Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' April 2010 - Schneider España de Informática vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-153/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Schneider España de Informática (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: P. De Baere u P. Muñiz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 22 finali, tat-18 ta' Jannar 2010, li tikkonstata li d-dħul a posteriori fil-kontijiet ta' dazji fuq l-importazzjoni huwa ġġustifikat u li r-remissjoni ta' dawk id-dazji mhijiex iġġustifikata f'każ partikolari (REM 02/08)

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Jannar 2010, li permezz tagħha l-konvenuta kkonkludiet li d-dazji fuq l-importazzjoni kkonċernati għal televiżjonijiet bil-kulur għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità 1 ma kinux sodisfatti. Id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet ukoll li r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni kkonċernati ma kinitx iġġustifikata skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq dawn il-motivi:

L-ewwel, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li hija ħadet deċiżjoni li kienet ibbażata biss fuq id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti.

It-tieni, il-konvenuta kisret l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, flimkien mal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, peress li:

il-konvenuta b'mod żbaljat ikkunsidrat li regolamenti antidumping adottati kontra importazzjonijiet minn pajjiżi terzi huma awtomatikament applikabbli għal merkanzija f'ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Doganali EU-Turkija;

il-konvenuta naqset milli tinforma lill-kummerċjanti li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2584/98 2 kien ukoll applikabbli għal merkanzija f'ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Doganali EU-Turkija;

sussidjarjament, il-konvenuta kkunsidrat b'mod żbaljat li l-awtoritajiet kompetenti ma kienu wettqu ebda żball peress li l-awtoritajiet Torok kienu żbaljatament ikkonfermaw li d-dazji antidumping imposti fuq merkanzija minn pajjiżi terzi ma kinux applikabbli għal merkanzija f'ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Doganali EU-Turkija;

il-konvenuta kkunsidrat b'mod żbaljat li ma kien twettaq ebda żball mill-awtoritajiet kompetenti peress li l-awtoritajiet doganali Spanjoli żbaljatament assumew li l-merkanzija akkumpanjata minn ċertifikat ta' oriġini ma setgħetx tkun suġġetta għal dazji addizzjonali jew għal miżuri ta' protezzjoni tal-kummerċ, u għaldaqstant naqsu milli jinformaw lill-operaturi ekonomiċi li l-importazzjonijiet tagħhom mit-Turkija setgħu jkunu suġġetti għal miżuri dwar il-kummerċ, anki jekk din il-merkanzija kienet f'ċirkolazzjoni libera.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali kompetenti ma setax ikun raġonevolment skopert mill-persuna responsabbli għall-ħlas, li tkun aġixxiet in bona fede u tkun issodisfat ir-rekwiżiti kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li hija tinsab f'sitwazzjoni speċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u li ma jista' jiġi attribwit fir-rigward tagħha ebda ingann jew traskuraġni ovvja skont din id-dispożizzjoni legali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2584/98, tas-27 ta' Novembru 1998, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 710/95 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' riċevituri tat-televiżjoni bil-kulur li joriġinaw mill-Malasja, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Korea, minn Singapor u mit-Tajlandja u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost. (ĠU L 324, p. 1)