjoni ta’ att tiddependi min-natura u mill-kuntest tal-istess att, peress li l‑Artikolu 296 TFUE ma jagħmel ebda riferiment għal dan il-kuntest. L‑appellant jikkontesta, barra minn hekk, li kien hemm xi effett tal‑allegat nuqqas ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tal-proposta ta’ IĊE. Fi kwalunkwe każ, il-kuntest tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja huwa kumpless u ma kienx hemm ġurisprudenza disponibbli sabiex tiggwida liċ-ċittadini fil-proposti tagħhom f’dan il-qasam fil-mument tal‑preżentazzjoni tal-proposta ta’ IĊE. Is-sens u l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet relatati ma’ din l-Unjoni huma diverġenti. L‑appellant jiċċita l-eżempji tal-Fondi Ewropej ta’ stabbilità finanzjarja u tal-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilità finanzjarja, li t-tnejn huma bbażati fuq l-Artikolu 122 TFUE. Repetizzjoni pura u sempliċi tad‑dispożizzjonijet ma hijiex suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward kemm tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

18.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra r-raġunament tal‑Qorti Ġenerali bħala nieqes minn kull żball ta’ liġi. B’mod partikolari hija ġustament iddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement immotivata minħabba kemm il-fatt li ssemmi l-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 211/2011 kif ukoll minħabba l-fatt li tispjega r-raġunijiet li għalihom l‑Artikoli 119 sa 144 TFUE, u b’mod iktar partikolari l‑Artikolu 136(1) TFUE ma setgħux ikunu l-bażi tal-adozzjoni tal‑prinċipju tal-istat ta’ neċessità. Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-motivazzjoni għandha tkun evalwata skont in-natura u l-kuntest tal-att. Il-Kummissjoni tinsisti b’mod partikolari fuq il-fatt li l-proposta ta’ IĊE kienet tipprovdi biss lista ta’ dispożizzjonijiet preżunti rilevanti u dwar in-nuqqas ta’ sforz mill‑appellant li jidentifika b’mod iktar preċiż u argumentat bażi possibbli sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tintervjeni. Din tal-aħħar tfakkar barra minn hekk li huwa proprju fuq inizjattiva tagħha stess li hija eżaminat iktar fid-dettall, fid-deċiżjoni kkontestata, l‑Artikolu 136(1) TFUE li hija kkunsidrat bħala d-dispożizzjoni l-inqas improbabbli. Il-Kummissjoni ssostni li wieħed ma jistax jistenna li hija tirrispondi għal argument ipotetiku ineżistenti meta l-appellant kellu l‑possibbiltà teknika li jippreċiżah u jispjegah. In-nuqqas ta’ kjarezza u l‑kumplessità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux ikunu ta’ natura li jikkontestaw il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma hijiex oġġettivament u b’mod evidenti kompetenti sabiex tipproċedi bil‑proposta ta’ IĊE. Fl-aħħar nett, l-appellant ma jinvokax żball possibbli fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni kontenuta fid-deċiżjoni kkontestata, iżda jikkritika l-fondatezza tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, l-argumenti mressqa minnu ma jistgħux ikunu eżaminati fil-kuntest ta’ aggravju li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni kontenuta fid‑deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l‑aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Analiżi

19.      L-obbligu ta’ motivazzjoni huwa stabbilit mid-dritt primarju fl‑Artikolu 296 TFUE u huwa implementat, fil-kuntest tal-IĊE, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011 (17).

20.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ movitazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tal‑osservanza tad-drittijiet ta’ difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il‑legalità ta’ dan l-att. Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun xierqa għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat (18). Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (19), b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in‑natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti (20), sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal‑formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’hekk, att ikun motivat b’mod suffiċjenti meta jiġi adottat f’kuntest magħruf mill‑parti kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi att ikun ġie adottat.

21.      Din tirrigwarda ġurisprudenza stabbilita sew li tippreċiża l‑kontorni tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, jiena nikkonstata li dawn il‑prinċipji ta’ bażi kienu kkonfermati mill-Qorti Ġenerali fil-parti tas‑sentenza appellata ddedikata għall-motiv – imqajjem ex officio – ibbażat fuq ksur eventwali ta’ dan l-obbligu (21).

22.      Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Qorti Ġenerali insistiet fuq l-importanza li għandha l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut li jiġu rreġistrati proposti ta’ IĊE fid-dawl tal-fatt li tali deċiżjonijiet għandhom natura li “[t]olqot l‑effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw inizjattiva taċ‑ċittadini” (22). Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali l-motivi għandhom jidhru “b’mod ċar” (23). It-tisħiħ li l-mekkaniżmu tal-IĊE suppost jagħti lill-funzjonament demokratiku tal-Unjoni fil-fatt ma jmurx tajjeb mal-eżerċizzju arbitrarju tas-setgħa deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam.

23.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, u kkonstatat li din tal-aħħar kienet ibbażata fuq l‑Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 211/2011 u semmiet ukoll b’mod espliċitu li, skont il-Kummissjoni, ebda dispożizzjoni relatata mal‑politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni invokata fil-proposta ta’ IĊE (24) u ebda bażi legali oħra, fosthom l-Artikolu 136(1) TFUE ma setgħu jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa ta’ din il-proposta (25). Il-Qorti Ġenerali pparagunat ukoll il-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha mal-kontenut tal-proposta ta’ IĊE. B’hekk hija kkontestwalizzat l-evalwazzjoni tagħha tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Imbagħad irrilevat li hemm ċertu grad ta’ inċertezza madwar l-imsemmija proposta, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija ssemmi biss, mingħajr ebda sforz ta’ spjegazzjoni, l-Artikoli 119 sa 144 TFUE (26).

