Language of document : ECLI:EU:F:2015:46

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Mejju 2015

Kawża F‑44/14

Jaana Pohjanmäki

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Rwoli rispettivi tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-KKP — Assenza ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni — Nuqqas ta’ konsultazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni mill-membri tal-KKP — Kompatibbiltà tal-funzjonijiet ta’ relatur fi ħdan il-KKP u ta’ ex evalwatur — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Anzjanità fil-grad — Livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati — Dmir ta’ premura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat‑Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu, J. Pohjanmäki bdiet din l-azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma tiġix promossa għall-grad AD 13 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2013, kif ukoll għall-kundanna tal-Kunsill sabiex jikkumpensha għad-danni morali allegatament subiti minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. J. Pohjanmäki għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti minn J. Pohjanmäki.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Fajl individwali inkomplet u irregolari — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Eżami minn qabel mill-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni — Modalitajiet — Eżami tar-rapporti ta’ evalwazzjoni minn membru wieħed ta’ kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Eżami minn qabel mill-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni — Modalitajiet — Eżami tar-rapporti ta’ evalwazzjoni minn membru ta’ kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni li kien l-evalwatur tal-uffiċjal ikkonċernat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kriterji — Merti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad — Natura sussidjarja — Teħid inkunsiderazzjoni tal-konsistenza tal-merti fuq perijodu twil — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

7.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5 u 45)

8.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25 u 45)

1.      Sabiex tiġi annullata deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni, ma huwiex biżżejjed li l-fajl ta’ kandidat ikun irregolari u inkomplet, iżda hemm bżonn li jiġi stabbilit li dan il-fatt setgħa jkollu effett deċiżiv fuq il-proċedura ta’ promozzjoni.

Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda irregolarità bbażata fuq nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ uffiċjal matul żewġ perijodi li flimkien ikopru seba’ xhur, ma huwiex stabbilit li din l-irregolarità seta’ kellha effett deċiżiv fuq il-proċedura ta’ promozzjoni. Fil-fatt, il-perijodu totali ta’ seba’ xhur li matulhom il-prestazzjoni tal-persuna kkonċernata ma ġietx evalwata fil-kuntest ta’ rapport ta’ evalwazzjoni huwa qasir wisq meta mqabbel ma’ dak ta’ tmien snin li hija għamlet fil-grad ikkonċernat u l-persuna kkonċernata la wriet u lanqas allegat li l-merti tagħha matul dawn is-seba’ xhur kienu ta’ tali importanza li r-riżultat tal-eżami komparattiv seta’ jkun differenti kieku dawn il-merti ttieħdu inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 41, 43 u 44)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Sabbag Afota vs Il-Kunsill, F‑9/11, EU:F:2011:196, punti 42 sa 44

2.      Meta s-sistema ta’ promozzjoni implementata minn istituzzjoni tippermetti li jinħatar evalwatur fi ħdan kull wieħed mill-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni, li r-rwol tiegħu huwa li jistudja l-fajls u r-rapporti ta’ evalwazzjoni u li jagħti rendikont ta’ dan lill-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, il-fatt li r-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjali li jistgħu jiġu promossi jiġu kkonsultati biss minn membru wieħed tal-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni ma jippermettix li jiġi konkluż li teżisti irregolarità fl-eżami komparattiv tal-merti kollu. Barra minn hekk, peress li r-regoli interni tal-istituzzjoni ma jipprevedux proċedura jew formalitajiet partikolari għall-ħatra tal-evalwatur fi ħdan kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, il-konsultazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni minn wieħed mill-membri tal-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi meqjus li dan il-membru aġixxa bħala evalwatur fi ħdan il-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni.

(ara l-punt 46)

3.      Meta s-sistema ta’ promozzjoni implementata minn istituzzjoni tippermetti li jinħatar evalwatur fi ħdan kull kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, li r-rwol tiegħu huwa li jistudja l-fajls u r-rapporti ta’ evalwazzjoni u li jagħti rendikont tagħhom lill-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, u tipprevedi li fil-każ fejn l-ewwel evalwatur ta’ wieħed mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi huwa membru ta’ kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, dan il-membru għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-dibattitu fuq l-uffiċjal ikkonċernat. Madankollu, ma hemmx raġuni għaliex il-portata ta’ din ir-regola tal-aħħar tiġi estiża sabiex tinkludi wkoll il-funzjoni ta’ relatur li l-membru inkwistjoni huwa mistieden iwettaq fi ħdan il-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, fil-fażi ta’ eżami tal-fajls u rapporti rilevanti.

