Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2010 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-101/10)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Szpunar, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta' Novembru 2009, li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 1, sa fejn din id-dispożizzjoni temenda l-kliem tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005, tal-14 ta' Ottubru 2005, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2004/2005 2;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura kkontestata tipprovdi koeffiċjent differenzjali tal-imposti addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2004/2005, fis-sens li l-imsemmi koeffiċjent ġie ffissat għal 0.25466 għall-Istati Membri l-ġodda u għal 0.14911 għall-15-il Stat tal-Komunità.

Ir-rikorrenti tqajjem l-ilmenti li ġejjin kontra l-miżura kkontestata.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni u l-ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 3, li jawtorizza biss lill-Kummissjoni sabiex tiffissa koeffiċjent wieħed bl-istess rata għall-Unjoni Ewropea kollha. Ir-rikorrenti ssostni li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1260/2001 f'dan ir-rigward huma kollha kemm huma ekwivalenti u konsistenti. Skont ir-rikorrenti, mhux talli r-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor ma jistgħux jiġġustifikaw nuqqas ta' interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1260/2001, talli dawn jeskludu tali possibbiltà. Ir-rikorrenti tqis li koeffiċjent waħdieni huwa fil-fatt strument essenzjali għall-implementazzjoni tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' adozzjoni immedjata u integrali tal-acquis communautaire mill-Istati Membri l-ġodda. Skont ir-rikorrenti, il-miżura kkontestata hija fil-fatt miżura tranżitorja li la għandha bażi fl-Att dwar l-Adeżjoni tal-2003 u lanqas fl-atti meħuda għall-implementazzjoni tiegħu. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Adeżjoni, li huwa l-bażi tal-aċċettazzjoni, mir-Repubblika tal-Polonja, tad-drittijiet u obbligi kollha li joħorġu mill-isħubija fl-Unjoni, li skont ir-rikorrenti, jinsab fosthom id-dritt għat-tgawdija ta' ħlas żejjed u l-obbligu li jiġi kopert it-telf subit fis-suq taz-zokkor matul is-snin tas-suq preċedenti.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqajjem il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Hija tikkonstata li l-uniku kriterju ta' koeffiċjent differenzjali huwa d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membri mal-Unjoni Ewropea. Hija tqis li l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jista' jiġġustifika t-trattament differenzjali stabbilit, peress li l-konsegwenzi tal-adeżjoni huma rregolati b'mod eżawrjenti mill-Att dwar l-Adeżjoni u mill-atti meħuda għall-implementazzjoni tiegħu.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta' solidarjetà. Hija ssostni li l-prinċipju ta' solidarjetà tal-produtturi jikkostitwixxi l-prinċipju bażiku tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor u jimplika li l-ispejjeż tal-finanzjament tas-suq għandhom ikunu sostnuti solidarjament mill-produtturi kolha u li n-newtralità finanzjarja għandha tinkiseb mhux fil-livell tad-diversi Stati Membri, iżda fuq skala tal-Unjoni kollha, skont kriterji oġġettivi. Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta' koeffiċjent differenzjali għal ċerti Stati Membri turi tqassim arbitrarju, sproporzjonat u mhux solidarju tal-ispejjeż tal-finanzjament tas-suq taz-zokkor.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tqajjem il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE (li attwalment huwa t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE), peress li l-miżura kkontestata ma kinitx suffiċjentement immotivata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni la indikat iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-eżistenza ta' koeffiċjent differenzjali, u lanqas l-għanijiet li tali divrenzjar kellu jilħaq.

____________

1 - ĠU L 321, p. 1.

2 - ĠU L 271, p. 12.

3 - Regolament, tad-19 ta' Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17)