Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-201/21, Covington & Burling u Van Vooren vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-540/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Ciubotaru, C. Ehrbar u A. Spina, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Covington & Burling, Bart Van Vooren

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata,

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-Kawża T-201/21 u ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-relevanza tar-regoli ta’ proċedura ta’ kumitat għall-interpretazzjoni tal-kundizzjoni “serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni” fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 .

L-ewwel aggravju huma magħmul minn żewġ partijiet.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-relevanza tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni 1 u tar-Regoli Standard ta’ Proċedura għall-Kumitati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni rilevanti għall-aċċess pubbliku għal dokumenti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1048/2001.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi interpretat b’mod żbaljat ir-Regoli Standard ta’ Proċedura għall-Kumitati u r-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex tevalwa “jekk l-iżvelar tad-dokument serjament [idgħajjifx] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni”.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat “jekk l-iżvelar tad-dokument serjament [idgħajjifx] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni” skont it-tifsira tal-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

It-tieni aggravju huwa magħmul minn żewġ partijiet.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni inkompleta tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata meta evalwat “jekk l-iżvelar tad-dokument serjament [idgħajjifx] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni”, u b’hekk kisret id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterji legali korretti u naqset milli tevalwa l-fatturi rilevanti bħala parti minn korp ta’ provi konsistenti.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

1 ĠU 2011, L 55, p. 13.