Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Awwissu 2008 - Spira vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-354/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Diamanthandel A. Spira BVBA (Antwerp, il-Belġu) (rappreżentanti: J. Bourgeois, Y. Van Gerven, F. Louis, A. Vallery, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ġunju 2008, li tirrigwarda l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 773/2004, Każ COMP/38.826/B-2-Spira/De Beers/DTC Supplier of Choice;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' din il-kawża, ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2008) D/203546 tal-5 ta' Ġunju 2008 li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li l-bidla fil-fatti minħabba l-annullament tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-deċiżjoni ta' impenn1 ma kinitx element deċiżiv li jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrevedi d-Deċiżjoni (2007) D/200338 tagħha tas-26 ta' Jannar 2007, li biha ċaħdet, minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju, l-ilment tar-rikorrenti dwar ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE fir-rigward tas-sistema ta' Supplier of Choice (iktar 'il quddiem "SoC") applikata mill-Grupp De Beers għad-distribuzzjoni ta' djamanti mhux maħduma (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ċaħda"2) (Każ COMP/38.826/B-2-Spira/De Beers/DTC Supplier of Choice).

Ir-rikorrenti tressaq tliet motivi in sostenn tal-imenti tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli teżamina b'diliġenza u imparzjalità il-prattiċi antikompetittivi allegati mir-rikorrenti fl-iment tagħha.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li meta wieħed jeżamina mill-ġdid il-kwistjoni ta' l-input foreclosure, il-Kummissjoni ma tistax issostni li kien hemm nuqqas ta' interess Komunitarju li tieħu azzjoni fir-rigward tal-ilment fid-dawl tad-dannu kunsiderevoli li rriżulta mill-input foreclosure kkawżat mis-sistema ta' SoC. Ir-rikorrenti ssostni li l-input foreclosure jmissu tqies bħala ta' interess Komunitarju peress li jaffettwa d-disponibbiltà ta' djamanti mhux maħduma kemm fuq skala ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq skala dinjija. Hija tqis li s-sistema ta' distribuzzjoni ta' SoC hija sistema ta' distribuzzjoni selettiva antikompetittiva li tirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn il-marka.

It-tielet nett, sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball tad-dritt u pprovdiet raġunijiet inadegwati fl-applikazzjoni tat-test tal-effetti tal-esklużjoni:

ma ddefinietx minn qabel l-istruttura tas-suq analizzat, is-saħħa fis-suq tal-kumpannija kkonċernata u l-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri tagħha;

naqset milli twettaq eżami tar-restrizzjonijiet potenzjali kollha jew attivitajiet ta' monopolju min-naħa tal-fornitur li s-sistema ta' distribuzzjoni selettiva tiegħu kienet qed tiġi eżaminata.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq fatti sostanzjalment żbaljati meta kkonkludiet li l-ftehim SoC ma teskludix operaturi fis-suq sekondarji milli jkollhom aċċess għal djamanti mhux maħduma (l-input foreclosure).

____________

1 - Kawża T-170/06 Alrosa vs Il-Kummissjoni [2007] ECR II-2601, appell ippreżentat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C-441/07, Il-Kummissjoni vs Alrosa, ĠU 2007 C 283, p. 22

2 - Id-deċiżjoni ta' ċaħda ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mir-rikorrenti fil-kawża T-108/07 Spira vs Il-Kummissjoni, ĠU 2007 C 129, p. 20