24.      Jiena konvint li r-rwol mogħti lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 211/2011 fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-proposti ta’ IĊE huwa rwol fundamentali u li, fid-dawl tar-raġunament tal-mekkaniżmu ta’ IĊE, huwa importanti li din l-istituzzjoni turi, fid-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni tagħha, pedagoġija kbira, peress li mhux l-awturi kollha ta’ tali proposti huma neċessarjament speċjalisti kbar tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jiena ma naħsibx li huwa raġonevoli li, kif jixtieq l‑appellant, il-Kummissjoni għandha obbligu ta’ motivazzjoni b’tali mod li huwa meħtieġ li hija turi r-raġunijiet li għalihom ebda waħda mid‑dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tista’ tkun il-bażi ta’ azzjoni tal‑Unjoni, tal-inqas f’każ fejn l-impreċiżjoni inizjali – li jiena diġà enfasizzajt (27) u li testendi matul il-proċedura tal-appell (28) – hija imputabbli lill-awturi tal-proposta ta’ IĊE. Fil-fatt, dan iwassal sabiex ikun meħtieġ, għall-kuntrarju ta’ dak li tipprovdi l-ġurisprudenza, li din l-istituzzjoni tispeċifika l-elementi ta’ liġi kollha “rilevanti”, anki dawk li ma kinux previsti mill-awturi tal-proposta ta’ IĊE u minkejja li l-kwistjoni reali hija biss dwar jekk, f’dan l-istadju tal-analiżi, id-destinatarju tad-deċiżjoni kienx f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet ta’ rifjut tat-talba tiegħu. Fl‑opinjoni tiegħi, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l‑Kummissjoni ċaħdet ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE għaliex ikkunsidratha bħala li manifestament ma taqax taħt is-setgħat tagħha.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li ma kienx hemm ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni. Għalhekk ma huwiex korrett li jingħad, kif isostni l‑appellant, li l-aspett tad-dibattitu dwar is-suffiċjenza tal-motivazzjoni kien ġie injorat meta l-Qorti Ġenerali preċiżament rat li tivverifika li l-motivi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienu suffiċjenti sabiex l-appellant ikun jista’ jifhem ir‑raġunijiet tar-rifjut u, jekk ikun il‑każ, jersaq quddiem il-qorti tal‑Unjoni għal stħarriġ tal-legalità tagħhom.

26.      Barra minn hekk, l-appellant jikkontesta kwalunkwe rabta kawżali bejn l-allegata impreċiżjoni tal-proposta ta’ IĊE u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, din l-inċertezza tagħmel parti miċ-ċirkustanzi li l-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fid-dawl tal‑influwenza tagħha fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tifhem sew u tanalizza l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-proposta ta’ IĊE sabiex tkun tista’ tiddetermina bażi legali għall-azzjoni eventwali tagħha.

27.      Fl-aħħar nett, l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa intiż sabiex jivverifika, f’dan il-każ, jekk l‑indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kinux suffiċjenti sabiex jippermettu lill-appellant ikun jaf ir-raġunijiet li wasslu lil din l-istituzzjoni tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, għandu jkun distint mill-eżami tal-fondatezza tal-motivazzjoni li jikkonsisti fil-verifika tal-legalità tal-bażi tad-deċiżjoni kkontestata (29), jiġifieri jekk dawn ir-raġunijiet humiex validi (30). Għalhekk l-ilmenti u l‑argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni minħabba, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet li jirregolaw il-politika ekonomika u monetarja tal‑Unjoni, il-proposta ta’ IĊE ma hijiex manifestament barra mis-setgħat tal-Kummissjoni huma irrilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq in‑nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Preżunt ukoll li l‑motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni mhux korretta tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat invokati fil-proposta ta’ IĊE, tali żball ma jikkostitwixxix ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE u mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011. Dawn l-ilmenti dwar interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jistgħu jkunu l-bażi ta’ azzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-istabbiliment tal-prinċipju tal‑istat ta’ neċessità ser ikunu għalhekk eżaminati fil-kuntest tal‑aggravju segwenti (31).

28.      Għal dawn ir-raġunijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward talisħarriġ tal-fondatezza tal-motivazzjoni

29.      Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li r‑rekwiżit tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, jiġifieri dak li jirrikjedi li l-proposta ta’ IĊE ma tkunx manifestament barra mill‑kuntest tas-setgħat tal-Kummissjoni, ma kienx issodisfatt billi interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 122 TFUE u l-Artikolu 136(1)(b) TFUE kif ukoll ir-regoli tad-dritt internazzjonali.

30.      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx b’mod korrett il-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandna nżommu f’moħħna l-għan tal-proposta ta’ IĊE: kif jirriżulta mill‑imsemmija proposta, din tirrigwarda l-istabbiliment “tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jgħid li, meta l-eżistenza finanzjarja u politika ta’ Stat tkun mhedda minħabba r-rimbors ta’ dejn odjuż, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ dan id-dejn ikun neċessarju u ġustifikat”. Din id-deskrizzjoni u r‑riferiment għall-Artikoli 119 sa 144 TFUE kienu l-uniċi elementi għad‑dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument li fih iddeċidiet dwar it‑talba għal reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE.

31.      Barra minn hekk, mill-appell jirriżulta li l-proposta ta’ IĊE ssemmi biss il-parti “odjuża” tad-dejn pubbliku u għalhekk ma tirrigwardax annullament sħiħ u unilaterali tad-dejn (32). L-istabbiliment tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità għandu jippermetti l-annullament (33), jiġifieri n-nuqqas ta’ ħlas, tad-dejn odjuż ta’ Stat vis-a-vis Stati Membri oħra u anki l-Unjoni (34). Il-mekkaniżmu jinbeda bil-ftehim tal-Istati Membri meta l-ħlas tad-dejn ikun ta’ theddida għas-sitwazzjoni ekonomika u politika ta’ wieħed minnhom (35). Il-proposta ma tissostitwixxix is-sovranità monetarja tal-Unjoni u lanqas is-sovranità baġitarja u ekonomika tal-Istati Membri. Lanqas ma hija mekkaniżmu ta’ finanzjament (36). L-istabbiliment ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità għandu jippermetti biss, fl-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, lazzjoni unilaterali tal-Istat li jinsab f’diffikultajiet serji (37). Iktar tard, l‑appellant jiddikjara li l-adozzjoni ta’ tali prinċipju tirrigwarda l-Istati Membri kollha, u għalhekk mhux biss dawk taż-żona Euro, li ma jkoprix l-istabbilità finanzjarja u li jippermetti reazzjoni fi żmien utili. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jiġi invokat l-istat ta’ neċessità tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti li tipproponi l-Kummissjoni (38). L-inizjattiva li jiġi ddikjarat l-istat ta’ neċessità tappartjeni lill-Istat Membru li jista’ jagħmel dan taħt kundizzjonijiet stretti (39). L-Unjoni tapprova għalhekk id-dikjarazzjoni tal-istat ta’ neċessità u l-Istat Membru kkonċernat jibbenefika minn sospensjoni temporanja tal-ħlas tad-djun tiegħu (40). Fil-bidu l-Unjoni għandha tapprova t-test qabel ma Stat Membru jkun jista’ jibbenefika minn tali mekkaniżmu (41). L-adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità tkopri biss id-dejn ta’ Stat Membr vis-a-vis l-Unjoni (42). Iktar ’il quddiem imbagħad, l-appellant isostni li l-adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità tippermetti lil Stat Membru li jinsab f’diffikultajiet serji li jissospendi temporanjament il-ħlas tad-djun tiegħu kollha sabiex jiffoka l-politika ekonomika tiegħu fuq it-tkabbir (43). Huwa jitkellem ukoll dwar “maħfra tad-dejn” (44).

