Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-28 ta’ Ġunju 2021 – D.V. vs M.A.

(Kawża C-395/21)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: D.V.

Konvenut: M.A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “[l]-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” tinkludi klawżola ta’ kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi konkluż bejn professjonist (avukat) u konsumatur dwar il-prezz u dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu li ma ġietx innegozjata b’mod separat?

In-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandha tinftiehem fis-sens li huwa biżżejjed li fil-klawżola kuntrattwali dwar il-prezz (li tiffissa l-prezz tas-servizzi effettivament ipprovduti abbażi tal-prinċipju ta’ rata fis-siegħa) tiġi indikata t-tariffa fis-siegħa tal-onorarji li għandhom jitħallsu lill-avukat?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv: ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi l-obbligu għall-avukat li jindika t-tarifikazzjoni tas-servizzi fil-kuntratt li l-prezzijiet effettivi tagħhom jistgħu jiġu ddefiniti b’mod ċar u indikati bil-quddiem, jew għandhom ukoll jiġu indikati l-prezzijiet indikattivi tas-servizzi (baġit minn qabel għas-servizzi ġuridiċi pprovduti) jekk ikun impossibbli li wieħed jipprevedi n-numru effettiv ta’ atti (it-tul) u t-tarifikazzjoni tagħhom mal-konlużjoni tal-kuntratt kif ukoll li jiġu indikati r-riskji eventwali li jwasslu għal żieda jew tnaqqis fil-prezz? Sabiex tiġi evalwata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza permezz ta’ klawżola kuntrattwali dwar il-prezz, huwa meħtieġ li l-informazzjoni marbuta mal-prezz tas-servizzi ġuridiċi u dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tagħhom ikunu kkomunikati lill-konsumatur permezz tal-mezzi xierqa kollha jew li jiġu previsti fil-kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi nnifsu? L-assenza ta’ informazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet prekuntrattwali jista’ jsir tajjeb għaliha billi l-informazzjoni kuntrattwali tiġi pprovduta matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt? Il-fatt li l-prezz definittiv tas-servizzi pprovduti jsir ċar biss wara l-provvista tas-servizzi ġuridiċi għandu effett fuq l-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza permezz ta’ klawżola kuntrattwali? Il-fatt li l-kuntratt ma jipprevedix il-komunikazzjoni perjodika, mill-avukat, ta’ rapporti dwar is-servizzi pprovduti jew il-preżentazzjoni perjodika ta’ fatturi lill-konsumatur, li jkunu jippremettu lil dan tal-aħħar sabiex jiddeċiedi fil-ħin dwar rifjut tas-servizzi ġuridiċi jew dwar bidla fil-prezz tal-kuntratt, għandu importanza fl-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza permezz ta’ klawżola kuntrattwali dwar il-prezz?

Li kieku qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi li klawżola ta’ kuntratt li tiffissa l-prezz tas-servizzi effettivament ipprovduti fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rata fis-siegħa ma hijiex redatta b’mod ċar u li jinftiehem kif jirrikjedi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, din għandha teżamina jekk dik il-klawżola hijiex inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva (jiġifieri li, waqt l-eżami tan-natura inġusta eventwali ta’ klawżola kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li hemm “żbilanċ sinjifikattiv” fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur minħabba dik il-klawżola), jew is-sempliċi assenza ta’ trasparenza tal-klawżola dwar il-prezz hija madankollu suffiċjenti sabiex dik il-klawżola tiġi ddikjarata inġusta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dik il-klawżola tinkludi informazzjoni essenzjali skont il-kuntratt?

Il-fatt li kuntratt ta’ servizzi ġuridiċi ma jkunx vinkolanti meta klawżola kuntrattwali dwar il-prezz tkun ġiet iddikjarata inġusta, kif jipprevedi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jimplika li għandha tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha li kieku l-klawżola li ġiet iddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet? L-istabbiliment mill-ġdid ta’ din is-sitwazzjoni jkun ifisser li l-konsumatur ma għandux l-obbligu li jħallas għas-servizzi diġà pprovduti?

Jekk in-natura tal-kuntratt ta’ servizzi renumerati ikollha l-konsegwenza li jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien ikun fiha l-konsumatur li kieku l-klawżola li ġiet iddikjarata inġusta qatt ma kienet eżistiet (filwaqt li s-servizzi diġà jkunu ġew ipprovduti), l-istabbiliment tar-remunerazzjoni tal-avukat għas-servizzi pprovduti ma jkunx imur kontra l-għan tal-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 93/13? Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, il-bilanċ effettiv, li permezz tiegħu tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-partijiet fil-kuntratt, jiġi ppreġudikat: 1) kieku l-avukat kien jitħallas għas-servizzi pprovduti skont rata fis-siegħa prevista mill-kuntratt; ii) kieku l-avukat kien [imħallas] skont tariffa minima għas-servizzi ġuridiċi (pereżempju dik prevista minn att legali nazzjonali jew mir-rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont massimu tar-remunerazzjoni għall-assistenza pprovduta mill-avukat); jew iii) kieku livell ta’ remunerazzjoni raġonevoli għas-servizzi, stabbilit mill-qorti, kellu jitħallas lill-avukat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-kawża, tal-kwalifiki u tal-esperjenza tal-avukat, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent u taċ-ċirkustanzi importanti l-oħra?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.