Language of document : ECLI:EU:T:2024:71

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Għaxar Awla)

7 ta’ Frar 2024 (*)

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mill-Awstrija – Koeffiċjent tat-tnaqqis – Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 – Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑501/22,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn J. Schmoll u A. Kögl, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina u A. Becker, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, L. Madise (Relatur) u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/908 tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2022, L 157, p. 15, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq iddikjarat skont il-FAEG mir-Repubblika tal-Awstrija li jammonta għal EUR 68 146 449.98.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-iskema tal-pagament bażiku stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), ir-Repubblika tal-Awstrija ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 24(6) ta’ dan ir-regolament.

3        Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, għall-finijiet tal-istabbiliment tan-numru ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lil bidwi, li japplikaw koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ettari eliġibbli kkostitwiti minn bwar permanenti li jinsabu f’żoni kkaratterizzati minn kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent tat-tnaqqis”).

4        Ir-Repubblika tal-Awstrija ddeċidiet li tapplika l-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ħbula tal-art ikklassifikati bħala “mergħat” u “mergħat Alpini” skont id-dritt Awstrijak.

[omissis]

 Investigazzjoni AA/2016/007/AT

6        Il-Kummissjoni Ewropea wettqet investigazzjoni, bir-referenza AA/2016/007/AT, intiża sabiex tivverifika, għas-snin ta’ talba 2015 u 2016, jekk il-ġestjoni u l-kontroll tal-iskemi ta’ għajnuna skont is-superfiċji twettqux mill-awtoritajiet Awstrijaċi konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

7        Fi tmiem din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu applikaw l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 b’mod ineżatt, fir-rigward tal-“mergħat”.

[omissis]

9        Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/265, tat‑12 ta’ Frar 2019 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2019, L 44, p. 14). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, fir-rigward tar-Repubblika tal-Awstrija, eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq imwettaq taħt il-FAEG li jammonta għal EUR 8 031 282, għas-snin ta’ talba 2015 u 2016, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu marbut mal-applikazzjoni ineżatta tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 f’dak li jirrigwarda l-“mergħat”.

10      Sabiex tislet il-konsegwenzi ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja, li hija ma kkontestatx, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat il-miżura korrettiva segwenti.

11      Il-Bundesgesetz, mit dem das Marktordnungsgesetz 2007 – MOG 2007 geändert wird (il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal‑2007) (BGBl. I, 46/2018) emendat l-Artikolu 8bis tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq billi żiedet il-paragrafu 2bis li jipprevedi, għall-bdiewa li għandhom ħbula tal-art ikklassifikati bħala “mergħat”, minbarra d-drittijiet għall-pagament inizjalment allokati b’koeffiċjent tat-tnaqqis ta’ 80 %, l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament supplimentari b’koeffiċjent tat-tnaqqis ta’ 20 %. Fi kliem ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija tat lill-bdiewa kkonċernati 0.8 dritt għall-pagament supplimentari għal kull ettaru eliġibbli ta’ “mergħat”, b’effett mis-sena 2017.

12      Dawn id-drittijiet għall-pagament supplimentari għall-“mergħat” ġew allokati mir-riżerva nazzjonali li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1307/2013. Il-valur ta’ dawn id-drittijiet supplimentari ġie stabbilit għal 60 % tal-valur tal-unità nazzjonali.

[omissis]

 Investigazzjoni AA/2018/010/AT

14      Il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ġdida, bir-referenza AA/2018/010/AT, dwar is-snin ta’ talba 2015 et seq, li fil-kuntest tagħha hija wettqet verifika fuq il-post mis‑27 sal‑31 ta’ Awwissu 2018.

[omissis]

25      Il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Awstrijaċi r-rapport ta’ sinteżi tagħha tas‑26 ta’ April 2022.

