Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2016 – L-Irlanda vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-778/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: L-Irlanda (rappreżentanti: E. Creedon, K. Duggan u A. Joyce, aġenti, P. Baker, QC, S. Kingston, C. Donnelly, B. Doherty u A. Goodman, barristers, P. Gallagher, D. McDonald u M. Collins, SC)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5605 finali, tat-30 ta’ Awwissu 2016, indirizzata lill-Irlanda, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38373 (2014/C) implementata mill-Irlanda favur Apple;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-Irlanda.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi interpretat b’mod żbaljat il-liġi Irlandiża u l-fatti rilevanti.

Id-deċiżjoni tiddikjara b’mod żbaljat li ż-żewġ opinjonijiet mogħtija fl-1991 u fl-2007 mir-Revenue Commissioners Irlandiż “irrinunzjaw” għal dħul fiskali li l-Irlanda kienet tkun altrimenti intitolata li tiġbor mill-fergħat Irlandiżi ta’ Apple Sales International (iktar ’il quddiem “ASI”) u Apple Operations Europe (iktar ’il quddiem “AOE”). L-opinjonijiet ma kinux jinvolvu nuqqas ta’ konformità mad-dritt Irlandiż. Ir-regoli ordinarji tat-taxxa applikabbli għal fergħat fl-Irlanda ta’ kumpanniji mhux residenti jinsabu fit-Taqsima 25 tat-Taxes Consolidation Act 1997. L-opinjonijiet sempliċement applikaw it-Taqsima 25, li bi qbil mall-prinċipju ta’ territorjalità, jintaxxa biss il-profitti attribwibbli lill-fergħa, u mhux il-profitt tal-kumpannija mhux magħmulin fl-Irlanda. Id-deċiżjoni tikklassifika wkoll b’mod żbaljat l-attivitajiet u r-responsabbiltajiet tal-fergħat Irlandiż ta’ ASI u AOE. Dawn il-fergħat kienu jwettq funzjonijiet ta’ rutina, iżda d-deċiżjonijiet kollha importanti fi ħdan ASI u AOE kienu jitwettqu fl-Istati Uniti, u l-profitti li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet ma kinux proprjament attribwibbli lill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u AOE. L-attribuzzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-liċenzji ta’ proprjetà intellettwali ta’ Apple lill-fergħat Irlandiżi ta’ AOE u ASI ma hijiex konsistenti mal-liġi Irlandiża u, barra minn hekk, ma hijiex konsistenti mal-prinċipji li hija tallega li tapplika, l-istess bħalma huwa r-rifjut iddikjarat tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet ta’ Apple Inc.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat.

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ASI u AOE ingħataw “vantaġġ” hija żbaljata. L-opinjonijiet ma marrux lil hinn minn tassazzjoni “normali”, għaliex ASI u AOE ma ħallsux inqas taxxa minn dik li kienet dovuta taħt it-Taqsima 25. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll b’mod żbaljat li l-opinjonijiet kienu selettivi. Is-sistema ta’ riferiment tal-Kummissjoni tinjora b’mod żbaljat id-distinzjoni bejn kumpanniji residenti u dawk mhux residenti. Il-Kummissjoni tipprova tikteb mill-ġdid ir-regoli Irlandiżi dwar l-intaxxar tal-kumpanniji sabiex, fir-rigward tal-opinjonijiet, ir-Revenue Commissioners kellu japplika l-verżjoni tal-Kummissjoni tal-Arm’s length principle (iktar ’il quddiem l-“ALP”). Dan il-prinċipju ma jifformax parti mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi Irlandiża rilevanti fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ profitt lil fergħa, u l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex kompatibbli mas-sovranità tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-ALP hija inkonsistenti u manifestament żbaljata.

Anki li kieku l-ALP kien legalment rilevanti (argument li ma huwiex aċċettat mill-Irlanda), xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tapplikah b’mod konsistenti jew milli teżamina s-sitwazzjoni ġenerali tal-grupp Apple.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-motivazzjoni sussidjarja tal-Kummissjoni hija żbaljata.

Il-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet ix-xhieda tal-esperti prodotta mill-Irlanda li kienet turi li, anki li kieku l-ALP kien applikabbli (argument li ma huwiex aċċettat mill-Irlanda), it-trattament fiskali mogħti lil ASI u lil AOE kien konsistenti ma dan il-prinċipju.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-motivazzjoni alternattiva tal-Kummissjoni hija żbaljat.

Il-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li l-ALP huwa inerenti fid-dritt Irlandiż, li t-Taqsima 25 kienet applikata b’mod inkonsistenti jew li t-Taqsima 25 tagħti diskrezzjoni mhux permessa. It-Taqsima 25 ma tagħti l-ebda tali diskrezzjoni lir-Revenue Commissioners.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali.

Il-Kummissjoni qatt ma spjegat b’mod ċar it-teorija tagħha tal-għajnuna mill-Istat matul l-investigazzjoni, u d-deċiżjoni tinkludi konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom l-Irlanda qatt ma kellha l-opportunità li tikkummenta. Il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba billi naqset milli taġixxi b’mod imparzjali u f’konformità mad-dmir tagħha ta’ diliġenza.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi.

Il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi meta invokat allegati regoli tad-dritt tal-Unjoni li qatt ma ġew identifikati qabel. Dawn huma ġodda u l-kamp ta’ applikazzjoni u l-effett tagħhom huma totalment inċerti. Il-Kummissjoni tinvoka dokumenti tal-OECD mill-2010, madankollu (anki li kieku kienu vinkolanti) dawn ma setgħux ikunu prevedibbli fl-1991 jew fl-2007.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza biex tadotta d-deċiżjoni u kisret l-Artikoli 4 u 5 TUE u l-prinċipju tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza, taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, sabiex unilateralment tissostitwixxi l-opinjoni tal-Istat Membru nnifsu dwar il-portata ġeografika u tal-firxa tal-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Membru bl-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward. L-għan tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huwa li jiġu indirizzati dawk l-interventi mill-Istat li jagħtu vantaġġ selettiv. Ir-Regoli dwar għajnuna mill-Istat min-natura tagħhom ma jistgħux jirrimedjaw nuqqas ta’ qbil bejn sistemi tat-taxxa fuq livell globali.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret b’mod manifest l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni manifestament kisret id-dmir tagħha li tipprovdi motivazzjoni ċara u mhux ambigwa fid-deċiżjoni tagħha, billi bbażat ruħha fl-istess ħin fuq xenarji fattwali gravement diverġenti, billi kkontradixxiet ruħha dwar l-oriġini tar-regola tar-regola li l-Irlanda hija akkużata li kisret, u billi ssuġġeriet li l-Irlanda tat għajnuna fir-rigward ta’ profitti taxxabbli f’ġurisdizzjonijiet oħra.

____________