Language of document : ECLI:EU:C:2016:825

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2016(1)

Kawża C‑551/15

Pula Parking d.o.o.

vs

Sven Klaus Tederahn

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula, il-Kroazja)]

(Applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni – Kuntratt għal servizzi – Kuntratt bejn entità pubblika u parti privata – Acta iure imperii – Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Funzjonijiet nutarili u ġudizzjarji – Kunċett ta’ “qorti”)





I –    Introduzzjoni

1.        S. K. Tederahn (iktar ’il quddiem il-“konvenut’) huwa residenti fil-Ġermanja. Fl-2010 huwa pparkja l-karozza tiegħu fi spazju għall-ipparkjar fil-belt ta’ Pula, il-Kroazja. Huwa ma ħallasx għall-biljett tal-ipparkjar. Ħames snin wara, il-kumpannija li kienet proprjetà pubblika, Pula Parking d.o.o. (iktar ’il quddiem “Pula Parking” jew ir-“rikorrenti”), li kienet fdata bl-amministrazzjoni tal-ispazju għall-ipparkjar, talbet lil nutar pubbliku fil-Kroazja sabiex joħroġ mandat ta’ eżekuzzjoni kontra l-konvenut. Il-konvenut ikkontesta l-mandat. Skont il-proċedura nazzjonali standard, il-kawża kienet sussegwentement ittrasferita quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, l-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula, il-Kroazja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

2.        Il-qorti tar-rinviju titlob li tiġi aċċertata jekk il-każ jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) (2). Hija speċifikament tistaqsi żewġ domandi. L-ewwel, minħabba li r-rikorrenti hija proprjetà pubblika u awtorizzata, il-każ jaqa’ fil-kunċett ta’ kwistjonijiet ċivili u kummerċjali? It-tieni, in-nutara Kroati li joħorġu mandati ta’ eżekuzzjoni huma koperti mir-Regolament, li huwa dwar “sentenzi” maħruġa minn “qrati”?

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 1215/2012

3.        Il-premessi tar-Regolament jipprevedu dan li ġej:

“10.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew, […]

[…]

15.      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]

16.      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. […]”

4.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jaqra:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

5.        L-Artikolu 1(2) jeskludi għadd ta’ oqsma mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, inklużi l-falliment, is-sigurtà soċjali, l-arbitraġġ, il-manteniment u t-testmenti u s-suċċessjoni.

6.        L-Artikolu 2 jistabbilixxi lista ta’ definizzjonijiet, inklużi dawn li ġejjin:

“(a)      ‘sentenza’ tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.

–        Għall-finijiet tal-Kapitolu III, ‘sentenza’ tinkludi miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ordnati minn qorti jew tribunal li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament ikollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Ma jinkludix miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, li tkun ordnata minn tali qorti jew tribunal meta l-konvenut ma jkunx irċieva taħrika biex jidher, sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tiġix notifikata lill-konvenut qabel l-infurzar.”

7.        L-Artikolu 3 jispeċifika li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “qorti” tinkludi l-awtoritajiet li ġejjin sakemm dawn ikollhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolamen:

(a)      fl-Ungerija, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (fizetési meghagyásos eljárás), in-nutar (közjegyző);

(b)      fl-Isvezja, fi proċedimenti sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas (betalningsföreläggande) u assistenza (handräckning), l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten).”

8.        L-Artikolu 4 jistabbilixxi r-regola ġenerali li l-qrati tal-Istat Membru li fih il-konvenut ikun iddomiċiljat għandhom ikollhom ġurisdizzjoni.

9.        L-Artikolu 7(1)(a) jipprevedi li, fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, il-konvenut jista’ jitħarrek ukoll fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni. L-Artikolu 7(1)(b) jispeċifika li l-post tal-eżekuzzjoni fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti għandu jkun il-post fejn l-oġġetti jkunu ġew ikkunsinnati jew fejn suppost ikunu ġew ikkunsinnati skont il-kuntratt. Fil-każ tal-provvista ta’ servizzi, dan għandu jkun il-post fejn is-servizzi jkunu ġew ipprovduti jew fejn suppost ikunu ġew ipprovduti. L-Artikolu 7(1)(c) jipprevedi li fil-każijiet l-oħra kollha għandha tapplika r-regola ġenerali li tinstab fl-Artikolu 7(1)(a).

10.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(1) jipprovdi li fil-każ ta’ proċeduri li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom kirjiet ta’ proprjetà immobbli għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà wkoll ikollhom ġurisdizzjoni.

11.      L-Artikolu 66 jipprevedi li r-Regolament għandu japplika għall-proċeduri legali istitwiti fil-10 ta’ Jannnar 2015 jew wara.

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Il-liġi dwar l-eżekuzzjoni

12.      Skont l-Artikolu 278 tal-Ovršni zakon (liġi dwar l-eżekuzzjoni) (3) in-nutara għandhom jiddeċiedu dwar it-talbiet għal eżekuzzjoni li jkunu bbażati fuq strumenti awtentiċi skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

13.      Skont l-Artikolu 279(1) u (3) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni, għal dak li jirrigwarda l-istrumenti eżegwibbli, in-nutar b’uffiċċju fiż-żona territorjali (reġjun) tar-residenza jew tal-uffiċċju rreġistrat tad-debitur li kontrih tintalab l-eżekuzzjoni għandu jkollu ġurisdizzjoni territorjali. Jekk it-talba għal eżekuzzjoni jkun ġie ppreżentat quddiem nutar li ma jkollux ġurisdizzjoni territorjali, il-qorti għandha tiċħdu.

14.      Skont id-digriet tar-rinviju, f’konformità mal-Artikolu 282(3) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni, in-nutar li quddiemu titressaq b’mod f’waqtu oppożizzjoni ammissibbli u fondata għal mandat maħruġ minn dak in-nutar, għandu jittrasferixxi l-fajl lill-qorti b’ġurisdizzjoni għall-kunsiderazzjoni tagħha. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar dik l-oppożizzjoni skont l-Artikoli 57 u 58 ta’ din il-liġi.

2.      Ir-regolamenti dwar l-ipparkjar

15.      Skont id-digriet tar-rinviju, l-ipparkjar f’Pula huwa suġġett għar-regolament dwar il-ġbir ta’ ħlasijiet għal u l-kontroll tal-ipparkjar f’ postijiet pubbliċi għall-ipparkjar tas-16 ta’ Diċembru 2009 (4) u tal-11 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar l-ipparkjar”) (5).

16.      L-Artikolu 1(2) tar-regolament dwar l-ipparkjar jipprevedi li l-operazzjonijiet tekniċi u organizzattivi, il-ġbir ta’ ħlasijiet, is-superviżjoni tal-ipparkjar tal-vetturi, il-manutenzjoni u t-tindif, kif ukoll operazzjonijiet oħra f’postijiet pubbliċi bil-ħlas għall-ipparkjar, għandhom jitwettqu mill-kumpannija Pula Parking. Din il-kumpannija hija kumpannija pubblika proprjetà tal-belt ta’ Pula.

17.      Ir-regolament dwar l-ipparkjar jipprevedi wkoll li l-utenti tal-ispazji għall-ipparkjar jidħlu f’kuntratt ma’ Pula Parking, jinħarġilhom biljett validu għal 24 siegħa u jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli. L-utenti għandhom tmint ijiem sabiex iħallsu l-biljett, u fin-nuqqas ta’ dan jibdew jinġemgħu l-imgħaxijiet u l-ispejjeż legali.

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

18.      Fit-8 ta’ Settembru 2010, il-konvenut ipparkja l-karozza tiegħu fi spazju pubbliku għall-ipparkjar fil-belt ta’ Pula fil-kosta Kroata. Meta ġie sabiex jitlaq il-konvenut nesa jħallas il-HRK 100 (madwar EUR 13) li kienu dovuti għall-biljett tal-ipparkjar ta’ kuljum. Huwa lanqas ma ħallas il-flus fi żmien it-tmint ijiem li fihom kellu jagħmel dan, qabel ma bdew jinġemgħu l-imgħaxijiet legali fuq l-ammont.