26      F’dan id-dokument, il-Kummissjoni esponiet li r-Repubblika tal-Awstrija ma kinitx applikat b’mod korrett l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013. Skont il-Kummissjoni, l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-awtoritajiet Awstrijaċi wasslet għal differenzi fit-trattament bejn ħbula ta’ art li jinsabu fl-istess żona ġeografika. Għalhekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-koeffiċjent tat-tnaqqis kien ġie applikat biss għall-ħbula ta’ art li huma bwar permanenti rreġistrati bħala “mergħat Alpini”, u mhux għall-ħbula ta’ art l-oħra fil-qrib li madankollu huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet klimatiċi. Skont il-Kummissjoni, tali konstatazzjoni turi li l-klassifikazzjoni ta’ ħabel ta’ art bħala “mergħa Alpina” ma kinitx marbuta mal-eżistenza ta’ kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, fis-sens tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-awtoritajiet Awstrijaċi ma kinitx ibbażata fuq kriterji oġġettivi u li, konsegwentement, l-ugwaljanza fit-trattament tal-bdiewa waqt l-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament ma kinitx iggarantita.

27      Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżura korrettiva adottata wara l-investigazzjoni AA/2016/007/AT, il-Kummissjoni ddikjarat, fir-rapport ta’ sinteżi, li l-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jipprovdi li r-riżerva nazzjonali tista’ tintuża sabiex jiġu allokati drittijiet għall-pagament lill-bdiewa bl-għan li jiġu kkumpensati għal żvantaġġi speċifiċi, ma setax legalment jiġi applikat f’sitwazzjoni li tirriżulta, bħal f’dan il-każ, minn lakuna li taffettwa s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istat Membru kkonċernat. Skont il-Kummissjoni, dan ikun ifisser li l-Unjoni jkollha tiffinanzja l-konsegwenzi ta’ nuqqas imputabbli lill-Istat Membru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika tal-Awstrija ma setgħetx tipproċedi għat-tnaqqis tal-pagamenti diretti kollha previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1307/2013 sabiex tikkontribwixxi għar-riżerva nazzjonali. Il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis tal-pagamenti diretti kollha biex tiġi ffinanzjata l-miżura korrettiva kien wassal biex in-nuqqasijiet tal-awtoritajiet Awstrijaċi jiġġarbu mill-bdiewa kollha. Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-miżura korrettiva meħuda mill-awtoritajiet Awstrijaċi ma kinitx ippermettiet li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bdiewa, li kienet fil-qalba tal-politika agrikola komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija kellha, bħala miżura korrettiva, tikkalkola mill-ġdid il-valur tad-drittijiet għall-pagament kollha billi tapplika korrettament l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 1307/2013.

28      Fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li bihom huma kkritikati l-awtoritajiet Awstrijaċi, fir-rigward tal-“kontrolli amministrattivi tad-drittijiet għall-pagament meta ġiet introdotta l-iskema ta’ pagament bażiku”, il-Kummissjoni identifikat żewġ riskji finanzjarji għall-FAEG, wieħed relatat mal-applikazzjoni tal-koeffiċjent tat-tnaqqis, l-ieħor mal-miżura korrettiva adottata wara l-investigazzjoni AA/2016/007/AT.

29      Minn naħa, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni żbaljata tal-koeffiċjent tat-tnaqqis, li wasslet għall-allokazzjoni ta’ numru insuffiċjenti ta’ drittijiet għall-pagament, affettwa l-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament tal-bdiewa Awstrijaċi kollha mis-sena 2015. Skont il-Kummissjoni, ir-riskju għall-FAEG kien jikkorrispondi, għas-snin ta’ talba 2015 sa 2019, għall-pagamenti eċċessivi li tħallsu minħabba l-fatt li l-valur unitarju ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament kien ġie stabbilit f’livell għoli wisq.

30      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-għoti ta’ drittijiet supplimentari mill‑2017 lill-bdiewa li jaħdmu “mergħat”, li ma setax legalment jiġi ffinanzjat minn fondi mir-riżerva nazzjonali, kien ħoloq riskju finanzjarju awtonomu għall-FAEG għas-snin ta’ talba 2017 sa 2019.

[omissis]

35      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-FAEG u skont il-FAEŻR.

36      Il-Kummissjoni, fir-rigward tar-Repubblika tal-Awstrija, eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq iddikjarat taħt il-FAEG għal ammont totali ta’ EUR 68 270 562.18, li jinkludi, sa EUR 68 146 449.98, il-konsegwenzi finanzjarji taż-żewġ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, li huma l-uniċi inkwistjoni f’din il-kawża.