1.      Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal‑Artikolu 122 TFUE

a)      Is-sentenza appellata

32.      Fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenza tagħha Pringle (45), li l-Artikolu 122(1) TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għal eventwali assistenza finanzjarja tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament favur Stati Membri f’diffikultajiet serji. Il‑Qorti Ġenerali tkompli billi tindika li l-miżuri bbażati fuq dan l‑artikolu jesprimu solidarjetà u assistenza bejn l-Istati Membri u għal din ir-raġuni, ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni fid‑dritt tal-Unjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità li jawtorizza lill‑Istat Membru jiddeċiedi b’mod unilaterali li ma jirrimborsax parti jew id-dejn kollu tiegħu minħabba diffikultajiet li huwa għandu.

33.      Barra minn hekk, fil-punti 47 sa 50, il-Qorti Ġenerali fakkret li l‑Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, dejjem fis-sentenza tagħha Pringle (46), li l-Artikolu 122(2) TFUE jippermetti lill-Unjoni tagħti, taħt kundizzjonijiet, assistenza finanzjarja ta’ darba lil Stat Membru, mingħajr madankollu, ma tista’ tiġġustifika l-introduzzjoni leġiżlattiva ta’ mekkaniżmu ta’ abbandun tad-dejn, kif jixtieq l-appellant, minħabba n‑natura ġenerali u permanenti ta’ tali mekkaniżmu. Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li l-Artikolu 122 TFUE għandu biss l-għan li jagħti assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni u mhux mill-Istati Membri. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, l-adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità ma jipprevedix biss dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni iżda wkoll id-djun magħmula mill-imsemmi Stat lejn persuni ġuridiċi jew fiżiċi, pubbliċi jew privati oħra – sitwazzjoni li ma hijiex manifestament koperta mill-Artikolu 122 TFUE. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l‑adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità ma taqax manifestament taħt miżuri ta’ assistenza finanzjarja li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jadotta abbażi tal‑Artikolu 122(2) TFUE.

b)      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

34.      L-appellant jagħmel, essenzjalment, serje ta’ erba’ argumenti.

35.      Fl-ewwel lok, huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat l‑Artikolu 122 TFUE b’mod iżolat filwaqt li din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’konnessjoni mal-Artikoli 119 sa 126 TFUE li magħhom hija tifforma ħaġa “waħda”.

36.      Fit-tieni lok, jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE minħabba l-fatt li din id‑dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tipproponi lill-Kunsill l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għas‑sitwazzjoni ekonomika sabiex taffaċċja diffikultajiet serji, mingħajr ma tipprovdi forma partikolari għal dawn il-miżuri proposti. Dawn il‑miżuri għandhom, barra minn hekk, ikunu adottati fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Abbażi tal-ġurisprudenza mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 103 KE, l-appellant jiddikjara li l-miżuri ta’ politika ekonomika proposti għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġi evitat li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill‑Unjoni jitqiegħdu f’periklu. Il-fatt li l-Artikolu 122(2) TFUE jsemmi espressament l-assistenza finanzjarja pprovduta lil Stat Membru li jinsab f’diffikultà ma jistax ikun ta’ ostakolu għar-rikonoxximent tal-possibbiltà li l-Kummissjoni, fid-dawl tas-setgħa wiesgħa ta’ inizjattiva mogħtija lilha mill-Artikolu 122(1) TFUE, li tipproponi miżuri taħt il-forma ta’ assistenza finanzjarja. L-adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità tikkostitwixxi għalhekk miżura xierqa fis-sens tal‑Artikolu 122(1) TFUE. Fi kwalunkwe każ, huwa żbaljat li tali adozzjoni tiġi kkunsidrata bħala manifestament barra mill-kuntest tas‑setgħat tal-Kummissjoni.

37.      Fit-tielet lok, l-appellant jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Artikolu 122(1) TFUE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità. Minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin is-sentenza Pringle (47). Għall‑kuntrarju tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem l-“MES”) li kien inkwistjoni f’din is-sentenza, il-proposta ta’ IĊE ma hijiex intiża sabiex tissostitwixxi s-sovranità monetarja, baġitarja jew ekonomika tal-Istati Membri u lanqas sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament. L-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE ma humiex komparabbli ma’ dawk tal-implementazzjoni tal-MES. Għalhekk il‑kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Pringle (48) ma jistgħux ikunu awtomatikament trasponibbli u lanqas rilevanti għal dan l-appell. Min‑naħa l-oħra, għalkemm, kif iddeċidiet fil-punt 42 tas-sentenza appellata, “l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li għandu jipprevali mal-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika fis-sens tal-Artikolu 122(1) TFUE jindika li dawn il-miżuri huma bbażati fuq l-assistenza bejn l-Istati Membri”, fejn dan l-aħħar kunċett ma huwiex iddefinit f’dan l-artikolu. Għalhekk huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-assistenza tista’ biss tieħu l-forma ta’ mekkaniżmi ta’ eżenzjoni organizzati u strutturati u li l-adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità ma jistax jieħu waħda mill-forom ta’ assistenza finanzjarja previsti minn din id-dispożizzjoni.

