Language of document : ECLI:EU:C:2010:418

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Lulju 2010 (*)

“Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 8 u 9 – Proċedura nazzjonali intiża sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva – Terminu għal azzjoni – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni preċedenti”

Fil-Kawża C‑246/09,

dwar talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Landesarbeitsgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Susanne Bulicke

vs

Deutsche Büro Service GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bulicke, minn K. Bertelsmann, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. J. Travers, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u B. Conte, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Bulicke u Deutsche Büro Service GmbH (iktar ’il quddiem “Deutsche Büro”) dwar talba għal kumpens minħabba diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ibbażata fuq l-età li S. Bulicke tallega li kienet vittma tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1, l-iskop tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bil-għan li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

4        Il-premessi 28 sa 30 tad-Direttiva jistabbilixxu dan li ġej:

“(28) Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhiex isservi biex tiġġustifika xi regressjoni għar-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.

(29)      Persuni li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali għandhom ikollhom mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. [...]

(30) L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza teħtieġ protezzjoni legali adegwata kontra l-vittimizzazzjoni.”

5        L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.

2.      L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 9 tad-Direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, anki wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.

[...]

3.      Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti ta’ żmien biex iġibu azzjonijiet għar-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-liġi ġenerali dwar it-trattament ugwali

7        Il-liġi ġenerali dwar it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), ittrasponiet id-Direttiva.

8        L-Artikolu 1 tal-AGG, bit-titolu “Għan tal-liġi”, jiddikjara:

“Il-liġi preżenti għandha l-għan li tipprevjeni jew li telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq razza jew oriġini etnika, sess, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew identità sesswali.”

9        L-Artikolu 15 tal-AGG, bit-titolu “Kumpens u danni”, huwa fformulat kif ġej:

“1)      Fil-każ li tinkiser il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, min iħaddem għandu jagħmel tajjeb għad-danni li jirriżultaw. Din ir-regola ma tapplikax fil-każ li min iħaddem ma jkunx responsabbli għall-ksur ta’ tali obbligu.

2)      Fil-każ ta’ danni li ma humiex danni materjali, l-impjegat jista’ jitlob kumpens finanzjarju adegwat. Il-kumpens ma jistax ikun ta’ iktar minn tliet xhur paga fil-każ ta’ rifjut ta’ impjieg meta l-impjegat ma jkunx ġie reklutat anki fil-kuntest ta’ konkors li ma jikkawżax danni.

3)      Fil-każijiet li għalihom japplikaw ftehim kollettivi, min iħaddem għandu jagħmel tajjeb għal kumpens biss meta jkun aġixxa xjentement jew b’negliġenza kbira.

4)      Id-drittijiet ibbażati fuq il-paragrafi 1 jew 2 għandhom jintalbu bil-miktub fi żmien xahrejn sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor fil-ftehim kollettivi. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal impjieg jew ta’ promozzjoni professjonali, it-terminu jibda jiddekorri minn meta jkun ġie rċevut l-avviż ta’ rifjut u fil-każijiet l-oħra kollha ta’ danni, minn meta l-impjegat isir jaf bid-diskriminazzjoni.

5)      Fil-każijiet l-oħra, ma huwiex ta’ preġudizzju għad-drittijiet ta’ min iħaddem li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali oħra.

6)      Kull ksur minn min iħaddem tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) ma jippermettix il-ġustifikazzjoni ta’ dritt ta’ relazzjoni ta’ impjieg, ta’ relazzjoni ta’ formazzjoni professjonali jew ta’ promozzjoni professjonali, sakemm tali dritt ma jkunx jirriżulta minn xi bażi legali oħra.”

 Il-Kodiċi Ċivili

10      L-Artikolu 195 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jispeċifika li t-terminu ta’ preskrizzjoni ordinarja huwa ta’ tliet snin.

11      L-Artikolu 611a tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sas-17 ta’ Awwissu 2006, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-AGG, kien jipprevedi:

“1)      Min iħaddem ma jistax jiddiskrimina fil-konfront ta’ ħaddiem abbażi tas-sess tiegħu fil-mument tal-ftehim jew tal-adozzjoni ta’ miżura u b’mod partikolari fil-mument tal-konklużjoni tar-relazzjonijiet tal-impjieg tagħhom [...]

2)      Jekk min iħaddem jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-paragrafu 1 fil-mument tal-konklużjoni tar-relazzjonijiet tal-impjieg tagħhom, il-kandidat żvantaġġat minnha jista’ jitlob kumpens finanzjarju adegwat [...]