19.      Fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea.

20.      Fis-27 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti, Pula Parking, kumpannija proprjetà tal-belt ta’ Pula u fdata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità pubblika bl-amministrazzjoni tal-ispazju għall-ipparkjar ikkonċernat, bdiet proċedura sabiex tirkupra d-dejn. F’dik id-data, ir-rikorrenti talbet lil nutar pubbliku bbażat f’Pula sabiex joħroġ mandat ta’ eżekuzzjoni għall-HRK 100 kontra l-konvenut, abbażi ta’ “att awtentiku”. Dan l-att kien estratt mill-kontijiet tar-rikorrenti, li rreġistra d-dejn dovut mill-konvenut.

21.      Il-mandat inħareġ fil-25 ta’ Marzu 2015. Fil-21 ta’ April 2015, il-konvenut ikkontesta l-mandat u, skont l-Artikolu 282(3) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni, il-kawża ġiet ittrasferita quddiem l-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula), li hija l-qorti tar-rinviju. Il-konvenut issottometta quddiem din il-qorti li n-nutar ma kienx kompetenti ratione materiae jew ratione loci sabiex joħroġ il-mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ att awtentiku kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Fid-dawl tan-natura ġuridika tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, huwa applikabbli għall-każ inkwistjoni?

2.      Ir-Regolament […] Nru 1215/2012 jirreferi għall-ġurisdizzjoni tan-nutara fir-Repubblika tal-Kroazja?”

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-konvenut, kif ukoll mill-Gvern Kroat, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Svizzeru, u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fl-istadju bil-miktub, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż u tal-Gvern Svizzeru, ukoll ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016.

IV – Analiżi

A –    L-ammissibbiltà

1.      Il-konformità tat-talba għal deċiżjoni preliminari mal-liġi Kroata

24.      Il-konvenut jissottometti li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda abbażi li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt Kroat. F’dan ir-rigward, il-konvenut jinnota b’mod partikolari li t-talba hija fil-forma ta’ ittra u ma hijiex digriet ta’ qorti. Il-konvenut iżid jgħid li huwa appella mit-talba quddiem il-qrati nazzjonali.

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminax “jekk id-deċiżjoni li biha kwistjoni tinġieb quddiemha tkunx ittieħdet skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-qrati u l-proċedura tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, timxi mad-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li titlob deċiżjoni preliminari sakemm dik id-deċiżjoni ma tkunx ġiet annullata f’xi proċeduri ta’ appell previsti mid-dritt nazzjonali” (6).

26.      Għalhekk, fir-rigward tal-forma speċifika tat-talba, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tikkonferma li dawn huma kwistjonijiet li għandhom jiġu esklużivament eżaminati mill-qrati nazzjonali li jeżaminaw. Barra minn dan, fir-rigward ta’ appell potenzjali kontra talba għal rinviju fuq il-livell nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx informata li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża ġiet annullata. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas, tabilħaqq, ma rċeviet xi notifika formali ta’ appell. Għalhekk, sakemm u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiġix informata mill-qorti tar-rinviju li din tixtieq tirtira r-rinviju tagħha (7), il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ adita b’mod validu.

27.      Għal dawn ir-raġunijiet, ebda wieħed mill-argumenti msemmija iktar ’il fuq tal-konvenut ma jixħtu dubju dwar l-ammissibbiltà tat-talba tal-qorti nazzjonali.

2.      L-applikabbiltà ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni

28.      L-obbligu kuntrattwali li qiegħed jiġi diskuss imur lura għat-8 ta’ Settembru 2010. Il-Kroazja aċċediet mal-Unjoni Ewropea biss fl-1 ta’ Lulju 2013. Ir-Regolament Nru 1215/2012 daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament japplikax ratione temporis.

29.      Skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja (iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) (8) id-dritt tal-Unjoni sar vinkolanti minnufih fil-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013. (9)

30.      L-Artikolu 66 tar-Regolament jipprovdi li huwa japplika “għal proċedimenti legali istitwiti […] fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015”.

31.      F’dan il-każ, il-proċedura għall-eżekuzzjoni nbdiet fis-27 ta’ Frar 2015. L-oppożizzjoni għal din il-proċedura tressqet fil-21 ta’ April 2015.

32.      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni li hemm fir-Regolament kienu għalkollox applikabbli fil-Kroazja fiż-żmien rilevanti, jiġifieri fiż-żmien li fih ġiet istitwita l-proċedura, irrispettivament minn jekk dik id-data titqiesx li hija s-27 ta’ Frar 2015 jew il-21 ta’ April 2015.

33.      Huwa irrilevanti jekk dawn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jirrigwardawx fatti preċedenti għall-adeżjoni tal-Kroazja. Kif ipprovajt nispjega f’kuntest ieħor, il-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata tad-dritt tal-Unjoni għal relazzjonijiet legali li jkunu għadhom għaddejjin jippermetti modifika prospettiva ta’ dawk ir-relazzjonijiet (10). Iktar importanti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, il-konsegwenza li regoli ġodda tal-Unjoni jkunu wkoll applikabbli għal xi fatti preċedenti għall-adeżjoni hija naturali f’każijiet ta’ regoli ta’ eżekuzzjoni u ta’ proċedura. Huwa tabilħaqq komuni li l-eżekuzzjoni fir-rigward ta’ debiti dovuti tkun suġġetta għar-regoli li jkunu validi meta tinbeda l-azzjoni għal eżekuzzjoni u mhux għar-regoli proċedurali fis-seħħ meta jkun ġie ffirmat il-kuntratt oriġinali.

34.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ratione temporis tar-regoli tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni. Għaldaqstant, pereżempju, fil-kawża Collin (11) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha sitwazzjoni li kienet tinvolvi kuntratt ta’ impjieg iffirmat u tterminat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-predeċessura tar-Regolament (12). Il-proċeduri kienu ġew istitwiti wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, sabiex japplikaw ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni, “l-unika ħaġa sostanzjali […] hija li l-proċeduri ġudizzjarji kellhom ikunu istitwiti wara [d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament]” (13).

35.      Filwaqt li jikkontesta l-applikabbiltà ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni f’din il-kawża, il-konvenut jinvoka d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża VG Vodoopskrba (14). F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat il-ġurisdizzjoni, iżda għar-raġuni li l-qorti tar-rinviju kienet talbet l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li kien jirrigwarda d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ kuntratt, konkluż u mid-dehra parzjalment eżegwit qabel l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea. Dan potenzjalment seta’ jwassal għall-eżami mill-ġdid ta’ ġrajjiet fil-passat, preċedenti għall-adeżjoni. B’kuntrast, din il-kawża tirrigwarda biss l-eżekuzzjoni (kontinwa u min-natura tagħha prospettiva) ta’ somma milli jidher dovuta, bil-proċedura ta’ eżekuzzjoni b’mod ċar mibdija wara l-adeżjoni.

36.      Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti ratione temporis sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju relatati mal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

3.      In-natura ipotetika tat-tieni domanda

37.      Tqum kwistjoni dwar in-natura potenzjalment ipotetika tat-tieni domanda tal-qorti nazzjonali. Din il-kwistjoni hija indirizzata iktar ’il quddiem bħala parti mill-analiżi ġenerali ta’ din id-domanda, fil-punti 56 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B –    Fuq il-mertu

1.      Fuq l-ewwel domanda

38.      Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-każ jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Hija tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għan-“natura legali tar-relazzjoni bejn il-partijiet”. B’dan nifhem li l-qorti nazzjonali qiegħda tipprova tiddetermina jekk il-każ jaqax fil-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti hija proprjetà pubblika u awtorizzata u b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tip ta’ kuntratt involut.

