Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fis-7 ta’ Marzu 2024 – Coyote System vs Ministre de l’Intérieur et des outre-mer, Premier ministre

(Kawża C190/24, Coyote System)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Coyote System .

Konvenuti: Ministre de l’Intérieur et des outre-mer, Premier ministre.

Domandi preliminari

Il-projbizzjoni fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jiċċirkolaw permezz ta’ dan is-servizz kwalunkwe messaġġ jew kwalunkwe indikazzjoni mibgħuta mill-utenti u li jistgħu jippermettu lill-utenti l-oħra jevitaw ċerti kontrolli fit-toroq għandha titqies bħala parti mill-“qasam ikkoordinat” kif previst mid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) , filwaqt li, għalkemm din il-projbizzjoni tikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, sa fejn din tirrigwarda l-aġir tal-fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz, din madankollu la tikkonċerna l-istabbiliment tal-fornituri, la l-komunikazzjonijiet kummerċjali, la l-kuntratti b’mezzi elettroniċi, la r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji, la l-kodiċijiet ta’ kondotta, la r-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, la l-azzjonijiet ġudizzjarji u lanqas il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u għalhekk ma tirrigwarda ebda waħda mill-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta' armonizzazzjoni tal-Kapitolu II tagħha?1

Projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid li għandha l-għan b’mod partikolari li tevita li persuni mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji, jew li jkunu ta’ theddida għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika, ikunu jistgħu jevitaw il-kontrolli fit-toroq taqa’ taħt il-kamp tar-rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li Stat Membru ma jistax jimponi fuq fornituri li joriġinaw minn Stat Membru ieħor filwaqt li l-premessa 26 tad-Direttiva tispeċifika li din id-direttiva ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom tad-dritt kriminali u tal-proċedura kriminali sabiex jieħdu l-miżuri investigattivi u dawk il-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni tar-reati u għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fir-rigward tagħhom?

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, li jipprojbixxi l-impożizzjoni, fuq il-fornituri ta’ servizzi previsti minnu, ta’ obbligu ġenerali fil-qasam tas-sorveljanza, minbarra l-obbligi applikabbli għal każ speċifiku, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li sempliċement tipprevedi li jista’ jiġi impost fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni l-obbligu li ma jiċċirkolawx, f’każijiet speċifiċi u fil-kuntest ta’ dan is-servizz, ċerti kategoriji ta’ messaġġi jew ta’ indikazzjoni, mingħajr ma l-operatur għandu għal dan il-għan ikun jaf dwar il-kontenut tagħhom?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.