Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší správny súd (is-Slovakkja) fit-28 ta’ Awwissu 2023 – T.T., BAJI Trans, s.r. o. vs Národný inšpektorát práce

(Kawża C-544/23, BAJI Trans)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší správny súd

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: T.T., BAJI Trans, s.r.o.

Konvenut: Národný inšpektorát práce

Domandi preliminari

L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, jimponi sanzjoni amministrattiva għall-ksur ta’ obbligu ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn tali obbligu jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u l-Istati Membri huma obbligati li jimponu penali għall-ksur tiegħu, kif previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq 1 u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq? 2

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

L-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur amministrattiv meta d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà u dwar il-penali tiġi adottata l-ewwel mhux minn awtorità ġudizzjarja, iżda minn awtorità amministrattiva, u għalhekk dan il-prinċipju japplika sussegwentement ukoll għall-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità amministrattiva mill-qorti amministrattiva?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv:

L-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali, irrispettivament mill-istadju li jkunu jinsabu fih?

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv:

Skont liema kriterji dan l-istadju għandu jiġi stabbilit? B’mod partikolari, l-Artikolu 49 tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal proċeduri kontenzjużi amministrattivi li għandhom bħala suġġett rikors bħal appell ta’ kassazzjoni, b’tali mod li qorti bħan-Najvyšší správny súd (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Slovakka) li tiddeċiedi fit-tieni u fl-aħħar istanza fuq l-appell ta’ kassazzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni emenda leġiżlattiva favur l-awtur ta’ ksur amministrattiv li huwa s-suġġett ta’ proċeduri quddiem awtorità amministrattiva u mhux qorti, li tintervjeni biss wara li d-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva ta’ istanza inferjuri li tkun ġiet mistħarrġa [mill-qorti tal-aħħar istanza], tkun saret definittiva?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227

1     ĠU 2014, L 60, p. 1.