39.      Għar-raġunijiet indikati iktar ’il quddiem, inqis li ċertament il-każ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

40.      Il-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (15). Huwa “ddefinit essenzjalment minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din” (16).

41.      F’din il-kawża, ir-rikorrenti kriet spazju għall-ipparkjar lill-konvenut.

42.      Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-konvenut jissottometti li l-kuntratt bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali huwa ftehim ta’ kera u mhux kuntratt għal servizzi. Din il-klassifikazzjoni għandha, skont il-konvenut, tqassar ukoll il-perijodu ta’ preskrizzjoni li japplika għal azzjonijiet ibbażati fuq il-kuntratt. Fuq din il-bażi, huwa jiddubita mill-ġurisdizzjoni tan-nutara Kroati skont id-dritt nazzjonali, billi jissottometti li skont id-dritt Kroat, huma l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fuq ftehimiet ta’ kera.

43.      Irrispettivament mill-merti ta’ dawn l-argumenti, din hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Din ma għandhiex effett fuq il-kwistjoni li għandha quddiemha din il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, jekk il-kuntratt jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” skont ir-Regolament (17).

44.      Bħala prinċipju, kemm ftehimiet ta’ kera, kif ukoll kuntratti għal servizzi jistgħu jaqgħu fil-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”, li għandu jkopri “l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew” (18). Eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (19).

45.      Kuntratt bejn żewġ partijiet privati sabiex jingħata post għall-ipparkjar, f’ċirkustanzi normali, jaqa’ fil-kunċett ta’ kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Madankollu, kien hemm dubju dwar dan minħabba li r-rikorrenti hija entità pubblika u kienet ingħatat is-setgħa tagħha permezz ta’ att tal-awtorità pubblika (20).

46.      Il-mistoqsija hija, għalhekk, jekk dan jeskludix l-arranġament bejn il-partijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

47.      Fl-opinjoni tiegħi dan ma huwiex il-każ għar-raġunijiet li ġejjin.

48.      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament espliċitament jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew […] ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).” Din l-eċċezzjoni kienet ikkonfermata u ċċirkoskritta mill-ġurisprudenza, li tgħid li “azzjonijiet bejn awtorità pubblika u persuna rregolati mid-dritt privat jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament] biss sa fejn dik l-awtorità taġixxi fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi” (21).

49.      Xejn f’din il-kawża ma jisseġġerixxi li l-kuntratt ta’ ipparkjar f’dan il-każ kien jammonta għal “acta iure imperii”, jiġifieri att imwettaq fl-eżerċizzju ta’ setgħa tal-Istat. Huwa minnu li r-rikorrenti twettaq attività fdata lilha permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika. Madankollu, din l-attività, il-kirja ta’ spazju għall-ipparkjar, hija attività kummerċjali standard. Il-fatt biss li l-mandat sabiex tiġi eżerċitata din l-attività jingħata permezz ta’ att tal-awtoritajiet pubbliċi ma jittrasformahiex awtomatikament f’“acta iure imperii”. Xejn fil-fajl ma jissuġġerixxi li, fit-twettiq tal-funzjoni tagħha, ir-rikorrenti teżerċita setgħat li jidderogaw mir-regoli ta’ dritt applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi privati (22). Tabilħaqq, skont id-digriet tar-rinviju, din l-assenza ta’ deroga b’rabta’ ma’ dan it-tip ta’ kuntratt kienet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Ustavni sud (qorti kostituzzjonali tal-Kroazja).

50.      Barra minn dan, is-somma li r-rikorrenti qiegħda titlob li tirkupra mingħand il-konvenut tidher li tikkostitwixxi korrispettiv għas-servizz ipprovdut mir-rikorrenti. Xejn fil-fajl ma jissuġġerixxi li s-somma tikkostitwixxi sanzjoni penali jew amministrattiva.

51.      Din il-konklużjoni ma hijiex iddubitata bil-fatt li r-rikorrenti hija kumpannija proprjetà, fl-intier tagħha, ta’ awtorità pubblika. Tali proprjetà fiha nfisha ma tikkostitwixxix sitwazzjoni ekwivalenti għal dik li fiha dak l-Istat Membru jeżerċita setgħat pubbliċi. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta entità proprjetà tal-Istat taġixxi bħal kull operatur ekonomiku li jopera f’suq partikolari (23).

52.      Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti nazzjonali kif ġej: ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża fejn jiġi konkluż kuntratt għall-użu ta’ spazju għall-ipparkjar bejn, minn naħa, individwu privat u, min-naħa l-oħra, entità proprjetà ta’ awtorità pubblika, jekk din tal-aħħar ma tkunx qiegħda teżerċita s-setgħat pubbliċi tagħha.

2.      Fuq it-tieni domanda

53.      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament jirrelatax wkoll mal-“ġurisdizzjoni tan-nutara fir-Repubblika tal-Kroazja”.

54.      Il-qorti nazzjonali ma tidentifikax espliċitament id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament li għandha fi ħsiebha meta tgħamel din id-domanda. Madankollu, il-kwistjoni li fl-aħħar mill-aħħar qiegħda titqajjem hija jekk in-nutara Kroati li joħorġu mandati ta’ eżekuzzjoni jikkwalifikawx bħala “qrati” li jagħtu “sentenzi” skont it-tifsira tar-Regolament.

55.      Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, inqis li n-nutara ma humiex “qrati” f’dan is-sens.

a)      L-ammissibbiltà

56.      Qabel ma nindirizza l-mertu, għandha tiġi ttrattata kwistjoni preliminari ta’ ammissibbiltà.

57.      F’din il-kawża l-konvenut oppona l-mandat ta’ eżekuzzjoni tan-nutar. Bħala riżultat, il-ġurisdizzjoni kienet ittrasferita lill-qrati Kroati. Minħabba l-fatt li n-nutar ma għadx għandu ġurisdizzjoni fuq it-tilwima, dan il-fatt jagħmel it-tieni domanda tal-qorti nazzjonali purament ipotetika, u, għalhekk, inammissibbli?

58.      Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ.

59.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi magħmula minn qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss fejn ikun jidher b’mod tassew manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha.

60.      F’din il-kawża, ma narax li din il-preżunzjoni ta’ rilevanza hija inekwivokament ikkonfutata. Ma huwiex ċar x’konsegwenzi jkollha fuq il-proċedura nazzjonali risposta negattiva mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda. Minn naħa, huwa possibbli li tali risposta jista’ fl-aħħar mill-aħħar ma jkollha ebda effett, minħabba li l-kawża hija issa pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, u mhux iktar quddiem in-nutar. Min-naħa l-oħra, ir-risposta għat-tieni domanda tista’, ċertament jekk fin-negattiv, ugwalment tkun kapaċi taffettwa l-proċedura nazzjonali kollha. Dawn huma kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali. Dawn għandhom jitqiesu mill-qorti nazzjonali, mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja.

61.      Għalhekk nissuġġerixxi li t-tieni domanda hija ammissibbli.

b)      Fuq il-mertu

i)      Osservazzjonijiet dwar l-adattament tar-Regolament Nru 1215/2012 fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja

62.      Il-kunċett ta’ “qorti” ma huwiex iddefinit fir-Regolament. Madankollu, l-Artikolu 3 tar-Regolament jgħid li l-kunċett ta’ “qorti” speċifikament jinkludi n-nutara Ungeriżi meta jittrattaw proċeduri sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas u l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni Svediża meta tittratta proċeduri sommarji dwar ordnijiet għall-ħlas u assistenza. Ebda dispożizzjoni simili ma hija inkluża li tirreferi għan-nutara Kroati li joħorġu mandati ta’ eżekuzzjoni.

63.      Ir-Regolament kien adottat fit-12 ta’ Diċembru 2012, ftit xhur qabel l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, iżda wara l-pubblikazzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni fl-24 ta’ April 2012, li kellu lista ta’ adattamenti tekniċi għal-leġiżlazzjoni sekondarja (25).