 Ittalbiet talpartijiet

37      Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq li hija ddikjarat taħt il-FAEG fl-ammont ta’ EUR 68 146 449.98;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 52(1) tarRegolament Nru 1306/2013 li jirriżulta minn korrezzjoni finanzjarja bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata talArtikolu 24(6) tarRegolament Nru 1307/2013

53      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-ewwel korrezzjoni finanzjarja, li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

54      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ħbula tal-art ikklassifikati bħala “mergħat Alpini” skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, li, fil-fehma tagħha, jissuġġettaw din il-klassifikazzjoni għall-eżistenza ta’ kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, hija applikat b’mod korrett l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013. Konsegwentement, billi imponiet korrezzjoni finanzjarja minħabba li din id-dispożizzjoni ma ġietx applikata b’mod korrett, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

[omissis]

56      Kif ġie rrilevat fil-punt 26 iktar ’il fuq, l-ewwel korrezzjoni finanzjarja hija, kif jirriżulta mir-rapport ta’ sinteżi, ibbażata fuq il-motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-applikazzjoni, mill-awtoritajiet Awstrijaċi, tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 wasslet għal differenzi fit-trattament mhux iġġustifikati sa fejn, fi ħdan l-istess żona, il-koeffiċjent tat-tnaqqis ma ġiex applikat għall-ħbula ta’ art kollha suġġetti għall-istess kundizzjonijiet klimatiċi. Din il-konklużjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq immaġni satellitari li minnha jirriżulta li ħbula ta’ art ikklassifikati bħala “mergħat Alpini”, li għalihom ġie applikat il-koeffiċjent tat-tnaqqis, jinsabu qrib ħafna ta’ ħbula ta’ art oħra li huma bwar permanenti li ma kinux is-suġġett ta’ tali klassifikazzjoni u li għalihom il-koeffiċjent tat-tnaqqis ma ġiex applikat. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-argument li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Awstrija sostniet li l-klassifikazzjoni tal-ħbula ta’ art bħala “mergħat Alpini” kienet ibbażata fuq kriterji oġġettivi previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Länder Awstrijaċi ma setax iwassal sabiex titqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma kinux applikaw korrettament l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

[omissis]

76      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ħbula ta’ art irreġistrati bħala “mergħat Alpini”, hija żgurat applikazzjoni koerenti u uniformi tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

[omissis]

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-eżattezza tal-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, li tgħid li l-ħbula ta’ art ikklassifikati bħala “mergħat Alpini” ġew ittrattati b’mod differenti mill-ħbula ta’ art li huma bwar permanenti fil-qrib li ma kinux is-suġġett ta’ tali klassifikazzjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma ssostni li din is-sitwazzjoni tirriżulta minn żball ta’ darba u li l-eżempju magħżul mill-Kummissjoni mill-immaġni satellitari msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq ma jirrappreżentax is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fl-Awstrija.

80      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li d-differenza fit-trattament irrilevata mill-Kummissjoni hija ġġustifikata minn differenzi oġġettivi ta’ sitwazzjoni eżistenti bejn il-ħbula ta’ art ikkonċernati mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet klimatiċi li għalihom huma suġġetti.

81      Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tesponi li ħbula ta’ art fil-qrib jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet mikroklimatiċi differenti. Filwaqt li l-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari fil-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 2018, li l-ħbula ta’ art ikklassifikati bħala “mergħat Alpini” kienu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet klimatiċi bħal artijiet fil-qrib li jinsabu fl-istess altitudni, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-altitudni ma hijiex kriterju suffiċjenti sabiex jiġu evalwati l-kundizzjonijiet klimatiċi reali li għalihom huma suġġetti l-ħbula ta’ art. Bħala eżempju, hija ssostni li l-ħbula ta’ art orjentati lejn in-Nofsinhar jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xemx u konsegwentement huma iktar sħan u iktar niexfa minn ħbula ta’ art orjentati lejn it-Tramuntana, li għandhom perijodi itwal ta’ borra. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, meta jirreġistraw il-ħbula ta’ art fir-reġistru tal-artijiet tal-Alpi, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kundizzjonijiet mikroklimatiċi li għalihom huma suġġetti l-ħbula ta’ art ikkonċernati u jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-orjentazzjoni tal-inklinazzjoni, l-istruttura tal-art, l-umdità jew anki t-tul tal-perijodu ta’ borra.