4)      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jintalab [...] bil-miktub u fit-terminu li jibda jiddekorri mill-avviż ta’ rifjut tal-applikazzjoni. It-tul tat-terminu jiġi ddeterminat b’referenza għat-terminu ta’ dekadenza previst sabiex jintalbu d-drittijiet ta’ kumpens f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni tal-imsemmi impjieg; dan it-terminu huwa ta’ mhux inqas minn xahrejn. Jekk ma jkunx previst tali terminu għar-relazzjoni tal-imsemmi impjieg, allura t-terminu huwa ta’ sitt xhur.

[...]”

 Il-liġi dwar il-qrati li jisimgħu kawżi relatati max-xogħol

12      L-Artikolu 61b tal-liġi dwar il-qrati li jisimgħu kawżi relatati max-xogħol (Arbeitsgerichtsgesetz), tat-2 ta’ Lulju 1979 (BGBl. 1979 I, p. 853, iktar ’il quddiem l-“ArbGG”), tippreċiża li “it-talbiet kollha għad-danni bbażati fuq l-Artikolu 15 tal-AGG għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ tliet xhur wara li t-talba tkun saret bil-miktub” lil min iħaddem.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      S. Bulicke, li dak iż-żmien kellha 41 sena, irrispondiet, fis-16 ta’ Novembru 2007, għal avviż li ġie ppubblikat f’gazzetta minn Deutsche Büro bil-għan li timla pożizzjoni ta’ impjieg vakanti. L-avviż kien mfassal kif ġej:

“Qegħdin infittxu kollaboraturi motivati għat-tim żagħżugħ tagħna fil-belt. Inti tħobb iċċempel? Mela żgur li ser tkun għal qalbek magħna. U b’hekk nagħtuk anki l-possibbiltà li taqla l-flus. Għandek bejn it-18 u l-35 sena u għandek konoxxenza tajba tal-lingwa Ġermaniża u qed tfittex impjieg fuq bażi fulltime? [...]”

14      Fid-19 ta’ Novembru 2007, S. Bulicke ġiet informata bit-telefon li ma kinitx intgħażlet. Dan ir-rifjut ġie kkonfermat permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2007 li kienet tippreċiża li l-pożizzjonijiet kienu mtlew kollha. Ġara madankollu li żewġ persuni li kellhom 20 u 22 sena ġew irreklutati fid-19 ta’ Novembru 2007.

15      Deutsche Büro ppubblikat avviżi simili fit-22 ta’ Novembru 2007 kif ukoll fid-9 ta’ April, fit-3 ta’ Settembru u fl-10 ta’ Settembru 2008. Dawn ir-reklami kollha kienu jsemmu l-kliem “tim żagħżugħ” u “bejn it-18 u l-35 sena”.

16      Fid-29 ta’ Jannar 2008, S. Bulicke ppreżentat rikors quddiem l-Arbeitsgericht Hamburg bil-għan li tingħata kumpens għad-danni li hija tqis li ġarrbet minn diskriminazzjoni li hija tallega li kienet vittma tagħha.

17      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2008, l-imsemmija qorti ċaħdet din it-talba fuq il-bażi li S. Bulicke ma kinitx, qabelxejn, innotifikat lill-Deutsche Büro bit-talba tagħha fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 15(4) tal-AGG.

18      S. Bulicke ppreżentat appell quddiem il-Landesarbeitsgericht Hamburg. Skont din il-qorti, huwa ċert li S. Bulicke ma osservatx it-terminu stabbilit fl-Artikolu 15(4) tal-AGG.

19      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(4) tal-AGG huwiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività meta, minn naħa waħda, ma jeżisti l-ebda terminu ta’ dekadenza fid-dritt tax-xogħol, ħlief fil-każ ta’ ftehim kollettiv, iżda biss termini ta’ preskrizzjoni ġenerali, bħal dak tal-Artikolu 195 tal-BGB, u, min-naħa l-oħra, dan it-terminu huwa qasir wisq sabiex kandidat li jkun f’impjieg ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu.

20      Hija tinnota wkoll li t-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG huwa iqsar minn dak li kien stabbilit fl-Artikolu 611a tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sas-17 ta’ Awwissu 2006, fil-qasam tad-diskriminazzjoni sesswali. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida allura marret lura meta mqabbla ma’ dik preċedenti.