38.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-appellant isostni l-argument tiegħu intiż sabiex jiddistingwi l-MES, minn naħa waħda, u l-istabbiliment tal‑prinċipju tal-istat ta’ neċessità, min-naħa l-oħra. L-appellant jispjega f’din l-okkażżjoni li l-prinċipju tal-istat ta’ neċessità jirrigwarda l-Istati Membri kollha, u mhux biss dawk taż-żona Euro, u ma jkoprix l‑istabbilità finanzjarja. Huwa jippermetti biss reazzjoni fi żmien utili għal diffikultajiet serji, li jsibu ruħhom fihom l-Istati Membri. Dan l-Istat ikollu l-possibbiltà li jinvoka l-istat ta’ neċessità, mingħajr ħsara għar‑rekwiżiti eventwali li għandhom ikunu ppreċiżati mill‑Kummissjoni. L-inizjattiva tappartjeni lill-Istat Membru f’diffikultà iżda hija l-Unjoni li tiddeċiedi tagħtix il-benefiċċju tal-istat ta’ neċessità. Hija l-Unjoni li, fi spirtu ta’ solidarjetà, tapprova d-dikjarazzjoni tal-istat ta’ neċessità b’mod li l-Istat Membru f’diffikultà jkun awtorizzat jissospendi temporanjament il-ħlas tad-dejn tiegħu. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-proċedura hija mibdija mill‑Istati Membri u mhux mill-Unjoni. Hija wkoll l-Unjoni li tapprova, fi spirtu ta’ solidarjetà, id-dikjarazzjoni tal-istat ta’ neċessità b’tali mod li l-Istat Membru f’diffikultà jkun awtorizzat jissospendi temporanjament il-ħlasijiet tad-dejn tiegħu. Huwa żbaljat ukoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li l-iskop tal-proposta ta’ IĊE ma tikkorrispondix manifestament għall-assistenza finanzjarja fis‑sens tal-Artikolu 122(2) TFUE filwaqt li, skont l-appellant, l‑adozzjoni tal-imsemmi prinċipju tkopri biss id-dejn ta’ Stat Membru fil-konfront tal-Unjoni. Dan l-aspett jaqa’ manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122(2) TFUE. Peress li din id-dispożizzjoni serviet bħala bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010, tal-11 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (49), l-adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità jista’ jkun ibbażat fuq l-istess mudell. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l‑Kummissjoni li tista’ tipproċedi parzjalment bil-proposta ta’ IĊE billi tillimita l-ħlas tad-dejn ta’ Stat Membru fil-konfront tal-Unjoni biss. L‑appellant ifakkar li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma ġġustifikat, fid‑deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut tagħha tal-motiv tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità.

39.      Il-Kummissjoni tilmenta li l-appell ma jispjegax fir-realtà fiex jikkonsisti l-iżball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 122 TFUE. L‑argument dwar interpretazzjoni kontestwalizzata tal‑Artikolu 122 TFUE flimkien mal-Artikoli 119 sa 126 TFUE huwa ġdid. Il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 103 KE ma hijiex rilevanti għaliex din tirrigwarda biss assistenza finanzjarja puntwali u mhux l‑istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ natura ġenerali. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ma tidentifika ebda żball tal-Qorti Ġenerali fl‑interpretazzjoni tagħha tas-sentenza Pringle (50) fis-sentenza appellata. L-ispirtu ta’ solidarjetà li janima l-Artikolu 122(1) TFUE u li dwaru jinsisti l-appellant ma huwiex marbut mal-kunċett tal-assistenza finanzjarja u, skont il-Kummissjoni, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri ma tistax tieħu l-forma ta’ deċiżjoni unilaterali li ma jsirx ħlas. Il‑Kummissjoni tikkritika wkoll it-tentattiv tal-appellant li jillimita l‑portata tal-proposta ta’ IĊE għal parti mid-dejn ta’ Stat Membru lejn l‑Unjoni biss filwaqt li tali limitazzjoni qatt ma tqajmet qabel u li l‑proposta ta’ IĊE kienet tipprevedi biss sa dakinhar ir-rimbors tad‑dejn “b’mod partikolari lejn l-Istati Membri”. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jikkunsidra li l-proposta ta’ IĊE hija limitata biss għal parti tad‑dejn lejn l-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità mhux dejjem taqa’ taħt il-kunċett ta’ assistenza finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 122(2) TFUE. Finalment, ma hemmx paragun possibbli bejn il-mekkaniżmu implementat mir-Regolament Nru 407/2010. Dan ir-regolament jagħti assistenza finanzjarja lil Stat Membru permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill filwaqt li l-proposta ta’ IĊE hija intiża sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lil Stat Membru jiddeċiedi unilateralment il-ħelsien mid-dejn tiegħu fil-konfront tal‑Unjoni. Il-Kummissjoni ssostni li tali mekkaniżmu ma jaqax taħt il‑kunċett ta’ assistenza finanzjarja. Hija titlob li l-aggravju jiġi miċħud parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

c)      Analiżi

40.      Irrid ninnota mill-ġdid li l-argumenti tal-appellant fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju jiżviluppaw b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni tiegħu meta mqabbla ma’ dik li huwa sostna fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. L-argumenti dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 103 KE, tar-Regolament Nru 407/2010 u dwar il‑possibbiltà eventwali li l-Kummissjoni tagħti segwitu parzjali biss għall-proposta ta’ IĊE donnhom huma ġodda. Barra minn hekk dawn ma taw lok għal ebda teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, hija s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li hija l-oġġett tal-istħarriġ tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

41.      Fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 122(1) TFUE jirriżulta essenzjalment li l-Kunsill jista’, fuq proposta tal-Kummissjoni, jiddeċiedi fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri “miżuri xierqa għas‑sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil‑qasam ta’ l-enerġija”. Minn naħa tiegħu l-Artikolu 122(2) TFUE jistabbilixxi li l-Kunsill, dejjem fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jagħti taħt ċerti kundizzjonijiet assistenza finanzjarja tal‑Unjoni lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet “minħabba katastrofi naturali jew avveniment eċċezzjonali barra mill-kontroll tiegħu”.

