Language of document : ECLI:EU:T:2010:164

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

27 ta’ April 2010

Kawża T-103/10 P(R)

Il-Parlament Ewropew

vs

U

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea mogħti fi proċeduri għal miżuri provviżorji – Nuqqas ta’ urġenza”

Suġġett:      Appell mid-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tat-18 ta’ Diċembru 2009, U vs Il‑Parlament (F‑92/09 R, Ġabra p. I‑0000), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: Id-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tat-18 ta’ Diċembru 2009, U vs Il-Parlament (F‑92/09 R, Ġabra p. I‑0000), huwa annullat. It-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn U hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi – Ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatti li jirriżultaw mill-atti tal-proċess – Eżami inkomplet tal-fatti – Ammissibbiltà

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 10(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Rikors – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw, prima facie, l-għoti tal-miżuri mitluba – Preżentata ta’ sottomissjonijiet komplementari bl-għan li tirrimedja għal nuqqasijiet – Inkompatibbiltà mal-proċeduri għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(c), 104(2) u (3) u 109; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(d) u 102(2) u (3))

4.      Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi – Ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatti li jirriżultaw mill-atti tal-proċess – Oneru tal-prova

(Artikolu 256 TFUE)

1.      Ilment li l-proċess tal-ewwel istanza ma jippermettix li tiġi ġġustifikata l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ urġenza, li jwassal sabiex jiġi allegat li l-ineżatezza ta’ din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-atti tal-proċess u sabiex il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi akkużat li wettaq eżami inkomplet tal-fatti, huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 30 ta’ Settembru 2009, Skareby vs Il‑Kummissjoni, T‑193/08 P, Ġabra p. I‑0000, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li r-rikorsi ma għandhomx effett sospensiv peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Huwa għaldaqstant b’mod eċċezzjonali biss li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-qorti li qed tiddeċiedi fuq il-mertu jew jippreskrivi miżuri provviżorji.

In-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji, għalkemm dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax jitqies, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, bħala irreparabbli jew anki bħala diffiċilment reparabbli, peress li, bħala regola ġenerali, dan jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju sussegwenti.

Anki f’każ ta’ dannu purament pekunjarju, miżura provviżorja hija ġġustifikata jekk jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, il-parti li qed titlobha ser tkun f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-vijabbiltà finanzjarja tagħha peress li ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha ammont ta’ flus li normalment jippermettilha tħallas l-ispejjeż indispensabbli kollha sabiex tiżgura li l-bżonnijiet elementari tagħha jkunu sodisfatti sa kemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali.

Madankollu, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk id-dannu allegat huwiex ta’ natura gravi u irreparabbli u għaldaqstant iġġustifikat li jissospendi, b’mod eċċezzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, fil-każijiet kollha, ikollu informazzjoni konkreta u preċiża, sostnuta minn dokumenti ddettaljati, li turi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li qed titlob il-miżura provviżorja u li tippermetti li jiġu evalwati l-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw minn nuqqas tal-miżuri mitluba.

F’kull każ, hija l-parti li qed titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna r-riżultat tal-proċeduri prinċipali mingħajr ma ssofri dannu gravi u irreparabbli.

Minn dan li ntqal jirriżulta li, minn naħa, il-parti li qed titlob il-miżura provviżorja, bil-għan li tiġġustifika s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, għandha tipproduċi dokumenti insostenn li jagħtu stampa reali u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u, min-naħa l-oħra, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, ikkonfrontat b’kontestazzjonjiet min-naħa tal-parti avversarja, ma jistax jilqa’ talba għal miżuri provviżorji billi jibbaża ruħu biss fuq sempliċi affermazzjonijiet mhux issostanzjati tal-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura strettament eċċezzjonali tal-għoti ta’ miżuri provviżorji, tali miżuri jistgħu jingħataw biss jekk dawn l-affermazzjonijiet huma bbażati fuq provi konklużivi.

