Language of document : ECLI:EU:C:2019:760

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fit‑18 ta’ Settembru 2019 (1)

Kawża C678/18

ProcureurGeneraal bij de Hoge Raad der Nederlanden

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

“Domanda preliminari — Ammissibbiltà — Artikolu 267 TFUE — Kunċett ta’ kawża — Appell ta’ kassazzjoni fl-interess tal-liġi — Immutabbiltà tas-sitwazzjoni deċiża mis-sentenza kkontestata — Disinni — Miżuri provviżorji u kawtelatorji — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-ewwel istanza nazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri kawtelatorji — Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tad-disinni Komunitarji”






1.        Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 (2) ipprovda li l-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom qorti jew diversi “qrati tad-disinji Komunitarji” b’ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiġu rrevokati ċerti azzjonijiet relatati mal-ksur u l-invalidità tad-disinni Komunitarji (Artikolu 81).

2.        Il-Pajjiżi l-Baxxi, meta implimentaw dan il-mandat, assenjaw din il-ġurisdizzjoni esklużiva lir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn wieħed mill-imħallfin tagħha ġie assenjat ukoll il-ġurisdizzjoni li jistabbilixxi l-miżuri kawtelatorji u provviżorji.

3.        Madankollu, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) għandha dubju dwar jekk din l-aħħar dispożizzjoni (jiġifieri li l-imħallef tal-qorti speċjalizzata tad-disinni Komunitarji stabbilita f’Den Haag huwa l-uniku wieħed li għandu ġurisdizzjoni sabiex jadotta miżuri provviżorji u kawtelatorji fil-kawżi tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002) hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-regolament.

4.        Dan id-dubju tal-qorti tar-rinviju tqajjem fid-dawl tal-polemika li bdiet fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn diversi qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, li ma humiex ikklassifikati bħala qrati tad-disinni Komunitarji, iddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet ta’ miżuri kawtelatorji u provviżorji fil-proċeduri tal-azzjonijiet ta’ ksur jew ta’ invalidità ta’ dawn id-disinni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Nru 6/2002

5.        It-Titolu IX huwa dwar il-“Ġurisdizzjoni u l-proċedura legali fil-kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji Komunitarji”.

6.        It-tieni taqsima ta’ dan it-titolu, li tinkludi l-Artikoli 80 sa 92, tittratta “[il-]kontroversji li jinteressaw il-ksur tal-liġi u l-validità tad-disinji Komunitarji”.

7.        Skont l-Artikolu 80 (“Qrati tad-disinji Komunitarji”):

“1.      L-Istati Membi għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom numru limitat kemm jista’ jkun ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u t-tieni istanza (qrati tad-disinji Komunitarji) li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b’dan ir-Regolament.

[…]”

8.        L-Artikolu 81 (“Ġurisdizzjoni dwar il-ksur tal-liġi u l-validità”) jipprovdi li:

“Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva rigward:

(a)      il-kawżi ta’ kontravenzjoni u — jekk permessi bil-liġijiet nazzjonali — rigward kontravenzjoni mhedda tad-disinji Komunitarji;

(b)      il-kawżi dwar id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni tad-disinji Komunitarji, jew permessi bil-liġijiet nazzjonali;

(ċ)      il-kawżi dwar dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat;

(d)      il-kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju mqajma f’konnessjoni mal-kawżi taħt (a)”.

9.        L-Artikolu 90 (“Miżuri proviżorji, inklużi l-miżuri protettivi [kawtelatorji]”) jistabbilixxi li:

“1.      Tista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru, inklużi l-qrati tad-disinji Komunitarji, għal dawk il-miżuri proviżorji, inklużi l-miżuri protettivi, dwar kif jista’ jkun disponibbli disinn Komunitarju skond il-liġijiet ta’ dan l-Istat rigward id-drittijiet ta’ disinn nazzjonali saħansitra jekk, taħt dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji ta’ Stat Membru ieħor ikollu l-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja.

2.      Fil-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu mal-miżuri proviżorji, inklużi l-prottettivi, għandhom ikunu ammissibbli xorta oħra għajr permezz ta’ kontrotalba li jkollha x’taqsam ma’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju sottomess mill-konvenut. Madankollu, għandu japplika l-Artikolu 85(2) mutatis mutandis.

3.      Qorti tad-disinji Komuntarji li l-ġurisdizzjoni tagħha tkun imsejsa fuq l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tikkonċedi miżuri proviżorji, inklużi miżuri protettivi, li, bla ħsara għal kull proċedura għar-rikonoxximent u l-infurzar skond it-Titolu III tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar, ikunu jistgħu jiġu applikati fit-territorju ta’ kull Stat Membru. L-ebda qorti oħra ma għandu jkollha din il-ġurisdizzjoni”.

10.      It-Taqsima 3 tat-Titolu IX (Artikoli 93 u 94) tippreżenta “Kontroversji oħra li jirrigwardaw id-disinji Komunitarji”.

11.      L-Artikolu 93 (“Dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qrati nazzjonali oħra għajr il-qrati tad-disinji Komunitarji”) jipprovdi li:

“1.      Ġewwa l-Istati Membri li l-qrati tagħhom ikollhom ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 79(1) jew (4), dawn il-qrati għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni għall-kawżi li jkollhom x’jaqsmu ma’ disinji Komunitarji oħra għajr dawk riferiti fl-Artikolu 81 li kien ikollhom il-ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae fil-każ ta’ l-azzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mad-dritt ta’ disinn nazzjonali f’dan l-Istat.