64.      Jista’ jiġi argumentat li r-Regolament jinsab bejn ħaltejn: tard wisq sabiex ikun suġġett għal adattamenti tekniċi bħala parti mill-proċess ta’ adeżjoni, u kmieni wisq għall-Kroazja sabiex tinfluwenza l-kontenut tiegħu bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

65.      Fuq din il-bażi, il-Gvern Kroat jikkontendi li huwa sempliċement ma setax jinkludi n-nutara fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

66.      Filwaqt li nifhem il-punti prattiċi magħmula dwar it-tempestività tar-Regolament, ma naħsibx li tali kunsiderazzjonijiet għandhom jitħallew jaffettwaw l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li interpretazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu bbażati fuq it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Jekk it-test ikun ambigwu, dawn l-ambigwitajiet għandhom jiġu solvuti b’riferiment għall-kuntest u għall-għan tad-dispożizzjoni.

67.      Madankollu, ċirkustanzi mhux tas-soltu ma jiġġustifikawx li jiġu injorati dawk ir-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni leġiżlattiva. Każijiet strambi jipproduċu regoli ġenerali ħżiena. Intenzjonijiet allegati ta’ Stat Membru, li jingħad li jkun iffrustrat minħabba kwistjoni ta’ tempestività, ma għandhomx jitħallew jgħawġu l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, wara kollox, għandha tkun uniformi fl-Istati Membri kollha (26).

ii)    In-nutara Kroati li joħorġu mandati ta’ eżekuzzjoni huma “qrati” li jagħtu “sentenzi”?

–       L-assenza ta’ definizzjoni stabbilita ta’ “qorti”

68.      Ir-Regolament jiddefinixxi “sentenzi” b’mod wiesa’ ħafna. Id-definizzjoni hija manifestament maqtugħa minn kull kategorizzazzjoni nazzjonali ta’ dak li jikkostitwixxi “sentenza” billi tuża l-frażi: “independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza” (27). Barra minn dan, verżjonijiet f’lingwi oħra għandhom it-tendenza li jużaw terminu iktar ġeneriku eqreb għat-terminu usa’ Ingliż “decision” [pereżempju, “décision” (il-Franċiż), “Entscheidung” (il-Ġermaniż), “beslissing” (l-Olandiż), “rozhodnutí” (iċ-Ċek)]. Eżempji ta’ tali “deċiżjonijiet” mogħtija fir-Regolament huma diversi: “digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni […] determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż”. Għalhekk, “mandati ta’ eżekuzzjoni” huma espliċitament inklużi.

69.      Madankollu, deċiżjonijiet huma biss “sentenzi” skont it-tifsira tar-Regolament jekk jingħataw minn “qrati” (28). It-terminu “qorti” (29) ma huwiex iddefinit fir-Regolament.

70.      Minn perspettiva iktar istituzzjonali, it-tifsira naturali ta’ “qorti” ma tinkludix lin-nutara, li ma humiex “korp ġudizzjarju” (30), jiġifieri ma jifformawx parti mill-istruttura ġudizzjarja (31). Minn perspettiva iktar funzjonali, id-dritt tal-Unjoni nnifsu jirrikonoxxi “differenzi fundamentali” bejn il-funzjonijiet nutarili u ġudizzjarji fi ħdan is-sistemi legali (32). Filwaqt li nutara jistgħu xi drabi jwettqu funzjonijiet ġudizzjarji f’każijiet speċifiċi, dan ma huwiex ir-rwol tipiku u/jew ewlieni tagħhom. Bħala riżultat, anki minn perspettiva iktar funzjonali, in-nutara ma humiex qrati “fil-veru sens [ta’ kuljum] tal-kelma” (33).

71.      Madankollu, il-piż li għandu jingħata lit-tifsira naturali tat-terminu “qorti” f’din il-kawża huwa aktarx imnaqqas minħabba d-diversità ta’ traduzzjonijiet tat-terminu korrispondenti f’verżjonijiet ta’ lingwi oħra. Għaldaqstant, pereżempju, il-verżjoni Kroata tagħmel riferiment għal “qrati” (sud), il-Franċiża għal “ġurisdizzjonijiet” (juridiction), l-Ispanjola għal “organi ġurisdizzjonali” (órgano jurisdiccional), il-Ġermaniża għal “tribunali” (Gericht), iċ-Ċeka għal “qrati” (soud), it-Taljana għal “awtoritajiet ġurisdizzjonali” (autorità giurisdizionale).

72.      Minħabba li t-tifsira naturali ta’ dawn it-termini ma hijiex nieqsa minn ambigwità, ser nikkunsidra iktar ’il quddiem żewġ aspetti ewlenin tal-kuntest u tal-għan tar-Regolament, qabel ma nipproponi mod ’il quddiem f’din il-kawża.

73.      L-ewwel nett, l-Artikolu 3 tar-Regolament huwa istruttiv. Dan jidentifika speċifikament lin-nutara Ungeriżi u lill-Awtorita’ ta’ Eżekuzzjoni Svediża (meta jadottaw ċerti atti) bħala li huma “qrati”, ‘[għ]all-finijiet ta’ dan ir-Regolament”.

74.      Dan l-approċċ jibgħat sinjal qawwi ħafna li l-leġiżlatur ma qiesx awtomatikament lin-nutara Ungeriżi u lill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni Svediża bħala li jaqgħu fil-kunċett ta’ “qorti” (34). Kieku għamel dan, kien ikun hemm ftit skop li jkunu elenkati espliċitament. L-Artikolu 3 ovvjament ħafna jaqra bħallikieku kien tip ta’ eċċezzjoni għal jew estensjoni tat-tifsira naturali ta’ “qorti”.

75.      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jissottometti l-Gvern Kroat, l-Artikolu 3 ma għandux, fil-fehma tiegħi, jinqara bħala sempliċement kjarifika ta’ każijiet dubjużi. Dan ukoll għar-raġuni li, kif innotat iktar ’il fuq, in-nutara (u l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni) (35) ma humiex “qrati” skont it-tifsira normali ta’ dan it-terminu. Barra minn dan, jekk in-nutara normalment ikunu “qrati”, quod non, ma huwiex ċar għaliex ikun meħtieġ li dan il-fatt jingħad b’mod espliċitu u biss b’rabta ma’ funzjoni speċifika eżerċitata minn nutara Ungeriżi, iżda mhux b’rabta ma’ funzjonijiet oħra jew ma’ nutara oħra ta’ Stati Membri oħra (36).

76.      Għalhekk, l-istruttura u l-kliem tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament jidhru li jikkonfermaw l-esklużjoni tan-nutara mill-kunċett ta’ “qorti”.

77.      It-tieni nett, leġiżlazzjoni parallela, li tittratta dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’oqsma speċifiċi (u b’mod usa’ fi kwistjonijiet ta’ proċedura ċivili) (37) hija wkoll ta’ interess. Dawn l-istrumenti jipproponu firxa ta’ approċċi differenti. Diversi jinkludu definizzjonijiet espliċiti ta’ “qorti”, li huma wiesgħa u varji (38) (dawn jistgħu wkoll jużaw u jiddefinixxu termini differenti) (39). Oħrajn ma jagħtux definizzjoni tat-terminu bażiku nnifsu, imma jkollhom magħhom speċifikazzjonijiet, pereżempju, lista ta’ entitajiet partikolari li għandhom jitqiesu bħala “qrati” f’kull każ (40). Dan huwa l-każ fir-rigward tar-Regolament Nru 1215/2012 (41).

78.      Il-punt hawnhekk huwa li hemm ftit xebh orizzontali, aħseb u ara uniformità, bejn l-istrumenti individwali fil-qasam tal-proċedura ċivili tal-Unjoni. L-użu ta’ approċċ sistemiku, għalhekk, ma tantx joħodna wisq ’il bogħod. Il-kunċett ta’ “qorti” manifestament jiddependi ħafna mill-kuntest leġiżlattiv u mill-għan tal-miżura individwali. F’xi każijiet hemm xewqa ċara li tingħata definizzjoni speċifika u ad hoc, filwaqt li f’oħrajn jintuża terminu iktar ġeneriku, mhux iddefinit (li jkollu miegħu speċifikazzjonijiet).

