Language of document : ECLI:EU:T:2021:465

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

14 ta’ Lulju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Awstrijak tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill‑Awstrija favur kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Self subordinat favur Austrian Airlines – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna mogħtija preċedentement lill-kumpannija omm tal‑benefiċjarju – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑677/20,

Ryanair DAC, stabbilita f’Swords (L-Irlanda),

Laudamotion GmbH, stabbilita fi Schwechat (l-Awstrija),

irrappreżentati minn E. Vahida, F.‑C. Laprévote, V. Blanc, S. Rating u I.‑G. Metaxas‑Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, F. Tomat u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn R. Kanitz, J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn A. Posch, J. Schmoll, G. Eberhard u S. Weber, bħala aġenti,

u minn

Austrian Airlines AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Zellhofer, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4684 final tas‑6 ta’ Lulju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57539 (2020/N) – L‑Awstrija – COVID‑19 – Għajnuna favur Austrian Airlines,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik‑Bańczyk, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑23 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Austrian Airlines AG (iktar ’il quddiem “AUA”) hija kumpannija tal-ajru li tagħmel parti mill-grupp Lufthansa. Tmexxi l-grupp Lufthansa l-kumpannija omm Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DLH”). Il-grupp Lufthansa jinkludi b’mod partikolari l-kumpanniji tal-ajru Brussels Airlines S.A./N.V., AUA, Swiss International Air Lines Ltd u Edelweiss Air AG.

2        Fit‑23 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika tal-Awstrija kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna individwali (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), mogħtija fil-forma ta’ self subordinat li jista’ jiġi kkonvertit f’sussidju ta’ EUR 150 miljun favur AUA. Din il-miżura hija intiża li tikkumpensa lil AUA għad-danni li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar u ta’ miżuri oħra ta’ konfinament fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

3        Fis‑6 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 4684 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57539 (2020/N) – L-Awstrija – COVID‑19 – Għajnuna favur Austrian Airlines (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija qieset li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, li kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

4        Il-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ għajnuna favur AUA u l-grupp Lufthansa li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2020, SA.56714 (2020/N) – Il-Ġermanja – Miżuri COVID‑19, il-Kummissjoni awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, skema ta’ għajnuna stabbilita mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiża li ssostni l-impriżi li għandhom bżonn likwidità għall-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja, mingħajr limitazzjoni abbażi tas-settur ekonomiku kkonċernat. Skont din l-iskema, DLH kienet eliġibbli li tirċievi garanzija mill-Istat ta’ 80 % fuq self ta’ EUR 3 biljun (iktar ’il quddiem is-“self Ġermaniż”).

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2020, SA.56981 (2020/N) – L-Awstrija – Skema Awstrijaka ta’ garanzija għal self tranżitorju skont il-Qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19, kif emendata bid-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2020 SA.57520 (2020/N) Awstrija – Miżuri anti-kriżi Awstrijaċi – COVID‑19: Garanziji għall-impriżi l-kbar abbażi tal-Liġi dwar il-Garanzija tal‑1977 minn Austria Wirtschaftsservice GmbH (AWS) – Emenda tal-iskema ta’ għajnuna SA.56981 (2020/N), il-Kummissjoni awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, skema ta’ għajnuna stabbilita mir-Repubblika tal-Awstrija favur impriżi milquta mill-pandemija tal-COVID‑19, mingħajr limitazzjoni abbażi tas-settur ikkonċernat (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna Awstrijaka”). Skont din l-iskema, ir-Repubblika tal-Awstrija tat lil AUA għajnuna fil-forma ta’ garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self ta’ EUR 300 miljun mogħti minn konsorzju ta’ banek kummerċjali.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SA.57153 (2020/N) – Il-Ġermanja – COVID‑19 – Għajnuna lil Lufthansa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Lufthansa”), il-Kummissjoni awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-għoti ta’ għajnuna individwali ta’ EUR 6 biljun favur DLH, komposta, l-ewwel, minn EUR 306 044 326.40 ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, it-tieni, minn EUR 4 693 955 673.60 bħala “parteċipazzjoni silenzjuża”, strument ta’ kapital ibridu, meqjus bħala kapital proprju skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, u, it-tielet, minn EUR 1 biljun ta’ “parteċipazzjoni silenzjuża” bil-karatteristiċi ta’ titolu ta’ dejn konvertibbli. Din l-għajnuna setgħet tintuża minn DLH sabiex issostni l-kumpanniji l-oħra tal-grupp Lufthansa li ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultajiet finanzjarji fil‑31 ta’ Diċembru 2019, inkluża AUA.

8        Id-deċiżjoni Lufthansa tippreċiża li l-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tagħha tagħmel parti minn pakkett ikbar ta’ miżuri ta’ sostenn għall-grupp Lufthansa, kompost mill-miżuri li ġejjin:

–        is-self Ġermaniż favur DLH imsemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq;

–        garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self ta’ EUR 300 miljun li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni li tagħti lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq;

–        il-miżura inkwistjoni, imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq;

–        għajnuna finanzjarja ta’ EUR 250 miljun u self ta’ EUR 40 miljun mogħti mir-Renju tal-Belġju lil Brussels Airlines;

–        garanzija mill-Istat ta’ 85 % fuq self ta’ EUR 1.4 biljun mogħtija mill-Konfederazzjoni Svizzera lil Swiss International Air Lines Ltd u lil Edelweiss Air.

9        Fid-deċiżjoni Lufthansa, il-Kummissjoni osservat, essenzjalment, li l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija minn Stati oħra favur l-impriżi tal-grupp Lufthansa, jiġifieri dawk elenkati fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-punt 8 iktar ’il fuq, u li għalhekk jinkludu l-miżura inkwistjoni, jitnaqqsu mill-għajnuna individwali favur DLH li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni jew mis-self Ġermaniż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti, Ryanair DAC u Laudamotion GmbH ippreżentaw dan ir-rikors.

11      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbu li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, skont l-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

12      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2020.

13      B’applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit-28 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

14      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9, fit‑18 u fid‑19 ta’ Frar 2021 rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, AUA u r-Repubblika tal-Awstrija talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Frar u tat‑2 ta’ Marzu 2021 rispettivament, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-interventi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Awstrija.

16      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Marzu 2021, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent ta’ AUA.

17      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fl‑24 ta’ Frar 2021 u fl‑10 ta’ Marzu 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, AUA u r-Repubblika tal-Awstrija ġew awtorizzati, b’applikazzjoni tal-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw nota ta’ intervent. Fl‑10, fl‑24 u fil‑25 ta’ Marzu 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, AUA u r-Repubblika tal-Awstrija bagħtu rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

18      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑23 ta’ April 2021.