[…]”

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Wet op de rechterlijke organisatie (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġudikatura)

12.      Konformement mal-Artikolu 78:

“1.      Il-Hoge Raad [il-Qorti Suprema] tieħu konjizzjoni tal-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra proċeduri, sentenzi, digrieti u deċiżjonijiet tal-qrati tal-appell u tal-qrati tal-ewwel istanza, ippreżentati diġà minn parti ‘fl-interess tal-liġi’, mill-Procureur‑generaal [iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”] tal-Hoge Raad.

[…]

7.      Ma jistax jiġi ppreżentat l-appell ta’ kassazzjoni ‘fl-interess tal-liġi’ jekk il-partijiet xorta jistgħu jippreżentaw appell ordinarju, fid-dawl tal-kunsiderazzjoni li l-appell ta’ kassazzjoni ma jimplika l-ebda preġudizzju għad-drittijiet miksuba mill-persuni kkonċernati”.

13.      L-intestatura u l-ittra c) tal-Artikolu 111(2) jassenjaw lill-Prosekutur Ġenerali l-kompetenza għall-preżentata tal-appell ta’ kassazzjoni fl-interess tal-liġi.

2.      Il-Liġi tal4 ta’ Novembru 2004 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar id-disinni Komunitarji u li tinnomina l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi relatati mad-disinni Komunitarji (il-Liġi dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament KE dwar id-disinni Komunitarji) (3)

14.      L-Artikolu 3 jipprovdi li:

“Sabiex tittieħed konjizzjoni fl-ewwel istanza tal-azzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 81 tar-regolament, għandhom ġurisdizzjoni esklużiva r-rechtbank Den Haag [il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag] u, fi proċeduri kawtelatorji, l-imħallef għal miżuri provviżorji ta’ din il-qorti distrettwali”.

II.    Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari

15.      Spin Master hija kumpannija Kanadiża li timmanifattura l-ġugarelli. Din tbigħ ġugarell, bit-trade mark “Bunchems”, li fih blalen ikkuluriti li jeħlu ma’ xulxin sabiex jinħoloq kull tip ta’ forom u figuri. Fis‑16 ta’ Jannar 2015, hija rreġistrat dan il-ġugarell f’isimha bħala mudell Komunitarju bin-numru 002614669 0002.

16.      High5 tbigħ ġugarell, bl-isem “Linkeez”, li fih blalen ikkuluriti li jeħlu ma’ xulxin, b’tali mod li jinħoloq kwalunkwe tip ta’ forom u figuri.

17.      Quddiem l-imħallef għal miżuri provviżorji u kawtelatorji tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Spin Master bdiet proċedura għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, minħabba ksur tal-mudell Komunitarju rreġistrat. B’mod partikolari, talbet il-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti ta’ High5 fit-territorju Olandiż.

18.      F’din il-proċedura, High5 allegat in limine litis li r-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) biss għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, minħabba li dik ta’ Amsterdam ma kellhiex ġurisdizzjoni.

19.      Fit‑12 ta’ Jannar 2017, l-imħallef għal miżuri provviżorji u kawtelatorji tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) ċaħad l-oġġezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 6/2002, u stabbilixxa numru ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji (4). F’din l-istess deċiżjoni, iddikjara li t-terminu għat-tressiq ta’ kawża dwar il-mertu, kif jippreskrivi l-Artikolu 1019i tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kien ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentata tagħha.

20.      Il-Prosekutur Ġenerali, wara li sostna li fil-prattika ġudizzjarja Olandiża hemm differenzi fir-rigward ta’ jekk l-imħallfin għal miżuri kawtelatorji u provviżorji tar-rechtbanken (il-qrati tal-ewwel istanza), differenti mir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jadottawhom f’dawn il-kawżi, ippreżenta appell ta’ kassazzjoni “fl-interess tal-liġi” kontra d-deċiżjoni tal-imħallef għal miżuri provviżorji ta’ Amsterdam.

21.      Fl-aggravju allega li:

–      Skont il-liġi Olandiża, l-uniku mħallef li għandu ġurisdizzjoni sabiex jadotta l-miżuri provviżorji u kawtelatorji fil-proċeduri għal ksur ta’ mudelli Komunitarji huwa dak tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag).

–      L-Artikolu 90(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma japplikax għall-kawżi previsti fl-Artikolu 81 tiegħu, kif huwa dedott mill-fatti preċedenti leġiżlattivi u tal-“iskema” tal-imsemmi regolament.

22.      F’din iċ-ċirkustanza, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jattribwixxi b’mod imperattiv, lill-qrati kollha ta’ Stat Membru li jissemmew fih, il-kompetenza li jordnaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji, jew iħalli lill-Istati Membri – totalment jew parzjalment – ħielsa li jattribwixxu l-kompetenza li jiġu ordnati tali miżuri esklużivament lill-qrati maħtura bħala qrati (tal-ewwel jew tat-tieni istanza) tad-disinni Komunitarji konformement mal-Artikolu 80(1) tal-imsemmi Regolament?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Novembru 2018.

