Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2008 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-571/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma u B. Klein)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2008 fil-proċediment "Għajnuna mill-Istat C 36/07 - Għajnuna mill-Istat lil Deutsche Post AG" dwar l-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C (2008) 6468, tat-30 ta' Ottubru 2008, li tirrigwarda għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja C 36/07 (ex NN 25/07) u fejn il-Kummissjoni stiednet lill-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, sabiex tgħaddilha d-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tad-dħul u tal-infiq ta' Deutsche Post mill-1989 sal-2007.

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ordni għal provvista ta' informazzjoni hija vvizzjata bi ksur ta' forom proċedurali sostanzjali.

Il-kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit terminu b'mod effikaċji kif ukoll "ittra ta' tfakkir li tistabbilixxi terminu supplimentari" fis-sens tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 ma ġewx sodisfatti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tirreferi għall-fatt li t-terminu stabbilit fl-ordni għal provvista ta' informazzjoni huwa, minnu nnfisu, sproporzjonat.

Barra minn hekk, l-ordni għal provvista ta' informazzjoni ma tirrispettax il-protezzjoni tas-sigrieti professjonali ta' Deutsche Post AG, li hija stabbilita fl-Artikolu 287 KE, għaliex id-data ntbagħatet probabbilment għal evalwazzjoni lil impriża esterna, impriża li tista' taħdem ukoll għal kompetituri ta' Deutsche Post AG, u l-Kummissjoni tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni supplimentari f'dan ir-rigward.

Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkonstata li l-ordni għal provvista ta' informazzjoni tikser ukoll l-Artikoli 87(1) u 86(2) KE, flimkien mal-prinċipji ta' proporzjonalità u taċ-ċertezza legali, għaliex id-data mitluba ma hija neċessarja għall-evalwazzjoni ta' ebda waħda mit-tliet miżuri Statali inkwistjoni abbażi tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

____________