Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Jannar 2008 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-39/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;

tordna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti b'riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti in kwistjoni, fl-ammont ta' EUR 441 564,50;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti marbuta ma' dan ir-rikors, anki jekk dan jiġi miċħud;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti marbuta ma' dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ppreżentat offerta b'risposta għal sejħa għal offerti magħmula mill-konvenuta għall-hosting, immaniġġjar, titjib, promozzjoni u manteniment tal-portal ta' l-internet tal-Kummissjoni dwar l-"e-learning" (elearningeuropa.info) (ĠU 2007, S 87-105977). Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-12 ta' Novembru 2007 li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti u li tinforma lir-rikorrenti li l-kuntratt kien ser jingħata lil offerent ieħor. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għall-allegati danni kkawżati mill-proċedura ta' sejħa għal offerti.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta għamlet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u naqset milli tagħti raġunijiet skond l-Artikolu 253 KE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta ħawdet kriterji ta' evalwazzjoni ma' kriterji ta' għoti meta evalwat l-offerti u użat kriterji ta' evalwazzjoni li ma kinux ġew ikkomunikati lill-offerenti qabel id-data ta' skadenza għall-ippreżentar ta' offerti. Fl-aħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.

____________