Language of document : ECLI:EU:T:2012:250

Kawża T-570/10

Environmental Manufacturing LLP

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti taʼ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta ras taʼ lupu — Trade marks nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti WOLF Jardin u Outils WOLF — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Preġudizzju għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet taʼ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu parzjali — Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju taʼ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxiebhux — Kundizzjonijiet — Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Pubbliku rilevanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju taʼ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxiebhux — Kundizzjonijiet — Rabta bejn it-trade marks — Kriterji taʼ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju taʼ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxiebhux — Protezzjoni mogħtija wkoll fil-każ ta’ użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi li huma identiċi jew li jixxiebhu — Dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

1.      Għalkemm il-kunċett ta’ użu parzjali għandu bħala għan li ma jeskludix dawk it-trade marks li ma ġewx użati għal kategorija speċifika ta’ prodotti, madankollu dan ma għandux ikollu l-effett li jċaħħad il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti minn kull protezzjoni għal prodotti li, mingħajr ma jkunu eżattament identiċi għal dawk li għalihom huwa seta’ jagħti prova ta’ użu ġenwin, ma humiex essenzjalment differenti minn dawk li jirriżultaw mill-istess grupp li jista’ jiġi maqsum biss b’mod arbitrarju. F’dan ir-rigward, huwa fil-prattika impossibbli li l-proprjetarju ta’ trade mark jipproduċi l-prova tal-użu tagħha għall-varjanti kollha possibbli tal-prodotti kkonċernati mir-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “parti mill-prodotti jew servizzi” ma jistax jiġi estiż għal kull użu kummerċjali ta’ prodotti jew servizzi analogi, iżda biss għal prodotti u servizzi suffiċjentement differenti sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu kategoriji jew sottokategoriji koerenti.

(ara l-punt 21)

2.      Il-pubbliku li għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, ivarja skont t-tip ta’ preġudizzju allegat mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, minn naħa, kemm il-karattru distintiv kif ukoll ir-reputazzjoni ta’ trade mark għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. B’hekk, l-eżistenza ta’ preġudizzju kkostitwit mill-ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-preġudizzju kkostitwit mill-vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sa fejn dak li huwa pprojbit huwa l-vantaġġ miksub minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, l-eżistenza tal-imsemmi preġudizzju għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti.

(ara l-punt 32)

3.      Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni li jwassal, fil-moħħ tal-pubbliku kkonċernat, għal probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks. Huwa suffiċjenti li l-livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks ikollu l-effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom. L-eżistenza taʼ rabta bħal din għandha tiġi evalwata bʼmod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, bħal-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-livell ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi, kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu tat-trade mark preċedenti, u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku.

(ara l-punti 36, 37, 41)

4.      L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi invokat insostenn ta’ oppożizzjoni magħmula kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri prodotti u servizzi mhux identiċi u mhux simili għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti bit-trade mark preċedenti.

Il-fatt li l-kompetituri jużaw sinjali li għandhom ċertu xebh għal prodotti identiċi jew simili jikkomprometti l-assoċjazzjoni immedjata li l-pubbliku rilevanti jagħmel bejn is-sinjali u l-prodotti inkwistjoni, li huwa ta’ natura li jippreġudika l-kapaċità tat-trade mark preċedenti sabiex tidentifika l-prodotti li għalihom hija rreġistrata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark.

(ara l-punti 61, 62)