24.      Il-Prosekutur Ġenerali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma ġiex meqjus neċessarju li tinżamm seduta.

IV.    Evalwazzjoni

25.      Id-domanda preliminari hija limitata sabiex tiċċara jekk il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati (speċjalizzati) tad-disinni Komunitarji sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ ċerti azzjonijiet ta’ ksur u ta’ invalidità, previsti fl-Artikoli 80 u 81 tar-Regolament Nru 6/2002, testendix, jew le, għall-miżuri kawtelatorji jew provviżorji msemmija fl-Artikolu 90 tal-istess regolament.

26.      Id-dubju jqum fid-dawl tal-fatt li, kontra din l-esklużività, l-imsemmi Artikolu 90 jidher li jagħti l-possibbiltà li, fir-rigward tad-disinni Komunitarji, qrati oħrajn tal-Istati Membri (jiġifieri, mhux biss dawk speċjalizzati) jistgħu jintalbu jadottaw miżuri kawtelatorji u provviżorji.

27.      Qabel ma nindirizza s-soluzzjoni għal dan id-dubju, għandu jiġi ċċarat jekk, kif uriet il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tagħha, dan huwiex każ ta’ kawża li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 267 TFUE.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

28.      Id-domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni saret fil-kuntest tal-appelli ta’ kassazzjoni “fl-interess tal-liġi”, li l-Prosekutur Ġenerali jista’ jippreżenta kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, li kontrihom ma jistax jiġi ppreżentat appell ordinarju.

29.      Din il-modalità ta’ appell ta’ kassazzjoni sservi għall-implimentazzjoni uniformi tad-dritt. Tapplika f’każ li l-kwistjoni tkun f’numru kbir ta’ kawżi u, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Hoge Raad (il-Qorti Suprema), il-prattika ġudizzjarja toffri soluzzjonijiet differenti.

30.      Dan jirrigwarda mekkaniżmu proċedurali li jiżviluppa l-interpretazzjoni b’mod uniformi u tradizzjonali tal-appell ta’ kassazzjoni sal-ogħla grad tagħha (jiġifieri l-protezzjoni tal-liġi oġġettiva, iktar milli l-interessi suġġettivi tal-partijiet). “Fl-interess tal-liġi”, ma’ din il-funzjoni jiżdied l-għan li tiġi stabbilita interpretazzjoni ġurisprudenzjali għall-futur, għalkemm mingħajr konsegwenzi partikolari għall-kawża, li r-riżultat tagħha jibqa’ invarjabbli. F’każ li l-appell jintlaqa’, għandha tiġi annullata s-sentenza kkontestata, anki jekk ma taffettwax is-sitwazzjoni legali tal-partijiet, diġà stabbilita b’mod definittiv fl-ewwel istanza.

31.      Il-Hoge Raad (il-Qorti Suprema) hija, naturalment, qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati sussegwentement, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, f’każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, hija obbligata li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      Wieħed jista’ jaħseb li, anki jekk taċċetta l-funzjoni ġurisdizzjonali tal-qorti tar-rinviju f’termini ġenerali, minħabba li fl-appell ta’ kassazzjoni fl-interess tal-liġi ma teżistix kontroversja reali bejn il-partijiet, id-domanda preliminari ma għandhiex tiġi ammessa.

33.      Madankollu, ma naħsibx li din l-oġġezzjoni tista’ tintlaqa’. Ir-rekwiżit li d-domanda preliminari ssir fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja ġie eliminat, żmien twil ilu, mill-Qorti tal-Ġustizzja (5). Kif afferma l-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer, huwa ammissibbli li ssir domanda preliminari “meta ma jkunx hemm kontroversja. Il-fattur deċiżiv huwa […] li min jitlob l-għajnuna lill-Qorti tal-Ġustizzja jkun jeżerċita funzjoni ġurisdizzjonali u jikkunsidra li, sabiex jieħu deċiżjoni, għandha ssir interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, irrispettivament minn jekk il-proċedura fejn issir id-domanda tinvolvix dibattitu jew le” (6).

34.      Jekk, bħalma qiegħed jiġri f’din il-kawża, kien hemm kawża preċedenti bejn il-partijiet u d-deċiżjoni tal-ewwel istanza ġiet ikkontestata, permezz tal-appell jew tal-appell ta’ kassazzjoni, quddiem qorti superjuri, il-qorti li tiddeċiedi “għandha, fil-prinċipju tkun ikkunsidrata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu [267 TFUE], li tista’ tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja” (7).

35.      Il-fatt li s-sitwazzjoni individwali tal-partijiet fil-kawża tibqa’ mhux affettwata, ikun xi jkun l-eżitu tas-sentenza mogħtija fl-interess tal-liġi, ma jipprekludix din l-affermazzjoni. Għall-kuntrarju, l-effettività erga omnes ta’ dan it-tip ta’ sentenzi tagħtihom kwalità li, preċiżament minħabba li tmur lil hinn mill-każ partikolari, tiġġustifika sostanzjalment li l-Hoge Raad (il-Qorti Suprema) tista’ tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ir-risposta tagħha, meta jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni, ikollha portata ikbar, b’tali mod li tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 6/2002 mill-qrati kollha tal-Pajjiżi l-Baxxi.