79.      Wieħed, għalhekk, għandu joqgħod attent minn transpożizzjonijiet fl-intier tagħhom ta’ dawk li jidhru li jkunu definizzjonijiet speċifiċi għall-kuntest. Ugwalment, il-fatt li jkun stabbilit kunċett tad-dritt tal-Unjoni wieħed u totalment inklussiv ta’ “qorti” jidher li huwa problematiku.

80.      Fl-istess waqt, kif kien osservat partikolarment mill-Kummissjoni u mill-Gvern Kroat, it-terminu “qorti” użat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament huwa l-istess bħal dak użat fl-Artikolu 267 TFUE. Jidher li fil-verżjoni tal-lingwi kważi kollha, it-terminu użat fir-Regolament huwa identiku għal dak tradizzjonalment użat sabiex jiġu indikati entitajiet li jistgħu jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

81.      Il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 267 TFUE hija rikka. Madankollu, transpożizzjoni fl-intier tagħha tal-ġurisprudenza tal-Artikolu 267 TFUE tidher problematika. Ċertament hija possibbli sa ċertu punt (42), iżda wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu li d-definizzjoni tal-Artikolu 267 TFUE kienet żviluppata f’kuntest differenti u b’għanijiet differenti. Madankollu, l-approċċ meħud fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE xorta jipprovdi punt ta’ tluq utli. Wara kollox, dan jinkludi l-karatteristiċi bażiċi ta’ istituzzjoni li tista’ tissejjaħ “qorti”.

–       Id-definizzjoni proposta b’żewġ partijiet

82.      It-terminu “qorti” kif għandu allura jiġi ddefinit fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012? Il-qrati nazzjonali li jintalbu jirrikonoxxu u jeżegwixxu atti maħruġa minn entitajiet barranin kif għandhom ikunu mistennija jiddeterminaw jekk dawk l-entitajiet ikunux “qrati”?

83.      Għall-finijiet partikolari tar-Regolament Nru 1215/2012, nipproponi approċċ b’żewġ livelli għall-kunċett ta’ “qorti”, magħmul minn:

–        definizzjoni istituzzjonali standard (ibbażata fuq sempliċi differiment għall-istrutturi ġudizzjarji rrikonoxxuti tal-Istati Membri),

–        korretta, f’każijiet eċċezzjonali, minn definizzjoni funzjonali tad-dritt tal-Unjoni (magħmula mill-kriterji tal-Artikolu 267 TFUE, iżda applikata strettament).

84.      Tali approċċ b’żewġ livelli, li jista’ wkoll sempliċement jissejjaħ “definizzjoni istituzzjonali bi prekawzjoni” ikun l-iktar adatt, fil-fehma tiegħi, għall-għanijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 1215/2012. Min-naħa, jippermetti li l-maġġoranza vasta ta’ kawżi normali minn jum għal ieħor titmexxa malajr. Min-naħa l-oħra, jipprovdi wkoll sabiex kawżi iktar diffiċli jiġu riżolti billi wieħed jistrieħ fuq il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm applikata b’mod xi ftit immodifikat.

85.      Id-definizzjoni standard tal-kunċett ta’ “qorti” għandha tkun sempliċi u bbażata fuq approċċ istituzzjonali: “qorti” huma korpi ġudizzjarji ta’ Stat Membru. Huma entitajiet li jagħmlu parti mill-istruttura ġudizzjarja tal-Istat Membru u rrikonoxxuti bħala tali (43).

86.      Dan l-approċċ istituzzjonali għad-definizzjoni ta’ “qorti” huwa sostnut minn ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (44). Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-entità eżaminata tkun “qorti” ġeneralment lanqas biss ma jiġi diskuss. Bħala eżempju mill-prassi ġudizzjarja, ċertament il-High Court of Justice Ingliża (45), l-Arondissementsrechtsbank (qorti distrettwali Olandiża) (46) jew it-Tribunal de Grande Instance (qorti reġjonali Franċiża) (47) huma “qrati”.

87.      Id-diskussjoni f’dawk il-kawżi pjuttost tiffoka fuq it-tip ta’ proċedura segwita u jekk il-miżura li tirriżulta tkunx tammonta għal “sentenza” skont it-tifsira ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 2(a) tar-Regolament. Dwar dan jista’ jkun hemm dubju minħabba, pereżempju, in-natura ex parte jew provviżorja tal-proċeduri. Fi kliem ieħor, l-analiżi “funzjonali” jew “proċedurali” hija rriżervata l-iktar għall-evalwazzjoni tal-att, mhux tal-istituzzjoni li tadottah.

88.      Forsi l-iktar importanti, definizzjoni istituzzjonali standard ta’ “qorti” hija mhux biss konformi mat-tifsira naturali tat-terminu, iżda li l-iktar tirrifletti l-għan tar-Regolament. Dan l-għan huwa ta’ rikonoxximent reċiproku u ħeffa u prevedibbiltà fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dan l-għan jeżiġi sempliċità. Analiżi każ każ hija tassew mhux adatta sabiex dan jinkiseb. Dan jeżiġi wkoll fiduċja. Jekk l-entità tkun ovvjament parti (jew ovvjament mhux parti) mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti, għaliex l-Istat Membru eżekutant għandu jibda jiddubita minn dan il-fatt fil-każijiet kollha għajr dawk l-iktar eċċezzjonali? (48)

89.      Ma’ dan l-għan ġenerali jorbot punt operazzjonali: kieku d-definizzjoni standard ta’ “qorti” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 kellha tkun definizzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tistenna li qrati nazzjonali jivverifikaw li l-elementi kollha ta’ dik id-definizzjoni jkunu ssodisfatti f’kull każ partikolari li għalih jintalab rikonoxximent skont dan ir-Regolament? Għandu mħallef tal-ewwel istanza fi Stat Membru X, meta jintalab jeżegwixxi sentenza, jibda jeżamina jekk tribunal tal-ewwel istanza fi Stat Membru Y, li jkun ta s-sentenza, kienx organu indipendenti u imparzjali ta’ natura ġudizzjarja, stabbilit b’liġi fuq bażi permanenti, wara proċedura inter partes?

90.      Ir-risposta raġonevoli hija manifestament fin-negattiv. Għalhekk l-approċċ standard għandu jkun istituzzjonali: qrati li jagħmlu parti mill-istruttura ġudizzjarja normali ta’ Stat Membru għandhom sempliċement ikunu preżunti li jkunu “qrati” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, mingħajr ma tkun meħtieġa analiżi individwali ulterjuri. Dan ukoll huwa espressjoni ta’ fiduċja reċiproka: sakemm ma jintweriex xort’oħra b’mod enfatiku u ċar, dak li inti ssejjaħ qorti, jiena nsejjaħ qorti.

91.      Id-definizzjoni istituzzjonali standard għandha fl-istess waqt implikazzjoni prattika importanti oħra: tippermetti delega interna fil-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fil-qrati tal-ewwel istanza. Il-fatt li miżura maħruġa fl-isem tal-istituzzjoni tkun iffirmata minn skrivan, segretarju legali jew uffiċjal ieħor tal-qorti debitament awtorizzati jagħmlu dan skont id-dritt nazzjonali, tipikament fi proċeduri sommarji, mhux ikkontestati jew ta’ talbiet żgħar, ma jixħetx dubju fuq il-klassifikazzjoni tal-istituzzjoni bħala “qorti”. Preċiżament min jiddeċiedi jew min jiffirma jista’ jkun rilevanti fid-determinazzjoni ta’ jekk il-miżura tikkostitwix “sentenza”, iżda din hija kwistjoni oħra.