82      Madankollu, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni.

83      Ċertament, għalkemm mill-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jirriżulta li l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli għandha, kif tirrileva l-Kummissjoni, tiġi evalwata ġewwa żona partikolari, u mhux fil-livell ta’ ħabel ta’ art individwali, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-portata taż-żoni li fir-rigward tagħhom għandu jiġi evalwat jekk il-kriterju tal-kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli huwiex sodisfatt. Konsegwentement, b’mod partikolari f’żoni muntanjużi, bħala prinċipju ma jistax jiġi eskluż li ħbula ta’ art viċin xulxin jistgħu jitqiesu bħala li jappartjenu għal żoni distinti, ikkaratterizzati minn kundizzjonijiet klimatiċi differenti, marbuta, pereżempju, mal-inklinazzjoni jew mal-orjentazzjoni tal-ħbula ta’ art. Għaldaqstant, il-fatt li l-koeffiċjent tat-tnaqqis ġie applikat għall-“mergħat Alpini” u mhux għall-ħbula ta’ art fil-qrib ma jfissirx neċessarjament applikazzjoni ineżatta tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

84      Madankollu, lil hinn mid-dikjarazzjoni li tgħid li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ ħabel ta’ art fir-reġistru tal-artijiet tal-Alpi, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tipproduċix provi li jippermettu li jiġi stabbilit li tali approċċ ġie applikat b’mod konkret u sistematiku waqt ir-reġistrazzjoni tal-ħbula ta’ art fir-reġistru tal-artijiet tal-Alpi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tesponix, billi tirreferi, pereżempju, għall-immaġni satellitari użata mill-Kummissjoni, liema huma l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi partikolari li ġġustifikaw ir-reġistrazzjoni ta’ ċerti ħbula ta’ art fir-reġistru tal-artijiet tal-Alpi, għall-kuntrarju ta’ ħbula ta’ art li jikkostitwixxi mergħat permanenti fil-qrib.

[omissis]

87      Konsegwentement, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-approċċ tal-awtoritajiet Awstrijaċi, li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ħbula ta’ art ikklassifikati bħala “mergħat Alpini” biss, ma jippermettix li jiġi ggarantit li dan il-koeffiċjent ġie applikat għall-ħbula ta’ art kollha li jinsabu f’żoni kkaratterizzati minn kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, u lanqas li jiġi żgurat li dan il-koeffiċjent ġie applikat biss għal ħbula ta’ art li effettivament jissodisfaw dan il-kriterju.

88      Għalhekk, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li tiġi invalidata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-koeffiċjent tat-tnaqqis ma ġiex applikat skont l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni saret mill-Kummissjoni abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 52(1) tarRegolament Nru 1306/2013 li jirriżulta minn korrezzjoni finanzjarja bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata talArtikolu 30(7)(b) u talArtikolu 7 tarRegolament Nru 1307/2013

90      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta t-tieni korrezzjoni finanzjarja, relatata mal-miżura korrettiva adottata wara l-investigazzjoni AA/2016/007/AT.

[omissis]

 Fuq lewwel parti, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata talArtikolu 30(7)(b) tarRegolament Nru 1307/2013

94      Mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tar-rapport ta’ sinteżi, imfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tieni korrezzjoni finanzjarja hija bbażata fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Repubblika tal-Awstrija ma setgħetx, abbażi tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, tiffinanzja, mir-riżerva nazzjonali, il-miżura korrettiva li tikkonsisti fl-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament supplimentari lill-bdiewa li jaħdmu “mergħat”. Il-Kummissjoni qieset li r-riżerva nazzjonali ma setgħetx, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tintuża sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni li tirriżulta minn żball imwettaq mill-awtoritajiet Awstrijaċi fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

95      Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ewwel motiv.

96      Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1307/2013:

“1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi riżerva nazzjonali. Sabiex jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jipproċedu fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, għal tnaqqis lineari tal-perċentwal tal-limitu massimu tal-iskema ta’ pagamenti f’livell nazzjonali.

