Language of document : ECLI:EU:T:2009:187

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Adattament tat-talbiet – Drittijiet fundamentali – Dritt tar-rispett tal-proprjetà, dritt għal smigħ u dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

Fil-Kawża T‑318/01,

Omar Mohammed Othman, residenti Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat inizjalment minn J. Walsh, barrister, F. Lindsley u S. Woodhouse, solicitors, sussegwentement minn S. Cox, barrister, u H. Miller, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn M. Vitsentzatos u M. Bishop, sussegwentement minn M. Bishop u E. Finnegan, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn A. van Solinge u C. Brown, sussegwentement minn E. Paasivirta u P. Aalto, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn J. Collins, sussegwentement minn C. Gibbs, sussegwentement minn E. O’Neill, u fl-aħħar minn I. Rao, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn S. Moore, sussegwentement minn M. Hoskins, barristers,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett, inizjalment, talba għall-annullament, minn naħa, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25), sussegwentement, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 271), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        Għal espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli għall-kawża preżenti, qed isir riferiment għall-punti 3 sa 10 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I-6351), iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

2        Għal espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża preżenti, li jkopru l-perijodu mill-15 ta’ Ottubru 1999 sat-8 ta’ Marzu 2001 u li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1), qed isir riferiment għall-punti 13 sa 30 tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3        Fid-19 ta’ Ottubru 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit mir-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) ippubblika addendum mal-lista konsolidata tiegħu, tat-8 ta’ Marzu 2001, ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom kellhom jiġu ffriżati taħt ir-riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà (ara l-komunikat SC/7180), li jinkludi fosthom l-isem tar-rikorrent, identifikat bħala persuna assoċjata ma’ Usama bin Laden.

4        Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25), ġie miżjud l-isem tar-rikorrent flimkien ma’ oħrajn fl-anness I tal-imsemmi regolament.

5        Fis-16 ta’ Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002), li stabbilixxiet il-miżuri li kellhom jiġu imposti fir-rigward ta’ Usama bin Laden, ta’ membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati. Din ir-riżoluzzjoni essenzjalment tipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, il-kontinwazzjoni tal-miżuri, b’mod partikolari l-iffriżar ta’ fondi, imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) u mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000).

6        Peress li azzjoni tal-Komunità tqieset li kienet neċessarja sabiex din ir-riżoluzzjoni tiġi implementata, il-Kunsill, fis-27 ta’ Mejju 2002, adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PBSK, dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al‑Qaida kif ukoll tat-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati, u li tħassar il-pożizzjonijiet komuni 96/746, 1999/727, 2001/154 u 2001/771/PBSK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 1 p. 292). L-Artikolu 3 ta’ din il-pożizzjoni komuni jipprovdi, b’mod partikolari, għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet previsti minn din il-lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont ir-riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà.

7        Fis-27 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 1, p. 294).

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 881/2002 jiddefinxxi l-“fondi” u l-“friża ta’ fondi” [“iffriżar ta’ fondi”] f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 467/2001. Barra minn hekk, huwa jiddefinixxi dak li għandu jinftihem b’“riżorsi ekonomiċi”.

9        L-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 għandu l-lista ta’ persuni, entitajiet u gruppi previsti mill-iffriżar ta’ fondi impost mill-Artikolu 2. Din il-lista tinkludi b’mod partikolari l-isem tar-rikorrent.

10      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452 (2002), intiża li tiffaċilita r-rispett tal-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-paragrafu 1 ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi numru ta’ derogi u ta’ eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002), li jistgħu jingħataw għal raġunijiet umanitarji mill-Istati, suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

11      Fis-17 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455 (2003), bil-għan tat-titjib tal-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skont il-paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1455 (2003), dawn il-miżuri kellhom ikunu mtejba mill-ġdid fi tnax-il xahar jew anki qabel jekk ikun neċessarju.

12      Peress li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1452 (2002), il-Kunsill adotta, fis-27 ta’ Frar 2003, il-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PBSK, li tikkonċerna l-eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi mposti mill-Posizzjoni Komuni 2002/402/PESK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 2, p. 80). L-Artikolu 1 ta’ din il-pożizzjoni komuni jipprovdi li, meta hija timplementa l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, il-Komunità Ewropea tieħu inkunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet awtorizzati mill-imsemmija riżoluzzjoni.

13      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003 li jemenda, għal dak li għandu x’jaqsam mal-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, ir-Regolament Nru 881/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 2, p. 91). Fil-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill jindika li, fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 1452 (2002) hemm bżonn li jkunu aġġustati l-miżuri imposti mill-Komunità.