36.      Fil-qosor, naħseb li ma hemm l-ebda ostakolu sabiex tiġi ammessa d-domanda preliminari.

B.      Fuq il-mertu

37.      Ir-Regolament Nru 6/2002 irrikorra għal mudell ta’ speċjalizzazzjoni ġudizzjarja: f’kull Stat Membru jiġi nnominat numru limitat kemm jista’ jkun ta’ qrati nazzjonali (li jissejħu “qrati tad-disinni Komunitarji”) sabiex jadottaw id-deċiżjonijiet dwar l-invalidità u l-ksur tad-disinni Komunitarji.

38.      Din ir-regola, stabbilita fl-Artikoli 80 u 81 tal-imsemmi regolament, timplika li, mingħajr diskussjoni dwar dan il-punt, is-soluzzjoni tal-mertu għall-kawżi korrispondenti għandha tinstab esklużivament mill-qrati tad-disinni Komunitarji msemmija, fil-kwalità tagħhom bħala esperti fil-qasam.

39.      Madankollu, l-Artikolu 90(1) tal-imsemmi regolament jidher li jsegwi loġika oħra, b’iktar attenzjoni fuq il-prinċipju ta’ effettività milli fuq dak ta’ speċjalizzazzjoni ġurisdizzjonali, fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji u provviżorji (8). “Tista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru, inklużi l-qrati tad-disinji Komunitarji, għal dawk il-miżuri provviżorji […]”.

40.      Għalhekk, prima facie, l-esklużività tal-Artikolu 81 ma tibqax tidher fl-Artikolu 90, b’tali mod li ssir possibbli l-azzjoni ta’ qrati nazzjonali oħrajn, u mhux biss tal-qorti speċjalizzata, anki jekk sempliċement sabiex jiġu stabbiliti miżuri provviżorji u kawtelatorji. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti tal-ħeffa, marbuta mal-prinċipju ta’ effettività, u l-ikbar prossimità territorjali tad-diversi mħallfin li għandhom ġurisdizzjoni jiġġustifikaw soluzzjoni deċentralizzata, minflok dik stabbilita f’qorti waħda biss (9).

41.      Il-kontenut letterali tal-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipproponi din l-interpretazzjoni: kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru (wieħed għandu jifhem li qiegħed isir riferiment għal dawk li, f’dan l-Istat, jiddeċiedu l-kawżi dwar id-disinni) tista’ tistabbilixxi dan it-tip ta’ miżuri. L-espressjoni “inklużi l-qrati tad-disinji Komunitarji” tikkonferma li ma għandhiex għalfejn tkun qorti speċjalizzata: għalhekk, dawn il-qrati għandhom l-istess ġurisdizzjoni bħall-bqija f’dak li jirrigwarda l-miżuri kawtelatorji u provviżorji (10).

42.      Madankollu, kemm il-Prosekutur Ġenerali (11) kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jbiddilx il-portata tal-Artikolu 81 u lanqas ma jippreżupponi eċċezzjoni għal dak li hemm stabbilit fih. Fl-opinjoni tagħhom, l-Artikolu 81 huwa bbażat fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati speċjalizzati fid-disinni Komunitarji fi kwalunkwe fażi tal-proċedura ta’ invalidità jew ta’ ksur, inkluża dik kawtelatorja. L-Artikolu 90 jirrigwarda tipi oħrajn ta’ azzjonijiet, differenti minn dawk imniżżla fl-Artikolu 81.

43.      Il-Kummissjoni tipproponi s-soluzzjoni kuntrarja. L-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jippermetti li wieħed jifhem li l-ġurisdizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji dwar disinni Komunitarji hija tal-qrati tal-Istati Membri, “inklużi l-qrati tad-disinji Komunitarji”. Dan ifisser li dan joffri l-alternattiva li jitressqu proċeduri kemm quddiem il-qrati (speċjalizzati) tad-disinni Komunitarji, kif ukoll quddiem oħrajn mhux speċjalizzati (iżda b’ġurisdizzjoni ġenerali għall-kawżi relatati mad-disinni). Naħseb li dan l-argument huwa l-iktar wieħed xieraq għall-interpretazzjoni tal-kunċett.

44.      Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, il-Prosekutur Ġenerali jagħmel riferiment għall-Protokoll dwar ir-riżoluzzjoni tal-kawżi relatati mal-ksur u mal-validità ta’ privattivi Komunitarji (12). Skont il-Prosekutur Ġenerali, l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 6/2002 isegwi l-mudell tal-Artikolu 36 ta’ dan il-protokoll, li l-għan tiegħu kien li jagħmel possibbli l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji, relatati kemm ma’ privattivi nazzjonali kif ukoll ma’ dawk Komunitarji. Dan l-Artikolu 36 ma kellux l-għan li joħloq eċċezzjoni għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni interna tal-protokoll, iżda għal dawk relatati mal-ġurisdizzjoni internazzjonali (13).

45.      Ma naħsibx li dan ir-riferiment għas-sistema ta’ kawżi dwar il-privattiva Komunitarja (li ma ġietx stabbilita fil-mekkaniżmu permanenti) iservi, f’sens jew ieħor, sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinni. Huwa minnu li l-leġiżlatur Olandiż immanifesta l-inklinazzjoni tiegħu sabiex jagħti l-ġurisdizzjoni kollha relatata mal-protezzjoni tal-privattiva Komunitarja lil qorti waħda, fejn afferma li segwa d-dispożizzjoni tal-protokoll, iżda din id-deċiżjoni ma tiċċarax id-dubji dwar il-portata tal-Artikolu 90, b’rabta mal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002.