[…]

4. L-Istati Membri għandhom jallokaw drittijiet għall-pagament mir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom skont kriterji oġġettivi u b’mod li jkun żgurat it-trattament indaqs tal-bdiewa u biex ikunu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.

[…]

6. L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom biex jallokaw drittijiet għall-pagament, bħala kwistjoni ta’ prijorità, lil bdiewa żgħażagħ u lil bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom.

7. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom biex:

a)      jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa sabiex l-art ma titħalliex tiġi abbandunata, inkluż f’żoni soġġetti għal programmi ta’ ristrutturar u/jew ta’ żvilupp relatati ma’ għamla ta’ intervent pubbliku;

b)      jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa sabiex jikkumpensawhom għal żvantaġġi speċifiċi;

c)      jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa li ma setgħux jiġu allokati lilhom drittijiet għall-pagament taħt dan il-Kapitolu b’riżultat ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali;

d)      jallokaw, f’każijiet fejn huma japplikaw l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament, drittijiet għall-pagament lill-bdiewa li n-numru ta’ ettari eliġibbli tagħhom li ddikkjarw fl‑2015 skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament […] Nru 1306/2013 u li huma disponibbli għalihom f’data stabbilita mill-Istat Membru li m’għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita f’dak l-Istat Membru biex issir emenda għall-imsemmija applikazzjoni għall-għajnuna tkun ogħla min-numru ta’ drittijiet għall-pagament bi sjieda jew b’kirja skont ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u r-Regolament (KE) Nru 73/2009 li huma jkollhom fid-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet li għandha tiġi stabbilita skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolament […] Nru 1306/2013;

e)      iżidu b’mod lineari fuq bażi permanenti, l-valur tad-drittijiet għall-pagament kollha skont l-iskema ta’ pagament bażiku f’livell nazzjonali jew reġjonali jekk ir-riżerva nazzjonali jew reġjonali rilevanti taqbeż 0,5 % tal-limitu massimu annwali nazzjonali jew reġjonali għall-iskema ta’ pagament bażiku, bil-kondizzjoni li jibqgħu disponibbli ammonti biżżejjed għal allokazzjonijiet kollha taħt il-paragrafu 6, taħt il-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu u taħt il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

f)      ikopru l-ħtiġijiet annwali għall-pagamenti li għandhom jingħataw skont l-Artikolu 51(2) u l-Artikolu 65(1), (2) u (3) ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet bejn l-użu differenti msemmi hawnhekk.

[…]”

97      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-allokazzjoni inizjali ta’ drittijiet għall-pagament insuffiċjenti lill-bdiewa li jaħdmu “mergħat”, minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-koeffiċjent tat-tnaqqis, kienet tikkostitwixxi żvantaġġ speċifiku għal dawn il-bdiewa fis-sens tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013. Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ żvantaġġ speċifiku ma jistax, għall-kuntrarju, japplika f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-iżvantaġġ imġarrab minn ċerti bdiewa jirriżulta minn ksur, mill-Istat Membru kkonċernat, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

98      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mir-regoli li minnhom hija tkun tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner, C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 30(7) tar-Regolament Nru 1307/2013 jagħti lista eżawrjenti tal-każijiet ta’ użu tar-riżerva nazzjonali li din id-dispożizzjoni tippermetti. Għalhekk, sabiex jitqies li huwa awtorizzat mill-Artikolu 30(7) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-użu tar-riżerva għandu neċessarjament jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) ta’ din id-dispożizzjoni, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, b’mod partikolari mir-Repubblika tal-Awstrija li tqis li hija użat ir-riżerva nazzjonali konformement mal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “żvantaġġi speċifiċi” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 1307/2013. Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kelma “żvantaġġ” tirreferi għal dannu jew għal kundizzjoni ta’ inferjorità mġarrba minn persuna. L-użu tal-verb “jikkumpensa” fid-dispożizzjoni inkwistjoni jikkonferma li l-iżvantaġġi inkwistjoni huma simili għal dannu mġarrab mill-bidwi.