42.      Fl-opinjoni tiegħi, jekk infakkru biss il-kontenut tal-punti 116 u 118 tas-sentenza Pringle (51), huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 122 TFUE ma jistax manifestament iservi bħala bażi legali għall-istabbiliment ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 122(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni “ma [t]ikkostitwixxix bażi legali adatta għall-eventwali assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament” (52). L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu li permezz tiegħu l‑Istat Membru jiddeċiedi unilateralment li ma jirrimborsax id-dejn tiegħu ma jistax għalhekk jaqa’ taħt miżuri xierqa implementati skont l‑Artikolu 122(1) TFUE, iktar u iktar peress li dawn il-miżuri suppost li għandhom spirtu ta’ solidarjetà. Barra minn hekk, l-imsemmija miżuri huma neċessarjament ta’ natura puntwali, meta l-proposta ta’ IĊE, kif ġustament tirrileva l-Qorti Ġenerali (53), tipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ġenerali u permanenti, li jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri jekk dawn isibu ruħhom f’diffikultà serja. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-istabbiliment ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità jikkostitwixxi forma ta’ assistenza finanzjarja koperta mill-kunċett ta’ “miżuri xierqa” fis-sens tal-Artikolu 122(1) TFUE, is-sentenza Pringle (54), mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta plenarja, jidhirli li eskludiet b’mod ċar li f’każ ta’ Stat Membru li jkun jinsab f’diffikultà ta’ finanzjament jista’ jirrikorri għal dan l-artikolu.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, b’mod iktar ġenerali, li l‑Artikolu 122 TFUE għandu biss bħala suġġett assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni, u mhux mill-Istati Membri. Peress li nistgħu biss nifformulaw ipoteżi, jekk il-proposta ta’ IĊE għandha tkun interpretata fis‑sens li hija tipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu li permezz tiegħu Stat Membru jiddeċiedi unilateralment li ma jirrimborsax id-dejn tiegħu fil-konfront tal-Unjoni (55), dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “assistenza finanzjarja” mogħtija mill-Unjoni lill-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal‑Artikolu 122(2) TFUE. Madankollu, jekk l-imsemmija proposta għandha tkun interpretata fis-sens li d-dejn odjuż ikopri biss jew wkoll id-dejn bejn l-Istati Membri, ir-rekwiżit dwar il-provvista tal-imsemmija assistenza “mill‑Unjoni” ma jibqax iktar issodisfatt. Barra minn hekk, in-natura permanenti tal-mekkaniżmu hija mill-ġdid ostakolu għal dak li huwa stabbilit abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE.

44.      Fl-aħħar nett, l-argument dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni għandha li tagħti biss prosegwiment parzjali lil proposta ta’ IĊE ma huwiex, fil-prinċipju, nieqes mill-interess. Madankollu, is-sentenza appellata ma tinkludi ebda argument dwar dan il-punt li jista’ jiġi diskuss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Fi kwalunkwe każ, ma tistax tkun ikkontestata l-konklużjoni, li jiena naqsam mal-Qorti Ġenerali, li l-proposta ta’ IĊE tal-appellant – forsi fuq kollox minħabba n-natura intrinsikament mhux sistematika tagħha – manifestament ma setgħetx tagħti lok għall-adozzjoni ta’ att abbażi tal-Artikolu 122 TFUE.

2.      Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal‑Artikolu 136(1) TFUE.

a)      Is-sentenza appellata

45.      Wara li fakkret il-kliem tal-Artikolu 136(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata, li l‑adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jipprovdi li Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod unilaterali li jannulla d-dejn pubbliku, ma għandhiex l-għan li ssaħħaħ il-koordinazzjoni tad-dixxiplina baġitarja u wisq inqas ma taqa’ taħt Linji gwida ta’ politika ekonomika previsti fl‑imsemmi artikolu u li l-Kunsill huwa awtorizzat jelabora għall‑funzjonament tajjeb tal-Unjoni ekonomika u monetarja. Abbażi tas‑sentenza Pringle (56), il-Qorti Ġenerali fakkret li r-rwol tal-Unjoni huwa limitat, fil-qasam tal-politika ekonomika, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jawtorizza n-nuqqas ta’ rimbors tad-dejn minn Stat Membru jmur lil hinn minn dak kopert mill-kunċett ta’ Linji gwida ta’ politika ekonomika fis-sens tal‑Artikolu 136(1) TFUE peress li tali att iwassal għas-sostituzzjoni, bil‑libera volontà tal-partijiet kontraenti, ta’ mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn pubbliku. Huwa għalhekk ġust, skont il‑Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-proposta ta’ IĊE tal‑appellant ma taqax manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 136(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali żiedet ukoll li dan ir-rifjut ma huwiex kuntrarju għall-klawżola ta’ solidarjetà li tinsab fl‑Artikolu 222 TFUE, peress li l-imsemmija klawżola ma tipprevedix manifestament il-politika ekonomika u monetarja, u lanqas is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, li jinsabu f’diffikultà.

b)      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

46.      Skont l-appellant, l-Artikolu 136 TFUE huwa dispożizzjoni kumplessa li għandha, skont id-dottrina, tkun prevista bħala kumplimentarja għall-Artikoli 121 u 126 TFUE. Ir-rikonoxximent, fid‑dritt tal-Unjoni, ta’ dan il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità jrid jilħaq l‑għan stabbilit fl-Artikolu 136(1) TFUE li huwa l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni ekonomika u monetarja. Huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali rikonoxximent jistabbilixxi mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn peress li l-istat ta’ neċessità huwa limitat sabiex Stat Membru li jsib ruħu f’diffikultajiet finanzjarji serji jissospendi temporanjament il‑ħlas tad-djun kollha tiegħu sabiex jiffoka l-politika ekonomika tiegħu fuq it-tkabbir billi jinkoraġġixxi l-investimenti ekonomiċi. Barra minn hekk l-appellant jikkunsidra li l-ewwel proċedura ta’ ristrutturar tad-dejn Grieg ġiet deċiża fil-21 ta’ Lulju 2011 waqt summit taż-żona Euro li matulu ttieħdet deċiżjoni f’dan is-sens. Għalhekk teżisti bażi legali fid-dritt tal-Unjoni għall-annullament ta’ dejn pubbliku. Barra minn hekk, tali annullament jikkontribwixxi mingħajr dubju għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja li huwa l-għan li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 136(1) TFUE. Din id‑dispożizzjoni tawtorizza wkoll lill-Kunsill jieħu miżuri sabiex jistabbilixxi Linji gwida ta’ politika ekonomika. Madankollu, miżura ffokata fuq l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir, hija wara kollox konformi mal-provvidementi tal-Artikolu 121 TFUE. Il-Kummissjoni hija għalhekk assolutament awtorizzata tipproponi dawn il-miżuri lill-Kunsill, iktar u iktar għaliex l-Artikolu 352 TFUE jawtorizzaha tipproponi miżura neċessarja għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet tat-Trattati bħall-istabbilità taż‑żona Euro. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proposta ta’ IĊE ma taqax manifestament fis-setgħat tal‑Kummissjoni peress li hija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 136(1) TFUE. Mill-argumenti tal-appellant jirriżulta wkoll li mekkaniżmu ta’ stabbiltà u ta’ assistenza finanzjarja kif awtorizzat mill‑Artikolu 136(3) TFUE jista’, fil-fehma tiegħu, jinkludi, fuq ftehim tal-Istati Membri u meta wieħed minnhom isib ruħu fi stat ta’ neċessità, is-sospensjoni tal-ħlas tad-dejn tiegħu.