20      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija, bħall-Kummissjoni, jitolbu li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

23      AUA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, tiċħad il-kumplament tar-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

24      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa ta’ din il-kawża u tal-importanza li tingħata, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni u għar-Repubblika tal-Awstrija, tweġiba rapida fil-mertu, għandha tiġi eżaminata qabelxejn il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

25      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu ħames motivi, ibbażati rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-għajnuna eventwali favur jew minn “Lufthansa”, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, it-tielet wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-raba’ wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx lgħajnuna eventwali favur jew minn “Lufthansa”

26      L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tibbenefika wkoll lil “Lufthansa”. Kieku dan kien il-każ, il-miżura inkwistjoni kienet issir inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, sa fejn din ma tkunx tkopri iktar l-“ispejjeż eliġibbli” marbuta mad-danni mġarrba minn AUA. Din l-għajnuna tista’ għalhekk tintuża għal finijiet differenti mill-għan inizjali tagħha.

27      It-tieni, u għall-kuntrarju, il-Kummissjoni allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna kollha mogħtija lill-grupp Lufthansa. Fil-fatt, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa jekk għajnuna addizzjonali, lil hinn mir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 150 miljun mogħtija minn DLH favur AUA, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, tistax tibbenefika lil AUA, b’tali mod li twassal għal kumpens żejjed tad-danni li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja.

28      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Awstrija u minn AUA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

29      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat, fil-paragrafi 5, 48, 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet tagħmel parti minn pakkett finanzjarju favur AUA fl-ammont totali ta’ EUR 600 miljun, ikkostitwit, minbarra mill-miżura inkwistjoni, minn kontribuzzjoni ta’ EUR 150 miljun f’kapital proprju li joriġina mill-kumpannija omm DLH (iktar ’il quddiem l-“injezzjoni tal-kapital ta’ DLH”), u minn għajnuna taħt forma ta’ garanzija mill-Istat ta’ 90 % għal self ta’ EUR 300 miljun mogħti minn konsorzju ta’ banek kummerċjali, mogħtija lil AUA abbażi tal-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni rrilevat, f’dan ir-rigward, li, jekk il-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex tirrimedja d-danni kkawżati lil AUA minħabba l-kanċellazzjoni u l-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha minħabba l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri oħra ta’ konfinament marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, il-partijiet l-oħra tal-pakkett finanzjarju favur AUA msemmija iktar ’il fuq kienu intiżi, min-naħa tagħhom, li jiggarantixxu s-solvenza tagħha u l-kapitalizzazzjoni xierqa sabiex tkun tista’ taffaċċja l-effetti tal-COVID‑19, li ma kinux koperti mill-miżura inkwistjoni, kif ukoll problemi teknoloġiċi mhux relatati ma’ din il-pandemija.

30      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni fakkret, fil-paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa setgħet tintuża minn DLH sabiex issostni l-kumpanniji l-oħra tal-grupp Lufthansa li ma kellhomx diffikultajiet finanzjarji fil‑31 ta’ Diċembru 2019, inkluża AUA. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat, fil-paragrafu 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li, meta hija kienet eżaminat il-proporzjonalità tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, hija kienet ikkunsidrat, skont il-punt 54 tal-Komunikazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), emendata fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1), fit‑13 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, C 164, p. 3), u emendata wkoll fid‑29 ta’ Ġunju 2020 (ĠU 2020, C 218, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”), miżuri ta’ għajnuna addizzjonali mogħtija jew previsti, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, favur kumpanniji tal-grupp Lufthansa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret, fl-istess paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ikkonkludiet, fid-deċiżjoni Lufthansa, li l-miżuri kollha ta’ għajnuna msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, inkluża l-miżura inkwistjoni kif ukoll dik mogħtija favur AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, kienu limitati għall-minimu neċessarju sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tal-grupp Lufthansa u sabiex tiġi ggarantita l-vijabbiltà ta’ dan tal-aħħar.

31      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija favur kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Lufthansa, inkluż favur AUA, kif ukoll r-rabta bejniethom, fid-deċiżjoni Lufthansa, adottata ġimgħatejn qabel id-deċiżjoni kkontestata, u li għaliha l-Kummissjoni tirreferi diversi drabi f’din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni Lufthansa tikkostitwixxi element tal-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha, konsegwentement, tittieħed inkunsiderazzjoni, bla ħsara għal-legalità tagħha, li ma hijiex is-suġġett ta’ din it-tilwima.

32      Fil-paragrafi 77 kif ukoll fil-paragrafi 114 sa 121 tad-deċiżjoni Lufthansa, il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li l-appoġġ mogħti minn Stati oħra lill-kumpanniji tal-grupp Lufthansa ser jitnaqqas, skont il-każ, jew bl-ammont tal-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, jew b’dak tas-self Ġermaniż (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, fil-paragrafu 115 tagħha, il-Kummissjoni nnotat, minn naħa, li s-self li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni li tagħti lil AUA, taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, ta’ ammont sa massimu ta’ EUR 300 miljun, kellu jitnaqqas mis-self Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, li l-ammont ta’ EUR 150 miljun li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni li tagħti lil AUA abbażi tal-miżura inkwistjoni jitnaqqas jew mill-ewwel parteċipazzjoni silenzjuża msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, jew mis-self Ġermaniż.

33      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH, il-Kummissjoni rrilevat, fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li, jekk l-ammont tagħha kellu jiġi mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, din tkun tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, għajnuna diġà awtorizzata abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

34      Għaldaqstant, mill-elementi kollha ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat b’mod espliċitu l-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija lill-kumpanniji tal-grupp Lufthansa u r-rabta bejniethom.

35      Għaldaqstant, ir-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-miżuri ta’ għajnuna msemmija iktar ’il fuq fl-intier tagħhom.

36      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jeżisti riskju li l-miżura inkwistjoni, mogħtija lil AUA, tibbenefika wkoll lil “Lufthansa”, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-rabta bejn id-diversi miżuri ta’ għajnuna, deskritti fil-punt 8 iktar ’il fuq.

37      Fil-fatt, minn din ir-rabta jirriżulta li, jekk il-kumpanniji tal-grupp Lufthansa, bħal AUA, kellhom jibbenefikaw minn għajnuna mogħtija minn Stat li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ammont tagħha jitnaqqas mill-ammont mogħti lill-grupp Lufthansa minn dan l-aħħar Stat Membru. Il-miżuri ta’ għajnuna msemmija iktar ’il fuq għalhekk jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ tnaqqis, li abbażi tiegħu l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur il-grupp Lufthansa kollu titnaqqas sal-ammont tal-għajnuna mogħtija minn Stati oħra lil xi kumpannija oħra tal-imsemmi grupp, b’tali mod li l-ammont globali li minnu jibbenefika dan tal-aħħar jibqa’ l-istess.