14      Fit-30 ta’ Jannar 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1526 (2004), li tipprovdi, minn naħa, għat-titjib tal-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u, min-naħa l-oħra, li ssaħħaħ il-mandat tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Skont il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), dawn il-miżuri kellhom ikunu mtejba iktar fi żmien 18-il xahar, jew anki qabel jekk ikun neċessarju.

15      Fid-29 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1617 (2005). Din tipprovdi, b’mod partikolari, il-kontinwazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skont il-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1617 (2005), dawn il-miżuri kellhom jerġgħu jiġu eżaminati fi 17-il xahar jew qabel, jekk neċessarju, sabiex eventwalment jiġu msaħħa.

16      Fit-22 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1735 (2006). Din jipprovdi, b’mod partikolari, għall-kontinwazzjoni ta’ miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skont il-paragrafu 33 tar-Riżoluzzjonu 1735 (2006), dawn il-miżuri kellhom jiġu eżaminati fi żmien 18-il xahar, jew qabel jekk neċessarju, sabiex eventwalment jiġu msaħħa.

17      Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 374/2008 tal-24 ta’ April 2008 li jemenda għall-94 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (ĠU L 113, p. 15), ir-referenza għall-isem tar-rikorrent, fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, tbidlet wara emenda korrispondenti li saret mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għal-lista tal-persuni u tal-entitajiet li kellhom ikunu s-suġġett ta’ ffriżar ta’ fondi skont ir-riżoluzzjonijiet inkwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

18      Fit-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1822 (2008). Din tipprovdi, b’mod partikolari, għall-kontinwazzjoni ta’ miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skont il-paragrafu 40 tar-Riżoluzzjoni 1822 (2008), dawn il-miżuri kellhom jiġu eżaminati fi żmien 18-il xahar, jew qabel jekk neċessarju, sabiex eventwalment jiġu msaħħa.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrent, Omar Mohammed Othman, ippreżenta rikors kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 230 KE, fejn talab li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla r-Regolamenti Nri 467/2001 u 2062/2001.

20      Fir-risposti tagħhom, ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Marzu 2002, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Mejju 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervenji fil-kawża preżenti insostenn tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Mejju 2002, ir-rikorrent ippreżenta talba għal għajnuna legali.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2002, il-proċedura mil-miktub ġiet sospiża, fuq talba tar-rikorrent u mingħajr oppożizzjoni tal-partijiet l-oħra, sal-għoti tas-sentenza li ġġib fi tmiem il-Kawża T‑306/01, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni.

24      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet modifikata, l-imħallef relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, u konsegwentement lilha ġiet assenjata l-kawża peżenti.

25      Il-proċedura bil-miktub tkompliet fil-21 ta’ Settembru 2005.

26      Permezz ta’ ittra tar-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrent ġie mistieden jesprimi ruħu, fir-replika, fuq l-elementi ġodda ta’ fatt u ta’ liġi li seħħew wara l-preżentata tar-rikors u li jistgħu jkollhom effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża preżenti. Huwa ġie mistieden b’mod iktar partikolari:

–        jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-konsegwenzi, għar-rikors preżenti, tat-tħassir tar-Regolament Nru 467/2001 u tas-sostituzzjoni tiegħu bir-Regolament Nru 881/2002;

–        jerġa jirrikunsidra t-talbiet, il-motivi u l-argumenti tar-rikors tiegħu fi-dawl taż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑306/01, Ġabra p. II‑3533, iktar ’il quddiem is-“sentenza Yusuf tal-Qorti tal-Prim’Istanza”), u Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑315/01, Ġabra p. II‑3649, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi tal-Qorti tal-Prim’Istanza”).

27      Permezz tal-istess ittra tar-reġistru, ir-rikorrent ġie mistieden jippreżenta talba aġġornata għal għajnuna legali.

28      Fir-replika tiegħu, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent iddikjara li huwa mmodifika r-rikors tiegħu sabiex b’hekk jitlob l-annullament tar-Regolament Nru 881/2002 (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dan jikkonċernah.

29      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Diċembru 2005, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ammetta l-intervent tar-Renju Unit insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-intervenjent ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit-terminu impost.

30      Fil-kontroreplika tiegħu, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill żamm it-talbiet ippreżentati fir-risposta tiegħu.