92.      Għall-kuntrarju, fejn Stat Membru jagħżel li jiddelega esternament anki funzjoni ġudizzjarja, jiġifieri lil hinn mis-sistema tal-qrati, l-entità li lilha tkun ingħatat id-delega ma tikkwalifikax awtomatikament, bis-saħħa biss ta’ dik id-delega, bħala “qorti”.

93.      In-nuqqas li ma jingħatax kas ta’ din id-distinzjoni, fil-fehma tiegħi jmur kontra t-tifsira naturali tat-terminu “qorti” kif ukoll kontra l-istruttura tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament. Dan ikollu wkoll implikazzjonijiet xejn mixtieqa u mhux prattiċi.

94.      Madankollu, filwaqt li regoli standard huma l-aħjar soluzzjoni prattika sabiex tiġi ttrattata l-maġġoranza vasta ta’ każijiet (49), il-kwistjoni ma tistax tieqaf hawn. Jista’ dejjem ikun hemm sitwazzjonijiet mhux mistennija u eċċezzjonali. Barra minn dan, l-adozzjoni ta’ definizzjoni istituzzjonali purament nazzjonali ta’ “qorti” fl-aħħar mill-aħħar tkun ikkontrollata għalkollox mill-Istati Membri u mill-għażliet tagħhom ta’ strutturi ġudizzjarji. Dan iċaħħad l-oriġini Ewropea tal-kunċett (50). Fl-istess waqt, il-ħolqien, fuq livell tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kunċett indipendenti, kompletament awtonomu ta’ “qorti” ma huwiex xieraq, meqjus l-għan tiegħu. Għar-raġunijiet esposti fil-qosor iktar ’il fuq, dan ikun iġib miegħu wkoll għadd ta’ diffikultajiet prattiċi. Għalhekk, id-definizzjoni jeħtiġilha dimensjonijiet kemm nazzjonali kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jaqblu mal-ewwel u mat-tieni livelli tal-approċċ propost hawnhekk.

95.      Dwar dak li jirrigwarda t-tieni livell tal-approċċ issuġġerit, nista’ nqis (mill-inqas) żewġ sitwazzjonijiet li fihom id-definizzjoni istituzzjonali standard tista’ eċċezzjonalment tqanqal dubju u tagħti lok għal apprezzament iktar sfumat dwar jekk korp ikunx jew le qorti.

96.      L-ewwel nett, deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, li bħala prinċipju jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolament, jiġu ddelegati internament fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, iżda b’mod li joħloq tħassib kostituzzjonali serju u ovvju fi Stati Membri oħra. Wieħed jista’ jikkonċepixxi żewġ xenarji f’din il-kategorija: Stat Membru jista’ jipprova jindika bħala “qrati ordinarji” fis-sistema ġudizzjarja tiegħu istituzzjonijiet u/jew individwi li sempliċement ikunu, minkejja l-klassifikazzjoni formali tagħhom, inaċċettabbli bħala tali korpi għal Stati Membri oħra (51). Alternattivament, għal darb’oħra f’ċirkustanzi tassew eċċezzjonali, jista’ jkun konċepibbli li qrati ordinarji ta’ Stat Membru jħossu li ma jkunux qegħdin jiffunzjonaw sewwa b’mod li r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku jsir problematiku (52). F’kull wieħed minn dawn iż-żewġ xenarji evalwazzjoni tal-korpi rilevanti bbażata fuq definizzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni għandha tipprovdi korrezzjoni meħtieġa.

97.      It-tieni nett, attività li tista’ titqies bħala funzjoni ġudizzjarja tkun ġiet iddelegata esternament lil korp li mad-daqqa ta’ għajn ma jkunx jagħmel parti mis-sistema tal-qrati tal-Istat Membru. Wieħed jistenna li b’mod sinjifikattiv ikun iktar probabbli jinqala’ dan it-tieni xenarju milli l-ewwel wieħed. Tabilħaqq, jidher li dan kien li seħħ f’dan il-każ. Għal darb’oħra jista’ jkun possibbli li mmorru lura għal definizzjoni iktar sfumata ta’ “qorti”, li tkun ibbażata purament fuq id-dritt tal-Unjoni.

98.      X’għandha tkun din id-definizzjoni? Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, inqis li ma jkunx xieraq li nimportaw definizzjonijiet fl-intier tagħhom li kienu żviluppati f’kuntesti differenti ta’ strumenti oħra ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.

99.      Fl-istess waqt, kif diġà msemmi (punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ir-Regolament Nru 1215/2012 juża testwalment l-istess terminoloġija bħall-Artikolu 267 TFUE.

100. Hemm raġunijiet normattivi u prattiċi sabiex ma nerġgħux nivvintaw ir-rota, jiġifieri li noħolqu definizzjonijiet ġodda mill-ġdid. B’mod normattiv, il-koerenza fil-liġi hija element importanti ta’ prevedibbiltà u legalità. Kif ingħad iktar ’il fuq fil-punti 77 u 78, dan huwa qasam diġà kkaratterizzat minn livell għoli ta’ speċifiċiżmu definizzjonali. Bħala riżultat, il-mod ta’ azzjoni iktar rakkomandabbli jidher li huwa attentat gradwali sabiex l-istrumenti individwali jinġiebu flimkien, iktar milli noħorġu għal darb’oħra definizzjoni ġdida mill-kappell. Fi kliem prattiku, it-test tal-Artikolu 267 TFUE diġà jinkludi b’mod tajjeb il-karatteristiċi kwintessenzjali ta’ korp ta’ natura ġudizzjarja li jista’ jsir riferiment għalih bħala “qorti”.

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li f’każijiet bħal dan, fejn ikun hemm dubji dwar il-klassifikazzjoni istituzzjonali standard ta’ korp, din il-klassifikazzjoni tista’ terġa’ tiġi evalwata mill-ġdid abbażi tal-karatteristiċi użati sabiex jiġu identifikati “qrati” fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 267 TFUE. Dan ifisser li jiġi ddeterminat jekk il-korp nazzjonali inkwistjoni jaqsamx il-karatteristiċi individwali kollha elenkati f’dik id-definizzjoni, li huma: jekk il-korp ikunx stabbilit mil-liġi; jekk ikunx permanenti; jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu tkunx obbligatorja; jekk il-proċedura tiegħu tkunx inter partes, jiġifieri tkun proċedura ta’ natura ġudizzjarja kontenzjuża; jekk japplikax regoli tad-dritt u jekk ikunx indipendenti (53).

102. Madankollu, il-fatt li tiġi evitata għalkollox l-invenzjoni mill-ġdid tar-rota ma jeskludix il-modifika jew l-adattament tal-użu tagħha. L-adattament f’din il-kawża ma jikkonsistix f’liema kriterji għandhom jintużaw, iżda pjuttost f’kif dawn għandhom jiġu użati fil-kuntest partikolari tar-Regolament Nru 1215/2012.

103. L-adattament li nipproponi hawnhekk iqis l-għanijiet differenti tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari, minn naħa, u tar-regolament, min-naħa l-oħra. L-ewwel wieħed joħloq djalogu bejn l-imħallfin u jippromwovi l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni. It-tieni wieħed huwa strument għar-rikonoxximent reċiproku u għall-moviment liberu ta’ sentenzi, li jimplika għanijiet ta’ ħeffa, sempliċità u prevedibbiltà (54), iżda li jkun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka ta’ standards adegwati ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

104. Din id-differenza fl-għan għandha tabilħaqq tiġi riflessa f’approċċ differenti f’termini ta’ kif jiġu applikati l-istess kriterji. Fil-kuntest tal-ammissibbiltà ta’ deċiżjonijiet preliminari, il-prassi tista’ possibbilment tissejjaħ kemxejn nieqsa mis-severità: l-approċċ ta’ “jekk hemm dubju, hemm ammissibbiltà”. Deskrizzjonijiet preċedenti ta’ din il-flessibbiltà, iktar letterarji fihom infushom, semmew il-possibbiltà li tkun aċċettata anki talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Sancho Panza fil-kapaċità tiegħu ta’ gvernatur tal-gżira ta’ Barataria (55).

105. Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u l-għan differenti ħafna tar-Regolament, l-istess kriterju, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi applikat strettament. Tabilħaqq, il-fiduċja reċiproka teżiġi ċarezza u riassigurazzjonijiet li, fi kwistjonijiet dubjużi, l-atti tal-korp Stat Membru qiegħed jintalab jeżegwixxi joffru garanziji suffiċjenti f’termini ta’ indipendenza, imparzjalità, proċedura kontenzjuża inter partes u tar-rispett ġenerali għad-drittijiet tad-difiża. Il-fatturi elenkati iktar ’il fuq (punt 101) ma għandhomx, għalhekk, jiġu ttrattati bħala fakultattivi jew bħala elementi iktar jew inqas importanti ta’ evalwazzjoni globali. Minflok, nipproponi li għandhom jinqraw bħala checklist.

106. Fi kliem ieħor, fil-kuntest speċifiku tar-Regolament Nru 1215/2012, l-approċċ fit-tieni livell tal-evalwazzjoni funzjonali potenzjali tan-natura ta’ korp nazzjonali għandu jkun strett: il-kriterji kollha għandhom jiġu ssodisfatti, mingħajr il-possibbiltà ta’ kumpens jew ta’ evalwazzjoni globali (56).

107. Fil-qosor, sabiex nikkonkludi bil-metafora kiżotteska msemmija iktar ’il fuq: wieħed jista jġebbed id-definizzjoni ta’ qorti skont l-Artikolu 267 TFUE u jaċċetta domanda mingħand Sancho Panza, sottomessa fil-kapaċità tiegħu ta’ gvernatur tal-gżira ta’ Barataria. Wara kollox, risposti għal domandi għall-promozzjoni tal-unità u ċ-ċarezza tal-liġi għandhom ġeneralment jitqiesu b’mod pożittiv. Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija mill-gvernatur Sancho Panza kontra individwi fi gżejjer differenti hija tassew storja differenti.

–       Applikazzjoni għal din il-kawża

108. F’din il-kawża u abbażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, in-nutara Kroati ma jidhirx li jissodisfaw id-definizzjoni istituzzjonali standard ta’ “qorti”.

109. Dawn jistgħu, madankollu, jiġu kkwalifikati bħala “qrati” skont it-tieni livell tal-approċċ propost, jiġifieri, bl-applikazzjoni taċ-“checklist tal-Artikolu 267”?

110. Diversi minn dawn il-fatturi huma bla dubju ssodisfatti f’din il-kawża, kif issuġġerit l-iktar mill-Gvern Kroat. Jekk dan huwiex il-każ jew le hija fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi.

111. Madankollu, fil-fehma tiegħi, hekk kif il-Kummissjoni osservat, u kif kien elaborat ulterjorment fis-seduta, il-proċedura quddiem in-nutara Kroati deskritta fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti l-impressjoni qawwija li ma hijiex inter partes. Tabilħaqq, dan jidher li huwa l-każ mid-definizzjoni nfisha, minħabba li l-ġurisdizzjoni fuq kull tilwima attwali għandha tiġi ttrasferita lill-qorti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 282(3) tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni.

112. F’każijiet ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “qorti” skont l-Artikolu 267 TFUE, in-natura inter partes tal-proċedura ma hijiex kundizzjoni sine qua non. Madankollu, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, inqis li għandha tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni meħtieġa għad-definizzjoni ta’ “qorti” skont it-tifsira tar-regolament.

113. Anki jekk proċedura tista’ ssir inter partes (anki b’mod faċli) billi tiġi ttrasferita lil korp differenti, dan fil-fehma tiegħi ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex il-korp li jagħmel it-trasferiment jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala “qorti” skont it-tifsira tar-Regolament. Ir-raġuni hija sempliċi: il-parti kontenzjuża, inter partes attwali tal-proċedura ta’ natura ġudizzjarja sseħħ quddiem il-qorti, iżda mhux quddiem in-nutar.

iii) Il-konklużjoni għat-tieni domanda

114. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej: sabiex tikkwalifika bħala “qorti” skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1215/2012 entità għandha tkun korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru u tkun tagħmel parti mis-sistema ġudizzjarja tiegħu. Madankollu, f’każijiet ta’ dubju, tali entità tista’, xorta waħda, taqa’ fid-definizzjoni ta’ “qorti” meta hija tissodisfa l-kriterji li ġejjin (i) tkun stabbilita mil-liġi, (ii) tkun permanenti, (iii) il-ġurisdizzjoni tagħha tkun obbligatorja, (iv) il-proċedura tagħha tkun inter partes, (v) tapplika regoli tad-dritt u (vi) tkun indipendenti.

V –    Konklużjoni

115. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lilha mill-Općinski sud u Puli-Pola (qorti muniċipali ta’ Pula, il-Kroazja) kif ġej:

L-ewwel domanda

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża fejn jiġi konkluż kuntratt għall-użu ta’ spazju għall-ipparkjar bejn, minn naħa, individwu privat u, min-naħa l-oħra, entità proprjetà ta’ awtorità pubblika, jekk din tal-aħħar ma tkunx qiegħda teżerċita s-setgħat pubbliċi tagħha.

It-tieni domanda

Sabiex tikkwalifika bħala “qorti” skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1215/2012 entità għandha tkun korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru u tkun tagħmel parti mis-sistema ġudizzjarja tiegħu. Madankollu f’każijiet ta’ dubju, tali entità tista’, xorta waħda, taqa’ fid-definizzjoni ta’ “qorti” meta hija tissodisfa l-kriterji li ġejjin (i) tkun stabbilita mil-liġi, (ii) tkun permanenti, (iii) il-ġurisdizzjoni tagħha tkun obbligatorja, (iv) il-proċedura tagħha tkun inter partes, (v) tapplika regoli tad-dritt u (vi) tkun indipendenti.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU L 351, p. 1).


3 – “Narodne novine” (Ġurnal Uffiċjali) Nru 112/12, 25/13, 93/14.


4 – Službene novine Grada Pule (Bullettin Uffiċjali tal-Belt ta’ Pula Nru 21/09).


5 – Službene novine Grada Pule (Bullettin Uffiċjali tal-Belt ta’ Pula Nru 03/15).


6 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 24); ara wkoll is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina (C–65/81, EU:C:1982:6, punt 7) u tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 29).


7 – Bl-enfasi titqiegħed tabilħaqq fuq id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, mhux neċessarjament tal-qorti tal-appell. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa għall-qorti tar-rinviju li tislet konklużjonijiet minn deċiżjoni potenzjali ta’ appell kontra t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari – ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C–210/06, EU:C:2008:723, b’mod partikolari l-punti 93 u 97).


8 – Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012 L 112, p. 21).


9 – Sakemm ma kienx previst limitu ieħor fl-Att ta’ Adeżjoni jew fl-Annessi tiegħu. Ebda tali eċċezzjonijiet ma huma applikabbli f’dan il-każ.


10 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemec (C–256/15, EU:C:2016:619, punti 25 sa 44).


11 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1979, Sanicentral vs René Collin (C–25/79, EU:C:1979:255, punt 6). Il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) u tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978, L 304, p. 36), il-predeċessuri tar-Regolament Nru 1215/2012, tapplika ugwalment għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet rilevanti “jistgħu jiġu ttrattati bħala ekwivalenti”. Il-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità tal-interpretazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, barra minn dan, tissemma mill-ġdid fil-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 31) u l-ġurisprudenza ċċitata.


12 – Il-kawża Collin kienet tirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Brussell, iżda l-ġurisprudenza hija trasponibbli. L-Artikolu 54 ta’ din il-konvenzjoni ppreveda wkoll espliċitament l-applikazzjoni tagħha għal proċeduri istitwiti wara d-dħul fis-seħħ tagħha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq). Ara, iktar reċentement, speċifikament b’rabta mal-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1215/2012 u mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:397, punt 24 et seq).