38      Għaldaqstant, ir-riskju ta’ “tixrid” tal-miżura inkwistjoni għal DLH jew għall-kumpanniji l-oħra tal-grupp Lufthansa, invokat mir-rikorrenti, ma huwiex konsistenti mal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis imsemmi iktar ’il fuq.

39      L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jeżisti riskju kuntrarju, jiġifieri li AUA tibbenefika minn sostenn min-naħa ta’ DLH li jmur lil hinn mill-injezzjoni tal-kapital, li jista’ jwassal, fil-fehma tagħhom, għal kumpens żejjed favur AUA.

40      F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH. Fil-fatt, minn naħa, hija kkonstatat, fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li, jekk dan l-ammont kellu jitnaqqas mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, din tkun, fi kwalunkwe każ, għajnuna diġà awtorizzata mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hija rrilevat, fil-paragrafi 82 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija injezzjoni tal-kapital ma tkoprix l-istess spejjeż bħal dawk inklużi fid-dannu li l-miżura inkwistjoni kienet intiża li tirrimedja.

41      Għalkemm ir-rikorrenti jinsistu fuq il-fatt li ma huwiex eskluż li DLH tittrasferixxi lil AUA likwidità addizzjonali li teċċedi l-injezzjoni tal-kapital, din l-allegazzjoni tibqa’ ipotetika, peress li r-rikorrenti ma jippreżentaw ebda element konkret f’dan is-sens. Fi kwalunkwe każ, u anki jekk jitqies li DLH għandha tali intenzjoni, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 40 iktar ’il fuq jibqgħu validi, peress li, l-ewwel, tali trasferiment ipotetiku ta’ likwidità addizzjonali joriġina mill-għajnuna diġà awtorizzata fid-deċiżjoni Lufthansa, li l-legalità tagħha ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, u, it-tieni, is-self Ġermaniż u l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, ibbażati fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, minn naħa, u l-miżura kkontestata, ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, min-naħa l-oħra, ma jkoprux l-istess spejjeż eliġibbli, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-paragrafi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel miżuri huma intiżi li jiżguraw is-solvenza u l-kapitalizzazzjoni xierqa tal-benefiċjarju, il-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja d-dannu kkawżat mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ AUA minħabba l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri oħra ta’ konfinament marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19.

42      Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis imsemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq, li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jirregola r-rabta bejn dawn id-diversi miżuri ta’ għajnuna, billi jnaqqas b’dan il-mod ir-riskju ta’ kumpens żejjed favur AUA. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-paragrafu 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet diġà kkonkludiet, fid-deċiżjoni Lufthansa, li l-miżuri kollha ta’ għajnuna msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, inkluża l-miżura inkwistjoni kif ukoll dik mogħtija favur AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, kienet limitata għall-minimu neċessarju sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tal-grupp Lufthansa u sabiex tiġi ggarantita l-vijabbiltà ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, peress li, permezz tal-imsemmi mekkaniżmu ta’ tnaqqis, l-ammont globali li minnu jista’ jibbenefika l-imsemmi grupp jibqa’ l-istess, ir-riskju ta’ “tixrid” oppost allegat mir-rikorrenti jidher li ma jaffettwax l-evalwazzjoni globali tal-miżuri inkwistjoni kollha mwettqa mill-Kummissjoni.

43      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-miżura inkwistjoni hija paragunabbli għal dik relatata mal-miżura ta’ għajnuna favur KLM, awtorizzata bid-Deċiżjoni C(2020) 4871 final, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID‑19: Garanzija mill-Istat u self mill-Istat favur KLM (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni KLM”), sa fejn kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni KLM jikkonċernaw benefiċjarji li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni KLM kienet tikkonċerna każ ferm distint minn dak inkwistjoni f’din il-kawża, ikkaratterizzat mill-fatt li l-Kummissjoni kienet eżaminat separatament żewġ miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil żewġ kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, minkejja li l-kumpannija omm tagħhom kellha ċertu rwol fl-għoti u fl-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet naqset milli timmotiva suffiċjentement skont il-liġi l-konklużjoni tagħha li, minn naħa, il-benefiċjarji rispettivi tal-imsemmija għajnuna kienu esklużivament il-kumpanniji sussidjarji u mhux il-kumpannija omm jew il-grupp bħala tali u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna mogħtija lil waħda minnhom ma setgħet fl-ebda każ tibbenefika lill-oħra (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID‑19), T‑643/20, EU:T:2021:286). Issa, b’differenza miċ-ċirkustanzi li wasslu għal dik is-sentenza, f’dan il-każ, u kif jirriżulta mill-punti 31 sa 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-fatt li l-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa setgħet tibbenefika lill-kumpanniji kollha tal-grupp Lufthansa, eżaminat espliċitament ir-rabta bejn din l-għajnuna u l-għajnuna l-oħra li setgħet tingħata lil dawn l-istess kumpanniji u evalwat il-proporzjonalità tagħhom, meħuda flimkien.

44      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment

45      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, minħabba li l-miżura inkwistjoni tibbenefika biss lil AUA.

46      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija u AUA jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

47      Għandu jitfakkar li għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast; C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

48      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 66; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49).

49      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

50      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jkunux jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25), premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota tas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

51      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tawtorizza trattament diskriminatorju li ma huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati mill-kanċellazzjoni u l-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ konfinament imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Huma jikkonstataw li l-grupp Ryanair għandu 8 % tas-suq Awstrijak u għalhekk ġarrab madwar 8 % tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19. Li kieku l-miżura inkwistjoni kienet mogħtija lill-kumpanniji kollha li joperaw fl-Awstrija, l-għan tal-miżura jkun jintlaħaq mingħajr diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax ir-raġuni għalfejn il-miżura inkwistjoni ngħatat biss lil AUA, minkejja li l-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-Awstrija kienu wkoll ġarrbu danni li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ konfinament imposti fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19. Skont ir-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni hija miżura ta’ “nazzjonaliżmu ekonomiku evidenti”.

52      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-miżura inkwistjoni hija intiża biss li tikkumpensa parzjalment lil AUA għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-moviment jew ta’ miżuri oħra ta’ konfinament fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

53      Huwa ċertament minnu, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, li l-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fl-Awstrija ġew affettwati mill-imsemmija restrizzjonijiet u li, konsegwentement, huma kollha ġarrbu, bħal AUA, dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħhom wara l-introduzzjoni tal-imsemmija restrizzjonijiet.

