Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ April 2021 mill-Bank Ewropew tal-Investiment mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fis-27 ta’ Jannar 2021 fil-Kawża T-9/19, ClientEarth vs BEI

(Kawża C-212/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) (rappreżentanti: T. Gilliams, G. Faedo u K. Carr, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: ClientEarth, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, b’mod partikolari d-dispożittiv;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima tista’ tiġi deċiża, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza;

tikkundanna lil ClientEarth għall-ispejjeż sostnuti miż-żewġ partijiet u relatati mal-proċeduri tal-appell u tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka tliet aggravji.

L-ewwel, is-sentenza appellata tiddikjara b’mod żbaljat li l-motiv ta’ difiża mressaq mill-BEI dwar l-indipendenza tiegħu fil-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji tiegħu huwa inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni li fuqhom huwa bbażat il-motiv ta’ difiża tal-BEI, applikat ħażin l-obbligu ta ’motivazzjoni, u żnaturat it-tweġiba tal-BEI għat-talba għal reviżjoni interna mressqa minn ClientEarth fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus 1 . Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-kunċett ta’ “att amministrattiv” imsemmi fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

It-tieni, is-sentenza appellata ddikjarat b’mod żbaljat li r-riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-12 ta’ April 2018, li tapprova l-proposta ta’ finanzjament għal proġett ta’ impjant tal-elettriku tal-bijomassa f’Curtis (Spanja), tikkostitwixxi att amministrattiv li għandu “effetti esterni u li jorbtu [jorbot] legalment” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus. Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt primarju tal-Unjoni fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni u fuq il-ftehimiet internazzjonali, injorat l-Artikolu 271(c) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 263 TFUE.

It-tielet, is-sentenza appellata ddeċidiet b’mod żbaljat li r-riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-12 ta’ April 2018 kienet tikkostitwixxi att amministrattiv adottat “taħt il-liġi ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus. Il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin id-definizzjoni fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Aarhus, naqset milli tidentifika l-bażi legali korretta għar-riżoluzzjoni inkwistjoni, u interpretat b’mod inkonsistenti r-Regolament Aarhus fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).