21      Kien minħabba dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesarbeitsgericht Hamburg ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu sabiex jintalab bil-miktub id-dritt għal kumpens u/jew għad-danni minħabba diskriminazzjoni fir-reklutaġġ huwa ta’ xahrejn wara li jkun ġie rċevut l-avviż ta’ rifjut – jew, skont interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, wara li l-persuna ssir taf bid-diskriminazzjoni – tikser id-dritt Komunitarju primarju (li jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva) u/jew il-projbizzjoni fid-dritt Komunitarju tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, id-Direttiva [...], meta taħt id-dritt nazzjonali, talbiet ekwivalenti huma suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin u/jew għall-projbizzjoni ta’ tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tal-istess Direttiva, meta dispożizzjoni nazzjonali preċedenti tipprovdi għal terminu ta’ dekadenza itwal f’każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 15(4) tal-AGG, li tipprevedi li persuna li tkun vittima ta’ diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ibbażata fuq l-età għandha tinnotifika lill-awtur b’tali diskriminazzjoni f’terminu ta’ xahrejn wara li tkun irċeviet l-avviż ta’ rifjut ta’ reklutaġġ jew, skont interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, wara li l-persuna ssir taf bid-diskriminazzjoni, tikkostitwix implementazzjoni korretta tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva.

23      B’mod iktar preċiż, il-qorti tistaqsi jekk tali dispożizzjoni tosservax, minn naħa waħda, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dispożizzjonijet nazzjonali oħra li jissuġġettaw talbiet simili għal termini itwal jew, min-naħa l-oħra, tosservax il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni, meta dispożizzjoni nazzjonali preċedenti tipprovdi għal terminu ta’ dekadenza itwal fil-każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

 Fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

24      L-Artikolu 9 tad-Direttiva jistabbilixxi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva jkunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u, min-naħa l-oħra, li tali obbligi tal-Istati Membri jkunu bla ħsara għar-regoli nazzjonali dwar termini mogħtija għall-preżentata ta’ rikors ibbażat fuq tali prinċipju. Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta l-fatt li l-kwistjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikorsi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva ma hijiex regolata mid-dritt tal-Unjoni.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta f’qasam partikolari jkun jeżisti nuqqas ta’ regolamentazzjoni tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jistabbilixxi regoli proċedurali għal azzjonijiet li huma intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra, p. I‑2271, punt 43; tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra, p. I-4233, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, Ġabra, p. I‑411, punt 57).

26      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tippreżupponi li r-regola inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, Ġabra, p. I‑7835, punt 41; tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C‑78/98, Ġabra, p. I‑3201, punt 55, kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C-63/08, Ġabra, p. I-10467, punt 45).

27      Madankollu, dan il-prinċipju ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil Stat Membru jestendi s-sistema legali tiegħu l-iktar favorevoli għall-azzjonijiet kollha ppreżentati, bħal fil-kawża prinċipali, fil-qasam tad-dritt tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levez, punt 42, u Pontin, punt 45).

28      Sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali, li hija biss għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali applikabbli għal rikorsi fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, għandha teżamina kemm l-għan kif ukoll l-elementi essenzjali tal-azzjonijiet allegatament simili ta’ natura interna (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levez, punt 43; Preston et, punt 56, kif ukoll Pontin, punt 45).

29      Barra minn hekk, f’kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna, din għandha tiġi analizzata mill-qorti nazzjonali billi tqis ir-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levez, punt 44; Preston et, punt 61, kif ukoll Pontin, punt 46).

30      Mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-possibiltà ta’ kumpens għad-danni materjali u mhux materjali li jirriżultaw minn ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew identità sesswali, ġiet introdotta mill-AGG u għalhekk ma kinux jeżistu, fil-veru sens, proċeduri ekwivalenti qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi.

31      Skont din il-qorti, fid-dritt tax-xogħol, fin-nuqqas ta’ ftehim kollettivi, ma japplika l-ebda terminu ta’ dekadenza iżda japplikaw termini ta’ preskrizzjoni ġenerali. Madankollu, hija tirrileva li, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2008, l-Arbeitsgericht Hamburg iddikjarat li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiema għandhom jinvokaw id-drittijiet tagħhom f’terminu qasir. Dan jgħodd ukoll għal azzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija mix-xogħol li għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ tliet ġimgħat wara l-avviż ta’ tkeċċija. Bl-istess mod, ir-rikorsi maħsuba sabiex jistabbilixxu l-invalidità ta’ kuntratt b’terminu ta’ żmien determinat għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tal-imsemmi kuntratt. Fl-aħħar nett, jeżistu wkoll, frekwentement fi ftehim kollettivi, klawżoli ta’ dekadenza li jwasslu għat-telf tad-drittiijet għal azzjonijiet jekk dawn id-drittijiet ma jiġux eżerċitati f’terminu qasir.