101    Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-aġġettiv “speċifiku” jintuża mid-dispożizzjoni inkwistjoni sabiex jikkaratterizza l-iżvantaġġ subit mill-bidwi. Din il-kelma, li, fis-sens letterali, tirreferi għal dak li huwa speċifiku għal speċi jew komuni għall-individwi kollha tal-istess speċi, jimmilita favur interpretazzjoni li abbażi tagħha l-iżvantaġġi inkwistjoni jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ bdiewa li huma distinti minn oħrajn minħabba partikolaritajiet li huma inerenti għas-sitwazzjoni tagħhom.

102    Għall-kuntrarju, il-fatt li bdiewa jbatu l-konsegwenzi ta’ żball imwettaq minn Stat Membru fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex jitqies li dawn il-bdiewa jaqgħu taħt kategorija partikolari u li l-iżvantaġġ li huma jsofru minħabba dan l-iżball għandu, għal din ir-raġuni, jitqies li huwa speċifiku għalihom. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, skont id-dispożizzjoni inkwistjoni u n-natura tal-irregolarità mwettqa mill-Istat Membru, l-iżball inkwistjoni jista’ jaffettwa numru ftit jew wisq kbir ta’ bdiewa, jew saħansitra, f’ċerti każijiet, il-bdiewa kollha tal-Istat Membru kkonċernat.

103    Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 timmilita favur interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li abbażi tagħha l-kunċett ta’ “żvantaġġi speċifiċi” ma jinkludix żvantaġġi li jirriżultaw minn żball imwettaq minn Stat Membru fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

104    Madankollu, l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni definittiva, b’tali mod li għandhom jiġu analizzati l-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li fiha taqa’ din id-dispożizzjoni.

105    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih taqa’ id-dispożizzjoni inkwistjoni, hemm lok, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li jiġi eżaminat ir-rapport li hemm fil-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1307/2013. L-użu, fil-paragrafu 6, tal-kliem “ta’ prijorità” għandu jinftiehem fis-sens li huwa biss jekk jibqa’ biżżejjed fondi fir-riżerva nazzjonali wara l-allokazzjoni prijoritarja prevista f’dan il-paragrafu li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jallokaw fondi mir-riżerva għall-finijiet sussidjarji msemmija fil-paragrafu 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Staatliches Amt für Landwirtschaft und Umwelt Mittleres Mecklenburg, C‑365/19, EU:C:2021:189, punt 29). Minn din ir-relazzjoni ta’ prijorità li teżisti bejn il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1307/2013 jirriżulta li l-każijiet ta’ użu tar-riżerva prevista fil-paragrafu 7, li huma ta’ natura sussidjarja meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-paragrafu 6, ma għandhomx jinftiehmu b’mod estensiv.

106    Bl-istess mod, skont il-kuntest li fih taqa’ d-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), jinkludi preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “żvantaġġ speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

107    Fil-fatt, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jipprevedi li, meta bidwi jibbenefika minn numru ta’ drittijiet għall-pagament inqas minn ċertu perċentwali tal-ettari eliġibbli tiegħu, minħabba l-applikazzjoni ta’ limitazzjoni waħda jew iktar tal-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament previsti mill-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament Nru 1307/2013, huwa jista’ jitqies li jinsab f’sitwazzjoni ta’ “żvantaġġ speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

108    Għalhekk, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 isostni l-interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “żvantaġġi speċifiċi” jirreferi b’mod iktar partikolari għal żvantaġġi inerenti għas-sitwazzjoni partikolari li jinsabu fiha ċerti bdiewa, li tista’, b’mod partikolari, tirriżulta mill-applikazzjoni — legali — ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013.

109    Din is-sitwazzjoni tidher differenti minn dik f’dan il-każ, li fiha Stat Membru, waqt l-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, applika b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, u ddeċieda, sabiex jikkoreġi din is-sitwazzjoni, li jalloka lil ċerti bdiewa drittijiet għall-pagament li minnhom huma kellhom jibbenefikaw mill-bidu li kieku d-dispożizzjonijiet rilevanti kienu ġew applikati b’mod korrett.