31      Fil-kontroreplika tagħha, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn din hija indirizzata lilha;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

32      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Marzu 2006, ir-Renju Unit sostna t-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

33      Permezz ta’ ittra ppreżentata wkoll fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Marzu 2006, ir-Renju Unit ppreżenta talba bil-għan li l-informazzjoni li tinsab fl-annessi tan-nota ta’ intervent ma ssirx ta’ dominju pubbliku.

34      Il-proċedura bil-miktub ġiet fi tmiem fit-3 ta’ April 2006.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ April 2006, ir-rikorrent ippreżenta talba aġġornata għal għajnuna legali.

36      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

37      Filwaqt li s-seduta għat-trattazzjoni quddiem it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet iffissata għas-17 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrent ippreżenta, fit-22 ta’ Settembru 2006, talba ġdida għas-sospensjoni tal-proċedura sal-għoti tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) konsegwentement irrevokat id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura orali u, permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2006, il-proċedura ġiet sospiża, mingħajr oppożizzjoni tal-partijiet l-oħra, sal-għoti tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 2006, il-benefiċċju tal-għajnuna legali ġie ammess lir-rikorrent.

39      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet modifikata mill-ġdid, l-imħallef relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, li lilha ġiet konsegwentement assenjata l-kawża preżenti.

40      Il-proċedura tkompliet fit-3 ta’ Settembru 2008.

41      Permezz ta’ ittra tar-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Ottubru 2008, il-partijiet ġew mistiedna:

–        jippronunċaw ruħhom fuq il-konsegwenzi, li kienu jaħsbu kien hemm, tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tar-rikors preżenti;

–        jinformaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tar-rikorrent, sa fejn huma jikkunsidrawhom rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rikors.

42      Din it-talba ġiet issodisfatta permezz ta’ ittri ppreżentati rispettivament mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2008, u mir-rikorrent u mir-Renju Unit fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2008.

43      Fuq rapport ġdid tal-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali.

44      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2009.

45      Fis-seduta, ir-rikorrent ikkompleta t-talbiet tiegħu billi talab li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

 Il-fatti

46      Ir-rikorrent huwa ċittadin tal-Ġordan li ilu jirrisjedi fir-Renju Unit mill-1993, fejn kiseb ażil politiku temporanju fl-1994. It-talba tiegħu għal ażil permanenti kienet għadha qed tiġi eżamata fid-data tal-preżentata tar-rikors preżenti. Huwa għandu mara u ħamest itfal dipendenti.

47      Fi Frar 2001, ir-rikorrent ġie arrestat u nżamm f’detenzjoni għall-interrogazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni taħt il-Prevention of Terrorism (Temporary Provisions) Act 1989 [liġi dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu (dispożizzjonijiet temporanji) tal-1989]. Waqt tfittxija, il-pulizija sabet fir-residenza tiegħu ammont kunsiderevoli ta’ flus f’valuti differenti (Sterlini Ingliżi, Marki Ġermaniżi, Pesetas Spanjoli u Dollari Amerikani), għal valur ta’ bejn wieħed u ieħor (GBP) 180 000 liri Sterlini. Ir-rikorrent ma ta l-ebda spjegazzjoni dwar l-oriġini ta’ dawn il-flus. Iż-żewġ kontijiet bankarji tar-rikorrent, li kellhom bilanċ ta’ bejn wieħed u ieħor GBP 1 900, ġew iffriżati fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

48      Mill-atti jirriżulta wkoll li f’Diċembru 2001 ir-rikorrent beda jistaħba, peress li beża li jiġi arrestat u jinżamm f’detenzjoni għal żmien indefinit taħt l-Anti-Terrorism, Crime and Security Act 2001 (liġi fuq is-sigurtà u r-repressjoni tal-kriminalità u tat-terroriżmu tal-2001), li kienet ser tiġi adottata mill-Parlament tar-Renju Unit. Huwa ġie arrestat mill-pulizija u tpoġġa fil-ħabs ta’ Belmarsh (ir-Renju Unit) mit-23 ta’ Ottubru 2002 sat-13 ta’ Marzu 2005, data li fiha nħeles, taħt sorveljanza stretta, wara deċiżjoni tal-House of Lords (Kamra tal-Lords) li ddikjarat illegali s-sistema tad-“detenzjoni mingħajr sentenza” tar-Renju Unit, li ġie sottopost għaliha. Ir-rikorrent ġie arrestat mill-ġdid fil-11 ta’ Awwissu 2005 u nżamm fil-ħabs ta’ Long Lartin (ir-Renju Unit), taħt miżuri ġodda kontra t-terroriżmu adottati mill-gvern tar-Renju Unit. Id-deċiżjoni ta’ dan il-gvern li jestradixxi lir-rikorrent lejn il-Ġordan u li fil-frattemp jinżamm f’detenzjoni, innotifikata lill-parti kkonċernata fil-11 ta’ Awwissu 2005, kien is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati kompetenti tar-Renju Unit. L-imsemmi gvern madankollu aċċetta li ma jimplementax din id-deċiżjoni sakemm ikun hemm deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-frattemp, ir-rikorrent ingħata l-libertà kundizzjonata fis-17 ta’ Ġunju 2008. Din il-libertà kundizzjonata ġiet irrevokata, fit-2 ta’ Diċembru 2008, mill-iSpecial Immigration Appeals Commission (Kummissjoni speċjali tal-appelli fil-qasam tal-immigrazzjoni). Minn dak iż-żmien, ir-rikorrent jinsab f’detenzjoni.

