Rikors ippreżentat fit-28 ta' Settembru 2010 - Fuchshuber Agrarhandel vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-451/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Fuchshuber Agrarhandel (Hörsching, l-Awstrija) (rappreżentant: G. Lehner, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
iżżomm seduta;
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas, f'terminu ta' 14-il jum, is-somma ta' EUR 2 623 282.21, flimkien ma' 6 % ta' interessi fis-sena fuq is-somma ta' EUR 1 641 372.50 mill-24 ta' Settembru 2007 u ma' 6 % interessi fis-sena fuq is-somma ta' EUR 981 909.81 mis-16 ta' Ottubru 2007;
tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tikkumpensa lir-rikorrenti għal kull dannu addizzjonali marbut mal-lott KUK459, deċiż fit-3 ta' Settembru 2007, u mal-lott 465, deċiż fis-17 ta' Settembru 2007 ;
tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsa lill-mandatarju tar-rikorrenti l-ispejjeż sostnuti minnha, f'terminu ta' 14-il jum.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu subit minħabba nuqqas, min-naħa tal-Aġenzija ta' Intervent Ungeriża, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha l-kwantitajiet kollha ta' qamħ li hija kienet xtrat fil-kuntest ta' żewġ sejħiet għal offerti.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li l-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat ta' kontroll tagħha fir-rigward tal-Aġenzija ta' Intervent Ungeriża u li lanqas għamlet pressjoni sabiex din tosserva l-obbligi tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li hija ma kinitx iġġarrab dannu li kieku l-Kummissjoni, kemm fuq livell fattwali kif ukoll legali, kienet stabbilixxiet rekwiżiti u mekkaniżmi ta' kontrolli iktar rigorużi u iktar preċiżi għal dak li jirrigwarda l-kapaċità u l-affidabbiltà ta' min jaħżen, għal dak li jirrigwarda n-natura adatta tal-postijiet ta' ħażna kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-inventarju tal-ħażniet, l-identifikazzjoni u l-ħażna tal-merkanzija inkwistjoni.
____________