(ara l-punt 49)

4.      In-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża tippermetti lill-amministrazzjoni, fl-istadju tal-ilment, teżamina mill-ġdid l-att ikkontestat fid-dawl tal-punti ġodda ta’ fatt u ta’ liġi u, jekk ikun neċessarju, li temenda jew tissupplimenta l-motivi li abbażi tagħhom hija kienet adottathu.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Mocová vs Il-Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 34, 35 u 45

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi AZ vs Il-Kummissjoni, F‑26/10, EU:F:2011:163, punt 38, u BD vs Il-Kummissjoni, F‑36/11, EU:F:2012:49, punt 47

5.      L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi li l-promozzjoni ssir esklużivament b’għażla fost l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi li l-iktar jistħoqqilhom. Konsegwentement, għall-finijiet tal-promozzjoni ta’ uffiċjal, l-anzjanità fil-grad u fis-servizz tista’ tapplika biss bħala kriterju sussidjarju, f’każ ta’ mertu ugwali bħall-uffiċjali l-oħra li jistgħu jiġu promossi.

Il-kriterju ta’ konsistenza tal-merti fuq perijodu twil ma jikkostitwixxix kriterju distint mit-tliet kriterji elenkati fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jaqa’ direttament taħt l-ewwel wieħed fosthom, ibbażat fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni li għalihom huma suġġetti l-uffiċjali, u jippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra ssib bilanċ tajjeb bejn l-għan li jiġi żgurat progress rapidu fil-karriera għall-uffiċjali ta’ livell għoli ħafna li għandhom livell ta’ prestazzjoni eċċezzjonalment għoli u dak li tiġi żgurata karriera normali għall-uffiċjali li matul is-snin dejjem kellhom livell ta’ prestazzjoni għoli.

(ara l-punti 57 u 58)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Stols vs Il-Kunsill, T‑95/12 P, EU:T:2014:3, punti 40 sa 45

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Barbin vs Il-Parlament, F‑68/09, EU:F:2011:11, punt 91, u Nieminen vs Il-Kunsill, F‑81/12, EU:F:2014:50, punti 43 u 44, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T‑464/14 P

6.      Għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għal promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, f’dan il-kuntest, ikun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-mezzi u l-motivi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din baqgħetx fil-limiti li ma jistgħux jiġu attakkati u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax għalhekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati ma’ dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

F’dan ir-rigward, żball jista’ jiġi kkwalifikat bħala manifest biss meta jkun faċilment perċepibbli u meta jista’ jiġi identifikat quddiem il-fatti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jkun tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni, il-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati quddiem l-amministrazzjoni ma jibqgħux iktar plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni mqiegħda inkwistjoni tista’ tiġi ammessa bħala vera u valida.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi AC vs Il-Kunsill, F‑9/10, EU:F:2011:160, punti 22 sa 24, u Nieminen vs Il-Kunsill, EU:F:2014:50, punt 59


7.      Skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-grad u tal-funzjoni stabbilit mill-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali u l-membru tal-persunal għandhom jokkupaw funzjonijiet ta’ responsabbiltà ekwivalenti. Konsegwentement, meta hija twettaq l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati minn uffiċjal li jista’ jiġi promoss meta dawn jeċċedu lil dawk li normalment jingħataw lil uffiċjal tal-grad tiegħu.

(ara l-punt 66)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Merhzaoui vs Il-Kunsill, F‑18/09, EU:F:2011:180, punt 59

8.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward tal-kandidati mhux promossi, hija, għall-kuntrarju, obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet li jiċħdu ilment ta’ kandidat mhux promoss kontra d-deċiżjoni li ma jkunx promoss, fejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tista’ tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment.

F’dan il-kuntest, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi sostanzjali tal-argumenti li l-istituzzjoni twieġeb għalihom. Peress li l-promozzjonijiet isiru, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’għażla fost l-uffiċjali kkonċernati, huwa suffiċjenti li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tkun relatata mal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet legali u statutorji tal-promozzjoni li saret għas-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal.

Barra minn hekk, sakemm l-ewwel motivazzjoni tkun ġiet ipprovduta mill-Awtorità tal-Ħatra, jistgħu jiġu prodotti iktar dettalji fil-mori tal-kawża.

(ara l-punti 79, 80 u 83)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet Van Neyghem vs Il-Kunsill, T‑113/13 P, EU:T:2013:568, punt 17

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi AC vs Il-Kunsill, EU:F:2011:160, punt 29; Sabbag Afota vs Il-Kunsill, EU:F:2011:196, punt 65, u Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑11/11, EU:F:2012:8, punt 22