46.      L-argument dwar l-“ekonomija” tar-Regolament Nru 6/2002, li jagħmlu riferiment għalih il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa iktar sinjifikattiv. Mill-perspettiva tiegħu, l-Artikolu 90 jikkostitwixxi r-regola ġenerali fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji u provviżorji, regola li għandha tiġi ssodisfatta skont it-tip ta’ kawża fejn jiġu mitluba:

–      fir-rigward ta’ azzjonijiet “li jinteressaw il-ksur tal-liġi u l-validità tad-disinji Komunitarji” (Artikolu 81), huma esklużivament il-qrati speċjalizzati li jistgħu jadottaw il-miżuri kawtelatorji u provviżorji rilevanti, għalhekk huma biss għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva għal dawn il-proċeduri;

–      fir-rigward tal-bqija tal-azzjonijiet, differenti minn dawk tal-Artikolu 81, tagħmel sens għalkollox il-formulazzjoni tal-Artikolu 90(1), meta jiġi ddikjarat li kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru, inklużi dawk speċjalizzati, tista’ tistabbilixxi l-miżuri kawtelatorji u provviżorji. B’dan il-mod, jiġi spjegat aħjar dan it-test “problematiku jew enigmatiku” (14).

47.      Madankollu, jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument. L-istruttura tat-Titolu IX tar-Regolament Nru 6/2002, li jittratta l-“Ġurisdizzjoni u l-proċedura legali fil-kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji Komunitarji” u li jinqasam fi tliet taqsimiet, tmur kontra dan l-argument:

–      it-Taqsima 1 tistabbilixxi dak li jista’ jiġi kkaratterizzat bħala sfond għad-determinazzjoni tal-qorti statali li għandha ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni ta’ kawża. Ir-regoli li tagħmel riferiment għalihom huma tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (15), applikabbli ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja għar-Regolament Nru 6/2002;

–      it-Taqsima 2 tinkludi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament Brussell Ia. Din tistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali (Artikolu 82) u tindika liema qrati għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex isolvu kawżi relatati mad-disinni Komunitarji, kif ukoll l-azzjonijiet li jieħdu konjizzjoni tagħhom (Artikoli 80 u 81) (16). L-Artikolu 90 (“Miżuri proviżorji, inklużi l-miżuri protettivi”) jinsab f’din it-taqsima ;

–      it-Taqsima 3, taħt l-intestatura “Kontroversji oħra li jirrigwardaw id-disinji Komunitarji”, tagħmel riferiment għall-Artikolu 79(1) u (4), għad-determinazzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni (17), u tassenja l-ġurisdizzjoni interna relatata ma’ azzjonijiet differenti minn dawk indikati fl-Artikolu 81. B’mod partikolari, din tiġi assenjata lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae fir-rigward ta’ azzjonijiet relatati mad-disinn nazzjonali fl-Istat korrispondenti (Artikolu 93).

48.      L-interpretazzjoni sistematika tat-Titolu IX tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonferma li l-leġiżlatur ried jagħti trattament differenti lill-azzjonijiet relatati mal-ksur u mal-invalidità ta’ disinni Komunitarji, minn naħa waħda, u l-bqija tal-azzjonijiet, min-naħa l-oħra. L-ewwel tip ta’ azzjonijiet jiġi rregolat fit-Taqsima 2, fejn jinsab l-Artikolu 90. Għalhekk, huwa diffiċli jiġi aċċettat li dan l-aħħar artikolu għandu għan differenti minn dak tas-sensiela ta’ regoli (Taqsima 2) li huwa parti minnhom. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 90 japplika wkoll għall-miżuri kawtelatorji u provviżorji mitluba matul il-proċeduri relatati mal-ksur u l-invalidità tad-disinni Komunitarji.

49.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinnota, bħala argument addizzjonali, li t-tqegħid tal-Artikolu 90 fit-Taqsima 2 jidher imbiegħed mill-Artikoli 80 u 81 tar-Regolament Nru 6/2002. L-introduzzjoni bejniethom tal-Artikoli 82 sa 89, dwar tipi ta’ kwistjonijiet oħrajn, tissuġġerixxi ċertu nuqqas ta’ relazzjoni bejn wieħed u l-ieħor.

50.      Ma nqisx li dan l-argument jista’ jintlaqa’. Il-formulazzjoni tal-Artikoli 82 sa 89 tar-Regolament Nru 6/2002 tinkludi ħafna riferimenti għall-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 81, li juri li jsegwu l-istess loġika, li tiġġustifika l-inklużjoni tagħhom kollha fit-Taqsima 2 tat-Titolu IX. L-istess loġika tispjega għaliex l-Artikolu 90 jinsab fl-istess taqsima, li jsaħħaħ l-idea li l-miżuri kawtelatorji li jagħmel riferiment għalihom jikkorrispondu għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 81, u mhux għal dawk tal-Artikolu 93, li jinsab fit-Taqsima 3.