54      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li ma jeżisti ebda obbligu, għall-Istati Membri, li jagħtu għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn “avveniment straordinarju” fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

55      B’mod iktar partikolari, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-proġetti tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qabel l-implimentazzjoni tagħhom, dan ma jobbligahomx, min-naħa l-oħra, li jagħtu għajnuna (digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22).

56      Min-naħa l-oħra, għajnuna tista’ tkun intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, indipendentement mill-fatt li ma tirrimedjax dawn id-danni kollha.

57      Konsegwentement, la mill-Artikolu 108(3) TFUE u lanqas mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju b’tali mod li huma lanqas ma jistgħu jkunu obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

58      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li għajnuna individwali, bħal dik inkwistjoni, tibbenefika biss, mid-definizzjoni tagħha, lil impriża waħda, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha, inklużi dawk li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Għalhekk, min-natura tagħha, tali għajnuna individwali tistabbilixxi differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li hija madankollu inerenti għan-natura individwali tal-imsemmija miżura. Issa, li jiġi sostnut, kif jagħmlu r-rikorrenti, li l-għajnuna individwali inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jfisser, essenzjalment, li tiġi kkontestata sistematikament il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali sempliċement minħabba n-natura intrinsikament esklużiva tagħha u b’hekk diskriminatorja, minkejja li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna individwali, sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 107 TFUE jkunu ssodisfatti.

59      Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti, id-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn hija tibbenefika biss lil AUA, tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq. Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, hija pprojbita kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jimplika, minn naħa, li l-għan tal-miżura inkwistjoni jkun jissodisfa r-rekwiżiti previsti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-fatt li din tibbenefika biss lil AUA, ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

60      Fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kumpens għal dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ kumpannija tal-ajru wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 jippermetti li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati minn din il-pandemija. Ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw li l-pandemija tal-COVID‑19 tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

61      Fir-rigward tal-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni rrilevat, fil-paragrafu 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, AUA kellha rwol essenzjali għas-servizzi bl-ajru tal-Awstrija u li hija kienet tagħti kontribuzzjoni sinjifikattiva lill-ekonomija Awstrijaka, peress li hija kienet l-uniku trasportatur tan-network li jopera mill-Awstrija li toffri konnettività fuq distanzi twal minn u lejn il-pjattaforma ta’ Vjenna. Barra minn hekk, fid-dawl taż-żona kummerċjali relattivament żgħira ta’ Vjenna, l-ebda kumpannija tal-ajru oħra ma tkun f’pożizzjoni li toffri numru kbir ta’ titjiriet twal diretti minn u lejn Vjenna, peress li titjiriet ta’ kollegament jistgħu wkoll jiġu diretti lejn ajruporti oħra, li minnhom jistgħu jiġu offruti titjiriet twal. Barra minn hekk, AUA timpjega madwar 7 000 persuna u madwar 17 500 impjieg jiddependi direttament jew indirettament fuq AUA. Skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, l-importanza ekonomika ta’ trasportatur tan-network bħal AUA tirrappreżenta madwar EUR 2.7 biljun fis-sena ta’ valur miżjud għall-ekonomija Awstrijaka u madwar EUR 1 biljun fis-sena taxxi.

62      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fl-Anness A.2.2 tar-rikors, AUA hija l-ikbar kumpannija tal-ajru fl-Awstrija, fejn hija kellha 43 % tas-sehem mis-suq fl‑2019, fejn dan is-sehem mis-suq kien ogħla b’mod sinjifikattiv minn dak tat-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru u tar-rikorrenti li l-ishma tas-suq rispettivi tagħhom kienu biss ta’ 14 % u ta’ 8 % fl‑2019.

63      Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li dawn iċ-ċirkustanzi ma jippermettux li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni. Huma jqisu, fil-fatt, li din id-differenza fit-trattament ma hijiex proporzjonata peress li din il-miżura tagħti lil AUA l-għajnuna kollha intiża li tirrimedja d-dannu inkwistjoni filwaqt li AUA ġarrbet biss 43 % ta’ dan id-dannu.

64      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li AUA, minħabba r-rwol essenzjali tagħha għas-servizz bl-ajru fl-Awstrija, ġiet affettwata iktar mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet fl-Awstrija wara l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti f’dan il-pajjiż. Dan huwa kkonfermat mill-informazzjoni kollha miġbura fil-qosor fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq.

65      Barra minn hekk, mill-imsemmija data jirriżulta li AUA hija, proporzjonalment u abbażi tal-portata tal-attivitajiet tagħha fl-Awstrija, kunsiderevolment iktar milquta minn dawn ir-restrizzjonijiet milli hija Ryanair, li kienet twettaq biss, kif jirriżulta mill-Anness A.2.2 tar-rikors, parti minima tal-attivitajiet tagħha minn jew lejn dan il-pajjiż, b’differenza minn AUA, li fir-rigward tagħha din il-parti hija ħafna ikbar. Fir-rigward ta’ Laudamotion, ir-rikorrenti ma jipprovdux informazzjoni biżżejjed ċara li tippermetti li jinftiehem is-sehem tal-attivitajiet li din il-kumpannija tal-ajru twettaq minn jew lejn l-Awstrija meta mqabbla mal-attivitajiet kollha tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali ma jippermetti li jiġi dedott li l-imsemmija kumpannija tal-ajru għandha rwol essenzjali għas-servizzi bl-ajru tal-Awstrija.

66      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tagħha huwa inferjuri għal dak tad-dannu kkawżat lil AUA mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha minħabba l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 79 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu intiż.

67      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament favur AUA hija xierqa sabiex jiġu rrimedjati d-danni li jirriżultaw minn dawn ir-restrizzjonijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

68      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li t-tqassim tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru kollha preżenti fl-Awstrija ma jċaħħadx l-imsemmija miżura mill-effettività tagħha.

69      Minn dan isegwi, fi kwalunkwe każ u sa fejn id-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, li kien iġġustifikat li l-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni jingħata biss lil AUA u li l-miżura inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

70      Minn naħa, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz, C‑66/14, EU:C:2015:661, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru, indipendentement mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punt 25). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għalhekk suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema legali partikolari (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-trasport bl-ajru (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

72      Huwa għalhekk unikament abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, kif jirrilevaw, ġustament, ir-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24).

73      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba n-natura diskriminatorja tagħha.

