Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2023 minn Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-79/21, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-535/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ryanair DAC, Airport Marketing Services Ltd (rappreżentanti: E. Vahida, F.-C. Laprévote, avukati, u S. Rating, D. Pérez de Lamo, abogados)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara, skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1671 tat-2 ta’ Awwissu 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.47867 2018/C (ex 2017/FC) implimentata minn Franza għal Ryanair u għal Airport Marketing Services  1 hija annullata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-appellanti; u

tikkundanna lil kwalunkwe konvenuti u intervenjenti oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Sussidjarjament:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; u

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mal-ewwel istanza u mal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin :

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li, peress li l-appellanti kienu sempliċi “partijiet ikkonċernati”, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat test ta’ ħtieġa mqassar minflok il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova fil-konstatazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li l-prezz tas-servizzi ma kienx il-prezz tas-suq u li s-servizzi ma kinux meħtieġa.

Ir-raba’, b’mod sussidjarju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li Aéroport Montpellier Méditerranée ma kienx benefiċjarju indirett ta’ għajnuna.

Il-ħames, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tas-selettività.

____________

1 ĠU 2020, L 388, p. 1.