Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg (l-Awstrija) fit-8 ta’ Jannar 2021 – LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG vs CB et

(Kawża C-7/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bezirksgericht Bleiburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG

Konvenuti: CB, DF, GH

Domandi preliminari

L-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-uniku rimedju kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti minn qorti mingħajr proċedura kontradittorja minn qabel u mingħajr titolu eżekuttiv, u biss fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet tal-parti li qiegħda titlob l-eżekuzzjoni, huwa oppożizzjoni, li għandha ssir fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru fi żmien 8 ijiem, inkluż meta d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jiġi nnotifikat fi Stat Membru ieħor, f’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx u, meta l-oppożizzjoni ssir fi żmien 12-il jum, din tiġi miċħuda bħala tardiva?

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 2 , moqri flimkien mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali li tipprevedi li n-notifika tal-formola standard li tinsab fl-Anness II, li tinforma lid-destinatarju rigward id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi l-att fi żmien ġimgħa, tiskatta wkoll id-dekorrenza tat-terminu ta’ 8 ijiem għall-preżentata ta’ rikors kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata li huwa nnotifikat simultanjament?

L-Artikolu 18(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi bħala rimedju kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata l-oppożizzjoni, li għandha ssir u tiġi mmotivata fi żmien 8 ijiem, u li dan it-terminu japplika wkoll meta d-destinatarju tad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta l-imsemmi digriet ma jkun redatt la fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih dan id-digriet jiġi nnotifikat, u lanqas f’lingwa li d-destinatarju tad-digriet jifhem?

____________

1     ĠU 2012, L 351, p. 1.

2     ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91.