74      Issa, għalkemm huwa minnu li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda għajnuna individwali li tibbenefika biss lil AUA, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux kif din in-natura esklużiva hija tali li tiddisswadihom milli jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija jew milli jipprovdu servizzi minn u lejn dan il-pajjiż. Ir-rikorrenti jibqgħu b’mod partikolari ma identifikawx il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jagħmlu li din il-miżura tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-punti 60 sa 66 iktar ’il fuq, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jirrimedjaw għad-danni kkawżati lil AUA mill-avveniment straordinarju li hija l-pandemija tal-COVID‑19, konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

75      Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma eżaminatx il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata talArtikolu 107(2)(b) TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar ilproporzjonalità tal-għajnuna

77      It-tielet motiv tar-rikorrenti jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu kkawżat lil AUA u, it-tieni waħda, fuq il-fatt li hija wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar l-evalwazzjoni tad-dannu kkawżat lil AUA

78      L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu, li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tkopri, skont id-deċiżjoni kkontestata, id-danni kkawżati lil AUA matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020 minħabba l-kanċellazzjoni u l-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ AUA wara l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ konfinament oħra marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Issa, parti mid-dannu kkawżat lil AUA ma tirriżultax mill-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ konfinament oħra, peress li l-imsemmija restrizzjonijiet kienu fis-seħħ biss parzjalment matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu u t‑18 ta’ Marzu 2020, filwaqt li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tikkumpensa d-dannu mġarrab matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020. Għaldaqstant, id-danni kkawżati lil AUA matul dan l-ewwel perijodu huma r-riżultat tal-eżitazzjoni tal-passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba l-inċertezzi madwar il-pandemija. Il-metodu għall-kalkolu tad-dannu approvat mill-Kummissjoni jirrifletti għalhekk l-impatt tal-kriżi tal-COVID‑19 fl-intier tagħha, iktar milli l-impatt speċifiku tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti mill-awtoritajiet Awstrijaċi jew minn pajjiżi oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni manifestament issopravvalutat l-ammont tad-danni kkawżati direttament mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri l-oħra ta’ konfinament marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi kontradizzjoni.

79      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma juri li l-ispejjeż evitati matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu u l‑14 ta’ Ġunju 2020, li ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dannu mġarrab minn AUA, kienu jirriflettu l-ispejjeż “evitati” tagħha. Konsegwentement, l-ispejjeż evitati użati fl-evalwazzjoni tad-danni jistgħu tassew jinkludu elementi ta’ spejjeż li kienu “evitabbli”.

80      It-tielet, il-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, milli tevalwa d-danni kkawżati lill-kumpanniji tal-ajru l-oħra. Skont ir-rikorrenti, “avveniment straordinarju” fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jaffettwa bħala definizzjoni lil diversi, jew saħansitra lill-impriżi kollha tas-settur ikkonċernat. Għalhekk, diversi kumpanniji oħra tal-ajru ġarrbu danni fl-Awstrija minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Din id-dispożizzjoni hija għaldaqstant intiża li tikkumpensa d-danni mġarrba wkoll mill-kompetituri ta’ AUA, u mhux biss minn din tal-aħħar.

81      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija u AUA jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

82      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, fir-rigward ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, jistgħu jiġu kkumpensati biss, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79).

83      Minn dan isegwi li l-għajnuna li tista’ tkun ogħla mit-telf imġarrab mill-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna ma taqax taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punti 40 u 41).

84      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-paragrafi 41 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-danni, l-awtoritajiet Awstrijaċi ħadu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ immobilizzazzjoni tal-flotta ta’ AUA, mid‑19 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, kif ukoll tal-ġranet preċedenti immedjatament dan il-perijodu, mid‑9 sat‑18 ta’ Marzu 2020.

85      F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat xieraq li tawtorizza għajnuna li tkopri mhux biss id-danni kkawżati lil AUA matul il-perijodu ta’ immobilizzazzjoni tal-flotta tagħha, mid‑19 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, iżda wkoll il-ġranet preċedenti immedjatament għaliha, mid‑9 sat‑18 ta’ Marzu 2020.

86      Fil-fatt, kif spjegat fil-paragrafi 6 sa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Gvern Awstrijak kien diġà stabbilixxa restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar matul il-perijodu bejn id‑9 u t‑18 ta’ Marzu 2020. B’mod partikolari, fid‑9 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet ipprojbixxiet l-inżul fit-territorju tagħha ta’ ajruplani ġejjin miċ-Ċina, mill-Korea t’Isfel, mill-Iran u mill-Italja. Din il-projbizzjoni ġiet estiża progressivament għal pajjiżi oħra, u, b’mod partikolari, għall-Isvizzera, Franza u Spanja, fit‑13 ta’ Marzu 2020, kif ukoll għar-Renju Unit, għall-Pajjiżi l-Baxxi, għar-Russja u għall-Ukraina fil‑15 ta’ Marzu 2020. Barra minn hekk, fl‑10 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika tal-Awstrija imponiet b’effett immedjat miżuri ġenerali li kienu jinkludi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rispons għall-pandemija tal-COVID‑19. Hija imponiet ukoll kontrolli mediċi fil-fruntieri, l-ewwel mal-Italja, fil‑11 ta’ Marzu 2020, sussegwentement mal-Isvizzera fl‑14 ta’ Marzu 2020, u, fl-aħħar nett, mal-Ġermanja, fid‑19 ta’ Marzu 2020. Fil-frattemp, fit‑12 ta’ Marzu 2020, l-Istati Uniti tal-Amerika ħabbru li ma kinux ser jawtorizzaw iktar liċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll lill-vjaġġaturi kollha li jkunu rrisjedew f’pajjiżi taż-żona Schengen, jidħlu fit-territorju tagħhom. Fit‑13 ta’ Marzu 2020, il-Gvern Awstrijak ħabbar numru ta’ miżuri leġiżlattivi restrittivi, li daħlu fis-seħħ fis‑16 ta’ Marzu 2020. Dawn il-miżuri imponew restrizzjonijiet estensivi fuq il-libertà ta’ moviment fit-territorju Awstrijak kollu.

87      Għaldaqstant, fid-dawl tad-deterjorament progressiv tal-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar dovuti għar-restrizzjonijiet imposti f’dan ir-rigward minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, li wasslet għall-kanċellazzjoni u għall-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ AUA matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, mingħajr ma twettaq żball, id-dannu kkawżat lil AUA mill-imsemmija kanċellazzjonijiet u skedar mill-ġdid matul dan il-perijodu.

88      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dannu mġarrab matul il-perijodu mid‑9 sat‑18 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ssopravvalutat l-imsemmi dannu. Għall-istess raġuni, id-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda kontradizzjoni.

89      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni naqset milli tiżgura li AUA għamlet dak li kien neċessarju sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, b’tali mod li jiġu esklużi mill-kumpens tad-danni mhux biss l-ispejjeż evitati, iżda wkoll l-ispejjeż “evitabbli”, jiġifieri l-ispejjeż li hija setgħet tevita, iżda li hija xorta waħda sostniet, għandu jiġi rrilevat li, fil-paragrafu 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, peress li d-danni li kellhom jiġu kkumpensati kienu jikkorrispondu għat-telf tal-valur miżjud, ikkalkolat bħala d-differenza bejn, minn naħa, it-telf ta’ dħul ta’ AUA, jiġifieri d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ li hija setgħet tipprevedi li jkollha, matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, fl-assenza tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ konfinament oħra marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, u d-dħul mill-bejgħ effettivament imwettaq matul dan il-perijodu, ikkorreġut bil-marġni ta’ profitt ta’ AUA, u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż evitati.