13 – B’analoġija usa’, kien adottat l-istess approċċ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni wara l-adeżjoni ta’ dazji (amministrattivi) imposti qabel l-adeżjoni – ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11).


14 – Digriet tal-5 ta’ Novembru 2014, C‑254/14, EU:C:2014:2354.


15 – Sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Jista’ jkollha effett fuq il-bażi speċifika għal ġurisdizzjoni fir-Regolament (l-Artikolu 7 jirrigwarda l-kuntratti għal servizzi u l-Artikolu 24 jirrigwarda l-kirjiet ta’ proprjetà immobbli), madankollu, dan ma jaffettwax l-analiżi esposta iktar ’il quddiem.


18 – Ara l-premessa 10 tar-Regolament.


19 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 27).


20 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 15 et seq.


21 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C–167/00, EU:C:2002:555, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 30).


23 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C–302/13, EU:C:2014:2319, punt 37).


24 – Ara, reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015 Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ara l-Anness III tal-Att ta’ Adeżjoni.


26 – Għandu jitfakkar li xejn ma jżomm lil Stat Membru milli jfittex li jittrasforma tali intenzjonijiet f’leġiżlazzjoni vinkolanti, permezz tal-proċeduri leġiżlattivi normali fil-livell tal-Unjoni.


27 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et al. (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 26 et seq).


28 – It-terminu “judgment” fl-Ingliż (u fil-Kroat “sudska odluka”) fih innifsu jimplika t-tip ta’ entità li għandha tadotta l-att. Ir-rekwiżit l-ieħor fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament, li sentenzi għandhom jingħataw minn qrati “ta’ Stat Membru”, ma hemmx kwistjoni dwaru f’din il-kawża.


29 – Il-verżjoni Ingliża tar-Regolament tuża kemm it-terminu “court” kif ukoll “court or tribunal” b’mod interkambjabbli. Ser nagħmel l-istess f’dawn il-konklużjonijiet. Verżjonijiet f’lingwi oħra huma iktar konsistenti u jużaw terminu wieħed biss.


30 – Sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C–414/92, EU:C:1994:221, punt 17) u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C–39/02, EU:C:2004:615, punt 45).


31 – Il-kunċett ta’ “sentenza” ma jkoprix ċerti atti adottati minn “uffiċjal tal-qorti”. Tali uffiċjali jistgħu, għalhekk, jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-“qorti” (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunu 1994, Solo Kleinmotoren (C–414/92, EU:C:1994:221, punti 16 u 17). Madankollu, f’din il-kawża, il-ħruġ ta’ mandati ta’ eżekuzzjoni kien iddelegat esternament, lin-nutara, jiġifieri, lil hinn mill-istrutturi istituzzjonali tal-qrati, u mhux internament, fl-istruttura ta’ qorti.


32 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C–32/14, EU:C:2015:637 fil-punt 47).


33 – Ara l-premessa 20 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, p. 107).


34 – L-istorja leġiżlattiva ddokumentata ma tispjegax għaliex iddaħħal l-Artikolu 3.


35 – Li, min-natura tagħhom stess, għandhom it-tendenza li jitqiesu bħala parti mill-eżekuttiv b’kuntrast mal-ġudizzjarju. F’leġiżlazzjoni parallela isir riferiment għalihom bħala “awtoritajiet amministrattivi” (ara iktar ’il quddiem, nota ta’ qiegħ il-paġna 41).


36 –      Ninnota wkoll li n-nutara Ungeriżi ma humiex inklużi fl-ekwivalenti Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38). Ara wkoll a contrario n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq dwar il-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012.


37 – Ara, pereżempju, ir-Regolament Nru 805/2004 (Titolu Eżekuttiv Ewropew); ir-Regolament Nru 650/2012 (suċċessjoni); il-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 339, p. 3); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243); ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, p. 1); ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (ĠU L 181, p. 4) u r-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, p. 1).


38 – Pereżempju, it-terminu “qorti” jista’ jiġi ddefinit f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament bħal fl-Artikoli 2(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri għandhom xi obbligi x’jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar awtoritajiet (mhux ġudizzjarji) li jkunu jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “qorti” (Regolament Nru 650/2012, Artikolu 79; Regolament Nru 2201/2003, Artikolu 68). Approċċ ieħor jinvolvi deferenza diretta għal definizzjonijiet ta’ Stat Membru (jiġifieri, il-qrati huma l-awtoritajiet indikati bħala qrati minn kull ġurisdizzjoni). Dan huwa l-każ tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, li għalih sar riferiment dirett mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Svizzeru.


39 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 606/2013, li jiddefinixxi lill-“awtorit[ajiet] emittenti” bħala “awtorit[ajiet] ġudizzjarj[i]” u ċerti awtoritajiet oħra li jadottaw miżuri “suġġetti għal reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja u għandhom forza u effetti ekwivalenti għal dawk ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja fl-istess materja”.


40 – Ir-Regolament Nru 861/2007 anzi jadotta approċċ ieħor. Dan ir-regolament ma jinkludix definizzjoni tat-terminu bażiku “qorti” iżda jindika fil-premessi li, pereżempju, dan għandu jinkludi mħallef ikkwalifikat wieħed, u għandu jirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju ta’ kontradittorju (premessi 9 u 27).


41 – Kif jixhed l-Artikolu 3 tiegħu. Ara wkoll ir-Regolament Nru 805/2004. Ir-Regolament Nru 4/2009 ma jagħtix definizzjoni ta’ “qorti” iżda jgħid li “qrati” tinkludi l-“awtoritajiet amministrattivi”, - li huma elenkati fl-Anness X (din il-lista tinkludi l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni Svediża).


42 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 47 u 48), fejn id-definizzjoni żviluppata fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE kienet importata għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja.


43 – Għalkemm il-kwistjoni ma tqumx f’din il-kawża, tali definizzjoni ma għandhiex bħala prinċipju teskludi qrati komuni għal diversi Stati Membri bħall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (ara l-premessa 11 tar-Regolament).


44 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 17) u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 45). F’dawn il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja tuża t-terminu “korp ġudizzjarju” mid-dehra bħala sinonimu għat-terminu qorti.


45 – Sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C–394/07, EU:C:2009:219).


46 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C–39/02, EU:C:2004:615).


47 – Sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (C–125/79, EU:C:1980:130).


48 – Dan ċertament ma jantiċipax il-kwalifika tal-att rilevanti bħala “sentenza”.


49 – Ikkorroborat mill-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussell iktar minn 40 sena ilu, it-tifsira speċifika ta’ “qorti” f’dan il-kuntest qatt ma kienet indirizzata fid-dettall minn din il-qorti.


50 – Indikazzjoni li dan ma kienx tabilħaqq intenzjonat fil-każ tar-Regolament 1215/2012 huwa l-fatt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni għar-Regolament kienet tinkludi definizzjoni ta’ “qorti” bħala “kull awtorità indikata minn Stat Membru” [Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, COM/2010/0748 finali – COD 2010/0383, Artikolu 2(c)]. Din id-definizzjoni, madankollu, ma nżammitx.


51 – Jista’ jingħata għadd ta’ eżempji manifestament assurdi bħala turija ta’ din il-kategorija. Dak li huwa, madankollu, forsi iktar importanti huwa li jiġi enfasizzat l-għan ta’ definizzjoni awtonoma tal-Unjoni f’każijiet bħal dawn, li jista’ ma jkunx primarjament fl-interess tal-Unjoni, iżda fuq kollox fl-interess tal-Istati Membri l-oħra.


52 – Ara, bħala analoġija usa’, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 98 et seq.).


53 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23), reċentement ikkonfermata b’sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C–396/14, EU:C:2016:347, punt 23).


54 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 26).


55 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:366, punt 14).


56 – Ċertament bil-qrati nazzjonali jkunu ħielsa (u xi drabi obbligati) jikkonsultaw lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE f’każijiet dubjużi.