Language of document : ECLI:EU:T:2012:114





Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Marzu 2012 — Octapharma Pharmazeutika vs EMA

(Kawża T-573/10)

“Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem — Emendi fil-fajl permanenti tal-plażma (DPP) — Tariffi dovuti lill-EMA — Att li jikkawża preġudizzju — Att purament konfermattiv — Inammissibbiltà manifesta”

1.                     Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Validazzjoni amministrattiva li tikkonċerna t-tariffi dovuti lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini — Esklużjoni (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 297/95, Artikolu 10(1)) (ara l-punti 32-35)

2.                     Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Fattura tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini li tistabbilixxi l-ammont eżatt ta’ tariffi dovuti għall-ipproċessar ta’ talbiet għal emendi tat-termini ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq u li tistabbilixxi d-data ta’ skadenza — Posta elettronika tal-aġenzija li tiċħad talba għal tnaqqis tat-tariffi — Inklużjoni (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2343/2002, Artikoli 53(2) u (3), u 57(1)) (ara l-punti 37-45, 51)

3.                     Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett — Assenza ta’ rikors minħabba ittra tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini li tinforma lill-persuna kkonċernata bil-modalitajiet relatati mal-preżentazzjoni ta’ talba għal tnaqqis ta’ tariffa dovuta lilha — Esklużjoni (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 47-49)

4.                     Rikors għal annullament — Rikors kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini — Inammissibbiltà — Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva — Deċiżjoni li tfakkar il-bażi legali ta’ deċiżjoni preċedenti u li tindirizza argument ġdid ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni preċedenti — Inklużjoni (Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 54-60)

Suġġett

Talba għall-annullament tal-ittra tal-21 ta’ Ottubru 2010 (EMA/643425/2010) li permezz tagħha l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) irrifjutat li tirrimborsa lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 180 700 ekwiparabbli għad-differenza, minn naħa, bejn dak li din tal-aħħar ħallset bħala tariffi għall-eżami tal-emendi tat-termini ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u għal prodotti mediċinali veterinarji u, minn naħa oħra, dak li fl-opinjoni tagħha, hija kellha tħallas.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Octapharma Pharmazeutika Produktionsgesellschaft mbH hija kkundannata għall-ispejjeż.