32      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 611a tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-AGG, kien jipprevedi terminu ta’ mhux inqas minn xahrejn għan-notifika ta’ avviż lil min iħaddem fil-każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, meta ġie stabbilit terminu ta’ dekadenza applikabbli għal talbiet għal drittijiet ta’ kumpens oħra li jirriżultaw mir-relazzjoni tal-impjieg inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ tali terminu, it-terminu applikabbli kien allura ta’ sitt xhur.

33      Jirriżulta mid-domanda preliminari li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 15(4) tal-AGG japplika biss għall-avviż lil min iħaddem. Il-Gvern Ġermaniż iddikjara li tali terminu għandu jiżdied ma’ dak previst fl-Artikolu 61b tal-ArbGG. Fil-fatt huwa biss meta min iħaddem ma jagħtix widen għall-avviż ippreżentat skont l-Artikolu 15(4) tal-AGG li l-persuna li tħossha aggravata mid-diskriminazzjoni jkollha terminu ta’ tliet xhur, li jibda jiddekorri mill-preżentata tat-talba bil-miktub lil min iħaddem, sabiex jersaq quddiem il-qorti li tisma’ kawżi relatati max-xogħol. L-avviż lil min iħaddem jista’ jiġi ssostitwit permezz tal-preżentata ta’ kawża quddiem il-qorti sakemm tali preżentata u n-notifika tar-rikors promotur lil min iħaddem isiru fit-terminu stabbilit fl-imsemmi Artikolu 15(4).

34      Ma jidhirx li dispożizzjoni bħall-Artikolu 15(4) tal-AGG, li tipprevedi li l-vittma tad-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ibbażata fuq l-età għandha tavża lill-awtur ta’ tali diskriminazzjoni għal finijiet ta’ kumpens għad-danni materjali jew mhux materjali f’terminu ta’ xahrejn, hija inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw azzjonijet simili ta’ natura interna fid-dritt tax-xogħol. Madankollu huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali sabiex tivverifika jekk it-termini proċedurali rrilevati mill-Arbeitsgericht Hamburg fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2008 humiex termini komparabbli. Fil-każ li jirriżulta li diversi mill-azzjonijiet previsti fid-deċiżjoni tar-rinviju jew waħda minnhom, jew ukoll azzjonijiet nazzjonali oħra li ma ġewx invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma simili għall-azzjoni għal kumpens introdotta wara li tkun twettqet diskriminazzjoni, ikun ukoll il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk dawn l-azzjonijiet jinvolvux regoli proċedurali iktar favorevoli (ara, b’analogija, is-sentenza Pontin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Barra minn hekk, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk jistax jiġi kkonfermat l-għadd flimkien tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG u dak previst fl-Artikolu 61b tal-ArbGG kif ġie ssuġġerit mill-Gvern Ġermaniż.

35      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’kull każ li tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 14; Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, Ġabra, p. I‑9579, punt 39, u Pontin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

36      Skont ġurisprudenza stabbilita l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-azzjonijiet li jistgħu jwasslu għal dekadenza, jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżit tal-effettività sakemm dan isir b’applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C‑261/95, Ġabra p. I‑4025, punt 28; Preston et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C‑255/00, Ġabra p. I‑8003, punt 34, kif ukoll Kempter, ċċitata iktar ’il fuq, punt 58). Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grundig Italiana, punt 34; Kempter, punt 58, u Pontin, punt 48). B’din ir-riżerva, l-Istati Membri huma fil-libertà li jistabbilixxu termini itwal jew iqsar (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C‑30/02, Ġabra p. I‑6051, punt 20). Fir-rigward ta’ termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza Pontin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

37      Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk it-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-tul ta’ żmien tiegħu kif ukoll mal-mument minn meta jibda jiddekorri.

38      L-imsemmi Artikolu 15(4), jipprevedi terminu ta’ xahrejn sabiex min iħaddem jiġi nnotifikat bl-avviż. Kif spjega l-Gvern Ġermaniż, huwa importanti li min iħaddem jiġi informat malajr bl-avviż u li ma jkunx obbligat iżomm dokumenti relattivi għall-proċeduri ta’ reklutaġġ għal żmien eċċessivament twil, fid-dawl tas-sistema tal-provi prevista fl-AGG.

