Language of document : ECLI:EU:F:2015:107

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

22 ta’ Settembru 2015

Kawża F‑20/14

Inge Barnett

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku – Pensjoni – Pensjoni tal-irtirar – Irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Interess tas-servizz – Definizzjoni – Assenza – Tul tal-attività professjonali tal-applikant – Teħid inkunsiderazzjoni tal-karriera professjonali kollha kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni – Legalità”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu I. Barnett titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), tal-11 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi l-lista tal-benefiċjarji, għas-sena 2013, tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), sa fejn din id-deċiżjoni tirrifjuta li tagħti lil I. Barnett il-benefiċċju tal-imsemmija miżura, u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-11 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi l-lista tal-benefiċjarji, għas-sena 2013, tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tirrifjuta li tagħti lil I. Barnett il-benefiċċju tal-imsemmija miżura, hija annullata. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn I. Barnett.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tal-irtirar – Pensjoni antiċipata mingħajr tnaqqis – Kundizzjonijiet għall-għoti – Interess tas-servizz – Kriterji ppreċiżati bid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-amministrazzjoni – Kriterji relatati mat-tul tal-attività professjonali tal-applikant – Teħid inkunsiderazzjoni tal-karriera kollha kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 9(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tal-irtirar – Pensjoni antiċipata mingħajr tnaqqis – Kundizzjonijiet għall-għoti – Interess tas-servizz – Definizzjoni biss abbażi tal-kriterji relatati mat-tul tal-attività professjonali, mal-età u mal-merti tal-applikant – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 9(2))

1.      Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif adottati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), sabiex jikkalkula t-tul tal-attività professjonali ta’ uffiċjal li jitlob l-għoti tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, il-KESE jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali kollha tal-kandidati, mwettqa kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Effettivament, fl-ewwel lok, ir-ratio legis tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jiffaċilita, permezz tal-għoti ta’ rtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, il-ġestjoni tar-riżorsi umani fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tiffavorixxi lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal li, fl-aħħar tal-karriera professjonali tagħhom, jkollhom numru ikbar ta’ snin ta’ servizz fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta mqabbla ma dawk li għandhom inqas snin ta’ servizz fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-karriera tagħhom żvolġiet, b’mod iktar sostanzjali mill-karriera ta’ dawn tal-ewwel, barra minn dawn l-istituzzjonijiet.

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni jista’ jingħata biss fl-interess tas-servizz. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jagħti lill-Awtoritajiet tal-Ħatra ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw biex jintgħażlu uffiċjali u l-membri tal-persunal li għandhom jingħataw il-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall‑pensjoni, sakemm dawn il-kriterji jkunu oġġettivi u stabbiliti minn qabel. Għalhekk, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma timponix li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jadottaw kriterji komuni biex jiddeċiedu bejn il-kandidati. Konsegwentement, peress li l-imsemmi Artikolu 9(2) ma jimponix fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-anzjanità tas-servizz fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala kriterju oġġettiv li jippermetti t-teħid ta’ deċiżjoni bejn il-kandidati għall-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, mingħajr madankollu ma jipprojbixxilhom li jagħmlu dan, ma huwiex eskluż li istituzzjoni tagħżel li tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tistabbilixxi fid-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha li jimplementaw l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fost kriterji oħra, il-kriterju tat-tul ta’ servizz fi ħdan l-Unjoni.

(ara l-punti 54 sa 57 u 60)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, De Soeten vs Il-Kunsill, F‑86/05, EU:F:2006:87, punt 48

2.      Il-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni skont l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jingħata jekk l-interess tas-servizz jiġġustifika dan, interess li huwa ddefinit liberament minn kull istituzzjoni tal-Unjoni fid-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha li jimplementaw l-imsemmija dispożizzjoni. Sussegwentement, biex tiddeċiedi bejn il-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tistabbilixxi u tapplika kriterji oġġettivi u proċeduri trasparenti, stabbiliti wkoll fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

Il-kriterju tat-tul tal-esperjenza professjonali tal-persuni interessati ma jippermettix li jiġi evalwat l-interess tas-servizz fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li abbażi tiegħu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għandu jeżamina l-applikazzjonijiet għall-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, u dan la jekk jiġi kkunsidrat waħdu kif ukoll jekk flimkien ma’ kriterji oħra relatati mal-età u mal-merti, previsti fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-KESE.

Fil-fatt, il-kriterji relatati mal-età, mat-tul tal-esperjenza professjonali u mal-merti, intiżi sempliċement għat-teħid ta’ deċiżjoni bejn il-kandidati, jistgħu jidentifikaw l-iktar uffiċjali anzjani, li ħadmu l-ikbar numru ta’ snin matul il-karriera tagħhom u għandhom l-ogħla numru ta’ punti fl-aħħar rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom, iżda li ma jissodisfawx, waħedhom, ir-ratio legis tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa li jiffaċilita l-ġestjoni tar-riżorsi umani mill-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 67, 71, 72, 75, 76 u 78)