110    Għall-kuntrarju, għalkemm il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, li l-każijiet l-oħra ta’ użu tar-riżerva previsti fl-Artikolu 30(7) tar-Regolament Nru 1307/2013 huma intiżi sabiex jikkumpensaw lill-bdiewa għal żvantaġġi inerenti għas-sitwazzjoni tagħhom, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 30(7)(e) u (f) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-paragun bejn l-Artikolu 30(7)(b) tal-imsemmi regolament u l-każijiet l-oħra ta’ użu tar-riżerva previsti mill-imsemmi paragrafu ma jippermettix li tiġi sostnuta interpretazzjoni waħda jew oħra sostnuta mill-partijiet.

111    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti d-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tar-riżervi nazzjonali jew reġjonali huwa indikat fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1307/2013, li tipprovdi li “[t]ali riżervi nazzjonali jew reġjonali għandhom jintużaw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ u bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom fl-iskema u għandhom jitħallew jintużaw biex jitqiesu ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi oħra”. Għalhekk, l-implimentazzjoni tar-riżerva hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jagħtu appoġġ lill-bdiewa li jinsabu f’sitwazzjonijiet partikolari, bi prijorità lill-bdiewa żgħażagħ u lil dawk li jibdew jeżerċitaw attività agrikola.

112    F’dan il-każ, l-iżvantaġġ imġarrab mill-bdiewa li jaħdmu “mergħat”, li għalihom ġie applikat b’mod inġust il-koeffiċjent tat-tnaqqis, ma kienx inerenti għas-sitwazzjoni tagħhom jew marbut ma’ kwalità li hija partikolari għalihom, iżda kien jirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet Awstrijaċi, billi applikaw b’mod ineżatt l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, ċaħduhom minn drittijiet għall-pagament li kellhom jiġu allokati lilhom mill-bidu.

113    Il-fatt, invokat mir-Repubblika tal-Awstrija, li l-applikazzjoni ineżatta tad-dritt tal-Unjoni affettwat biss lill-possessuri ta’ “mergħat”, fatt li barra minn hekk huwa kontestabbli peress li, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, l-irregolarità inkwistjoni kellha konsegwenzi fuq il-valur tad-drittijiet għall-pagament tal-bdiewa Awstrijaċi kollha, ma jistax, għaldaqstant, iwassal sabiex jitqies li l- possessuri ta’ “mergħat” kienu jinsabu f’sitwazzjoni li tikkostitwixxi żvantaġġ speċifiku li jippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tagħtihom drittijiet għall-pagament supplimentari mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

114    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament supplimentari lill-bdiewa li jaħdmu “mergħat” sabiex tiġi rrimedjata l-applikazzjoni ineżatta tal-koeffiċjent tat-tnaqqis ma setgħetx tiġi ffinanzjata mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

[omissis]

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija ma għandhiex raġun tikkontesta l-validità tal-ewwel motiv li fuqu hija bbażata t-tieni korrezzjoni finanzjarja u li l-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha għandha konsegwentement tiġi miċħuda.

[omissis]

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 52(4)(a) tarRegolament Nru 1306/2013

135    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013, sa fejn l-infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni permezz tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi ħlasijiet magħmula qabel is‑27 ta’ Novembru 2016.

136    Dan il-motiv jirrigwarda l-ewwel korrezzjoni finanzjarja, li tkopri s-snin ta’ talba 2015 sa 2019, jiġifieri s-snin finanzjarji 2016 sa 2020.

137    Skont l-Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1306/2013:

“Il-finanzjament ma jistax jiġi rrifjutat għal:

a)      infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) li jsir aktar minn 24 xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub bis-sejbiet tal-ispezzjoni tagħha;

[…]”

138    Il-komunikazzjoni tar-riżultat tal-verifiki tal-Kummissjoni tikkorrispondi għall-komunikazzjoni, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tagħha, filwaqt li tispeċifika l-miżuri korrettivi meħtieġa sabiex tiġi żgurata fil-futur l-osservanza tal-leġiżlazzjoni u billi tindika l-livell provviżorju ta’ korrezzjoni finanzjarja li hija tqis xieraq meta mqabbla mal-konklużjonijiet tagħha f’dan l-istadju tal-proċedura.