51.      Għalhekk, il-kriterji ta’ interpretazzjoni letterali u sistematika jipprovdu soluzzjoni differenti minn dik li jipproponu l-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-loġika tas-sistema doppja ta’ qrati speċjalizzati/tal-bqija tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni tindika din l-istess soluzzjoni, fi ħdan kull Stat Membru, jekk jiġu assoċjati mal-funzjonijiet differenti tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji, minn naħa waħda, u d-deċiżjoni ġudizzjarja li ssolvi l-mertu tal-kawża, min-naħa l-oħra.

52.      Mingħajr dubju, l-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji tikkontribwixxi għall-unità tal-ġurisprudenza u sabiex isseħħ l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli li jirregolaw, fir-rigward tal-mertu l-azzjonijiet ta’ ksur u ta’ invalidità. Din il-viżjoni tal-irwol tal-eżami tal-mertu tinfluwenza s-sistema tar-Regolament Nru 6/2002: għalhekk, meta l-Artikolu 80 jagħti l-ġurisdizzjoni lil numru limitat ta’ qrati b’rabta mal-azzjonijiet tal-Artikolu 81, jirnexxilu “[j]assisti l-iżvilupp ta’ interpretazzjoni uniformi tal-ħtiġiet li jirregolaw il-validità tad-disinji Komunitarji” (premessa 28).

53.      Madankollu, dan l-għan ma għandux għalfejn japplika fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji u provviżorji, li l-awtorizzazzjoni tagħhom hija, skont id-definizzjoni, ta’ natura temporanjament limitata u ma tippreġudikax (ma għandhiex tippreġudika) id-deċiżjoni finali tal-kawża.

54.      Mingħajr ma tiċħad l-importanza prattika li, f’ċerti kawżi, jista’ jkollha d-deċiżjoni kawtelatorja, din tiġi suġġetta għall-kontinwazzjoni tal-kawża prinċipali (18) u ma għandhiex taffettwa dak li huwa proprju ta’ din tal-aħħar. Ir-Regolament Nru 6/2002 espressament jirriżerva l-konjizzjoni tal-kwistjonijiet kumplessi li jaffettwaw il-mertu tal-kawża (kif jista’ jkun il-ksur jew l-invalidità tad-disinn) għall-qrati speċjalizzati.

55.      Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward tal-kontrotalba li, skont l-Artikolu 85(1), ir-rikorrent għandu jifformula jekk irid jiddiskuti l-validità tad-disinn Komunitarju li d-detentur tiegħu huwa r-rikorrent, meta dan tal-aħħar ikun eżerċita azzjoni tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002. Għall-kuntrarju, fil-fażi proċedurali tal-miżuri kawtelatorji jew provviżorji, huwa biżżejjed li r-rikorrent jippreżenta sempliċement eċċezzjoni ta’ invalidità (Artikolu 90(2) tar-Regolament Nru 6/2002) (19).

56.      Dan it-trattament doppju jiżvela li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, id-deċiżjoni kawtelatorja għandha effettività limitata, preċiżament minħabba n-natura provviżorja tagħha u sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar il-mertu. Dan ma jfissirx li l-imħallef għal miżuri kawtelatorji u provviżorji ma jistax iqis, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-fumus boni iuris jew tal-bqija tar-raġunijiet mogħtija, l-allegazzjoni (b’eċċezzjoni) tar-rikorrent dwar il-validità tad-disinn tar-rikorrent, iżda, minħabba li din il-kawża ma hijiex definittiva, ma jeżiġix il-kontratalba u lanqas l-intervent mill-qorti speċjalizzata li, finalment, ikollha tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward.

57.      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, għalkemm il-qrati tad-disinni Komunitarji huma indubbjament esperti f’dan il-qasam, il-bqija tal-qrati nazzjonali huma wkoll esperti.

58.      Fil-fatt, is-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni hija bbażata fuq il-koeżistenza ta’ dawk li għandhom portata Komunitarja u dawk li għandhom biss dik nazzjonali, riflessa fl-attribuzzjoni korrelattiva ta’ ġurisdizzjonijiet.

59.      Il-protezzjoni tad-disinni nazzjonali hija r-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali (mhux speċjalizzati, fis-sens tar-Regolament Nru 6/2002) li jistabbilixxu r-regoli ta’ kull Stat Membru, li jagħtuhom, minnhom innifishom, prossimità indiskutibbli f’dan ir-rigward. F’dawn il-kawżi jistgħu jadottaw l-istess miżuri kawtelatorji li, jekk ikun meħtieġ, ikunu applikabbli għall-kawżi dwar id-disinni Komunitarji (20).

60.      Barra minn hekk, dawn il-qrati nazzjonali (mhux speċjalizzati) għandhom ukoll il-ġurisdizzjoni li jsolvu ċerti kawżi dwar id-disinni Komunitarji, fit-termini tal-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 6/2002. Jistgħu anki jistabbilixxu miżuri kawtelatorji u provviżorji f’dawn il-kawżi.

61.      Għaldaqstant, l-imħallfin esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002 jaġixxu f’kamp li huwa familjari għalihom, mingħajr il-preġudizzju li ma jkollhomx is-setgħa sabiex jieħdu deċiżjoni dwar il-mertu ta’ kawża dwar il-ksur jew l-invalidità ta’ disinn Komunitarju.

62.      Għalhekk, ma jidhirlix li l-argument tal-ispeċjalizzazzjoni (superjuri) tal-qrati tad-disinni Komunitarji jiġġustifika restrizzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-bqija tal-qrati nazzjonali, fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji u provviżorji.