90      Il-Kummissjoni ddefinixxiet l-ispejjeż evitati bħala dawk li AUA kienet tkun sostniet matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, li kieku l-attività tagħha ma kinitx ġiet affettwata mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u mill-miżuri ta’ konfinament marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, u li AUA ma kinitx sostniet minħabba l-kanċellazzjoni tal-attività tagħha. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-ispejjeż evitati kellhom jiġu kkwantifikati għal kull tip ta’ spiża rilevanti, skont il-korrelazzjoni tagħhom mat-tnaqqis fit-traffiku, billi jiġu pparagunati l-ispejjeż sostnuti minn AUA matul l-istess perijodu tas-sena preċedenti mal-ispejjeż sostnuti minn AUA matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020.

91      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż evitati minħabba miżuri ta’ konfinament marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 kienu jikkonċernaw, pereżempju, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-karburant, il-ħlasijiet u l-ispejjeż kif ukoll it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal, b’mod partikolari, minħabba l-użu tax-xogħol għal żmien qasir.

92      Għalhekk, l-evalwazzjoni tad-danni tieħu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-paragrafu 42(b) tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż addizzjonali u l-ispejjeż evitati minħabba l-imsemmija restrizzjonijiet. F’dan ir-rigward, abbażi ta’ eżami tal-ispejjeż ta’ AUA u tal-effett kemm pożittiv kif ukoll negattiv tal-miżuri ta’ konfinament meħuda mill-gvernijiet minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 fuq l-ispejjeż varjabbli, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-imsemmija evalwazzjoni, id-differenza kkonstatata fl-ispejjeż varjabbli kollha, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-karburant, il-ħlasijiet u l-piżijiet, l-ispejjeż ta’ manutenzjoni, il-kummissjonijiet marbuta mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) u l-ispejjeż tar-ristorazzjoni), u dik ikkonstatata fl-ispejjeż fissi li varjaw minħabba miżuri ta’ konfinament meħuda mill-gvernijiet minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal u tal-kummerċjalizzazzjoni, kif ukoll tal-immobilizzazzjoni tal-ajruplani. Barra minn hekk, fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija rreferiet għal lista ta’ miżuri meħuda minn AUA bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż tagħha fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, li tikkonsisti b’mod partikolari fi tnaqqis ta’ 54 % tal-ispejjeż totali, b’paragun mas-sena 2019. Fost dawn il-miżuri, ir-Repubblika tal-Awstrija indikat l-għeluq ta’ diversi bażijiet ta’ manutenzjoni teknika u ta’ installazzjonijiet ta’ assistenza lill-passiġġieri f’ċerti Länder. Barra minn hekk, AUA naqset il-flotta tagħha, billi neħħiet il-maġġoranza tal-ajruplani tal-mudell Dash u billi pproċediet għall-bejgħ ta’ diversi ajruplani. Ir-rikorrenti ma kkontestawx il-veraċità jew ir-rilevanza ta’ dawn l-elementi.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkonstata biss li l-kritika tar-rikorrenti dwar allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż “evitabbli” hija astratta wisq u ma hija sostnuta minn ebda data konkreta. B’mod partikolari, ir-rikorrenti baqgħu ma ppreċiżawx konkretament liema spejjeż AUA setgħet tevita u li kellhom, għaldaqstant, jiġu esklużi mill-evalwazzjoni tad-danni kkawżati lilha.

94      Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

95      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-danni mġarrba minn kumpanniji tal-ajru oħra, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 53 sa 57 iktar ’il fuq sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dannu kkawżat lill-kumpanniji tal-ajru minbarra AUA.

96      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna

97      L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu, billi jirreferu għall-argumenti tagħhom ippreżentati fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali għajnuna addizzjonali li ġejja minn “Lufthansa” favur AUA. Minn naħa, l-indikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH għandha tiġi investita f’teknoloġiji effikaċi fil-qasam tal-klima u fit-tnaqqis tal-istorbju u għalhekk ma tkoprix id-danni mġarrba minn AUA li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja, ma hijiex konvinċenti, peress li l-effetti benefiċi ta’ din l-injezzjoni huma immedjati, filwaqt li l-investimenti previsti, li ma huma suġġetti għal ebda forma ta’ impenji vinkolanti, jimmaterjalizzaw ruħhom biss fl‑2030. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni llimitat ruħha li ssemmi parti minima mill-għajnuna mogħtija favur il-grupp Lufthansa, fl-ammont ta’ EUR 150 miljun, billi injorat il-possibbiltà li l-miżura Ġermaniża tista’ tibbenefika lil AUA lil hinn minn dan l-ammont.

98      It-tieni, il-Kummissjoni ssottovalutat l-impatt tal-għajnuna mill-Istat mogħtija favur AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika li l-imsemmija għajnuna tkopri spejjeż oħra ta’ AUA li allegatament ġew sostnuti matul it-tieni semestru tal‑2020, mingħajr madankollu ma tispjega l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-telf matul it-tieni semestru tal‑2020, il-Kummissjoni sempliċement ħadet l-istimi ta’ AUA, mingħajr ma wettqet analiżi indipendenti tal-imsemmi telf. Il-Kummissjoni ssottovalutat ukoll l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, fejn stmat li din l-għajnuna tammonta għal (bejn 70 u 80) miljuni ta’ euro, mingħajr madankollu ma spjegat kif hija kienet ikkalkolat dan l-ammont. Issa, skont ir-rikorrenti, l-ammont ta’ din l-għajnuna huwa ta’ EUR 270 miljun. Għalhekk, l-ammont ta’ din l-għajnuna, meħud flimkien ma’ dik tal-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH, jammonta għal mill-inqas EUR 420 miljun, li jaqbeż l-ammont tat-telf ta’ AUA li allegatament ġie sostnut matul it-tieni semestru tal‑2020.

99      It-tielet, kuntrarjament għall-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni, li kien ifisser sehem tas-suq ikbar għal AUA minn dak li hija kien minflok ikollha.

100    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Awstrija u minn AUA, tikkontesta dawn l-argumenti.

101    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni eventwali għajnuna addizzjonali ġejja minn “Lufthansa” favur AUA, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li dan jikkoinċidi, parzjalment, mal-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment għall-analiżi ta’ dan tal-aħħar.