 Id-dritt

 Fuq il-konsegwenzi proċedurali tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

49      Fir-replika tiegħu r-rikorrent isostni li għandu d-dritt li jadatta t-talbiet tiegħu b’mod li dawn ikollhom bħala għan l-annullament tar-regolament ikkontestat, sa fejn dan jikkonċernah. F’dan is-sens huwa jinvoka l-punt 55 tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

50      Fil-kontroreplika tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, skont ma’ ġie deċiż fis-sentenzi Yusuf u Kadi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrent għandu jkun awtorizzat jerġa jindirizza r-rikors tiegħu kontra r-regolament ikkontestat, sa fejn dan jikkonċernah.

51      Il-Kummissjoni żżid li, minħabba din is-sitwazzjoni leġiżlattiva ġdida, ir-rikors ma għadux ammissibbli sa fejn dan huwa indirizzat lilha. Madankollu, hija titlob li, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandhom jiġu kkunsidrati t-talbiet, il-motivi tad-difiża u l-argumenti tagħha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu ammessi formalment mill-ġdid għall-proċedura, bħala parti intervenjenti. Il-Kummissjoni tinvoka, f’dan is-sens, is-sentenzi Yusuf u Kadi tal-Qorti tal-Prim’Istanza (punt 76 u punt 57 rispettivament).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

52      Il-partijiet prinċipali fil-kawża jirrikonoxxu li r-rikorrent għandu d-dritt li jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu b’mod li jitlob l-annullament tar-regolament ikkontestat, li jħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 467/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 2062/2001. Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent effettivament iddikjara li adatta f’dan is-sens it-talbiet u l-motivi inizjali tiegħu.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta fil-mori tal-kawża deċiżjoni tiġi ssostitwita b’deċiżjoni li jkollha l-istess għan, din għandha titqies li hija element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija proċedurali li r-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors mill-ġdid. Fil-fatt ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tirrispondi għal kritika li tinsab f’rikors ippreżentat lill-Qorti Komunitarja kontra deċiżjoni, tadatta deċiżjoni kkontestata jew tissostitwixxiha b’oħra u tagħmel użu, fil-proċeduri, minn din il-modifika jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għad-deċiżjoni ulterjuri jew li tippreżenta t-talbiet u l-motivi supplimentari tagħha kontra din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 8; tad-29 ta’ Settembru 1987, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs Il‑Kummissjoni, 351/85 u 360/85, Ġabra p. 3639, punt 11, u tal-14 ta’ Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, 103/85, Ġabra p. 4131, punti 11 u 12; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2000, CCRE vs Il‑Kummissjoni, T‑46/98 u T‑151/98, Ġabra p. II‑167, punt 33).

54      Din il-ġurisprudenza hija trasponibbli għal sitwazzjoni fejn regolament, li jirrigwarda direttament u individwalment individwu, jiġi ssostitwit fil-mori tal-kawża minn regolament li jkollu l-istess għan.

55      Peress li din is-sitwazzjoni tikkorrispondi fl-elementi kollha tagħha għal dik tal-kawża preżenti, għandha tintlaqa’ t-talba tar-rikorrent, li jiġi kkunsidrat li r-rikors tiegħu għandu bħala għan l-annullament tar-regolament ikkontestat, sa fejn dan jirrigwardah, u li, fid-dawl ta’ dan l-element ġdid, jippermetti lill-partijiet jerġu jifformulaw it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba inizjali tar-rikorrent bil-għan tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 467/2001 ġiet ipprivata mis-suġġett, minħabba l-fatt tat-tħassir ta’ dan ir-regolament mir-regolament ikkontestat. Għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq din id-domanda u lanqas fuq it-talba għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 2062/2001, peress li din tal-aħħar ġiet ipprivata mis-suġġett tagħha.