63.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinterpreta l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 6/2002 fis-sens li jħalli lill-Istati Membri liberi sabiex jagħżlu kif tiġi organizzata l-proċedura kawtelatorja, bir-riżerva li l-qorti tad-disinni Komunitarji jkollha, neċessarjament, ġurisdizzjoni.

64.      Għal dan il-għan, huwa jargumenta li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tiġi ssostitwita biss meta jkunu jeżistu regoli speċifiċi li, fuq il-bażi tagħhom, awtorità ġudizzjarja partikolari għandha tingħata ġurisdizzjoni partikolari (kif jagħmlu l-Artikoli 80 u 81 tar-Regolament Nru 6/2002). Konsegwentement, xejn ma jwaqqaf lil Stat milli jiddeċiedi li l-ġurisdizzjoni esklużiva tikkorrispondi, fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ ksur jew ta’ invalidità, inkluż fil-fażi kawtelatorja, għall-qrati speċjalizzati tad-disinni Komunitarji.

65.      Din il-viżjoni hija bbażata fuq fehim tal-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 6/2002 purament bħala regola ta’ awtorizzazzjoni: l-Istati Membri “jistgħu” jeżerċitaw l-għażla li jattribwixxu l-ġurisdizzjoni kawtelatorja lil ċerti qrati jew oħrajn (bil-fattur restrittiv diġà msemmi, li jeżiġi li jiġu inklużi fi kwalunkwe każ il-qrati tad-disinni Komunitarji).

66.      Madankollu, naħseb li l-użu tat-terminu “tista’” f’din id-dispożizzjoni għandu sinjifikat ieħor, iktar konformi mal-għan tar-regola. Is-setgħa ta’ għażla ma tagħmilx riferiment għall-Istati Membri, iżda għall-atturi tal-proċess. U, preċiżament għal raġunijiet li jindirizzaw id-difiża tal-interessi ta’ dawn tal-aħħar u l-prossimità tal-qrati li għandhom jagħtuhom risposta urġenti (21), għalkemm purament provviżorja u kawtelatorja, l-atturi tal-proċess jiġu awtorizzati li jindirizzaw kemm lill-qrati speċjalizzati kif ukoll lil dawk ordinarji.

67.      Għaldaqstant, il-qari tad-dispożizzjoni għandu jsir mill-perspettiva tad-detenturi tad-dritt marbut mad-disinni Komunitarji, li jfittxu l-protezzjoni ġudizzjarja tiegħu. Fil-qosor, qiegħed jiġi promoss il-ftuħ ta’ proċedura ta’ protezzjoni kawtelatorja ikbar,  li fiha tieħu preċedenza l-effettività (22), filwaqt li, fir-rigward tal-mertu, tipprevali l-ispeċjalizzazzjoni sabiex jiġu solvuti l-azzjonijiet ta’ ksur jew ta’ invalidità.

68.      F’dan il-każ, wieħed jista’ jaħseb li l-inklużjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji hija superfluwa, iżda dan ma huwiex il-każ. Il-komponent essenzjali jinsab fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 90, li skontu:

–      jekk il-parti kkonċernata tagħżel li titlob il-miżura kawtelatorja u provviżorja lill-qorti tad-disinni Komunitarji, il-miżuri li din tal-aħħar tadotta jkunu applikabbli fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru;

–      jekk il-parti kkonċernata tagħżel li tressaq din it-talba quddiem qrati nazzjonali oħrajn, differenti minn dawk speċjalizzati, l-effettività tal-miżura kawtelatorja li dawn jadottaw tkun limitata għall-Istat Membru korrispondenti.

69.      Preċiżament l-aħħar sentenza tal-Artikolu 90(3) tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonferma dak kollu li ntqal sa issa. Ma kellux għalfejn jiġi stipulat li “[l-]ebda qorti oħra [ħlief dik tad-disinni] ma għandu jkollha din il-ġurisdizzjoni [li testendi l-effettività tal-miżuri kawtelatorji u provviżorji tagħha għat-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru]”, jekk, minnhom innifishom, il-qrati l-oħrajn ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jistabbilixxu xi miżura kawtelatorja fil-kuntest tal-azzjonijiet ta’ invalidità u ta’ ksur ta’ disinni Komunitarji.

70.      Fil-qosor, permezz tal-approvazzjoni ta’ miżura kawtelatorja mill-qrati nazzjonali (fit-tifsira diġà spjegata), tkun aċċessibbli l-protezzjoni ġudizzjarja marbuta ma’ dan it-tip ta’ proċessi, ikkaratterizzata mill-urġenza, mingħajr ma, ninsisti, f’din il-fażi proċedurali jkun jista’ jitwettaq l-eżami tal-mertu tal-kawża, li għandu jsir esklużivament mill-qrati tad-disinni Komunitarji.

V.      Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb lill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

“L-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tad-disinni nazzjonali għandhom is-setgħa li jadottaw miżuri provviżorji u kawtelatorji fi proċeduri tal-ksur jew tal-validità tad-disinni Komunitarji, li d-deċiżjoni dwar il-mertu tagħhom tingħata, esklużivament, mill-qrati nnominati konformement mal-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).