102    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat FUE ma jipprekludix applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 107(2)(b) u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Dan japplika b’mod partikolari meta l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal disturb serju tal-ekonomija jirriżultaw minn avveniment straordinarju.

103    F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punti 5 sa 7 iktar ’il fuq, is-self Ġermaniż u l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, kif ukoll il-miżura ta’ għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, ingħataw abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, filwaqt li l-miżura inkwistjoni ngħatat abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

104    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, fil-paragrafu 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri msemmija iktar ’il fuq, mogħtija abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kienu intiżi li jistabbilixxu mill-ġdid is-solvenza u l-vijabbiltà ta’ AUA u kienu jkopru, għaldaqstant, l-ispejjeż li jeċċedu s-sempliċi kumpens tad-dannu kkawżat direttament mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Fil-paragrafi 47 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu kkonfermaw li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tiżdied ma’ għajnuna oħra li tkopri l-istess spejjeż u li l-miżuri oħra li jagħmlu parti mill-appoġġ mogħti lil AUA ma setgħux jagħtu lok għal kumpens żejjed, peress li dawn ma kinux intiżi li jikkumpensaw lil AUA għad-dannu li hija kienet ġarrbet minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, u li din il-miżura ma setgħetx tintuża minħabba tali kumpens.

105    B’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat, fil-paragrafu 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-miżuri ma kienu relatati ma ebda kumpens għad-dannu kkawżat lil AUA, peress li, minn naħa, is-self mogħti lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka kien iggarantit b’garanziji li jikkonsistu fit-titolizzazzjoni ta’ azzjonijiet u b’assi ta’ AUA, u, min-naħa l-oħra, l-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH kellha, kif kien ġie miftiehem bejn AUA, l-azzjonisti tagħha u l-Gvern Awstrijak, tiġi investita fit-teknoloġiji effikaċi fil-qasam tal-klima u fit-tnaqqis tal-istorbju sal‑2030.

106    Barra minn hekk, fil-paragrafi 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jistgħu jibbenefikaw lil AUA, kinux ikopru l-istess dannu li l-miżura inkwistjoni kienet intiża li tirrimedja, fejn ikkonkludiet li dan ma kienx il-każ.

107    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri kollha ta’ għajnuna li jistgħu jibbenefikaw lill-grupp Lufthansa, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni u tal-proporzjonalità tagħha.

108    Issa, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element konkret u ssostanzjat ta’ natura li juri li l-miżuri ta’ għajnuna kollha inkwistjoni jew uħud minnhom huma intiżi sabiex ikopru l-istess spejjeż eliġibbli bħal dawk inklużi fid-dannu li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja.

109    It-tielet, ir-rikorrenti jikkritikaw, b’mod partikolari, il-paragrafu 50(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tiegħu, kif indikat fil-punt 50 iktar ’il fuq, AUA kellha tinvesti, sal‑2030, il-kapital injettat minn DLH f’teknoloġiji effikaċi fit-tnaqqis tal-istorbju u iktar favur l-ambjent, sa fejn l-ammont korrispondenti kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ AUA. Madankollu, minn naħa, dan l-argument jinjora l-fatt li tali investiment jista’ jinfirex fuq perijodu ta’ żmien. Min-naħa l-oħra, l-impenn li jintuża ammont ekwivalenti għall-kapital injettat għall-finanzjament ta’ dan l-investiment juri b’mod ċar li din l-injezzjoni tal-kapital kellha skop differenti minn dak imfittex mill-miżura inkwistjoni.

110    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jikkontestaw in-natura vinkolanti ta’ dan l-impenn ta’ investiment, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-paragrafu 50(b) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest tal-pakkett finanzjarju miftiehem bejn AUA, l-azzjonisti tagħha u l-Gvern Awstrijak, AUA hija “obbligata” li tinvesti ammont ekwivalenti għall-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH f’teknoloġiji effikaċi fit-tnaqqis tal-istorbju u iktar favur l-ambjent.

111    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni osservat, fil-paragrafu 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-riżultati finanzjarji li AUA kienet tipprevedi għas-sena 2020 għandhom ġeneralment ikunu iktar affettwati mid-disturb serju tal-ekonomija Awstrijaka minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. Dan it-telf previst, li fir-rigward tiegħu ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda rabta kawżali diretta mar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri ta’ konfinament, jista’ jammonta, skont il-Kummissjoni, għal (bejn 300 u 400) miljuni ta’ euro għall-perijodu bejn l‑1 sad‑9 ta’ Marzu 2020 u tal‑15 ta’ Ġunju sal‑31 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri barra l-perijodu kkonċernat mill-miżura inkwistjoni. Huwa għalhekk sabiex jiġu kkumpensati l-effetti tad-disturb serju tal-ekonomija tagħha li r-Repubblika tal-Awstrija pprevediet li tagħti lil AUA garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self ta’ EUR 300 miljun, taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, kif jirriżulta mill-paragrafu 88 tad-deċiżjoni kkontestata.

112    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu, li l-Kummissjoni ppreżumiet li l-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka kienet intiża li tkopri telf imġarrab minnha matul it-tieni semestru tal‑2020, mingħajr madankollu ma wriet li dan kien effettivament il-każ. Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jipprovaw, fir-realtà, iħallu dubju dwar il-fatt li l-imsemmija għajnuna tista’ tkopri l-istess spejjeż bħal dawk inklużi fid-dannu kkawżat lil AUA matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu u l‑14 ta’ Ġunju 2020 minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, u li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja.

113    Madankollu, għandu jitfakkar li l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka ġiet stabbilita abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u għalhekk kienet intiża li tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Awstrijaka kkawżat mill-pandemija, billi tipprovdi għajnuna lil numru kbir ta’ impriżi bi bżonnijiet ta’ likwidità, mingħajr ma kienet limitata għal settur ekonomiku partikolari. L-imsemmija skema konsegwentement kellha għan distint minn dak imfittex mill-miżura inkwistjoni.