47.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-appellant iressaq, fil‑kuntest tat-tielet aggravju tiegħu, argument ġdid li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ assistenza finanzjarja taħt il-forma ta’ nuqqas ta’ ħlas tad-dejn odjuż jista’ jkun propost abbażi tal-Artikolu 352 TFUE fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 136(1) TFUE. Il-parti tal-aggravju li tirrigwarda l-Artikolu 352 TFUE għandha għalhekk tkun iddikjarata inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, l-appellant ma spjegax kif l-adozzjoni ta’ att abbażi tal-provvedimenti tal-proposta ta’ IĊE hija neċessarja sabiex jintlaħaq l‑għan tat-Trattati dwar l-istabbilità taż-żona Euro. Sussidjarjament, il‑Kummissjoni tinvoka s-sentenza Pringle (57) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 136(1) TFUE ma joħloq ebda bażi legali ġdida li tippermetti lill-Unjoni tibda azzjoni. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argument bbażat fuq id-deċiżjoni meħuda waqt il‑laqgħa tal-pajjiżi taż-żona Euro fil-21 ta’ Lulju 2011 dwar ir‑ristrutturazzjoni tad-dejn sovran huwa ġdid. Fi kwalunkwe każ, tali deċiżjoni ma tteħditx fuq il-bażi tat-Trattati. Barra minn hekk, il‑konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru li jiddeċiedi unilateralment li ma jirrimborsax id-dejn tiegħu ma tistax tikklassifika bħala miżura ta’ linja gwida tal-politika ekonomika li l‑Kunsill jista’ jadotta abbażi tat-Trattati ma hijiex żbaljata. L‑Artikolu 136(1) TFUE, li abbażi tiegħu tista’ tiġi adottata biss miżura ta’ linja gwida, neċessarjament mhux vinkolanti, tal-politika ekonomika, ma jistax għalhekk, iservi bħala bażi għall-proposta ta’ IĊE. Skont il‑Kummissjoni dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 136(3) TFUE u l-Artikolu 352 TFUE u bħala infondat għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 136(1) TFUE.

48.      Fir-replika tiegħu, l-appellant jikkontesta li l-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 136(3) u l-Artikolu 352 TFUE huma ġodda peress li dawn jirriżultaw mid-diskussjoni ta’ bejn il-partijiet dwar is-sentenza Pringle (58). Fir‑rigward tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidraha ex officio bħala avveniment tal-esperjenza komuni u tal-ħajja politika Ewropea. Fi kwalunkwe każ, huwa jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel il-ġurisprudenza tagħha dwar l-inammissibbiltà tal‑aggravji u tal-argumenti ġodda introdotti fl-istadju tal-appell. Fil‑kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tagħha.

c)      Analiżi

49.      L-Artikolu 136(1) TFUE jipprovdi li “[s]abiex ikun assigurat il‑funzjonament tajjeb ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u skond id‑dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu, skond il‑proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli 121 u 126 […] jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex: a) tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom; b) jiġu stabbiliti l-linji gwida ta’ politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 136(3) TFUE (59) jipprovdi li “[l]-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta”.

50.      Qabel kull ħaġa oħra, ninnota ċerta kontradizzjoni f’dak li l‑appellant isostni li l-Artikolu 136 TFUE jista’ jikkostitwixxi rabta possibbli tal-proposta ta’ IĊE mal-kompetenza tal-Kummissjoni filwaqt li minn ċerti partijiet tal-appell jirriżulta li l-istabbiliment ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità jista’ jirrigwarda l-Istati Membri kollha, u mhux biss dawk taż-żona Euro, u “ma jkoprix l-istabbilità finanzjarja” (60).

51.      Huwa problematiku wkoll il-fatt li jiena ma nsib ebda indikazzjoni – la fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas fis-sentenza appellata – ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 352 TFUE jew id-deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2011. Dawn l-argumenti, invokati għall-ewwel darba fi stadju tal-appell, huma għalhekk inammissibbli, peress li ebda element ma jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibdel, kif jistedinha tagħmel l-appellant, il-ġurisprudenza tagħha dwar din il‑kwistjoni. Għalhekk għandu jitfakkar li jekk parti titħalla tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, argument li hija ma kinitx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li din tkun qiegħda titħalla tressaq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, kawża b’portata ikbar minn ta’ dik li tkun instemgħet quddiem il-Qorti Ġenerali (61).

52.      Fl-istess ordni ta’ ideat, peress li l-emenda tat-Trattat li tat lok għall-inklużjoni tal-Artikolu 136(3) TFUE daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2013, ma huwiex possibbli li l-appellant ħaseb f’din id‑dispożizzjoni bħala l-bażi legali tal-proposta ta’ IĊE tiegħu ppreżentata fit-13 ta’ Lulju 2012. Għalhekk l-argument ibbażat fuq din id-dispożizzjoni huwa wkoll inammissibbli.

53.      Dwar il-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-Qorti Ġenerali li l-proposta ta’ IĊE hija intiża sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn, nerġa’ ninnota mill-ġdid li t-termini użati fl‑appell sabiex jiddeskrivu l-proposta ta’ IĊE ma jeskludux tali unilateraliżmu (62). Jekk jiġi aċċettat li l-impreċiżjoni tal-proposta ta’ IĊE setgħet twassal lill-Qorti Ġenerali tifformula din l-ipoteżi, għandu jiġi kkonstatat li dan ma kienx miċħud mill-appellant fl-istadju tal-appell. Minkejja li l-proposta ta’ IĊE tista’ tagħti lok biss għal adozzjoni ta’ att mhux vinkolanti, il-Kummissjoni ma hijiex fondata tirrifjuta li tirreġistraha jew li, iktar tard, ma tagħtihiex segwitu għal din ir-raġuni (63).