3      (Nederlandse) Wet van 4 november 2004 tot uitvoering van de verordening van de Raad van de Europese Unie betreffende Gemeenschapsmodellen houdende aanwijzing van de rechtbank voor het Gemeenschapsmodel (Uitvoeringswet EG‑verordening betreffende Gemeenschapsmodellen) (Stb. 2004/573). Iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑4 ta’ Novembru 2004”.


4      B’mod partikolari, taħt avviż ta’ pagamenti ta’ penalità, ipprojbixxa lil High5 milli tbigħ il-blalen tal-logħob u l-aċċessorji tagħhom, u ordnalha sabiex titlob lix-xerrejja professjonali jagħtuhomlha lura u troddilhom lura l-prezz tagħhom, flimkien mal-ispejjeż tat-trasport. Barra minn hekk, High5 kellha tibgħat lista lil Spin Master bil-fornituri u x-xerrejja tagħha, b’mod speċifiku tal-prodotti fornuti.


5      Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1971, Politi (43/71, EU:C:1971:122); tal‑21 ta’ Frar 1974, Birra Dreher (162/73, EU:C:1974:17); tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries (C‑266/96, EU:C:1998:306); u tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395), punt 33.


6      Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:366), punt 30.


7      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723), punti 57 sa 59.


8      It-tipoloġija ta’ dawn il-miżuri ma hijiex armonizzata fir-Regolament Nru 6/2002: f’kull Stat Membru jiġu applikati dawk previsti fil-leġiżlazzjoni tiegħu.


9      Kif diġà ntqal, ir-Regolament Nru 6/2002 jirrikonoxxi li kull Stat Membru ma jkollux waħda, iżda diversi (in-numru “limitat kemm jista’ jkun”), qrati speċjalizzati fid-disinni Komunitarji. Il-Pajjiżi l-Baxxi għażlu qorti unika.


10      Kwistjoni differenti hija dik relatata mal-effettività ta’ dawn il-miżuri, skont il-qorti li tadottahom. Sussegwentement ser nittratta din id-distinzjoni.


11      L-osservazzjonijiet tiegħu huma riproduzzjoni ta’ dawk ippreżentati fl-appell ta’ kassazzjoni, fl-interess tal-liġi, quddiem il-Hoge Raad (il-Qorti Suprema).


12      ĠU 1989, L 401, p. 34.


13      Il-protokoll jittratta l-ġurisdizzjoni internazzjonali fl-Artikolu 14 u dik nazzjonali fl-Artikolu 15.


14      Osservazzjonijiet tal-Prosekutur Ġenerali, punt 3.23.


15      ĠU 1998, C 27, p. 1, verżjoni kkonsolidata fil-ĠU 2009, L 147, p. 5. Għalkemm ir-riferiment għal din il-konvenzjoni għandu jinftiehem li huwa għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).


16      Barra minn hekk, tirregola ċerti partikolaritajiet dwar il-portata u l-effetti tal-eżerċizzju tal-azzjonijiet ta’ ksur jew ta’ invalidità u fiha, inter alia, dispożizzjonijiet dwar id-dritt applikabbli, il-kawżi relatati u l-ġurisdizzjoni fit-tieni istanza (Artikoli 82 sa 89, 91 u 92).


17      Fl-assenza ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni konformement mar-regoli tal-Artikolu 79(1) u (4), tinnomina l-qrati tal-pajjiż fejn huwa stabbilit l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).


18      Għaldaqstant, l-imħallef għal miżuri kawtelatorji u provviżorji ta’ Amsterdam stabbilixxa, fid-deċiżjoni tiegħu tat‑12 ta’ Jannar 2017, terminu għat-tressiq ta’ kawża dwar il-mertu.


19      Il-verżjoni Spanjola ta’ dan il-paragrafu tuża, b’mod mhux xieraq, l-espressjoni “dikjarazzjoni ta’ l-invalidità”, meta, fir-realità, tikkostitwixxi eċċezzjoni reali u mhux dikjarazzjoni, f’sens proċedurali. Dan jiġi kkonfermat fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn li kkonsultajt: exception de nullité,  fil-Franċiż; plea,  fl-Ingliż; eccezioni di nullità, fit-Taljan; excepção de nulidade, fil-Portugiż; Einwand der Nichtigkeit, fil-Ġermaniż.


20      Kif diġà għidt (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), ir-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tipoloġija ta’ dawn il-miżuri, li s-sistema tagħhom hija dik prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru fir-rigward tad-disinni nazzjonali.


21      Il-Kummissjoni interpretatha b’dan il-mod meta enfasizzat li l-parti tal-kawża għandu jkollha qorti ġeografikament qrib, li tkun tista’ titlobha protezzjoni urġenti, li jimplika li l-ispeċjalizzazzjoni tgħaddi għat-tieni livell. Bħala eżempji tinkludi l-ħtieġa li jinżammu provi minħabba r-riskju li ma jibqgħux disponibbli jew dak tat-tixrid ta’ prodotti foloz minn punt ta’ distribuzzjoni individwali, bħal port jew fabbrika.


22      Fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni kawtelatorja għandha rwol fundamentali sabiex, fir-rigward tad-dritt ta’ difiża tal-parti l-oħra, id-detentur tad-dritt igawdi minn protezzjoni proporzjonata qabel ma tingħata deċiżjoni fil-mertu (premessa 22 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32)).