39      Ma jidhirx li l-iffissar tat-terminu ta’ xahrejn iwassal sabiex jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

40      Fir-rigward tal-mument minn meta jibda jiddekorri t-terminu tar-rikorsi, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 15(4) tal-AGG li, fil-“każ ta’ applikazzjoni għal impjieg [...], it-terminu jibda jiddekorri minn meta jkun ġie rċevut l-avviż ta’ rifjut” tal-applikazzjoni. Issa, f’tali sitwazzjoni, jista’ jagħti l-każ li l-impjegat ma jkunx għadu sar jaf bl-eżistenza jew bl-importanza tad-diskriminazzjoni li jkun sar vittma tagħha fit-terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru mill-avviż ta’ rifjut tal-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari bl-aġir ta’ min iħaddem, u dan jirrendi impossibbli l-preżentata ta’ rikors previst mid-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Levez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

41      Jirriżulta madankollu, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, li l-mument minn meta jibda jiddekorri t-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, skont interpretazzjoni teleoloġika ta’ tali dispożizzjoni, ma huwiex neċessarjament meta jkun ġie rċevut ir-rifjut tal-applikazzjoni, iżda l-mument li l-ħaddiem isir jaf bid-diskriminazzjoni allegata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma tirrendix l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni impossibili fil-prattika jew eċċessivament diffiċli.

42      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda li d-dritt primarju tal-Unjoni u l-Artikolu 9 tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola ta’ proċedura nazzjonali li teżiġi li l-vittma ta’ diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ibbażata fuq l-età għandha tinnotifika lill-awtur ta’ tali diskriminazzjoni b’avviż bil-għan li jinkiseb kumpens għad-danni materjali jew mhux materjali f’terminu ta’ xahrejn, bir-riżerva:

–        minn naħa waħda, li tali terminu ma jkunx inqas favorevoli meta mqabbel ma’ dak applikabbli għal rikorsi simili ta’ natura interna fid-dritt tax-xogħol,

–        min-naħa l-oħra, li l-iffissar tal-mument minn meta jibda jiddekorri l-imsemmi terminu ma jirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

 Fuq il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni

43      L-Artikolu 8 tad-Direttiva jistabbilixxi li l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva ma għandha bl-ebda mod tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni diġà pprovduta mill-Istati Membri fil-qasam kopert mid-Direttiva.

44      Fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), u, b’mod partikolari, tal-klawżola 8(3) ta’ dan il-ftehim qafas, li tipprevedi li l-implementazzjoni tiegħu ma tistax tikkostitwixxi raġuni valida għall-Istati Membri sabiex inaqqsu l-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiem preċedentement iggarantit taħt l-ordinament ġuridiku intern fil-qasam kopert mill-imsemmi ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tnaqqis tal-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss ma huwiex fih innifsu pprojbit mill-imsemmi ftehim, iżda li, sabiex jidħol taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, tali tnaqqis għandu, minn naħa waħda, ikun marbut mal-“implimentazzjoni’ tal-ftehim qafas, u min-naħa l-oħra, għandu jirrigwarda l-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema għal żmien fiss (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra, p. I‑3071, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

45      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 1 tad-Direttiva ma jipprevedix is-sess bħala motiv għal diskriminazzjoni u għaldaqstant it-tnaqqis eventwali fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq dan il-motiv ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parti mill-oqsma koperti mid-Direttiva.

46      Konsegwentement, it-tul tat-terminu sabiex jintalab kumpens minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess kif jirriżulta mill-Artikolu 611a tal-BGB, kif imfassal wara d-dħul fis-seħħ tal-AGG, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva.

47      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ tingħata risposta għat-tieni parti tad-domanda li l-Artikolu 8 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola ta’ proċedura nazzjonali, adottata bil-għan li tiġi implementata d-Direttiva, li għandha l-għan li temenda leġiżlazzjoni preċedenti li tipprevedi terminu għal talba għal kumpens fil-każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt primarju tal-Unjoni u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola ta’ proċedura nazzjonali li teżiġi li l-vittma ta’ diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ibbażata fuq l-età għandha tinnotifika lill-awtur ta’ tali diskriminazzjoni b’avviż bil-għan li jinkiseb kumpens għad-danni materjali jew mhux materjali f’terminu ta’ xahrejn, bir-riżerva:

–        minn naħa waħda, li tali terminu ma jkunx inqas favorevoli meta mqabbel ma’ dak applikabbli għal rikorsi simili ta’ natura interna fid-dritt tax-xogħol,

–        min-naħa l-oħra, li l-iffissar tal-mument minn meta jibda jiddekorri l-imsemmi terminu ma jirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

2)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola ta’ proċedura nazzjonali, adottata bil-għan li tiġi implementata l-imsemmija direttiva, li għandha l-għan li temenda leġiżlazzjoni preċedenti li tipprevedi terminu għal talba għal kumpens fil-każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.