57      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx lok iktar li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn din hija diretta kontra l-Kummissjoni. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa tal-ekonomija proċedurali li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq tiġġustifika wkoll li jiġu kkunsidrati t-talbiet, il-motivi u l-argumenti tal-Kummissjoni, redatti mill-ġdid hekk kif indikat fil-punt 55 iktar ’il fuq, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi ammessa formalment mill-ġdid din l-istituzzjoni għall-proċedura skont l-Artikolu 115(1) u l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

58      Hekk kif jirriżulta minn dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors preżenti huwa b’hekk dirett kontra l-Kunsill biss, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, u li għandu biss bħala suġġett talba għall-annullament tar-regolament ikkontestat, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

59      Fir-rikors tiegħu, insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tar-Regolamenti Nru 467/2001 u 2062/2001, ir-rikorrent essenzjalment invoka tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 60 KE u 301 KE kif ukoll fuq abbuż ta’ poter, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu hekk kif iggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikoli 3 u 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u, it-tielet waħda, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

60      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent madankollu ddikjara li, fid-dawl tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa rrinunzja għall-ewwel u t-tielet motivi.

61      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, fir-risposti rispettivi tagħhom, u r-Renju Unit, fin-nota ta’ intervent tiegħu, ikkontestaw it-tieni motiv ta’ annullament tar-rikorrent billi żviluppaw argumenti identiċi, essenzjalment, għal dawk imressqa minnhom stess fir-risposta għal motivi ta’ annullament simili mressqa mir-rikorrent fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Yusuf, Kadi, tat-12 ta’ Lulju 2006, Ayadi vs Il-Kunsill (T‑253/02, Ġabra p. II‑2139), u Hassan vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑49/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

62      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent żviluppa argumenti ġodda, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

63      B’hekk huwa ammetta li l-Artikolu 2a tar-regolament ikkontestat, hekk kif introdott mir-Regolament Nru 561/2003, jawtorizza li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati fondi u riżorsi ekonomiċi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jgħixu u għal spejjeż oħra essenzjali. Huwa sostna madankollu li din id-dispożizzjoni kienet saret fi kliem estremament restrittivi u li kienet twassal għal dannu estremament gravi għad-dinjità tal-partijiet ikkonċernati.

64      L-ewwel nett, id-dispożizzjoni inkwistjoni tiċħad lir-rikorrent mill-possibbiltà li jkollu l-mezzi neċessarji sabiex igawdi aspetti normali ta’ eżistenza ċivilizzata.

65      It-tieni nett, din l-istess dispożizzjoni tipprekludi lir-rikorrent milli jaċċetta kwalunkwe okkupazzjoni, professjoni jew impjieg.

66      It-tielet nett, b’kuntrast mar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), li timplementa r-Regolament Nru 467/2001, ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002), li timplementa r-regolament ikkontestat, mhijiex limitata fiż-żmien. Dan ir-regolament b’hekk jawtorizza esklużjoni permanenti tar-rikorrent minn kważi l-aspetti kollha tal-ħajja soċjali.

67      Ir-raba’ nett, fl-aħħar, ir-rikorrenti huwa nieqes minn kull rimedju ġudizzjarju kontra l-miżuri restrittivi li jolqtuh. Id-deċiżjoni li jiġi inkluż fil-lista annessa mar-regolament ikkontestat kienet deċiżjoni totalment politika tal-Kunsill tas-Sigurtà, meħuda mingħajr ebda kunsiderazzjoni tar-regoli tal-amministrazzjoni tal-provi jew ta’ ekwità, skont metodi totalment extra ġudizzjarji. Ma jeżisti l-ebda rimedju legali, lanqas wieħed kważi ġudizzjarju, li jista’ jiġi eżerċitat fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

68      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, fil-kontrorepliki rispettivi tagħhom, u r-Renju Unit, fin-nota ta’ intervent tiegħu, ikkontestaw dawn l-argumenti ġodda billi rreferew, b’mod partikolari, għas-sentenzi Yusuf u Kadi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

69      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent sostna li huwa kien jinsab fl-istess sitwazzjoni bħar-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ebda wieħed minnhom qatt ma rċieva xi ħjiel ta’ indikazzjoni fir-rigward tal-provi mressqa minnhom sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi imposti mir-regolament ikkontestat.