139    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjoni tagħha ta’ twissija hekk deskritta, huwa importanti li din il-komunikazzjoni tagħti lill-Istat Membru kkonċernat għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni. Konsegwentement, din il-komunikazzjoni għandha tindika, b’mod preċiż biżżejjed, is-suġġett tal-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni u n-nuqqasijiet ikkonstatati minnha matul l-investigazzjoni, meta dawn ikunu jistgħu jiġu invokati ulterjorment bħala prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward tal-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew ċifri trażmessi minn dawn tal-aħħar u, għalhekk, jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji adottati fid-deċiżjoni finali li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-FAEG (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, T‑2/11, EU:T:2013:307, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Settembru 2018, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/16, EU:T:2018:597, punti 39 u 40).

140    Għalhekk, il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, meta tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 139 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi l-element ta’ referenza għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 31).

141    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-limitazzjoni tal-perijodu li matulu l-Kummissjoni tista’ teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni għandha l-għan li tipproteġi lill-Istati Membri kontra l-assenza ta’ ċertezza legali li tkun teżisti jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkontesta nfiq imwettaq diversi snin qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-konformità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑130/99, EU:C:2002:192, punt 133).

142    F’dan il-każ, għalkemm l-investigazzjoni AA/2016/007/AT kienet, b’mod partikolari, tirrigwarda l-osservanza tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-Kummissjoni, matul din l-investigazzjoni, kif tirrileva r-Repubblika tal-Awstrija, kienet preċiżament identifikat l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu marbut mal-applikazzjoni żbaljata tal-koeffiċjent tat-tnaqqis biss fir-rigward tal-“mergħat”. Għalkemm is-sitwazzjoni tal-“mergħat Alpini” kienet issemmiet ukoll matul din l-istess investigazzjoni, ma kien ġie identifikat l-ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan ir-rigward fi tmiem din l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-investigazzjoni AA/2018/010/AT, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-komunikazzjoni tagħha tas‑27 ta’ Novembru 2018, li hija kienet qieset, sa dak iż-żmien, abbażi tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi fil-kuntest tal-investigazzjoni AA/2016/007/AT, li l-kriterju tal-kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, previst fl-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, kien ġie applikat b’mod korrett f’dak li jirrigwarda l-“mergħat Alpini”.

143    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija l-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 2018, indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tal-investigazzjoni AA/2018/010/AT, li, għall-ewwel darba, kienet tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż in-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ineżatta tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-“mergħat Alpini”.

144    Barra minn hekk, għalkemm is-sitwazzjoni partikolari tal-“mergħat Alpini” ġiet invokata matul l-ewwel investigazzjoni, mingħajr madankollu ma l-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li kien hemm nuqqas fuq dan il-punt, dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, ikollu effett fuq l-applikazzjoni tal-limitazzjoni ratione temporis tal-korrezzjonijiet finanzjarji prevista fl-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013.

145    Minn dan jirriżulta li, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, inkluż fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu marbut mal-applikazzjoni ineżatta tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-“mergħat Alpini ”, li ta lok għall-ewwel korrezzjoni finanzjarja, il-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 2018 ikkostitwixxiet il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ 24 xahar imsemmi fl-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq magħmul qabel is‑27 ta’ Novembru 2016.

146    Issa, mill-atti tal-proċess u b’mod partikolari mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tal-ewwel korrezzjoni finanzjarja, identifikata fit-tabella annessa għal din id-deċiżjoni permezz tat-titolu “allokazzjoni tad-drittijiet ta’ konverġenza”, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq imwettaq għas-snin finanzjarji 2016 u 2017, li kien jibda, rispettivament, fis‑16 ta’ Ottubru 2015 u fis‑16 ta’ Ottubru 2016. Għalhekk, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq magħmul qabel is‑27 ta’ Novembru 2016. B’dan il-mod, hija kisret l-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013.

[omissis]

152    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, fir-rigward tal-ewwel korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni, hija eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq imwettaq qabel is‑27 ta’ Novembru 2016.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/908 tat8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għandha tiġi annullata sa fejn, f’dak li jirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja identifikata fit-tabella annessa għal din id-deċiżjoni bit-titolu “allokazzjoni tad-drittijet ta’ konverġenza”, li tirrigwarda s-snin finanzjarji 2016 sal2020, din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-infiq imwettaq mir-Repubblika tal-Awstrija taħt il-FAEG qabel is27 ta’ Novembru 2016.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Porchia

Madise

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.