54.      Anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-denominatur komuni l‑iktar baxx (64) tal-varjanti kollha tal-proposta ta’ IĊE li l-appellant ippreveda – jiġifieri l-istabbiliment ta’ prinċipju li jipprovdi li, meta l‑eżistenza ta’ Stat Membru tkun mhedda minħabba r-rimbors ta’ dejn odjuż, ir-rifjut tal-ħlas ta’ dan id-dejn huwa neċessarju u ġġustifikat –, ma hemmx dubju li din hija miżura mhux biss b’saħħitha ħafna mill‑perspettiva simbolika iżda wkoll – u jista’ jkun fuq kollox – ’il bogħod ħafna mill-kunsiderazzjonijiet dwar id-dixxiplina baġitarja. Għall-kuntrarju, din tirrigwarda pjuttost l-amministrazzjoni tal‑konsegwenzi tal‑indixxiplina baġitarja. Bħall-Qorti Ġenerali (65), jiena għadni ma nistax nara r-rabta li skont l-appellant tista’ tkun stabbilita bejn il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità kif għadni kemm fakkart u “il‑koordinazzjoni u s-sorveljanza” tad-dixxiplini baġitarji tal-Istati Membri. L-istabbiliment ta’ tali prinċipju lanqas ma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ linja gwida ta’ politika ekonomika. Linja gwida hija stedina, ftit jew wisq soda, li tiġi segwita direzzjoni. L-istabbiliment ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità jmur iktar lil hinn, mhux għaliex l-appellant ippreveda biss verżjoni “vinkolanti” tal-imsemmi prinċipju (66), iżda għaliex hija ferm iktar preċiża minn sempliċi linja gwida u tipprovdi għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu partikolari (67), u barra minn hekk huwa intiż sabiex id-dritt tal-Unjoni ma jagħtix dritt ta’ ħajja jew mewt dwar id-djun tal-Istati Membri.

55.      Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni tal-appellant li n-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn minn Stat Membru jikkontribwixxi għal funzjonament tajjeb tal‑Unjoni Ekonomika u Monetarja u huwa għalhekk konformi mal-għan li għandu jilħaq l-Artikolu 136 TFUE, jidhirli li huwa kemxejn mgħaġġel. Ma huwiex ċert li s-saħħa ekonomika ta’ Stati Membri oħra, u għalhekk tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ma tkunx affettwata jekk dawn tal-aħħar ikunu d-detenturi ta’ dan id-dejn mhux rimborsat.

56.      Huwa għalhekk ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod validu li l-proposta li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità kif prevista mill-appellant ma taqax manifestament fil‑provvedimenti tal-Artikolu 136(1) TFUE. Konsegwentement, dan it‑tielet aggravju għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

3.      Fuq l-ilment bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali

a)      Is-sentenza appellata

57.      Fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, anki jekk jiġi preżunt li l-prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jipprovdi li Stat Membru jista’ ma jħallasx lura d-dejn pubbliku f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jeżisti fid-dritt internazzjonali, fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex biżżejjed biex tibbaża IĊE bħal tal-appellant, peress li fit-Trattati ma ngħatat ebda kompetenza f’dan is-sens.

b)      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

58.      Minn naħa waħda, l-appellant jikkontesta l-konstatazzjoni li l‑adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità f’att legali tal-Unjoni huwa manifestament barra mill-kuntest tas-setgħat tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrispondietx għall‑argumenti tiegħu intiżi sabiex juru li dan il-prinċipju effettivament jeżisti fid-dritt internazzjonali. Madankollu, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali jikkostitwixxu sorsi tad-dritt tal-Unjoni direttament integrati u applikati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’, anki fis-silenzju tat-Trattati, tipproponi f’att tad-dritt tal-Unjoni l‑applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji superjuri (68).

59.      Il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex utli li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew le, ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità fid‑dritt internazzjonali għaliex ebda prinċipju ta’ dritt internazzjonali ma jista’, waħdu, iservi bħala bażi legali għal proposta tal-Kummissjoni. Huma biss it-Trattati li jistgħu jkunu l-bażi ta’ azzjoni leġiżlattiva tal‑Unjoni, skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi.

c)      Analiżi

60.      Qabelxejn, nirrileva ċerta kontradizzjoni fl-argumenti tal‑appellant li, fl-ewwel lok jinterpreta s-sentenza appellata fis-sens li din “tagħti x’jifhem indirettament iżda b’mod ċar li jeżisti prinċipju tad-dritt internazzjonali” (69) bħal dak tal-istat ta’ neċessità qabel ma jikkritika lill-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok, li ma eżaminatx il-fondatezza tal‑argumenti tiegħu dwar l-eżistenza tal-imsemmi prinċipju (70).

61.      Fi kwalunkwe każ, infakkar li, skont dak previst fl‑Artikolu 5 TUE, il-prinċipju tal-attribuzzjoni jirregola d-delimitazzjoni tal‑kompetenzi tal-Unjoni (71) u, konsegwentement, l-Unjoni taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri jagħtuha fit-trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu, b’tali mod li kull kompetenza mhux mogħtija lill-Unjoni fit-trattati tappartjeni lill-Istati Membri (72). Għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dan il-prinċipju jfisser li kull waħda minnhom taġixxi fil-limiti mogħtija lilha fit-trattati, b’konformità mal-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti minnhom (73).

62.      Għalhekk huma proprju t-trattati l-fondaturi li fuqhom l-Unjoni tistrieħ – u dawk biss – li għandhom natura li jkunu l-bażi tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tipproponi att. Mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi jirriżulta kif iddefinit iktar ʼil fuq li din l‑istituzzjoni ma tista’ tibbaża ebda kompetenza fuq l-eżistenza fid-dritt internazzjonali ta’ prinċipju eventwali tal-istat ta’ neċessità. Huwa minnu li, billi tuża, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, l-espressjoni “anki jekk jitqies li”, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni dwar il-fatt jekk jeżistix jew le, prinċipju tal-istat ta’ neċessità fid-dritt internazzjonali. Madankollu, għar-raġunijiet li għadni kemm semmejt, huwa inutli li hija tagħmel dan. Fil-fatt, anki kieku tali prinċipju jeżisti fid-dritt internazzjonali, l-argument tal-appellant kien ikun, fi kwalunkwe każ, manifestament ineffettiv minħabba l-fatt li kif diġà fakkart, l-ordinament legali tal-Unjoni huwa rregolat mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u li huma biss it-trattati fondaturi tal-Unjoni li jistgħu jkunu sors tal-imsemmija kompetenzi. Fi kliem ieħor, il-proposta ta’ IĊE għandha tkun taqa’ fil‑limiti tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mid-dritt primarju sabiex din tkun tista’ tagħtiha prosegwiment.

63.      Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Konsegwentement, it-tieni aggravju, u għalhekk, l-appell fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud. Jekk ikun il-każ, huwa l-appellant li għandu jippreżenta proposta ta’ IĊE ġdida, argumentata aħjar, iktar dettaljata u preċiża, li għalhekk tista’ ma tkunx miċħuda fl-istadju tar-reġistrazzjoni tagħha.