70      Skont ir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tirrikonoxxi, fid-dawl tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja (punti 336, 348, 349 u 370), li r-regolament ikkontestat jikser id-drittijiet tad-difiża tiegħu, id-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv u d-dritt tiegħu għall-proprjetà, u li dan l-att għandu konsegwentement jiġi annullat, sa fejn jirrigwardah.

71      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill irrikonoxxa li huwa neċessarju, wara s-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rikorrent jingħata espożizzjoni tal-motivi, li jingħata l-possibbiltà li jesponi l-osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u li dawn jiġu kkunsidrati qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ġdida fir-rigward tiegħu ta’ ffriżar ta’ fondi.

72      Ittieħdet l-azzjoni neċessarja sabiex jinkisbu l-elementi meħtieġa sabiex din l-espożizzjoni tal-motivi tiġi redatta, mingħajr ma l-Kunsill b’hekk ma kien f’pożizzjoni li jindika f’liema mument dan seta’ jiġi kkomunikat lir-rikorrent. Il-Kunsill impenja ruħu li jaġixxi malajr kemm jista’ jkun sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u li jżomm lill-Qorti tal-Prim’Istanza informata dwar żviluppi futuri.

73      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li s-sitwazzjoni tar-rikorrent kienet identika għal dik tar-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-fondi tiegħu ġew iffriżati, l-ewwel taħt ir-Regolament Nru 467/2001, imbagħad taħt ir-Regolament Nru 881/2002, mingħajr ma kienu ġew ikkomunikati l-motivi ta’ din il-miżura. B’hekk huwa neċessarju li terġa tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, wara li tkun ġiet ikkommunikata lilu espożizzjoni tal-motivi u wara li jkun tpoġġa f’pożizzjoni li jesponi l-osservazzjonijiet tiegħu. Skont il-Kummissjoni, l-azzjonijiet f’dan is-sens kienu b’hekk diġà qed isiru mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, iżda setgħu jdumu numru ta’ ġimgħat.

74      Il-Kummissjoni madankollu ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-fatt li, b’kuntrast ma dak li kien ġie allegat fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent ma poġġiex fid-dubju, permezz tat-tieni motiv tiegħu, l-inklużjoni tiegħu stess fil-lista kontenzjuża, iżda biss il-konsegwenzi ta’ din fuq il-mezzi tiegħu ta’ għajxien, b’mod partikolari l-interruzzjoni tal-ħlas tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

75      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2008, ir-Renju Unit qabel mal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kunsill bħala risposta għall-istedina tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

76      Fis-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew, fid-dawl tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-regolament ikkontestat kien ġie adottat fil-kuntest ta’ proċedura li fih id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ma kinux ġew irrispettati.

77      Dawn l-istituzzjonijiet min-naħa l-oħra esponew li l-azzjonijiet li huma wettqu, b’mod partikolari dawk tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex il-proċeduri Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu konformi mal-prinċipji li stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi (ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq), ma kinux għadhom applikabbli għall-każ tar-rikorrent.

78      Barra minn hekk, il-Kunsill u l-intervenjent talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-każ ta’ annullament minnha tar-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, li żżomm l-effetti għal perijodu qasir, bħal kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 231 KE, fis-sentenza tagħha Kadi.

79      F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit b’mod iktar partikolari sostna, b’riferiment għall-punt 373 ta’ din is-sentenza, li annullament bħal dan b’effett immedjat ikun jista’ jippreġudika b’mod gravi u irreversibbli l-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi dan ir-regolament u li l-Komunità hija obbligata timplementhom, peress li, fl-intervall li jippreċedi s-sostituzzjoni eventwali tiegħu b’regolament ġdid, ir-rikorrent ikun jista’ jieħu l-miżuri bil-għan li jiġi evitat li jiġu applikati fir-rigward tiegħu miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi.

80      Barra minn hekk, sa fejn is-sentenza ta’ annullament li tingħata tkun ibbażata fuq l-istess kunsiderazzjonijiet ta’ natura essenzjalment proċedurali, bħal dawk li fuqhom hija bbażata s-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit fakkar li, fil-punt 374 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li mhux eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni ta’ miżuri bħal dawn fuq il-partijiet ikkonċernati jista’ jirriżulta li jkun ġustifikat. Dan ikun b’mod iktar partikolari l-każ fil-każ preżenti, kif jikkonfermaw numru ta’ deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tar-rikorrent mill-qrati kompetenti tar-Renju Unit fil-qasam tat-terroriżmu.

