Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Dicembru 2022 – TO vs AUEA

(Kawża T-831/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: TO (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (AUEA)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat u konsegwetement;

tannulla d-deċiżjoni ta’ [kunfidenzjali1 li tirrexxindi l-kuntratt tar-rikorrenti, bir-referenza [kunfidenzjali], mogħtija minn [kunfidenzjali], li daħlet fis-seħħ fl-istess jum u li ġiet innotifikata lilha fi [kunfidenzjali];

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens provviżorju għad-dannu materjali u morali flimkien ta’ EUR 45 000 bir-riżerva ta’ bidla matul l-istanza;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1d, 1e(2), 12, 12a, 17(1), 22a u 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikoli 10 u 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq ksur tal-Artikoli 8, 31(1), 41(1) u 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju li jimponi fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tagħti deċiżjoni biss abbażi ta’ raġunijiet legalment ammissibbli, jiġifieri rilevanti u mhux ivvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fil-fatt jew fid-dritt, u fuq eċċess u użu ħażin ta’ poter.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u fuq ħsara għad-dinjità u r-reputazzjoni tar-rikorrenti.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur, b’mod partikolari, tal-Artikoli 4, 5, 14, 16(2)(b) u (e), 16(3), 17(1)(e) u (g), 18 u 19 tar-Regolament (UE) 2018/1725 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.

____________

1 Data kunfidenzjali moħbija.

1 ĠU 2013, L 248, p. 1.

1 ĠU 2018, L 295, p. 39.