V –    Fuq l-ispejjeż

64.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellant ibati l-ispejjeż u dan, fil-fehma tiegħi, għandu jitlef, hemm lok li huwa jbati l-ispejjeż relatati mal-appell.

VI – Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        L-appell huwa miċħud, u

–        Alexios Anagnostakis huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      T-450/12, EU:T:2015:739.


3 –      ĠU 2011 L 65, p. 1.


4 –      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 211/2011.


5 –      Il-formola ta’ reġistrazzjoni hija disponibbli minn http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/registration/.


6 –      Din l-informazzjoni hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011.


7 –      Ara l-Artikoli 5 et seq tar-Regolament Nru 211/2011.


8 –      Ara l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 211/2011.


9 –      Artikolu 9 tar-Regolament Nru 211/2011.


10 –      Ara l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011.


11 –      Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 211/2011.


12 –      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrimarkat, li l-fatt li r-rekwiżit previst fl‑Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma jkunx issodisfatt jikkostitwixxi l-motiv ta’ rifjut l-iktar użat mill-Kummissjoni: ara r-Rapport tal‑Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport dwar l‑applikazzjoni tar-Regolament Nru 211/2011 [COM(2015) 145 finali].


13 –      Il-qari tal-proċess jagħti x’jifhem li l-appellant “spjega” l-idea tiegħu b’mod gradwali fil‑proċeduri mibdija quddiem il-qrati tal-Unjoni. Ir-rikors ippreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali huwa barra minn hekk fqir wisq fir-rigward ta’ informazzjoni konkreta li tippermetti li wieħed jifhem dak li huwa jrid jistabbilixxi permezz ta’ dan il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità.


14 –      Ara l-punt 3 tas-sentenza appellata.


15 –      Punt 27 tas-sentenza appellata, li tiċċita d-deċiżjoni kkontestata.


16 –      Punt 31 tas-sentenza kkontestata.


17 –      Li jipprovdi li “[f]ejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom”.


18 –      Ara fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill (C-459/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:646, punt 24).


19 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni (C-131/15 P, EU:C:2016:989, punt 47).


20 –      Ara fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2015, L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-508/13, EU:C:2015:403, punt 58), tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C-78/16 u C-79/16, EU:C:2016:428, punt 88), tat-8 ta’ Settembru 2016, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill (C‑459/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:646, punt 24) kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni (C-131/15 P, EU:C:2016:989, punt 47).


21 –      Ara l-punti 21 sa 34 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 21 sa 24 tal‑imsemmija sentenza.


22 –      Punt 25 tas-sentenza appellata.


23 –      Punt 25 tas-sentenza appellata.


24 –      Jiġifieri l-Artikoli 119 sa 144 TFUE.


25 –      Ara l-punt 28 tas-sentenza appellata.


26 –      Ara l-punt 31 tas-sentenza appellata.


27 –      Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 –      Ara l-punti 30 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 –      Ara l-punt 33 tas-sentenza appellata.


30 –      Dwar id-distinzjoni bejn l-istħarriġ tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-istħarriġ tal‑fondatezza tal-motivazzjoni, ara, għal ġurisprudenza reċenti, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal-14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni (C-519/15 P, EU:C:2016:682, punt 40) kif ukoll tat-30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange (C-486/15 P, EU:C:2016:912, punt 79).


31 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill (C-459/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:646, punti 30 sa 32).


32 –      Punt 4 tal-appell. Id-dejn odjuż huwa ddefinit fil-punt 7 tal-appell.


33 –      L-elementi fil-korsiv juru l-kontradizzjonijiet li jeżistu fl-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-appellant fir-rigward tal-proposta ta’ IĊE tiegħu.


34 –      Ara l-punti 10, 12 u 13 tal-appell.


35 –      Ara l-punt 9 tal-appell.


36 –      Ara l-punt 40 tal-appell.


37 –      Ara l-punt 40 tal-appell.


38 –      Ara l-punt 46 tal-appell.


39 –      Ara l-punt 46 tal-appell.


40 –      Ara l-punt 47 tal-appell.


41 –      Ara l-punt 47 tal-appell.


42 –      Ara l-punt 48 tal-appell.


43 –      Ara l-punt 51 tal-appell.


44 –      Ara l-punt 51 tal-appell.


45 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


46 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


47 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


48 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


49 –      ĠU 2010 L 118, p. 1.


50 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


51 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


52 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756, punt 116).


53 –      Ara l-punt 48 tas-sentenza appellata.


54 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756).


55 –      Ara l-punti 10, 12 u 13 tal-appell.


56 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


57 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


58 –      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 (C-370/12, EU:C:2012:756).


59 –      Introdott permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE, tal-25 ta’ Marzu 2011, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU 2011 L 91, p. 1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2013.


60 –      Punt 46 tal-appell.


61 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, Svezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62 –      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-punt 40 tal-appell.


63 –      Għall-finijiet ta’ kjarezza, irrid nippreċiża li, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha ssostni l-Kummissjoni, proposta ta’ IĊE ma għandhiex neċessarjament tagħti lok għall‑adozzjoni ta’ att tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata. Fil-fatt l-Artikolu 11(4) TUE jirreferi għal “att legali tal-Unjoni neċessarju għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati” (ara wkoll il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 211/2011). Madankollu, l-Artikolu 288 TFUE jelenka l-atti legali tal-Unjoni, li jinkludu r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet.


64 –      Jiġifieri kif jirriżulta mill-proposta ta’ IĊE.


65 –      Ara l-punt 57 tas-sentenza appellata.


66 –      Li barra minn hekk huwa kkontestat mill-appellant. Madankollu dan ma jistax jiġi eskluż totalment, fid-dawl tal-varjanti differenti tal-proposta ta’ IĊE proposta.


67 –      Minkejja li għadu mhux ċar.


68 –      Ara l-punt 20 tal-appell.


69 –      Punt 20 tal-appell.


70 –      Ara l-punt 54 tal-appell.


71 –      Artikolu 5(1) TUE. Ara, ukoll, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2010, Bejan (C‑102/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:654, punt 29), u d-digriet tal-14 ta’ Awwissu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, mhux ippubblikat, EU:C:2012:365, punt 74).


72 –      Artikolu 5(2) TUE.


73 –      Artikolu 13(2) TUE.