81      Ir-rikorrent oppona din it-talba tal-Kunsill u tal-intervenjent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

82      Huwa stabbilit li, kemm għal dak li jirrigwarda l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-portata, l-effetti u l-ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni għall-użu tad-dritt tiegħu ta’ proprjetà li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi previsti minn dan ir-regolament, ir-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni fattwali u legali simili ħafna għal dik tar-rikorrenti għall-kawżi li wasslu għas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

83      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jingħad li, fl-ebda mument, l-Kunsill ma informa lir-rikorrenti dwar l-elementi li tressqu kontih li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fl-Anness I tal-imsemmi regolament u, b’hekk, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi previsti minnu.

84      Fil-fatt ma ġiex ikkontestat il-fatt li ma ngħatat l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward lir-rikorrent, u lanqas, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 467/2001 kif emendat bir-Regolament Nru 2062/2001, li semma għall-ewwel darba ismu f’lista ta’ persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet milquta minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, fir-regolament ikkontestat jew fi kwalunkwe stadju ulterjuri ieħor.

85      Peress li l-Kunsill ma kkomunikax lir-rikorrent l-elementi adottati kontrih sabiex jibbaża l-miżuri restrittivi li ġew imposti fuqu u lanqas ma ta lill xi persuna d-dritt li jsir jaf bl-imsemmija elementi f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, ir-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jikkomunika b’mod effettiv il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. B’hekk, id-dritt tad-difiża tar-rikorrent, b’mod partikolari dak ta’ smigħ, ma ġewx irrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 348).

86      Barra minn hekk, fin-nuqqas milli jiġi informat dwar l-elementi adottati kontrih u fid-dawl tar-relazzjonijiet, indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 336 u 337 tas-sentenza tagħha Kadi, li jeżistu bejn id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, ir-rikorrent ma setax jiddefendi iktar id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-imsemmija elementi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-Qorti Komunitarja, b’mod li għandu jiġi kkonstatat ksur tal-imsemmi dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 349).

87      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm rimedju għal dan il-ksur fil-kuntest tar-rikors preżenti peress li l-Kunsill ma ressaq l-ebda element f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 350).

88      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ biss tikkonstata li hija mhijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-legalità tar-regolament ikkontestat sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, b’mod li għandu jiġi eskluż li, għal dan il-motiv ukoll, id-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv li huwa jgawdi ma ġiex irrispettat fil-każ preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 351).

89      B’hekk, għandu jiġi deċiż li r-regolament ikkontestat, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent, ġie adottat mingħajr ma jagħti l-ebda garanzija fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-elementi adottati kontrih jew fir-rigward tas-smigħ tiegħu f’dan ir-rigward, b’mod li għandu jiġi konkluż li dan ir-regolament ġie adottat skont proċedura li fiha d-drittijiet tad-difiża ma ġewx irrispettati, li bħala konsegwenza nkiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 352).

90      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti mressqa mir-rikorrent fir-replika tiegħu (ara l-punt 67 iktar ’il fuq) u fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru fil-31 ta’ Ottubru 2008 (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tar-regolament ikkontestat, u bbażati fuq ksur tad-drittijiet tiegħu ta’ difiża, b’mod partikolari r-regoli li jirrigwardaw l-amministrazzjoni tal-prova, kif ukoll tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, huma fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 353).

91      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata, tal-effetti u tal-ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni għall-użu tad-dritt tal-proprjetà li tirriżulta mill-miżuri restrittivi previsti mir-regolament ikkontestat, għandu jingħad ukoll li dan ir-regolament, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, ġie adottat mingħajr ma jagħti lil dan tal-aħħar l-ebda garanzija li tippermettilu jesponi l-kawża lill-awtoritajiet kompetenti, u dan f’sitwazzjoni li fiha r-restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu għal proprjetà għandha tiġi kkunsidrata bħala kunsiderevoli, fir-rigward tal-portata ġenerali u għat-terminu effettiv tal-miżuri restrittivi li huwa s-suġġett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 369).

92      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi li jiġu mir-regolament ikkontestat fir-rigward tar-rikorrent minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-lista li tinsab fl-anness I tal-imsemmi regolament jammonta għal restrizzjoni mhux ġustifikata tad-dritt tiegħu għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 370).

93      B’hekk, sa fejn ċerti lmenti invokati mir-rikorrent fir-replika tiegħu (ara l-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq), insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tar-regolament ikkontestat jistgħu jiġu interpretati li huma bbażati fuq ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, dawn ukoll huma fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 371).