114    F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-paragrafu 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-imsemmija skema ta’ għajnuna Awstrijaka kienet intiża li tkopri t-telf imġarrab minn AUA, li ma kienx direttament ikkawżat mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ AUA matul il-perijodu bejn id‑9 ta’ Marzu u l‑14 ta’ Ġunju 2020 minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, hija perfettament koerenti mal-iskopijiet differenti mfittxija mill-għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-bażi li fuqha hija qieset li l-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka kienet intiża li tkopri t-telf previst minnha matul it-tieni semestru tal‑2020 ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

115    It-tieni, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li hija bbażat ruħha, fir-rigward tal-ammont ta’ dan it-telf, stmat għal (bejn 300 u 400) miljuni ta’ euro, fuq l-istimi pprovduti minn AUA, minflok ma wettqet hija stess analiżi indipendenti. Għalkemm huwa ċertament minnu li s-sors ta’ din iċ-ċifra ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li din l-istima tirrigwarda telf li l-miżura inkwistjoni ma hijiex intiża li tkopri. Fil-fatt, hija l-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, li l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża, li hija intiża li tkopri parti minn dan it-telf. Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-istima eżatta ta’ dan it-telf hija mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

116    It-tielet, u għall-istess raġuni, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-mod kif hija kkalkolat l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka, stmat għal (bejn EUR 70 u EUR 80) miljun euro. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti jistgħu validament iressqu argumenti li jikkontestaw l-istima tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża, huma ma jistgħux, għall-kuntrarju, validament jikkritikaw l-istima tal-ammont ta’ għajnuna oħra, li l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-kawża.

117    Fi kwalunkwe każ, mill-paragrafu 80 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Awstrijaċi impenjaw ruħhom li jissottomettu lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021, ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex post tad-dannu kkawżat lil AUA matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020, li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja, ibbażata fuq il-kontijiet operattivi ta’ AUA għas-sena 2020, awditjati u debitament iċċertifikati minn korp indipendenti. Jekk l-evalwazzjoni ex post tkun turi li AUA bbenefikat minn kumpens żejjed, l-awtoritajiet Awstrijaċi impenjaw ruħhom li jiżguraw li AUA tħallsu lura.

118    Ir-raba’, u konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li l-ammont ikkombinat tal-għajnuna mogħtija lil AUA taħt l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka u dak tal-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH jaqbeż l-ammont tat-telf previst ta’ AUA għat-tieni semestru tal‑2020 jista’ biss jiġi miċħud.

119    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv favur AUA li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, il-vantaġġ mogħti minn din l-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha ma jinkludix l-eventwali benefiċċju ekonomiku mwettaq minnu mill-operat ta’ dan il-vantaġġ. Tali benefiċċju jista’ ma jkunx identiku għall-vantaġġ li tikkostitwixxi l-imsemmija għajnuna, jew saħansitra jirriżulta ineżistenti, mingħajr ma dan il-fatt jista’ jiġġustifika evalwazzjoni differenti tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 92).

120    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, ġustament, ħadet inkunsiderazzjoni l-vantaġġ mogħti lil AUA, kif jirriżulta mill-miżura inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ddeterminatx l-eżistenza ta’ benefiċċju ekonomiku eventwali li jirriżulta minn dan il-vantaġġ.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja allegata tal-miżura inkwistjoni.

122    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

123    Ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien insuffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni kif ukoll tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Issa, in-natura insuffiċjenti ta’ dan l-eżami turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u sabiex tippermetti lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, għalhekk, li jinfluwenzaw l-imsemmi eżami.

124    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, u AUA jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

125    Għandu jiġi rrilevat, kif għamlet, essenzjalment, il-Kummissjoni, li r-raba’ motiv tar-rikorrenti huwa, fil-fatt, ta’ natura sussidjarja, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti lil parti interessata li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li nkella kien ikun rifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel tliet motivi tar-rikors, relatati mal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-imsemmija miżura bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-iskop indikat tiegħu.

126    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, biss motivi ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35; u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew mhux kompluta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ motiv jirriproduċi b’mod konċiż l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv mingħajr ma juri elementi speċifiċi dwar eventwali diffikultajiet serji.

127    Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

128    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn, l-ewwel, hija ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni għalfejn hija naqset milli tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni mogħtija lil AUA kinitx ser tibbenefika lill-grupp Lufthansa jew jekk l-għajnuna mogħtija lil “Lufthansa” setgħetx tibbenefika lil AUA, it-tieni, hija ma vverifikatx jekk din il-miżura kinitx konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ma’ dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-libertà ta’ stabbiliment, it-tielet, hija ma evalwatx il-vantaġġ kompetittiv mogħti lil AUA u, ir-raba’, hija ma evalwatx id-danni kkawżati mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u lanqas ma mmotivat l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-imsemmija miżura u tal-kumulu tagħha mas-self Ġermaniż, peress li l-għajnuna kienet is-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa u l-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka.

129    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija u AUA jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

130    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE tikkostitwixxi formalità essenzjali (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37) u għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet interessati jkollhom għarfien tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari abbażi tal‑kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d‑destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Finance, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66; u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

131    F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara l-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li, fir-rigward tagħha, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħ dwar l-informazzjoni kollha marbuta ma’ din l-għajnuna.

132    Issa, tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65).

133    F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-miżura inkwistjoni u l-miżuri l-oħra ta’ għajnuna msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kritika magħmula mir-rikorrenti tirriżulta minn qari parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u tal-elementi tal-kuntest tagħha. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 31 sa 43 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement skont il-liġi l-evalwazzjoni tagħha tar-relazzjoni bejn il-miżuri inkwistjoni.

134    It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, għandu ċertament jitfakkar li, meta l-benefiċjarji tal-att, minn naħa, u operaturi oħra esklużi, min-naħa l-oħra, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, l-istituzzjoni tal-Unjoni, awtriċi tal-att, għandha tesponi, fil-kuntest ta’ motivazzjoni speċifika, kif id-differenza fit-trattament hekk stabbilita hija oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 82). Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-elementi, imfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq, li jippermettu li tinftiehem l-importanza partikolari ta’ AUA għas-servizz bl-ajru tal-Awstrija u tal-ekonomija Awstrijaka kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn ir-Repubblika tal-Awstrija għażlet lil AUA bħala l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

135    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għall-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punti 119 sa 121 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni tali vantaġġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, b’tali mod li hija lanqas ma kellha għalfejn issemmih fid-deċiżjoni kkontestata.

136    It-tielet, fir-rigward tal-istima tad-dannu kkawżat lil AUA u tal-ammont tal-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li, għall-finijiet tal-kalkolu tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, dawk sostnuti matul il-perijodu mid‑9 ta’ Marzu sal‑14 ta’ Ġunju 2020 kienu kkunsidrati bħala direttament ikkawżati mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 (ara l-punti 84 sa 88 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, hija spjegat suffiċjentement skont il-liġi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tad-dannu, inklużi l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara l-punti 89 sa 91 iktar ’il fuq).

137    Bl-istess mod, il-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż il-mod kif hija kkalkolat l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni u r-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tiżdied mal-miżuri oħra ta’ għajnuna li jkopru l-istess spejjeż eliġibbli.

138    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata u li, konsegwentement, il-ħames motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

139    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

140    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

141    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

142    AUA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC u Laudamotion GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija u Austrian Airlines AG għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik‑Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Lulju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.