Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2010 - Südzucker et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-102/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Südzucker AG Mannheim/Ochsenfurt (Mannheim, il-Ġermanja), AGRANA Zucker GmbH (Vjenna, l-Awstrija), Südzucker Polska S.A. (Breslau, il-Polonja), Raffinerie Tirlemontoise SA (Brussell, il-Belġju), Saint Louis Sucre SA (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: H.-J. Prieß u B. Sachs, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta' Novembru 2009, li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu diversi motivi.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 233 KE (Artikolu 266 TFUE) peress li l-Kummissjoni ma applikatx id-dispożizzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et (C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, Ġabra p. I-3231). F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet kif kellhom jiġu ddeterminati l-parametri tal-"eċċess esportabbli" u tal-"obbligi tal-esportazzjoni" fil-kalkolu tal-imposta tal-produzzjoni għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2005/2006 fis-settur taz-zokkor. Ir-rikorrenti jqisu li fir-regolament ikkontestat il-Kummissjoni emendat ukoll it-tielet parametru, dak tal-"ammont totali tar-rifużjoni", minkejja li l-kawża Zuckerfabrik Jülich ma kinitx tirrigwarda l-kalkolu tiegħu.

Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 1, kif ukoll is-sens u l-iskop ta' dan ir-regolament. F'dan ir-rigward huma jsostnu wkoll, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-ammont totali tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni inkludiet rifużjonijiet li la ntalbu u lanqas tħallsu. Barra minn dan, l-iffissar ta' ammont fiss ta' esportazzjonijiet kull xahar iwassal għal ineżattezzi fil-kalkolu. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jqisu li, fil-kawża Zuckerfabrik Jülich, il-Qorti tal-Ġustizzja pprojbiet li t-telf globali jiġi stmat għal ammont għola mill-ispejjeż għar-rifużjonijiet.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattività billi permezz tar-regolament ikkontestat il-Kummissjoni emendat b'mod retroattiv l-ammont totali tar-rifużjonijiet.

Fir-raba' motiv qiegħed jiġi invokat ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE), sa fejn, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat billi applikat is-sentenza li ngħatat fil-kawża Zuckerfabrik Jülich mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta' din is-sentenza.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jaffermaw, taħt l-intestatura "żbalji oħra ta' liġi", li, fit-3 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni ma kienx għad għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tas-snin tas-suq taz-zokkor 2002/03 sa 2005/06 sabiex tadotta regolament dwar l-imposta tal-produzzjoni, u dan sa fejn ir-Regolament Nru 1260/2001, li l-Kummissjoni ċċitat bħala l-bażi legali, kien diġà ġie rrevokat fil-ħin tal-adozzjoni ta' dan ir-regolament. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jallegaw ukoll ksur tal-Artikolu 37(2) KE peress li skont din id-dispożizzjoni kellha tintgħażel proċedura oħra għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta' Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17).