94      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-regolament ikkontestat, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrent, għandu jiġi annullat.

95      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, ma għandhiex tintlaqa’ t-talba ppreżentata fis-seduta mill-Kunsill u mill-intervenjent bil-għan li l-effetti tar-regolament ikkontestat jinżammu għal perijodu qasir, skont l-Artikolu 231 KE.

96      Fil-fatt, iż-żmien li diġà għadda wara l-għoti tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2008, jaqbeż sew il-perijodu massimu ta’ tliet xhur sa mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, meqjus li huwa raġonevoli mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jippermetti lill-Kunsill jirrimedja għall-ksur ikkonstatat fil-każ preżenti, fid-dawl tal-effett kbir tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-partijiet ikkonċernati (sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 375 u 376).

97      Jekk hu minnu li dan il-perijodu ġie stabbilit b’riferiment biss tal-persuni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri Y. Kadi u Al Barakaat International Foundation, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill ma setax jinjora li l-każ tar-rikorrent, li kien simili ħafna (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), kien jeħtieġ l-istess reazzjoni minn naħa tiegħu. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet li huma partijiet fil-proċedura preżenti affermaw li wettqu azzjonijiet, b’mod partikolari fil-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kif ukoll wara l-għoti tal-imsemmija sentenza, sabiex il-proċeduri Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu konformi mal-prinċipji li jirriżultaw mill-imsemmija sentenza (ara l-punti 72 u 73 iktar ’il fuq).

98      Barra minn hekk, taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ebda parti, mistoqsija fis-seduta fuq dan il-punt, ma kkontestat li huwa applikabbli fil-każ preżenti, b’deroga mill-Artikolu 244 KE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jannulaw regolament jidħlu fis-seħħ biss mill-iskadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sa mid-data taċ-ċaħda tiegħu. Barra l-perijodu li jkun għadda mill-għoti tas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill b’hekk jiddisponi fi kwalunkwe każ minn terminu minimu ta’ xahrejn, biż-żieda tat-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, sa minn notifika tas-sentenza preżenti, sabiex tirrimedja għall-ksur ikkonstatat fl-adozzjoni, fil-każ preżenti, ta’ miżura ġdida restrittiva fir-rigward tar-rikorrent. Din iċ-ċirkustanza b’hekk tiddistingwi l-każ preżenti minn dak li wassal għas-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kellu forza sħiħa eżekuttiva, skont l-Artikolu 244 KE.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju ta’ dannu gravi u irreversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi r-regolament ikkontestat u li l-Komunità hija obbligata timplementa, invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi (punt 373), ma jidhirx suffiċjentement għoli fil-każ preżenti, kif jirriżulta mill-effett kunsiderevoli ta’ dawn il-miżuri fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrent, sabiex jiġġustifika l-kontinwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi regolament f’perijodu li jmur lil hinn minn dak previst mill-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 87(6) fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

101    Fil-każ preżenti, il-Kunsill tilef sa fejn għandu jiġi annullat ir-Regolament Nru 881/2002, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrent, skont it-talbiet tiegħu, peress li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba inizjali għall-annullament tar-Regolament Nru 467/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 2062/2001, b’mod partikolari fil-parti indirizzata kontra l-Kummissjoni.

102    Ir-rikorrent ma talabx, fil-kitbiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Huwa lanqas ma indika fis-seduta, li kien qed jitlob il-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż.

103    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li l-parti li rebħet, talbet dan biss fis-seduta, ma jipprekludix li t-talba tagħha tintlaqa’ [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD), T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, Ġabra p. II‑3555), punt 206, u l-ġurisprudenza ċċitata].

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fir-rigward tal-emenda tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-istatut proċedurali tal-Kummissjoni (ara l-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq), issir applikazzjoni ekwa tad-dispożizzjonijiet iċċitati jekk jiġi deċiż li l-Kunsill ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrent, filwaqt li r-Renju Unit u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tagħhom.

105    Skont l-Artikolu 97(3) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrent ingħata l-għajnuna legali u l-Qorti tal-Prim’Istanza kkundannat lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnu, il-Kunsill huwa obbligat iħallas lill-kaxxier tal-Qorti tal-Prim’Istanza s-somom imħallsa bħala għajnuna legali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001.

2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill, huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna lill-Omar Mohammed Othman.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn O. Othman, kif ukoll is-somom imħallsa mill-kaxxier tal-Qorti tal-Prim’Istanza bħala għajnuna legali.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Šváby

Moavero Milanesi

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.