(ara l-punti 34 sa 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Jannar 1988, Top Hit Holzvertrieb vs Il‑Kummissjoni, 378/87 R, Ġabra p. 161, punt 18; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Ottubru 1991, Abertal et vs Il‑Kummissjoni, C‑213/91 R, Ġabra p. I‑5109, punt 18; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ April 2001, Il‑Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, C‑471/00 P(R), Ġabra p. I‑2865, punt 113; Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ April 1998, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt‑Unternehmen u Hapag‑Lloyd vs Il‑Kummissjoni, T‑86/96 R, Ġabra p. II‑641, punti 64, 65 u 67; Il-Qorti Ġenerali 16 ta’ Lulju 1999, Hortiplant vs Il‑Kummissjoni, T‑143/99 R, Ġabra p. II‑2451, punt 18; Il-Qorti Ġenerali 3 ta’ Lulju 2000, Carotti vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑163/00 R, ĠabraSP p. I‑A‑133 u II‑607, punt 8; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Ġunju 2001, Bactria vs Il‑Kummissjoni, T‑339/00 R, Ġabra p. II‑1721, punt 94; Il-Qorti Ġenerali 7 ta’ Mejju 2002, Aden et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑306/01 R, Ġabra p. II‑2387, punt 94; Il-Qorti Ġenerali 18 ta’ Ottubru 2001, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il‑Kummissjoni, T‑196/01 R, Ġabra p. II‑3107, punt 32; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑151/01 R, Ġabra p. II‑3295, punt 187; Il-Qorti Ġenerali 3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il‑Kummissjoni, T‑181/02 R, Ġabra p. II‑5081, punti 82 u 84; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ Ottubru 2006, Vischim vs Il‑Kummissjoni, T‑420/05 R II, Ġabra p. II‑4085, punti 83 u 84; Il-Qorti Ġenerali 25 ta’ April 2008, Vakakis vs Il‑Kummissjoni, T‑41/08 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52; Il-Qorti Ġenerali 17 ta’ Diċembru 2009, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni, T‑396/09 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-istampa reali u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li qed titlob il-miżura provviżorja għandha tiġi prodotta, minn din tal-aħħar, fl-istadju tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn qari tal-Artikolu 35(1)(d) u tal-Artikolu 102(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku flimkien mal-Artikolu 44(1)(c) u mal-Artikolu 104(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nnifisha, tippermetti lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi, jekk ikun neċessarju mingħajr informazzjoni oħra insostenn, peress li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din hija bbażata għandhom jirriżultaw mit-test stess tal-talba għal miżuri provviżorji.

Ir-rikorrent, li għaldaqstant huwa obbligat jipproduċi dokumenti li jipprovdu stampa reali u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, għandu jipprovdi lill-Imħallef għal miżuri provviżorji b’informazzjoni fuq il-possibbiltà li jingħata jew le għajnuna soċjali jew allowance ekwivalenti, kif ukoll b’dikjarazzjoni dwar l-istat tal-patrimonju tiegħu.

Ma hemmx lok li l-parti li qed titlob il-miżura provviżorja tiġi permessa tipprovdi, fl-istadju tal-appell, provi addizzjonali li hija naqset milli tipproduċi quddiem il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, talba għal miżuri provviżorji ma tistax, bħala regola ġenerali, tkun validament ikkompletata, bil-għan li jiġu rrimedjati tali nuqqassijiet, b’nota sussegwenti, peress li l-għoti ta’ tali possibbiltà ta’ “rimedju” huwa inkompatibbli mhux biss mal-ħeffa mitluba fil-qasam tal-miżuri provviżorji, iżda wkoll, u fuq kollox, mal-ispirtu tal-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li skontu, f’każ ta’ rifjut ta’ talba għal miżuri provviżorji, il-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji tista’ tressaq talba oħra biss jekk din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti ġodda.

(ara l-punti 40, 44, 50 u 58)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Jannar 2001, Stauner et vs Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni, T‑236/00 R, Ġabra p. II‑15, punt 34; Aden et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 101 sa 115; Il-Qorti Ġenerali 23 ta’ Mejju 2005, Dimos Ano Liosion et vs Il‑Kummissjoni, T‑85/05 R, Ġabra p. II‑1721, punt 37; Il-Qorti Ġenerali 23 ta’ Jannar 2009, Pannon Hőerőmű vs Il‑Kummissjoni, T‑352/08 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31; Il-Qorti Ġenerali 24 ta’ April 2009, Nycomed Danmark vs EMEA, T‑52/09 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62; Il-Qorti Ġenerali 4 ta’ Frar 2010, Il‑Portugall vs Transnáutica u Il‑Kummissjoni, T‑385/05 TO R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 11 sa 13

4.      Billi qies li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet sodisfatta, anki jekk l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata kienet enfasizzat fl-ewwel istanza li r-rikorrent ma kienx ippreżenta ebda prova tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u li din is-sitwazzjoni ma kinitx ikkawżat urġenza, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku attribwixxa preċedenza lis-sempliċi affermazzjonijiet unilaterali tar-rikorrent fuq in-negazzjonijiet espressi minn din l-istituzzjoni, billi injora l-fatt li r-rikorrent ma kienx stabbilixxa theddida imminenti ta’ dannu gravi u irreparabbli, li fir-rigward tagħha huwa kellu l-oneru tal-prova. B’dan il-mod, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq eżami inkomplet tal-fatti, b’mod li d-digriet ikkontestat huwa vvizzjat b’ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula, li jirriżultaw mill-atti tal-proċess.

(ara l-punt 51)

Referenza: Skareby vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata