Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-22 ta’ Awwissu 2023 – Societa Italiana Lastre SpA vs Agora

(Kawża C-537/23, Societa Italiana Lastre)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Societa Italiana Lastre SpA (SIL)

Konvenut: Agora SARL

Domandi preliminari

Fil-każ ta’ klawżola asimetrika li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tagħti lill-waħda mill-partijiet biss il-possibbiltà tal-għażla tal-qorti tagħha, li jkollha ġurisdizzjoni skont ir-regoli tad-dritt komuni, iżda li tkun differenti minn dik imsemmija f’din l-istess klawżola u meta l-parti l-oħra ssostni li din il-klawżola hija illegali minħabba l-impreċiżjoni tagħha u/jew minħabba n-natura żbilanċjata tagħha, din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża skont ir-regoli awtonomi misluta mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bruxelles I a”) 1 u skont l-għan ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali segwit minn dan ir-regolament, jew għandha tiġi deċiża skont id-dritt tal-Istat Membru indikat f’din il-klawżola? Fi kliem ieħor, din hija kwistjoni li, fis-sens ta’ dan l-artikolu, taqa’ taħt il-validità sostantiva tal-klawżola? Jew għandu, għall-kuntrarju, jitqies li l-kundizzjonijiet tal-validità sostantiva tal-klawżola għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u li japplikaw biss għar-raġunijiet sostantivi ta’ invalidità, b’mod prinċipali frodi, żball, qerq, vjolenza u l-inkapaċità?

Fil-każ li l-kwistjoni tal-impreċiżjoni jew tan-natura żbilanċjata tal-klawżola għandha tiġi deċiża fid-dawl ta’ regoli awtonomi, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Bruxelles I a għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola għandha jew ma għandhiex tiġi applikata jekk tawtorizza lil parti minnhom biss tadixxi lil qorti waħda biss, filwaqt li tippermetti lill-parti l-oħra tadixxi, minbarra lil din il-qorti, lil kwalunkwe qorti oħra li jkollha ġurisdizzjoni skont id-dritt komuni ?

Fil-każ li l-assimetrija ta’ klawżola tkun tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità sostantiva, kif għandu jiġi interpretat dan it-test u, b’mod partikolari, ir-riferiment għad-dritt tal-Istat tal-qorti magħżula, meta l-klawżola tkun tindika diversi qrati, jew meta l-klawżola tkun tindika qorti partikolari, filwaqt li tħalli lil waħda mill-partijiet l-għażla ta’ qorti oħra u meta din l-għażla ma tkunx għada saret fil-ġurnata li fiha l-qorti tkun ġiet adita:

–    il-liġi nazzjonali applikabbli għandha tkun dik tal-unika qorti espliċitament magħżula, irrispettivament mill-fatt li jistgħu jiġu aditi qrati oħrajn?

–    meta jkun hemm diversi qrati indikati, huwa possibbli li jsir riferiment għad-dritt tal-qorti effettivament adita?

–    fl-aħħar nett, fid-dawl tal-premessa 20 tar-Regolament Bruxelles I a, ir-riferiment għad-dritt tal-qorti tal-Istat Membru magħżul jestendi għar-regoli sostantivi ta’ dan l-Istat jew għar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet tiegħu?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.